28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/25


P9_TA(2019)0031

Indħil barrani fil-proċessi demokratiċi tal-Istati Membri u Ewropej

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-indħil elettorali barrani u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej (2019/2810(RSP))

(2021/C 202/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 39, 40, 47 u 52 tagħha, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 16 u 17 tagħha, u l-Protokoll għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 17, 19, 20 u 25 tiegħu,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 bit-titlu “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” (COM(2018)0236),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni konġunt tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ kontra d-Diżinformazzjoni tal-5 ta' Diċembru 2018 (JOIN(2018)0036 u r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni tal-14 ta' Ġunju 2019 (JOIN(2019)0012),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2018,

wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu “Automated tackling of disinformation” (Il-ġlieda awtomatizzata kontra d-diżinformazzjoni), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari tal-Parlament Ewropew fil-15 ta' Marzu 2019 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar theddidiet għas-sigurtà b'rabta mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex dawn jitnaqqsu (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5), u r-riforma tagħha li għaddejja bħalissa,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-użu tad-data tal-utenti ta' Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2019 bit-titlu “Id-Dsatax-il Rapport ta' Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina” (COM(2019)0353),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi tentattivi min-naħa ta' atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi biex jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, kif ukoll biex jagħmlu pressjoni fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE permezz ta' ndħil malizzjuż huma parti minn xejra usa' esperjenzata mid-demokraziji madwar id-dinja;

B.

billi l-indħil barrani jista' jieħu għadd kbir ta' forom, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali biex isawru l-opinjoni pubblika, attakki ċibernetiċi mmirati lejn infrastruttura kritika relatata mal-elezzjonijiet, u appoġġ finanzjarju dirett u indirett ta' atturi politiċi;

C.

billi l-indħil elettorali barrani jikkostitwixxi sfida kbira peress li joħloq riskji serji għas-soċjetajiet u l-istituzzjonijiet demokratiċi Ewropej, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, is-sigurtà, il-ġid ekonomiku u, fl-aħħar mill-aħħar, is-sovranità tal-Ewropa;

D.

billi l-interkonnessjoni globali tan-nies u l-ekonomiji b'mezzi diġitali u b'teknoloġiji ġodda ntużat ukoll, anki b'mod mhux xieraq, minn Stati involuti f'indħil barrani; billi l-midja, b'mod partikolari l-pjattaformi soċjali, jistgħu jiġu sfruttati faċilment biex tinxtered id-diżinformazzjoni;

E.

billi huwa neċessarju li titqajjem kuxjenza dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja, peress li dawn jikkostitwixxu s-sors ewlenin li minnu toriġina d-diżinformazzjoni fl-Ewropa;

F.

billi, lil hinn mir-Russja, hemm atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi oħra li huma involuti f'indħil malizzjuż f'dibattiti pubbliċi Ewropej;

G.

billi analiżi preliminari mill-Kummissjoni f'Ġunju 2019 uriet li l-miżuri stabbiliti biex jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej ikkontribwew biex jillimitaw l-indħil barrani statali u mhux statali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;

H.

billi l-UE implimentat b'suċċess għadd ta' miżuri intiżi biex itaffu l-influwenza barranija fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 u jippreservaw l-integrità tagħhom, inkluż Kodiċi ta' Prattika kontra d-Diżinformazzjoni, Sistema ta' Twissija Rapida u Netwerk Ewropew ta' Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet; billi l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tieħu aktar azzjoni biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

I.

billi l-UE hija dipendenti ħafna fuq teknoloġiji, softwer u infrastrutturi barranin, li jistgħu jagħmluha aktar vulnerabbli għall-indħil elettorali barrani;

J.

billi l-iskala tal-atti ta' ndħil malizzjuż teħtieġ rispons Ewropew ikkoordinat li jinkludi diversi elementi komplementari;

K.

billi r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil elettorali barrani ma taqax b'mod esklużiv fuq l-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll fuq il-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali, li għalhekk għandhom jikkooperaw fl-ilħuq ta' dan l-għan, mingħajr ma jdgħajfu l-libertà tal-kelma jew mingħajr ma jsiru korpi ta' ċensura privati;

L.

billi diversi investigazzjonijiet urew li nkisru jew li ġew evitati regoli elettorali kruċjali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanji, b'allegazzjonijiet ta' nfiq politiku minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li joriġinaw minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari mir-Russja;

M.

billi l-każijiet rapportati kollha ta' ndħil elettorali barrani jirrappreżentaw xejra sistematika li kienet rikorrenti matul dawn l-aħħar snin;

N.

billi aktar minn 50 elezzjoni presidenzjali, nazzjonali, lokali jew reġjonali se jseħħu fl-Istati Membri qabel tmiem l-2020;

1.

