21.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/92


P8_TA(2019)0205

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala (2019/2618(RSP))

(2021/C 23/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-Gwatemala (1), tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra (2), u tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-Gwatemala, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (3),

wara li kkunsidra ż-żjara tas-sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Messiku u fil-Gwatemala ta' Frar 2016 u r-rapport finali tiegħu relattiv,

wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali dwar iż-żjara tagħha fil-Gwatemala u fil-Honduras mis-16 sal-20 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra ż-żjara fil-Gwatemala tad-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali bejn it-28 ta' Ottubru u l-1 ta' Novembru 2018,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (4),

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Gwatemala, u l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-paċi u għas-sigurtà,

wara li kkunsidra l-programmi ta' appoġġ tal-Unjoni Ewropea għas-settur tal-ġustizzja fil-Gwatemala, b'mod partikolari s-SEJUST,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jagħtu impenn li jkun attiv fil-qasam tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Annwali 2018 tal-UE favur il-Gwatemala għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv fiż-żona mal-fruntiera tal-Gwatemala u tal-Belize (Guatemalan adjacency zone) u l-viċinanza tagħha u għall-appoġġ għall-mandat estiż tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG),

wara li kkunsidra l-iffirmar ta' ftehim ta' konsultazzjoni bejn is-CICIG u l-Qorti Suprema tal-Gwatemala f'Awwissu 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-2 ta' Settembru 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Gwatemala li ma jġeddidx il-mandat CIGIC,

wara li kkunsidra l-ittra konġunta mill-President tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, il-kumpens u l-garanziji tan-nonrikorrenza, lill-President tal-Gwatemala, tas-6 ta' April 2018,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Settembru 2018 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Gwatemala li ma jestendix il-mandat tas-CICIG,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2019 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar il-Liġi tal-Gwatemala dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-aktar rapport riċenti tal-Human Rights Watch dwar il-Gwatemala,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Gwatemala,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, minħabba l-kollaborazzjoni fil-parti l-kbira bejn l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Gwatemala u l-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG), appoġġata min-NU, li ġiet stabbilita fl-2007 biex tinvestiga l-kriminalità organizzata u ssaħħaħ l-isforzi lokali biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, il-Gwatemala kienet kompliet tagħmel xi progress fil-prosekuzzjoni tal-każijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korruzzjoni;

B.

billi n-numru ta' qtil u ta' attakki kontra d-difensuri, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet li jaħdmu fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali żdied fil-Gwatemala matul dawn l-aħħar ftit snin; billi fl-2018 l-għadd globali ta' attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-popli indiġeni, b'mod partikolari l-attakki kontra dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-art u territorjali, kien ta' 391, skont rapport mill-Unità għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Gwatemala (UDEFGUA), inklużi 147 każ ta' kriminalizzazzjoni u 26 każ ta' omiċidju, żieda ta' 136 % fuq l-2017;

C.

billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw ukoll theddid, intimidazzjoni, stigmatizzazzjoni, kampanji ta' malafama minn atturi privati u mill-awtoritajiet tal-Gwatemala, u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-użu ħażin ta' proċeduri kriminali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jipprevjenu jew jissanzjonaw ix-xogħol tagħhom jibqa' kwistjoni ta' tħassib;

D.

billi l-għadd ta' attakki kontra l-ġurnalisti huwa wkoll inkwetanti ħafna, b'93 attakk, inklużi erba' każijiet ta' qtil, irreġistrati fl-2017; billi minħabba l-konċentrazzjoni kontinwa tas-sjieda tal-midja f'idejn ftit kumpaniji, l-istabbilimenti tal-midja indipendenti u l-ġurnalisti għadhom qed ikunu soġġetti għal attakki u theddid;

E.

billi l-vjolenza kontra n-nisa għadha problema gravi fil-Gwatemala, kif jidher mill-fatt li l-imwiet vjolenti tan-nisa żdiedu bi 8 % għal 662 każ; billi fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa 2017, 41 tifla mietu, meta ġew maqfula wara protesta kontra abbużi min-naħa tal-gwardjani, meta kien hemm xi nirien f'dar għall-minorenni mmexxija mill-istat; billi r-rata ta' impunità għad-delitti fil-Gwatemala hija ta' 97 %;

