27.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 411/13


P8_TA(2019)0010

L-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Parlament Ewropew

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Parlament Ewropew (2018/2162(INI))

(2020/C 411/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jistabbilixxu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala valur ewlieni tal-Unjoni,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 19 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-prinċipju orizzontali tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-Artikolu 6 tat-TUE jirrikonoxxi li l-Karta għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattati;

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) tal-11 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, id-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2000), Beijing + 10 (2005) u Beijing + 15 (2010) u d-dokument ta' eżitu tal-konferenza ta' rieżami Beijing + 20,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 (2), tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010 (3), tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011 (4), u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013 (5), u tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneri fil-Parlament Ewropew (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri biex jiġu evitati u miġġielda l-mobbing u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (16),

wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (17),

wara li kkunsidra l-fuljett dwar in-Nisa fil-Parlament Ewropew tal-2018,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2017 dwar ir-Riżorsi Umani tal-Parlament Ewropew, ippubblikat f'Awwissu 2018,

wara li kkunsidra il-linji gwida dwar l-użu ta' lingwa newtrali fir-rigward tas-sessi fil-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Dimitrios Papadimoulis, Viċi President tal-Parlament Ewropew u President tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, lill-Bureau tal-Parlament Ewropew bit-titlu “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospetti 2017-2019”, adottat fil-laqgħa tal-Bureau tas-16 ta' Jannar 2017,

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali 2017-2019 għall-implimentazzjoni tar-rapport bit-titlu “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospetti 2017-2019”,

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew għall-perjodu 2014-2019,

wara li kkunsidra l-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità,

wara li kkunsidra l-linji gwida tiegħu dwar l-ugwaljanza għall-membri tal-bord ta' għażla,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2017 bit-titlu “Ambjent ta' xogħol aqwa għal kulħadd: minn opportunitajiet indaqs lejn id-diversità u l-inklużjoni”(C(2017)5300) (18) u l-Karta dwar id-Diversità u l-Inklużjoni tagħha (19),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titlu “Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019” (SWD(2015)0278) (20),

wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Kunsill tal-Ewropa għall-2018-2023 (21),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-integrazzjoni tas-sessi, annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 mehmuża mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (22),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Unjoni Interparlamentari tal-2011 bit-titolu “Gender-sensitive Parliaments: A Global Review for Good Practice” (Parlamenti Sensittivi għall-Perspettiva tal-Ġeneri: Rieżami Globali ta' Prattika Tajba), ippubblikat fl-2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0429/2018),

A.

billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa valur fundamentali tal-UE, u huwa minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni Ewropea għandha, permezz tal-attivitajiet kollha tagħha, tfittex li telimina l-inugwaljanzi, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġġieled id-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha;

B.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod ġenerali, tikkostitwixxi element ċentrali tll-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-funzjonament tad-demokrazija, l-osservanza tal-istat tad-dritt, it-tkabbir ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibbiltà, u l-integrazzjoni ta' dimensjoni tal-ġeneru hija rilevanti għall-oqsma kollha ta' politika ta' kompetenza tal-UE;

C.

billi d-dritt għall-ugwaljanza u l-garanzija tan-nondiskriminazzjoni huma prinċipji fundamentali li jirdfu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tfisser li jiġu indirizzati d-drittijiet, il-perspettivi u l-benesseri tan-nisa, tal-bniet, tal-persuni LGBTIQ u persuni ta' kull identità tal-ġeneru;

D.

billi l-progress biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE mhuwiex biss staġnat fl-Unjoni kollha, iżda qed iġarrab ukoll rigressi sinifikanti f'xi Stati Membri;

E.

billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tenfasizza l-importanza li jinbidlu l-mentalitajiet u l-attitudnijiet sabiex noħorġu mill-perpetwità tal-forom kollha ta' vjolenza sessista; billi l-edukazzjoni fil-livelli kollha, u għall-persuni tal-etajiet kollha, dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, dwar ir-rwoli tas-sessi mhux sterjotipati u dwar ir-rispett għall-integrità personali, hija għalhekk meħtieġa f'dan ir-rigward;

F.

billi mhux qed jiġu allokati biżżejjed fondi u riżorsi umani biex jiġi żgurat progress reali fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki, il-programmi, l-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-Parlament;

G.

billi l-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija komposta minn nisa u irġiel f'proporzjonijiet ugwali, iżda l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew turi rappreżentanza baxxa tan-nisa minħabba li 36,1 % biss tal-Membri tal-PE huma nisa; billi dan id-distakk huwa enfasizzat aktar mill-kompożizzjoni tal-Bureau tal-Parlament, li huwa kompost minn 7 nisa u 13-il raġel; billi r-rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi u d-diversità fil-korpi tal-Parlament jikkontribwixxu biex jitkissru l-isterjotipi, titnaqqas id-diskriminazzjoni u jiżdied il-livell ta' rappreżentanza demokratika taċ-ċittadini tal-UE u l-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-Parlament;