Jenfasizza li l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba ta' soċjetajiet demokratiċi reżiljenti, u li jipprovdu l-aqwa salvagwardji kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili;

2.

Jenfasizza li, minkejja n-natura multidimensjonali ta' ndħil ostili u diżinformazzjoni li ġejjin minn barra, l-indħil fl-elezzjonijiet huwa parti minn strateġija usa' ta' gwerra ibrida u li għalhekk ir-rispons għalih jibqa' kwistjoni fundamentali ta' sigurtà u ta' politika barranija;

3.

Itenni li l-indħil barrani fl-elezzjonijiet jimmina d-dritt tal-poplu li jipparteċipa fil-governanza ta' pajjiżu, direttament jew permezz ta' rappreżentanti magħżula b'mod ħieles, kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li dan l-indħil minn Stati oħra jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali, anki meta ma jkun hemm l-ebda rikors għal forza militari, theddida għall-integrità territorjali jew theddida għall-indipendenza politika;

4.

Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma fil-qalba tal-proċess demokratiku u għalhekk jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni deċiżiva dwar din il-kwistjoni, anki fil-proċess ta' riflessjoni li jmiss dwar il-futur tal-UE;

5.

Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li qed tinkixef kontinwament evidenza ta' ndħil, spiss b'indikazzjonijiet ta' influwenza barranija, fil-perjodu li jippreċedi l-elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej prinċipali kollha, u ħafna minn dan l-indħil jibbenefikaw minnu l-kandidati anti-UE, estremisti u populisti tal-lemin u għandu fil-mira minoranzi speċifiċi u gruppi vulnerabbli inkużi migranti, persuni LGBTI, gruppi reliġjużi, persuni bi sfond Rom, Musulmani jew nies perċepiti bħala Musulmani, bl-objettiv usa' li jrendi anqas attraenti s-soċjetajiet demokratiċi u ugwali;

6.

Jirrikonoxxi x-xejra inkwetanti ta' gruppi globali tal-lemin estrem li jużaw diżinformazzjoni fuq pjattaformi ta' midja soċjali fuq skala kbira; jinsab imħasseb li din id-diżinformazzjoni influwenzat ir-rigressjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-persuni LGBTI;

7.

Jirrikonoxxi li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri jipprojbixxu, b'mod sħiħ jew parzjali, d-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u l-kandidati; ifakkar bi tħassib li anki meta l-liġijiet jimponu restrizzjonijiet fuq is-sorsi ta' finanzjament politiku, atturi barranin sabu modi kif jevitawhom u offrew appoġġ lill-alleati tagħhom permezz ta' self ma' banek barranin, bħal fil-każ tal-Front National fl-2016, permezz ta' kuntratti kummerċjali u ta' xiri, bħal fil-każ tal-allegazzjonijiet irrappurtati minn Der Spiegel u Süddeutsche Zeitung fis-17 ta' Mejju 2019 fil-konfront tal-Freiheitliche Partei tal-Awstrija u minn Buzzfeed u L'Espresso fl-10 ta' Lulju 2019 fil-konfront tal-Lega per Salvini Premier, u permezz tal-faċilitazzjoni ta' attivitajiet finanzjarjii, kif irrappurtat mill-istampa Brittanika fir-rigward tal-kampanja Leave.eu;

8.

Jesprimi tħassib kbir dwar in-natura perikoluża ħafna tal-propaganda Russa b'mod partikolari, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu strateġija effikaċi u dettaljata biex tiġġieled l-istrateġiji ta' diżinformazzjoni Russi b'mod rapidu u determinat;

9.

Jinnota bi tħassib li l-għadd ta' każijiet ta' diżinformazzjoni attribwiti lil sorsi Russi u dokumentati mit-Task Force East StratCom sa minn Jannar 2019 (998 każ) huwa aktar mid-doppju tal-għadd għall-istess perjodu fl-2018 (434 każ);

10.

Jikkundanna bil-qawwa, barra minn hekk, l-azzjonijiet dejjem aktar aggressivi ta' atturi statali u mhux statali, minn pajjiżi terzi li qed ifittxu li jimminaw jew jissospendu l-pedamenti u l-prinċipji normattivi tad-demokraziji Ewropej u s-sovranità tal-pajjiżi kandidati kollha għall-adeżjoni mal-UE fil-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet u jappoġġaw movimenti estremisti, filwaqt li jitqies il-fatt li l-iskala tal-attakki ċibernetiċi qiegħda dejjem tikber;

11.

Jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-azzjonijiet volontarji li ħadu l-fornituri ta' servizzi u l-pjattaformi biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, inklużi regoli ġodda fil-Kodiċi ta' Prattika biex tiżdied it-trasparenza tar-reklamar elettorali fuq il-midja soċjali, kif ukoll il-miżuri implimentati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri s-sena li għaddiet, u jfakkarhom fir-responsabbiltà konġunta tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

12.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018, li fiha ħeġġeġ lil Facebook, wara l-iskandlu ta' Cambridge Analytica, biex jimplimenta diversi miżuri biex jiġi evitat l-użu tal-pjattaforma soċjali għall-indħil elettorali; jinnota li Facebook ma indirizzax il-biċċa l-kbira ta' dawn it-talbiet;

13.

Iqis li l-indħil elettorali f'wieħed mill-Istati Membri jaffettwa lill-UE kollha sa fejn dan l-indħil jista' jkollu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li dan it-theddid la jista' jiġi indirizzat unikament mill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu qed jaħdmu waħedhom u lanqas purament mill-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat iżda jirrikjedi approċċ koordinat b'ħafna livelli u bil-parteċipazzjoni ta' ħafna partijiet ikkonċernati; iqis li qafas legali li jindirizza t-theddid ibridu, inklużi l-attakki ċibernetiċi u d-diżinformazzjoni, għandu jiġi żviluppat kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali, sabiex jippermetti rispons sod mill-UE;

14.

Itenni, madankollu, li jeħtieġ li tiġi żviluppata politika Ewropea komuni b'saħħitha sabiex tindirizza b'mod effikaċi kemm indħil barrani, kif ukoll kampanji ta' diżinformazzjoni, permezz ta' komunikazzjoni tal-UE soda mal-pjattaformi u l-fornituri tas-servizzi online;

15.

Jistieden lill-atturi involuti kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-proċess demokratiku, kif ukoll l-elezzjonijiet, jiġu protetti minn indħil u manipulazzjoni barranin, kemm statali kif ukoll mhux statali; jindika b'mod partikolari, il-ħtieġa li jittejbu l-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni ċivika permezz tal-kultura u t-tagħlim minn età bikrija sabiex dawk li jkunu fil-mira tal-kampanji ta' diżinformazzjoni jkunu jistgħu jidentifikaw l-informazzjoni provduta bħala preġudikata; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jinkludu korsijiet speċifiċi dwar il-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli skolastiċi tagħhom, u jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn sezzjonijiet tal-popolazzjoni li huma aktar vulnerabbli għad-diżinformazzjoni;

16.

Jinsab imħasseb dwar id-dipendenza tal-UE fuq it-teknoloġiji u l-ħardwer barranin; jissottolinja li l-UE teħtieġ taħdem biex iżżid il-kapaċitajiet tagħha stess peress li dan jillimita l-opportunitajiet għall-indħil elettorali malizzjuż minn atturi barranin;

17.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, abbażi tal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, sabiex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jużaw il-ħarsien ta' dawn id-drittijiet bħala vantaġġ kompetittiv;

18.

Jappella għal finanzjament nazzjonali u Ewropew biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra l-komunikazzjoni strateġika ta' partijiet terzi ostili u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika f'dan il-qasam, inkluż kemm taħt il-qafas pluriennali attwali kif ukoll taħt dak ta' wara l-2020, fost l-oħrajn, permezz tal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali; jissottolinja li tali programmi għandhom jinkludu salvagwardji adegwati biex jiżguraw konformità stretta mad-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod speċjali meta jiġu finanzjati pajjiżi terzi;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-appoġġ u t-trawwim ta' ġurnaliżmu responsabbli u ta' responsabbiltà editorjali, kemm fil-midja tradizzjonali kif ukoll f'dik ġdida, biex jiffaċċjaw l-isfida ta' informazzjoni li ma tkunx verifikata jew li tkun preġudikata favur naħa waħda u li timmina l-fiduċja taċ-ċittadini fil-midja indipendenti;

20.

Jenfasizza li huwa essenzjali li tiġi appoġġata l-midja tas-servizz pubbliku li ma tiddependix finanzjarjament fuq sorsi ta' finanzjament privati u li għalhekk tista' tipprovdi informazzjoni ta' kwalità għolja u imparzjali lill-pubbliku ġenerali, filwaqt li, fl-istess ħin, tiġi żgurata u mantnuta l-indipendenza tagħhom mill-indħil politiku;

21.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma prezzjuża tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija fir-rwol ta' sostenn tiegħu għall-organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni;

22.

Iqis li l-UE għandha taħdem biex issib soluzzjonijiet prattiċi biex tappoġġa u ssaħħaħ midja demokratika, indipendenti u diversifikata fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li huma kandidati għall-adeżjoni mal-UE;

23.

Jappella għal titjib tat-Task Force tal-UE East StratCom għal struttura permanenti fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna b'finanzjament u b'livelli ta' persunal ħafna ogħla minn qabel;

24.