F.

billi, mill-2007, is-CICIG kienet qed tiġġieled kontra l-korruzzjoni u l-impunità fuq stedina tal-Gvern tal-Gwatemala u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż, sabiex tidentifika u tgħin biex jiżżarmaw l-istituzzjonijiet parastatali, u kkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tas-sigurtà tal-pajjiż;

G.

billi wara erba' estensjonijiet ta' mandati suċċessivi ta' sentejn tas-CICIG, il-Gvern tal-Gwatemala talab lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li l-mandat tagħha jerġa' jiġġedded għal darb'oħra sa Settembru 2019, biex b'hekk tissaħħaħ aktar il-governanza permezz tal-investigazzjonijiet u l-appoġġ b'impatt għoli tas-CICIG favur l-istat tad-dritt fil-Gwatemala, u jiġu kkonsolidati l-kisbiet tagħha fit-tnaqqis sinifikanti tal-korruzzjoni u tiġi sfidata l-impunità ta' attivitajiet mhux statali b'rabtiet mal-Istat (CIACS);

H.

billi f'April 2018, is-CICIG u l-Ministeru Pubbliku ppreżentaw ir-riżultati ta' investigazzjonijiet ġodda dwar il-finanzjament illegali tal-partit fil-gvern, l-FCN, matul il-kampanja elettorali tiegħu; billi f'Lulju 2018, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja ppjanat investigazzjoni fl-attivitajiet tal-President Jimmy Morales fir-rigward tal-finanzjament illegali tal-kampanja elettorali tiegħu;

I.

billi fl-aħħar ta' Awwissu 2018, il-Gvern tal-Gwatemala ħabbar il-kanċellazzjoni tal-mandat tas-CICIG sa minn Settembru 2019; billi ftit wara, il-gvern ipprojbixxa wkoll ir-ritorn lejn il-pajjiż tad-direttur tas-CICIG Iván Velásquez u sussegwentement ikkanċella l-viżi għal 11-il impjegat tas-CICIG li kienu qed jinvestigaw każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; billi f'Jannar 2019, il-gvern unilateralment ħassar il-ftehim man-NU dwar is-CICIG b'effett immedjat u talab li s-CICIG titlaq mill-pajjiż; billi Iván Velásquez qed jiffaċċja wkoll akkużi u huwa s-suġġett ta' kampanji kontinwi ta' tfigħ ta' tajn;

J.

billi dawn il-miżuri ġew ikkontestati u annullati mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Gwatemala; billi l-Qorti Kostituzzjonali ordnat, b'vot unanimu, li l-gvern kellu jippermetti lil Iván Velásquez jidħol fil-pajjiż; billi dawn id-deċiżjonijiet ġew injorati mill-gvern; billi l-Kungress ħejja azzjoni kontra l-Qorti Kostituzzjonali u l-membri tagħha, u dan ta lok għal kunflitt sfaċċat mal-istat tad-dritt;

K.

billi l-Abbozz ta' Riforma 5377 li jemenda l-Liġi dwar ir-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, li għadda mill-Kungress fit-tieni qari minn tlieta, fil-bidu ta' Marzu 2019, jestendi amnestija għad-delitti kollha mwettqa mill-forzi tas-sigurtà domestika u individwi li jaġixxu f'isem il-gvern, inklużi delitti kontra l-umanità, bħalma huma t-tortura, l-għajbien furzat u l-ġenoċidju; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-abbozz ta' liġi u appellaw biex il-liġi eżistenti ma tiġix emendata;

L.

billi skont l-IACHR, l-Abbozz ta' Riforma 5377 jonqos milli jikkonforma mal-impenji internazzjonali tal-Gwatemala, allegatament jikser id-dritt internazzjonali, u jikser l-Artikolu 171(g) tal-Kostituzzjoni tal-Gwatemala, billi l-persuni kollha fil-ħabs li kienu nstabu ħatja ta' delitti politiċi u ta' delitti kontra l-umanità li twettqu matul il-kunflitt armat, u li ġew ikkundannati għalihom, jinħelsu fi ftit sigħat;