H.

billi, mill-ħatriet fil-maniġment superjuri tal-Parlament (Diretturi Ġenerali u Diretturi), fl-2016 in-nisa kienu biss 11 % u fl-2017 33 %;

I.

billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5 jaspira li “tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha” sal-2030 u huwa objettiv trasversali tas-17-il SDG kollha; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija għodda għal żvilupp effikaċi, dejjiemi u sostenibbli b'impatt pożittiv f'termini tal-kisba tal-objettivi ta' tnaqqis tal-faqar; billi, madankollu, il-progress u l-bidla li seħħew fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kienu limitati ħafna f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja (23), inkluż fl-Ewropa; billi l-implimentazzjoni tal-SDG 5 kellha riżultati mħallta fl-Istati Membri tal-UE u bejnhom u billi l-proporzjon tan-nisa fil-parlamenti nazzjonali u f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet xorta għadu 'l bogħod milli jkun bħal dak tal-irġiel (24);

J.

billi l-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tas-sessi huma meħtieġa biex tiġi evalwata u identifikata l-probabbiltà li kwalunkwe deċiżjoni partikolari jkollha konsegwenzi negattivi għall-istat tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi huwa konsegwentement essenzjali li l-baġits jiġu analizzati minn perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-effetti differenti li kwalunkwe allokazzjoni u distribuzzjoni tal-baġit jista' jkollhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà;

K.

billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija meqjusa bħala strateġija effettiva u globalment aċċettata mmirata biex tikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġġieled id-diskriminazzjoni billi torganizza mill-ġdid, ittejjeb, tiżviluppa u tevalwa l-proċessi ta' politika sabiex il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun inkorporata fil-politiki, miżuri regolatorji u programmi ta' nfiq kollha, u fil-livelli u l-istadji kollha mill-atturi involuti fit-tfassil tal-politika; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tipprovdi għodod ewlenin għall-kunsiderazzjoni sistematika tad-differenzi bejn il-kundizzjonijiet, is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-politiki u l-azzjonijiet kollha, u l-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni ta' drittijiet ugwali u ta' rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi f'livelli amministrattivi, politiċi, soċjali u ekonomiċi differenti u fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

L.

billi hija meħtieġa aktar kooperazzjoni interistituzzjonali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-perspettivi tal-ġeneri jkunu jistgħu jiġu introdotti fil-fażijiet kollha tal-baġit, tal-politiki, tal-programmi u tal-inizjattivi tal-Unjoni, li jkun jiffaċilita l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament stess;

M.

billi l-emendi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri adottati mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u mressqa għall-adozzjoni f'kumitati oħrajn huma għodda effettiva biex jiġi żgurat li l-ugwaljanza bejn is-sessi tingħata kunsiderazzjoni xierqa fir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;

N.

billi l-ibbaġitjar sensittiv għall-ġeneri fil-forma ta' ppjanar u pprogrammar jikkontribwixxi għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa u huwa waħda mill-għodod ewlenin li jintużaw minn dawk li jfasslu l-politika biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda minkejja dan l-ebda istituzzjoni tal-UE m'hi qed tapplikah b'mod sistematiku;

O.

billi, skont l-aħħar data disponibbli (25), in-nisa jikkostitwixxu 59 % tal-persunal tal-Parlament iżda għadhom sottorappreżentati fil-livelli kollha tal-maniġment; billi l-għadd ta' nisa fil-maniġment superjuri saħansitra naqas minn Ġunju 2017 u l-għadd ta' nisa fi rwoli tal-maniġment intermedju żdied biss bi ftit;

P.

billi r-rapport tal-2017 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-Viċi-President tal-Parlament Dimitrios Papadimoulis stabbilixxa tliet miri għar-rappreżentanza tan-nisa fil-maniġment medju u għoli, li għandhom jintlaħqu sal-2019: 30 % fil-livell ta' Direttur Ġenerali, 35 % fil-livell ta' Direttur u 40 % fil-livell ta' Kap tal-Unità, u billi l-pjan direzzjonali sussegwenti jiddeskrivi kif se jinkisbu dawn il-miri;

Q.

billi sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament, jinħatar Membru responsabbli għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi f'kull kumitat u fil-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet, li jaqsam l-esperjenzi u l-aħjar prattika fin-Netwerk tal-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

R.

billi l-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki interni tagħhom fil-qasam tar-riżorsi umani u l-azzjonijiet esterni tagħhom fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-LGBTIQ huwa essenzjali għall-kredibbiltà tal-Parlament u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE;