Jirrimarka li, minħabba l-kumplessità tar-riskji kkawżati mill-indħil elettorali online u mill-kampanji ta' diżinformazzjoni, id-detezzjoni u l-ġestjoni ta' dawn ir-riskji jirrikjedu kooperazzjoni transsettorjali li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-partijiet ikkonċernati;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tikklassifika t-tagħmir elettorali bħala infrastruttura kritika sabiex jiġi żgurat li fil-każ ta' ksur tad-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà (9) jkunu jistgħu jiġu applikati l-miżuri previsti;

26.

Ifakkar li proporzjon sinifikanti ta' dawn l-atti ta' indħil malizzjuż jikkostitwixxu ksur tar-regoli Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza; jistieden lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tagħhom biex jinvestigaw il-każijiet ta' ksur tal-protezzjoni tad-data u jimponu sanzjonijiet u penali li jservu ta' deterrent;

27.

Itenni s-sejħa għal investigazzjonijiet dwar l-allegat użu illegali tal-ispazju politiku online minn forzi barranin li għandhom isiru mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Eurojust;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-impatt tal-indħil barrani fl-Ewropa u tissodisfa l-impenn li daħlet għalih solennement il-President elett Ursula von der Leyen li jiġi indirizzat “it-theddid ta' interventi esterni fl-elezzjonijiet Ewropej tagħna” (10);

29.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni li jmiss u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li jmiss biex il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jagħmluha objettiv ċentrali tal-politika barranija;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli li jistgħu jirriżultaw f'intervent mill-pjattaformi tal-midja soċjali bl-għan li jiġi sistematikament tikkettat il-kontenut kondiviż mill-bots, jiġu rieżaminati l-algoritmi sabiex isiru l-inqas preġudikati possibbli, u jingħalqu l-kontijiet ta' persuni li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet illegali mmirati lejn it-tfixkil tal-proċessi demokratiċi jew it-tħeġġiġ tad-diskors ta' mibegħda, filwaqt li ma tiġix kompromessa l-libertà tal-espressjoni;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-istituzzjonijiet pubbliċi, lill-gruppi ta' riflessjoni, lill-NGOs, u liċ-ċiberattivisti fil-livell lokali li qegħdin jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' propaganda u diżinformazzjoni, u biex jagħmlu disponibbli finanzjament u appoġġ għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn iż-żieda tar-reżiljenza taċ-ċittadini tal-UE għad-diżinformazzjoni;

32.

Ifakkar ir-rwol importanti tal-informaturi bħala salvagwardja tad-demokrazija u tal-governanza meta tiġi żvelata informazzjoni fl-interess pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa jistabbilixxu u jxerrdu politika dwar l-iżvelar tal-informazzjoni, fuq il-bażi tar-rispett lejn l-20 prinċipju stabbilit fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)6; ifakkar fid-direttiva adottata riċentement dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

33.

Ifakkar li l-UE qed tagħmel disponibbli EUR 4 175 miljun għal azzjonijiet immirati lejn l-appoġġ tal-libertà tal-midja u tal-ġurnaliżmu investigattiv, inkluż mekkaniżmu ta' rispons għall-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-midja u l-protezzjoni tanġibbli tal-ġurnalisti;

34.

Iqis li huwa biss billi jittieħed approċċ olistiku għall-indħil awtoritarju barrani, u billi jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet fl-aspetti kollha tal-governanza demokratika u tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inklużi l-partiti politiċi Ewropew, li l-UE tista' tissalvagwardja l-proċessi demokratiċi tagħha;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mas-sħab internazzjonali, inklużi l-fora internazzjonali, bil-għan li jieħdu aktar azzjonijiet kontra t-theddid ibridu;

36.

Jenfasizza li n-NATO u ċ-ċentri ta' eċċellenza tagħha huma għodda essenzjali importanti li tippermetti li l-Ewropa ssaħħaħ ir-rabta transatlantika u żżid ir-reżistenza kemm tal-Ewropa kif ukoll tal-Amerka ta' Fuq għad-diżinformazzjoni ;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-finanzjament barrani tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mingħajr ma jiġi impedit il-ħolqien ta' spazju pubbliku Ewropew li jmur lil hinn mill-Unjoni Ewropea, u li tniedi diskussjoni mal-Istati Membri li tindirizza dawn il-kwistjonijiet b'rabta mal-partiti u mal-fondazzjonijiet politiċi interni tagħhom;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, Unità tal-Prospettiva Xjentifika, 15 ta' Marzu 2019.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0156.

(3)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0187.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2018)0433.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0514.

(8)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(9)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(10)  “Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa”, minn Ursula von der Leyen – Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024 (2019), https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf – p. 22 21.