21.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/108


P8_TA(2019)0215

Reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem (2019/2580(RSP))

(2021/C 23/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li talbu għal mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni (1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fl-ambitu tal-Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu li talbu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tad-19 ta' Jannar 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (3), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-Burundi (4), tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (5), tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (6), tat-18 ta' Jannar 2018 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (7), tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni (8), tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (9), tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena (10), tat-30 ta' Novembru 2017 (11) u tal-4 ta' Ottubru 2018 (12) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) (13), tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (14), tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (15), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (16), tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo (17), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (18), tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (19) u tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev (20),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill, tat-2 ta' April 2014, dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky (21);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh' (25),

wara li kkunsidra t-Titolu V, Kapitolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), rigward l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK),

wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kemm fil-konfront ta' pajjiżi terzi kif ukoll fil-konfront ta' individwi, gruppi u entitajiet mhux statali,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 25 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' proċess ġust ta' individwi jew entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi tal-UE jew minn miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni fl-okkażjoni tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President Jean-Claude Juncker fit-12 ta' Settembru 2018 li fiha jipproponi li l-Istati Membri jagħmlu użu mir-regoli eżistenti tal-UE biex jimxu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma tal-PESK tal-UE, bħar-rispons kollettiv għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet effikaċi,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2018 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta' Jannar 2019 intitolata “Sergei Magnitsky and beyond – fighting impunity by targeted sanctions” (Sergei Magnitsky u każijiet simili – il-ġlieda kontra l-impunità permezz ta' sanzjonijiet immirati),

wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' April 2018 intitolat “Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level” (Sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – l-impatt, ix-xejriet u l-prospetti fil-livell tal-UE),

wara li kkunsidra l-proposta tal-14 ta' Novembru 2018 għal Kummissjoni Ewropea għall-Projbizzjoni fuq id-Dħul minħabba Ksur tad-Drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-laqgħa tal-20 ta' Novembru 2018 fin-Netherlands dwar ir-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Artikolu 21 tat-TUE jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu ggwidati mid-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

B.

billi l-UE hija impenjata għall-implimentazzjoni sistematika ta' sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, u fl-istess waqt timponi sanzjonijiet awtonomi fl-assenza ta' mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'każijiet fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma jkollux is-setgħa li jieħu azzjoni jew ikun imċaħħad milli jagħmel dan minħabba nuqqas ta' ftehim fost il-membri tiegħu;

C.

billi matul dawn l-aħħar għoxrin sena s-sanzjonijiet tal-UE (magħrufa wkoll bħala miżuri restrittivi) saru parti integrali mis-sett ta' għodod tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin, b'aktar minn 40 miżura restrittiva differenti attwalment fis-seħħ fil-konfront ta' 34 pajjiż; billi huwa stmat li żewġ terzi tas-sanzjonijiet tal-UE speċifiċi għall-pajjiż ġew imposti b'appoġġ għal għanijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

D.

billi s-sanzjonijiet immirati b'mod personali huma mfassla biex jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għal dawk li mhumiex responsabbli għall-politiki jew l-azzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħhom, b'mod partikolari fuq il-popolazzjonijiet ċivili lokali u fuq attivitajiet leġittimi fil-pajjiż ikkonċernat jew mal-pajjiż ikkonċernat; billi dawn jolqtu b'mod dirett lill-persuni responsabbli għall-ksur, u jservu ta' deterrent;

E.

billi s-sanzjonijiet kollha adottati mill-UE huma konformi għalkollox mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, inklużi dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi s-sanzjonijiet għandhom jiġu rieżaminati b'mod regolari bl-għan li jiġi żgurat li qed jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom;

F.

billi, minbarra s-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom l-għan li jwasslu għal bidliet fl-imġiba tal-Istati, l-UE reċentement introduċiet miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi u l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu;

G.

billi s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE jolqtu kemm l-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali, bħalma huma t-terroristi u l-gruppi terroristiċi;

H.