S.

billi, mill-2014, ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament stipulaw li d-diversità tal-Parlament trid tiġi riflessa fil-kompożizzjoni tal-bureau ta' kull kumitat parlamentari u li ma għandux ikun permissibbli li jkun hemm bureau li jkun kompost minn irġiel biss jew minn nisa biss;

T.

billi karigi maniġerjali għolja fil-Parlament huma attribwiti biss mill-Bureau tal-Parlament Ewropew;

U.

billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tal-Parlament Ewropew trid tagħti l-attenzjoni dovuta għad-drittijiet, il-perspettivi u l-benesseri tal-persuni LGBTIQ u persuni ta' kull identità tal-ġeneru; billi għalkemm il-Parlament jagħti importanza akbar lil kwistjonijiet LGBTIQ, l-attivisti LGBTIQ għandhom viżibilità relattivament baxxa u vuċi dgħajfa;

V.

billi hemm bżonn li jiġi rikonoxxut il-valur soċjali u politiku tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-ispazji tan-nisa, tal-istorja u l-ħidma tagħhom, u tar-rwol ewlieni tagħhom fil-prevenzjoni tal-vjolenza sessista u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-awtodeterminazzjoni tan-nisa u d-djalogu interkulturali; billi ma hemm l-ebda integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri konxja mingħajr ma jkun hemm postijiet li jistgħu jiffavorixxu l-awtodeterminazzjoni u l-awtorità tan-nisa u li jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

W.

billi l-leġittimità tan-nisa fl-isfera politika għadha xi kultant tiġi sfidata, u billi n-nisa huma vittmi ta' sterjotipi, li jiskoraġġuhom milli jinvolvu ruħhom fil-politika, fenomenu li huwa partikolarment kospikwu kull fejn in-nisa fil-politika jkunu inqas rappreżentati;

X.

billi n-nisa fl-UE għandhom l-istess drittijiet ċivili u politiċi bħall-irġiel, iżda madankollu sikwit jiffaċċjaw inugwaljanzi soċjali, soċjetali jew ekonomiċi;

Y.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tikkontribwixxi għal dibattitu aktar komprensiv u teħid ta' deċiżjonijiet aħjar peress li tippermetti li jkun rrappreżentati l-perspettivi inklużivi kollha;

Z.

billi l-istituzzjonijiet jinħtiġilhom ikunu responsabbli li jevitaw is-segregazzjoni vertikali u orizzontali tas-sessi;

AA.

billi l-Parlament ilu snin twal b'impenn favur il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u billi l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu r-responsabbiltà li jimplimenta u jiżviluppa aktar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fis-setturi kollha tal-politika;

AB.

billi l-Parlament jeħtieġ li jkompli jiġġieled il-fastidju sesswali u jimplimenta l-miżuri miftiehma;

AC.

billi l-Parlament għandu għadd ta' korpi differenti inkarigati mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak amministrattiv, bħall-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, in-Netwerk għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-Unità tal-Ugwaljanza u d-Diversità, il-Kumitat għall-Opportunitajiet Indaqs u d-Diversità (COPEC), l-égalité, l-assoċjazzjoni tal-membri tal-persunal LGBTI+ tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kumitat Konsultattiv għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-Grupp ta' Koordinaturi dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità; billi, madankollu, m'hemmx koordinazzjoni ċara jew koerenza bejn dawn il-korpi;

AD.

billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija proċess li jeħtieġ ħiliet u għarfien speċifiċi, kif ukoll impenn, u bħala tali hija effettiva biss jekk tkun akkumpanjata minn attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' bini ta' kapaċità fl-istituzzjonijiet u fost il-persunal;

AE.

billi l-Parlament diġà impenja ruħu fl-2003 li jadotta u jimplimenta pjan ta' politika għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bil-prijorità li jintegra l-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet, b'għodod konkreti għall-promozzjoni, sensibilizzazzjoni akbar u implimentazzjoni tal-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tagħhom ta' kuljum;

Rimarki ġenerali

1.

Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kontenut tal-politiki, inizjattivi u programmi tal-UE u fil-livelli politiċi, baġitarji, amministrattivi u eċekuttivi tal-Unjoni;

2.

Jappella sabiqx il-QFP l-ġdid, bħall-aħħar QFP, ikun akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, li fiha jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għal kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u dan fil-kuntest ta' kif il-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għall-objettiv li tinkiseb l-ugwaljanza u jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

3.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta Strateġija ta' Ugwaljanza Ewropea ġenwina fil-forma ta' komunikazzjoni li jkun fiha objettivi ċari u, sa fejn ikun possibbli, kwantifikabbli, u li din tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jiġu żgurati distribuzzjoni u fehim akbar għaċ-ċittadini u l-atturi soċjali u ekonomiċi;

4.