M.

billi l-persuni fil-Gwatemala qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' livell estremament għoli ta' nuqqas ta' sigurtà, u billi l-Pulizija Ċivili Nazzjonali (PNC) f'dawn l-aħħar snin iddgħajfet serjament; billi kien hemm allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u theddid kontra maġistrati, imħallfin, prosekuturi u atturi ġudizzjarji li kkooperaw mas-CICIG;

N.

billi l-aċċess għall-ġustizzja, il-kundizzjonijiet tal-ħabs, il-kondotta tal-pulizija u l-allegazzjonijiet ta' tortura, kwistjonijiet aggravati minn korruzzjoni mifruxa, kollużjoni u impunità, jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju;

O.

billi tal-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Gwatemala, li l-baġit tiegħu tnaqqas, il-Ministeru Pubbliku, u l-Ġudikatura ħadu passi importanti kontra l-impunità u favur ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem; billi hemm tentattivi ċari mill-awtoritajiet tal-Gwatemala biex jagħmlu ħsara lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-istat tad-dritt;

P.

billi skont l-UDEFEGUA, il-vittmi tal-attakki “kienu fil-parti l-kbira tagħhom mexxejja indiġeni li jiddefendu d-dritt għall-art u għat-territorju”; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU esprima tħassib dwar id-drittijiet indiġeni wara lmenti dwar proġetti tal-enerġija idroelettrika, tal-estrazzjoni mill-minjieri u agroindustrijali, li l-liċenzji u l-operazzjonijiet tagħhom ikkawżaw il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddikjara wkoll li huwa inkwetanti li l-protesti paċifiċi mill-komunitajiet qed jiġu trattati mill-istat u mill-partijiet terzi involuti bħala sitwazzjonijiet ta' kunflitt kriminali li jaffettwaw is-sikurezza pubblika; billi Aura Lolita Chávez, id-difensur ambjentali indiġenu mill-Gwatemala u l-finalista tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew tal-2017, telqet minn pajjiżha wara attakki serji, theddid ta' qtil u malafama, u qed taffaċċja diversi proċessi ġudizzjarji li kieku kellha tirritorna;

Q.

billi fid-9 ta' Ottubru 2018, membri tar-Reżistenza Paċifika tal-Mikroreġjun ta' Ixquisis, fost manifestanti oħra, ġew attakkati minn aġenti kontra l-irvellijiet tal-PNC, u dan ħalla sitt dimostranti midruba;

R.

billi l-Ambaxxatur Żvediż għall-Gwatemala ġie ddikjarat persona non grata (dikjarazzjoni sussegwentement annullata mill-Qorti Kostituzzjonali) talli allegatament għen lis-CICIG fil-ħidma tagħha fil-pajjiż;

S.

billi l-elezzjonijiet presidenzjali u ġenerali fil-Gwatemala huma ppjanati għas-16 ta' Ġunju u l-11 ta' Awwissu 2019;

T.

billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ffirmat bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali fl-2012; billi dan il-ftehim jinkludi klawsola demokratika, li hija element essenzjali minnu; billi l-Gwatemala hija t-tielet l-akbar riċevitur ta' assistenza bilaterali għall-iżvilupp mill-UE fl-Amerka Ċentrali, u billi din l-għajnuna, fl-ammont ta' EUR 167 miljun fil-perjodu 2014-2020, tiffoka fuq is-sigurtà tal-ikel, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-paċi, is-sigurtà u l-kompetittività;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fil-qtil u l-atti vjolenti u n-nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini kollha u, b'mod aktar speċifiku, għan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti u effettiva u l-bżonn li tintemm l-impunità; jiddeplora l-fatt li l-Gvern tal-Gwatemala qed ikompli jinjora l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li fost il-prinċipji essenzjali tad-demokraziji liberali hemm is-separazzjoni tas-setgħat u r-rispett tal-istat tad-dritt;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jwaqqfu kull att ta' intimidazzjoni kontra s-soċjetà ċivili fil-Gwatemala – b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem – filwaqt li jirrispettaw l-ordni kostituzzjonali u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-Gwatemala; jenfasizza l-fatt li soċjetà ċivili vibranti hija essenzjali biex l-istat isir aktar responsabbli, reattiv, inklużiv u effettiv fil-livelli kollha, u allura aktar leġittimu; jinsisti li l-istituzzjonijiet kollha li jiddefendu d-demokrazija kostituzzjonali u d-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala jeħtieġ ikunu appoġġjati u msaħħa; ifakkar li ġudikatura indipendenti u r-rispett tal-indipendenza tagħha, flimkien ma' ordinament ġuridiku imparzjali, jikkostitwixxu garanzija essenzjali; jenfasizza li dawn huma kruċjali għall-konsolidazzjoni tal-isforzi biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-impunità; iqis li l-allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u theddid kontra l-maġistrati, l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom iwasslu għal azzjoni immedjata biex jiġu mħarsa l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż u r-rappreżentanti tagħhom; iħeġġeġ lill-Eżekuttiv tal-Gwatemala jiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura minnufih u jiggarantixxi l-libertà tal-istampa u tal-midja;

3.

Huwa konvint li s-CICIG kellha rwol fundamentali fil-Gwatemala u li l-ħidma tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni u t-tħejjija ta' investigazzjonijiet għall-proċessi mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Gwatemala hija kruċjali biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni attwali li s-CICIG qed tiffaċċja fil-Gwatemala u jitlob lill-Gvern Gwatemalan iwaqqaf l-attakki illegali kollha kontriha u kontra l-membri tal-persunal nazzjonali u internazzjonali tagħha;

4.

Jilqa', f'dan il-kuntest, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ta' Settembru 2018 biex l-estensjoni tal-mandat tas-CICIG tingħata appoġġ permezz ta' EUR 5 miljun oħra mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-Programm ta' Azzjoni Annwali tal-Gwatemala tal-2018; jistieden lill-Kummissjoni tiżborża b'urġenza l-EUR 5 miljun miftiehma u tkompli l-programmi kollha approvati mas-CICIG; jitlob lill-Kummissjoni tlesti ruħha biex, wara Settembru 2019, tkompli tikkoopera mas-CICIG u tkompli tiffinanzjaha, u jappoġġja attivament tali estensjoni;

5.

Huwa konvint li l-emenda proposta għal-Liġi dwar ir-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali tikkostitwixxi theddida sinifikanti għall-istat tad-dritt fil-Gwatemala u timmina drastikament il-progress importanti magħmul bil-ħidma tal-qrati nazzjonali fil-ġlieda kontra l-impunità; jaqbel mal-fehma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti li l-amnestija prevista fl-abbozz ta' liġi għal min jikser id-drittijiet tal-bniedem, għall-awturi ta' delitti kontra l-umanità u għall-kriminali tal-gwerra tista' tkompli żżid il-vjolenza fil-pajjiż; jinnota li l-priġunieri rilaxxati jistgħu jirritaljaw, azzjoni li tista' twassal għad-destabbilizzazzjoni tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kungress tal-Gwatemala, għalhekk, biex ma jadottax l-abbozz ta' liġi;

6.

Jitlob li jsir studju indipendenti, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, li jirrifletti l-impatt aħħari tal-ħidma tas-CICIG fuq is-sistema ġudizzjarja fil-Gwatemala u l-kontribut tagħha għall-istabbiltà politika tal-pajjiż, kif ukoll ir-riżultat tal-ftehim iffirmat bejn is-CICIG u l-Qorti Elettorali Suprema;

7.