billi f'dawn l-aħħar xhur kien hemm bosta każijiet ta' ksur tas-sanzjonijiet tal-Unjoni min-naħa ta' kumpaniji tal-UE jew saħansitra ta' Stati Membri tal-UE; billi dawn l-eżempji jispjegaw l-bżonn li jiġu ċċarati ulterjorment il-kamp ta' applikazzjoni u l-portata tas-sanzjonijiet attwalment fis-seħħ, kif ukoll jiġi ċċarat sa liema punt il-pajjiżi u l-kumpaniji huma responsabbli milli jiżguraw li l-użu finali jew id-destinazzjoni tal-prodotti u tas-servizz tagħhom ma jkunux sottoposti għal sanzjonijiet;

I.

billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE huma responsabbli mill-infurzar tas-sanzjonijiet, filwaqt li tali miżuri huma deċiżi f'livell Ewropew;

J.

billi fl-2016 il-Kungress tal-Istati Uniti adotta il-Global Magnitsky Act, b'segwitu għas-Sergei Magnitsky Rule of Law Accountability Act tal-2012, li kien maħsub biex jissanzjona lill-persuni responsabbli mill-mewt ta' Sergej Magnitsky meta kien taħt arrest preventiv f'ħabs Russu qabel is-smigħ tal-kawża, wara li bata kundizzjonijiet diżumani, negliġenza deliberata u tortura;

K.

billi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti adottaw liġijiet fil-materja ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-liġijiet tat-tip Magnitsky; billi l-Parlament f'diversi okkażjonijiet talab li jitwaqqaf reġim globali simili ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jkun jiżgura l-konsistenza u l-effikaċja tal-iffriżar tal-assi, tal-projbizzjonijiet ta' viża u ta' sanzjonijiet oħrajn imposti fuq il-persuni u l-entitajiet tal-Istati Membri u f'livell tal-UE;

L.

billi l-Gvern Netherlandiż ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar l-opportunità politika ta' reġim ta' sanzjonijiet immirati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi għadhom għaddejjin diskussjonijiet preliminari fil-livell tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill;

1.

Jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi malajr reġim ta' sanzjonijiet awtonomu, flessibbli u reattiv fil-livell tal-UE, li jkun jippermetti li jiġu mmirati dawk il-persuni, l-atturi statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fih;

2.

Jenfasizza li reġim ta' sanzjonijiet tal-UE għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiżviluppa ulterjorment il-proposti għal riżoluzzjonijiet preċedenti, li fihom intalab mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati; huwa tal-fehma li reġim ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dirett lejn il-persuni involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe parti tad-dinja għandu simbolikament iġib l-isem ta' Sergei Magnitsky; jilqa' pożittivament il-fatt li f'diversi pajjiżi ġiet attwata leġiżlazzjoni simili kontra dawk responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bnidem fid-dinja kollha; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni trans-Atlantika biex dawk responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-Istati l-oħra jiżviluppaw strumenti simili;

3.

Jemmen bis-sħiħ li reġim bħal dan huwa parti essenzjali mis-sett ta' għodod eżistenti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija, u jkun isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-ġlieda tagħha kontra l-impunità u fl-appoġġ tagħha lill-vittmi ta' abbużi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

4.

Jisħaq fuq il-punt li dan ir-reġim għandu jippermetti l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE, fil-konfront ta' kwalunkwe persuna jew entità responsabbli mill-ippjanar, mit-tmexxija jew mit-twettiq ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew abbużi u atti ta' korruzzjoni sistemika marbuta ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew li kienet involuta f'dawn l-atti, tat assistenza, iffinanzjathom jew tat kontribut fihom; jenfasizza l-bżonn li tiġi definita b'mod ċar il-portata tal-ksur kif ukoll li jiġu stabbiliti mezzi legali xierqa li permezz tagħhom ikun jista' jiġi kkontestat it-tniżżil f'lista;

5.

Huwa konvint mill-effett pożittiv li dan ir-reġim il-ġdid se jkollu fuq l-imġiba tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll mill-effett ta' deterrent tiegħu; jenfasizza, għal dan l-għan, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jinterpretaw, jispjegaw u jinfurzaw l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet bl-istess mod konsistenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jiżviluppaw mekkaniżmu Ewropew ta' sorveljanza u infurzar;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-President tal-Kummissjoni biex imorru lil hinn mill-unanimità fil-proċess deċiżjonali tal-Kunsill fl-oqsma tal-PESK, u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta dan l-istrument ta' sanzjonijiet il-ġdid b'tali mod li l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tkun x'aktarx tista' tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill;

7.