Iqis li l-Parlament għandu joħloq u jrawwem kultura ta' diversità u inklużjoni u ambjent ta' xogħol sikur għal kulħadd, u li miżuri trasversali biex jiġi żgurat il-benesseri tal-persunal kollu u tal-Membri tal-PE għandhom jimxu id f'id ma' miżuri mmirati biex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll f'dak politiku;

5.

Jinsisti li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tista' tfisser ukoll l-introduzzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn in-nisa jew l-irġiel biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi persistenti jew li l-politiki ta' integrazzjoni jinbidlu biex jakkomodaw id-diversità taċ-ċirkostanzi għall-individwi jew il-gruppi;

6.

Ifaħħar il-mudelli eżemplari rġiel u nisa għall-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll l-inizjattivi kemm fl-amministrazzjoni tal-Parlament kif ukoll fil-livell politiku li jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs; jinkoraġġixxi aktar il-promozzjoni ta' mudelli ta' rwol differenti biex jingħelbu t-tipi kollha ta' stereotipi tas-sessi;

7.

Jenfasizza li l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex kwistjoni tan-nisa, iżda waħda li għandha tinvolvi s-soċjetà kollha kemm hi;

8.

Jiddispjaċih tal-fatt li l-komunikazzjoni viżiva tal-Parlament xi drabi tuża l-isterjotipi tas-sessi kif ukoll l-isterjotipi bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza li tiġi rappreżentata u promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-materjali ta' komunikazzjoni fis-setturi kollha tal-politika;

9.

Ifakkar li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkopri l-għażliet ta' politika, il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-proċeduri u l-prattiki kif ukoll l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; jenfasizza, għalhekk, li sabiex tiġi vvalutata b'mod komprensiv is-sitwazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament, għandu jitqies mhux biss il-kontenut ta' politika, iżda anki r-rappreżentanza tas-sessi fl-amministrazzjoni u fil-proċess deċiżjonali;

10.

Jesprimi tħassib li r-rappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet deċiżjonali ewlenin tal-Parlament fil-livelli politiċi u amministrattivi għadha baxxa u li l-Parlament jeħtieġ jiżgura li l-allokazzjoni tal-pożizzjonijiet deċiżjonali tinfirex b'mod ugwali bejn is-sessi;

11.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' koerenza u koordinazzjoni bejn id-diversi entitajiet li jaħdmu fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità fil-Parlament; itenni l-appell tiegħu biex titjieb il-koordinazzjoni interna sabiex jintlaħaq grad ogħla ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż fir-reklutaġġ tal-persunal, l-organizzazzjoni tax-xogħol, id-deċiżjonijiet ta' ħidma u l-proċeduri;

12.

Ifaħħar id-deċiżjoni tal-Parlament li jonora lil Simone Veil, l-ewwel President mara ta' istituzzjoni tal-UE u promotura kbira tad-drittijiet tan-nisa, l-aktar id-drittijiet fil-qasam tar-riproduzzjoni u tal-abort legali, billi attribwixxa isimha għall-Premju tal-Ugwaljanza u d-Diversità, biex b'hekk jenfasizza u jirrikonoxxi prattika tajba u mudelli eżemplari fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs fi ħdan is-Segretarjat tal-Parlament Ewropew; jirrakkomanda li tiżdied il-viżibbiltà u li tiġi żgurata sensibilizzazzjoni akbar ta' dan il-premju importanti;

13.

Jenfasizza l-importanza ta' djalogu mal-partijiet interessati esterni bħalma huma l-organizzazzjonijiet tan-nisa tas-soċjetà ċivili, il-gruppi fil-livell lokali li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-movimenti tan-nisa, l-istituzzjonijiet internazzjonali, l-akkademja u l-parlamenti nazzjonali fl-iżvilupp ta' għodod u fil-ġbir ta' data; ifakkar li l-mobilizzazzjoni tagħhom hija importanti għat-titjib tal-proċessi tal-UE għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u fit-trawwim ta' skambji reċiproċi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika;

Għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

14.

Jitlob miżuri effettivi biex tiġi żgurata ugwaljanza ġenwina bejn l-irġiel u n-nisa fil-Parlament Ewropew; jenfasizza f'dan il-kuntest li, fuq kollox, il-miżuri biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali huma tal-akbar importanza; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ;

15.