Jesprimi tħassib dwar il-proposta ta' liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-qasam tal-iżvilupp; jitlob lill-Kungress tal-Gwatemala biex, bi qbil mal-parir tekniku pprovdut mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma jadottax dan l-abbozz li, jekk jgħaddi, jista' jxekkel il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda tal-NGOs, jillimitalhom l-aċċess għall-finanzjament u jċekknilhom id-definizzjoni tagħhom, u b'hekk jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u jfixkel l-attivitajiet tagħhom, minbarra li jwitti t-triq għall-interdizzjoni arbitrarja tagħhom; ifakkar lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Gwatemala fil-ħtieġa li jinħoloq u jinżamm ambjent sikur u favorevoli biex l-NGOs jesprimu liberament l-opinjonijiet tagħhom u jwettqu l-ħidma tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ilmenti li saru dwar in-nuqqas ta' konsultazzjonijiet liberi u infurmati minn qabel (il-Konvenzjoni 169 tal-ILO); ifakkar fir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU li d-drittijiet tal-popli indiġeni għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ skont l-istandards internazzjonali, li jinkludu d-dritt għal konsultazzjoni libera u infurmata minn qabel; ifakkar li l-korporazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali huma marbutin direttament bi trattati u regoli nazzjonali u internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ambjentali tul il-katina tal-valur tagħhom, u li, jekk jinstab li jkunu kkawżaw jew ikkontribwew għall-ħsara, il-kumpaniji għandhom joffru jew jipparteċipaw fi proċessi ta' rimedju effettiv għall-individwi u l-komunitajiet affettwati; jinnota li dan jinkludi r-restituzzjoni, il-kumpens, ir-riabilitazzjoni u garanziji ta' nonripetizzjoni; ifakkar li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil min jiksirhom quddiem il-ġustizzja;

9.

Itenni t-talba tiegħu għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari n-nisa; jilqa' u jappoġġja l-azzjoni meħuda s'issa mill-ambaxxati Ewropej u d-Delegazzjoni tal-UE għall-Gwatemala; jitlob li l-Unjoni Ewropea żżomm u, jekk ikun meħtieġ, tintensifika l-proġetti ta' appoġġ għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali fil-Gwatemala;

10.

Jinsisti li l-awtoritajiet tal-Gwatemala għandhom jiddikjaraw u jiżguraw is-sikurezza fiżika u legali ta' Lolita Chávez, finalista tal-Premju Sakharov, jekk tiddeċiedi li tmur lura f'pajjiżha;

11.

Jitlob li l-elezzjonijiet fil-Gwatemala jsiru b'mod paċifiku u trasparenti, u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-kandidati kollha; jenfasizza li l-Qorti Suprema Elettorali għandha taġixxi b'mod indipendenti u mingħajr ebda ndħil mill-istituzzjonijiet jew l-aġenti tal-istat; joffri li jibgħat Missjoni ta' Esperti Elettorali mill-UE;

12.

Jiddeplora l-fatt li, aktar minn 20 sena wara, il-Ftehimiet ta' Paċi tal-Gwatemala għadhom ma ġewx implimentati, u anzi qegħdin f'riskju li jiżżarmaw; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-parteċipanti nazzjonali u internazzjonali kollha jagħmlu kulma jistgħu biex jaċċeleraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Gwatemala, għal dan il-għan, jiżgura l-kontroll demokratiku u politiku u l-professjonalizzazzjoni tal-PNC u ta' istituzzjonijiet oħra bħall-CONRED, il-koordinatur nazzjonali għat-tnaqqis tad-diżastri, sabiex jimpedixxi l-militarizzazzjoni tagħhom u tiġi evitata r-ridirezzjoni ta' fondi umanitarji permezz tal-armata, billi dan mhuwiex konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehimiet ta' Paċi;

13.

Ifakkar lill-Gvern tal-Gwatemala li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali fih klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem li hija element essenzjali u li, jekk tiġi injorata, tista' twassal għas-sospensjoni tas-sħubija; jitlob lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-mekkaniżmi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni biex iħeġġu bis-sħiħ lill-Gwatemala twettaq aġenda ambizzjuża dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-impunità;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Gwatemala, lill-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG), lis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika tal-Amerka Ċentrali (SIECA), lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali u lill-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

(1)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 257.

(2)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 181.

(3)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 196.

(4)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.