Jappoġġa d-diskussjonijiet preliminari fil-livell tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' tali strument ta' sanzjonijiet; iħeġġeġ lir-RGħ u lis-servizzi tagħha jadottaw approċċ kostruttiv u proattiv biex dawn id-diskussjonijiet jaslu għal konklużjoni pożittiva qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura u jistenna li tirrapporta lura lill-Parlament; jenfasizza l-importanza tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fuq dan ir-reġim futur, b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjoni tal-kriterji għat-tniżżil fil-listi, kif ukoll il-possibbiltajiet għal rimedju ġudizzjarju;

8.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom, il-kumpaniji u l-atturi reġistrati fit-territorji tagħhom jikkonformaw b'mod sħiħ mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi fil-konfront ta' persuni u entitajiet, u, b'mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-persuni mniżżlin fil-listi u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorji rispettivi tagħhom bħala konsegwenza ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar rapporti reċenti ta' ksur ta' dawn id-deċiżjonijiet u jfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom, skont id-dritt internazzjonali, li jiżguraw l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' dawk preżenti fit-territorju tagħhom li jkunu suspettati li wettqu reati li jinvolvu atroċitajiet;

9.

Jissottolinja li kooperazzjoni akbar u kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet, kif ukoll mekkaniżmu Ewropew ta' infurzar, huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ jiġu infurzati u interpretati b'mod uniformi u li l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu joperaw f'kundizzjonijiet ekwi;

10.

Jinsisti fuq l-importanza tal-konsistenza u l-komplementarjetà tar-reġim ta' sanzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-politiki eżistenti tal-UE u mal-miżuri restrittivi orizzontali u speċifiċi għall-pajjiż fis-seħħ; jinsisti, f'dan ir-rigward, li r-reġim il-ġdid ma għandux jissostitwixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri attwali speċifiċi għall-pajjiż; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe reġim futur jeħtieġ li jkun totalment komplementari u konsistenti mal-qafas internazzjonali eżistenti fil-qasam tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

11.

Jissottolinja li l-kredibbiltà u l-leġittimità ta' dan ir-reġim jiddependu mill-konformità sħiħa tiegħu mal-ogħla standards possibbli f'termini ta' protezzjoni u rispett tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati; jinsisti, f'dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet li persuni jew entitajiet jitniżżlu fil-listi, jew li jitħassru minnhom, ikunu bbażati fuq kriterji ċari, trasparenti u distinti u jkunu marbuta direttament mar-reat kommess, bil-għan li jiġu garantiti stħarriġ ġudizzjarju bir-reqqa u d-drittijiet għal rimedju; jitlob l-inklużjoni sistematika ta' parametri referenzjarji ċari u speċifiċi u ta' metodoloġija għat-tneħħija tas-sanzjonijiet u għat-tneħħija mil-lista;

12.

Jisħaq fuq il-punt li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet minn ġurisdizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv ewlieni tal-isforzi mwettqa mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità; itenni l-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kunsill jinkludi l-ksur transfruntier fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-reġim; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni multilaterali koordinata biex tiġi evitata l-evażjoni tas-sanzjonijiet;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u għall-monitoraġġ ta' dan ir-reġim ladarba dan ikun fis-seħħ, kif ukoll tagħti attenzjoni partikolari lill-komunikazzjoni pubblika dwar il-listi, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;

14.

Jagħti ġieħ lill-isforzi bla heda tal-attivisti tas-soċjetà ċivili favur tali reġim; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' kumitat konsultattiv fil-livell tal-UE;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 81.

(2)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 52.

(3)  ĠU C 242, 10.7.2018, p. 10.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2018)0305.

(5)  ĠU C 307, 30.8.2018, p. 92.

(6)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 97.

(7)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 52.

(8)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 102.

(9)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 90.

(10)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 86.

(11)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2018)0383.

(13)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 76.

(14)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 91.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2018)0090.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2018)0345.

(18)  Testi adottati, P8_TA(2018)0435.

(19)  Testi adottati, P8_TA(2018)0434.

(20)  Testi adottati, P8_TA(2019)0115.

(21)  ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.

(22)  Testi adottati, P8_TA(2018)0515.

(23)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.

(24)  Testi adottati, P8_TA(2019)0157.

(25)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 77.