Jilqa' l-linji gwida riveduti dwar lingwa newtrali fir-rigward tas-sessi fil-Parlament Ewropew, ippubblikati f'Lulju 2018, li issa jirriflettu aħjar l-iżviluppi kulturali u lingwistiċi u jipprovdu pariri prattiċi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE dwar l-użu ta' lingwaġġ ġust u inklużiv. ifakkar li l-Parlament Ewropew kien wieħed mill-ewwel organizzazzjonijiet internazzjonali li adotta linji gwida multilingwi dwar lingwa newtrali fl-2018. ifakkar fl-importanza li tinħoloq aċċettazzjoni pubblika wiesgħa tal-linji gwida u jistieden lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew, kif ukoll l-uffiċjali, jippromwovu u japplikaw dawn il-linji gwida b'mod konsistenti f'xogħolhom;

16.

Jirrikonoxxi x-xogħol tan-netwerk tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, jilqa' l-inklużjoni tar-rappreżentanti tal-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet fin-netwerk tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jappella biex dan in-netwerk jiġi żviluppat aktar;

17.

Jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kumitati parlamentari adottaw pjanijiet ta' azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma tagħhom u li ħafna minnhom diġà ppreżentawhom lin-Netwerk tal-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella, għalhekk, lill-ftit kumitati li fadal biex jagħmlu l-istess; jinnota, madankollu, l-eteroġeneità ta' dawn il-pjanijiet u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom; jappella għall-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni komuni dwar il-ġeneri għall-Parlament Ewropew li għandu, tal-inqas, jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza ugwali tal-ġeneri fil-ħidma parlamentari u l-korpi kollha tal-Parlament, l-introduzzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet ta' politika kollha tiegħu u fl-organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu u l-użu ta' lingwa li tuża ġens newtrali f'kull dokument; jitlob li r-Regoli ta' Proċedura jiġu emendati kif meħtieġ,

18.

Jiddispjaċih li fl-aħħar riforma tar-Regoli ta' Proċedura, il-proċeduri biex tiġi implimentata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ma ġewx inklużi;

19.

Jilqa' l-progress li sar matul dawn l-aħħar snin fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-maġġoranza tal-kumitati tal-Parlament;

20.

Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-kumitati parlamentari bil-għan li tinkiseb dimensjoni reali tal-ġeneri fir-rapporti tagħhom u jenfasizza l-importanza għall-kumitati parlamentari kollha li juru rispett għall-kompetenzi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kemm billi jaċċettaw l-emendi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mressqa mill-Kumitat u billi jaħdmu flimkien biex jevitaw il-kunflitti ta' kompetenzi;

21.

Itenni l-importanza tal-applikazzjoni ta' bbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju; jiddeplora n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' bbaġitjar skont il-ġeneru fl-istituzzjonijiet tal-UE, minkejja impenn qawwi favurihom; iħeġġeġ lill-korpi responsabbli tal-Parlament jinkorporaw il-perspettiva tal-ġeneri u jużaw l-indikaturi tal-ġeneru meta jabbozzaw u jadottaw l-estimi tal-Parlament, u matul il-proċess ta' kwittanza;

22.

Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE; jenfasizza li l-fastidju sesswali huwa delitt serju li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jiġix irrappurtat, u jikkostitwixxi forma estrema ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u huwa wieħed mill-akbar ostakli għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta' Lulju 2018 li tirrevedi l-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv li jittratta dwar ilmenti ta' fastidju fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-proċeduri tiegħu għat-trattament tal-ilmenti, filwaqt li b'saħħa japprova l-Artikolu 6 li jiddikjara li żewġ konsulenti esperti – uffiċjal mediku mis-Servizz Mediku u membru tas-Servizz Legali – għandhom jinħatru mis-Segretarju Ġenerali, kif ukoll iż-żieda tal-Artikolu 34a għall-Miżuri ta' Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta' każ ippruvat ta' fastidju ta' assistent parlamentari akkreditat (APA);

23.

Jilqa' l-miżuri l-ġodda, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Ottubru 2017, kontra l-fastidju meħud mill-Parlament, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2018, jiġifieri:

(a)

li l-Kumitat Konsultattiv jiġi pprovdut b'Segretarjat dedikat u permanenti, marbut mas-Segretarjat tal-Bureau u l-Kwesturi, li jkollu aktar membri tal-persunal u li jkunu speċjalizzati u mħarrġin b'mod regolari, u li jittrattaw b'mod esklużiv kwistjonijiet ta' fastidju;

(b)

li t-tieni rappreżentant tal-APA jitħalla jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat, bħala membru sħiħ, sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-kworum restrittiv u l-ammont ta' xogħol tar-rappreżentant tal-APA;

(c)

li jiġi żgurat li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (l-Artikoli 11 u 166) jinkludu penali ġodda għall-fastidju kif ukoll “Kodiċi ta' Mġiba Xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew fl-Eżerċizzji dwar id-Dmirijiet Tagħhom”, li tiġi żviluppata u ffirmata dikjarazzjoni minn kull Membru meta jibda l-mandat tiegħu u li tiġi ppreżentata lill-President, li kull Membru jaqra l-Kodiċi u jikkonferma li huwa se jirrispetta l-prinċipji tiegħu, u li d-dikjarazzjonijiet kollha (iffirmati jew mhux iffirmati) jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Parlament;

(d)

li tingħata informazzjoni aħjar lill-assistenti parlamentari akkreditati dwar il-possibbiltà li jkollhom l-ispejjeż legali kollha tagħhom koperti mill-Parlament u li jiġu appoġġjati tul il-proċess kollu;

24.

Madankollu jiddispjaċih ħafna dwar il-progress bil-mod u mhux adegwat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjoni tal-Parlament; jitlob li tingħata attenzjoni sħiħa u assoluta mill-President u l-amministrazzjoni tal-Parlament lill-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri mitluba kollha, b'mod partikolari permezz tal-pjan direzzjonali 2017-2019 dwar “miżuri preventivi u ta' appoġġ preliminari biex jiġu indirizzati l-kunflitt u l-fastidju bejn il-Membri u l-APAs, l-apprendisti jew persunal ieħor”, li għandu jiġi rivedut kemm jista' jkun malajr biex jiġu inklużi kix xieraq tal-anqas ir-rikjesti segwenti tar-riżoluzzjoni, bi skadenza ċara għall-implimentazzjoni tagħhom:

(a)

li jingħata taħriġ obbligatorju għall-Membri tal-PE u l-persunal;

(b)

li titwaqqaf task force ta' esperti esterni u indipendenti inkarigati biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju sesswali fil-Parlament Ewropew u l-funzjonament taż-żewġ kumitati tiegħu kompetenti fil-każijiet ta' fastidju;

(c)

li jissaħħu l-kumitati kontra l-fastidju billi jingħaqqdu f'kumitat wieħed b'kompożizzjoni varjabbli skont il-każ li jkun qiegħed jiġi eżaminat u bl-inklużjoni ta' esperti bħal avukati u tobba bħala membri permanenti tal-kumitat;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, timmonitorja ukoll l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni regolari tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (26), li tipprovdi għal bidla tal-oneru tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bejn is-sessi;

26.

Jerġa' jtenni l-appell tiegħu lis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew biex iwettaq riċerka kwalitattiva u kwantitattiva dettaljata b'mod regolari dwar il-progress tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament u l-funzjonament tal-istruttura organizzattiva ddedikati għalih, kif ukoll biex jiżviluppa valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneru u analiżijiet ibbażati fuq il-ġeneru; jappella għal ġbir akbar, sistematiku u perjodiku ta' data u statistika diżaggregata skont il-ġeneru fil-politika u fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-programmi kif ukoll fil-proċess tat-tfassil tal-politika sabiex jiġi analizzat l-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tingħata mappa preċiża tad-disparitajiet bejn is-sessi, jiġu vvalutati l-kisbiet jew ir-rigressjoni u jiġi infurmat it-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza;

27.

Itenni t-talba tiegħu għal taħriġ obbligatorju dwar ir-rispett u d-dinjità li għandu jiġi organizzat għall-Membri tal-PE u għall-persunal kollu u fi kwalunkwe każ fil-bidu tal-mandat il-ġdid;

28.

Ifakkar fl-importanza tal-bini ta' kapaċità għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE billi jiġi żgurat li t-taħriġ ipprovdut ikun sensittiv għall-ġeneru u billi jiġu previsti programmi ta' taħriġ speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-setturi kollha tal-politika; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-iżvilupp immirat u regolari ta' taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u għal programmi ta' taħriġ speċifiċi għan-nisa b'potenzjal ta' tmexxija; iħeġġeġ lid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal jipprovdi taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-Membri, l-assistenti u l-persunal tal-Parlament Ewropew, u sabiex il-gruppi politiċi tal-Parlament jipprovdu taħriġ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri lill-persunal tagħhom;

29.

Jilqa' l-Għodda għal Parlamenti Sensittivi għal Kwistjonijiet tal-Ġeneru, żviluppata mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali jevalwaw u jtejbu s-sensittività tagħhom għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi; jistieden lill-amministrazzjoni u lill-gruppi politiċi tal-Parlament jiżguraw segwitu adegwat tar-riżultati tal-valutazzjoni u l-evalwazzjoni;

30.

Jistieden lill-EIGE jippreżenta informazzjoni b'mod regolari lill-kumitati parlamentari u lill-Kummissjoni sabiex il-perspettiva tal-ġeneri tiġi enfasizzata f'kull qasam tat-tfassil ta' politiki u biex jagħmel id-data u l-għodod li żviluppa disponibbli, inkluż dwar l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru kif imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pjattaforma għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħala parti minn eżerċizzju usa' ta' bini ta' kapaċitajiet indirizzat ukoll għall-persunal u l-assistenti parlamentari;

Il-livell politiku

31.

Ifaħħar il-ħatra fl-2016 tar-rapporteur permanenti dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament Ewropew u l-involviment attiv tar-rapporteur permanenti fil-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Parlament iżomm din il-pożizzjoni għal-leġislatura 2019-2024;

32.

Jemmen li relazzjonijiet interistituzzjonali aktar b'saħħithom fil-qasam tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati politiki tal-UE sensittivi għall-ġeneri; jiddispjaċih li għadha ma ġiet stabbilita l-ebda kooperazzjoni strutturata dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ma' sħab istituzzjonali oħra, bħall-Kummissjoni, il-Kunsill u l-EIGE;

33.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiżdied il-preżenza tal-ġeneru sottorappreżentat, ta' spiss in-nisa, fuq il-listi elettorali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-partiti politiċi Ewropej u lill-membri tal-partit tagħhom jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi ta' kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019 permezz ta' zipped lists jew metodi oħrajn bħal listi ta' parità; jimpenja ruħu li jibbilanċja bejn l-irġiel u n-nisa fil-livelli kollha;

34.

Jistieden lill-gruppi politiċi tal-Parlament sabiex, għal-leġiżlatura 2019-2024, jiżguraw kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi fil-korpi governattivi tal-Parlament Ewropew u jirrakkomandalhom iressqu kemm Membri rġiel kif ukoll nisa bħala kandidati għall-pożizzjonijiet ta' President, Viċi President u Membru tal-Bureau, u għall-Presidenti tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, bil-ħsieb li jintlaħaq dan l-għan;

35.

Jirrakkomanda li, għal-leġiżlatura parlamentari 2019-2024, kull wieħed mill-gruppi politiċi tal-Parlament jaħtar żewġ Membri, raġel u mara, għall-kariga ta' koPresident tal-grupp;

36.

Iħeġġeġ lill-gruppi politiċi tal-Parlament sabiex, għal-leġiżlatura 2019-2024, iqisu l-għan li tintlaħaq rappreżentanza ugwali bejn il-ġeneri meta jkunu qed jinnominaw il-Membri għall-kumitati u d-delegazzjonijiet kollha, u speċjalment biex jinnominaw l-istess numru ta' membri rġiel u nisa kemm bħala membri kif ukoll sostituti tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, sabiex jinkoraġġixxu l-involviment tal-irġiel fil-politika ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

37.

Jissuġġerixxi li jiġu esplorati modi biex jiġi stabbilit netwerk tan-nisa fil-Parlament, li jintegra n-netwerks nazzjonali, peress li n-netwerks formali jew informali mhux biss itejbu l-proċessi tal-ħidma iżda huma wkoll element ewlieni fl-għoti ta' informazzjoni, appoġġ reċiproku u coaching, kif ukoll jipprovdu mudelli eżemplari;

38.

Iħeġġeġ lill-gruppi politiċi tal-Parlament jadottaw strateġija għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri biex jiġi żgurat li l-proposti tagħhom iqisu l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

39.

Jistieden lis-Segretarju-Ġenerali u lill-Bureau japplikaw l-istess prinċipju għall-attribuzzjoni ta' karigi maniġerjali superjuri bħall-attribuzzjoni tal-kariga ta' Kap ta' Unità, jiġifieri li jagħmluha obbligatorja li l-listi mqassra jinkludu tliet kandidati xierqa b'mill-inqas kandidat wieħed ta' kull sess, filwaqt li jiġi ddikjarat li, jekk il-bqija tkun ugwali (eż. kwalifiki, esperjenza), is-sess sottorappreżentat għandu jkun preferut; jinnota li jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati, il-post għandu jerġa' jiġi rreklamat;

40.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-lingwaġġ misoġinistiku użat f'diversi okkażjonijiet fil-kamra plenarja; jilqa' s-sanzjonijiet imposti mill-President tal-Parlament Ewropew u kkonfermati mill-Bureau kontra Membru tal-Parlament Ewropew għal rimarki li saru waqt is-sessjoni plenarja tal-1 ta' Marzu 2017 li mminaw id-dinjità tan-nisa; jinsab imħasseb dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-31 ta' Mejju 2018 li tannulla d-deċiżjoni tal-President u tal-Bureau, abbażi kemm fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta' Proċedura kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-KEDB (libertà tal-kelma); iħeġġeġ lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex, għal kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Regoli ta' Proċedura, jirrevedi r-regoli applikabbli bil-ħsieb li jiġu żgurati r-rispett u d-dinjità fil-kamra plenarja f'kull mument u, b'mod partikolari, iżid klawsola li tirrikjedi li l-Membri f'dibattiti parlamentari jżommu lura milli jadottaw lingwa li tinċita mibegħda jew tiddiskrimina fuq bażi ta' sess, razza, kulur, nazzjonalità, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija f'minoranza nazzjonali, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, u biex jimponi sanzjonijiet eżemplari f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' din il-klawżola;

41.

Jilqa' d-disponibbiltà ta' korsijiet ta' taħriġ professjonali dwar preġudizzju u fastidju inkonxju, jenfasizza li tali korsijiet ta' taħriġ għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn is-sessi u lil kwistjonijiet LGBTIQ u jsiru obbligatorji għall-maniġers u l-membri tal-bord tal-għażla, u jiġu mħeġġa b'mod qawwi għall-persunal l-ieħor kollu;

42.

Ifaħħar l-Istrateġija dwar id-Diversità u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni, ippubblikata fl-2017; iħeġġeġ lill-Parlament juża dan l-eżempju tajjeb, biex iħaddan bis-sħiħ il-ġestjoni tad-diversità u biex jirrikonoxxi, jagħti valur u jinkludi persunal ta' orjentazzjonijiet sesswali differenti jew ta' identitajiet tal-ġeneru;

Livell ammistrattiv

43.

Jilqa' r-rapport ta' Dimitrios Papadimoulis bit-titlu “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospetti 2017-2019” u l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tar-rapport; ifaħħar il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet konkreti tal-pjan direzzjonali u l-kalendarju ta' żmien ċar tiegħu għal miżuri speċifiċi fir-rigward tal-ġestjoni, it-taħriġ professjonali, is-sensibilizzazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-monitoraġġ regolari tal-bilanċ bejn is-sessi permezz tal-istatistika; Jappella għal progress aktar rapidu biex jintlaħqu l-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi stabbiliti għall-2019;

44.

Iħeġġeġ lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità biex kull sentejn iwettaq valutazzjoni strutturali tal-implimentazzjoni ta' kull punt tal-pjan direzzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, ibbażat fuq preżentazzjoni mid-DĠ PERS;

45.

Huwa mħasseb li minkejja dikjarazzjonijiet istituzzjonali u politiċi b'saħħithom, l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex espliċitament iddikjarati fid-dokumenti tal-baġit tal-Parlament u lanqas ma jitqiesu fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju;

46.

Jissuġġerixxi li d-DĠ PERS jipproduċi kwestjonarju li għandu jimtela min-nisa, speċjalment dawk fil-maniġment intermedju, fuq bażi volontarja, li jistħarreġ dwar il-motivazzjoni, l-ostakli u l-opportunitajiet professjonali tagħhom bil-ħsieb li jiftiehmu aħjar l-ostakli għall-applikazzjoni għal karigi ta' maniġment superjuri;

47.

Jilqa' r-rapport annwali dwar ir-riżorsi umani mfassal mill-Parlament;

48.

Ifakkar li, għal dak li jikkonċerna l-użu ta' miżuri biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, għandha tiġi inkoraġġuta b'mod speċifiku l-aċċettazzjoni ta' tali miżuri mill-maniġers u, jekk rilevanti, l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri b'mod ugwali miż-żewġ sħab; jinnota li s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-Parlament għandha titqajjem aktar permezz ta' sessjonijiet ta' ħidma, korsijiet ta' taħriġ u pubblikazzjonijiet; jindirizza l-fatt li l-Membri u l-persunal għandhom ikunu infurmati sew li l-miżuri għat-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, bħal liv tal-maternità/paternità, liv tal-ġenituri, liv għall-persuni li jindukraw u arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jgħinu biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, jinkoraġġixxu li jinqasmu aħjar ir-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, itejbu l-kwalità tal-impjiegi tan-nisa u l-benesseri tagħhom, u jkollhom impatti fit-tul fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

49.

Jirrakkomanda li d-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament jinkludi perspettiva tal-ġeneri aktar b'saħħitha u aktar attiva fir-rappurtar tiegħu fit-tfassil tal-politika tal-Parlament u speċjalment fit-tħejjijiet għall-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2019;

50.

Ifaħħar il-progress li sar fis-Segretarjat tal-Parlament dwar it-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' maniġment għoli u medju, iżda jinnota li minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-uffiċjali tal-Parlament huma nisa, ir-rappreżentanza tagħhom f'pożizzjonijiet maniġerjali f'livell għoli jew medju għadha baxxa ħafna: fi tmiem l-2017, 15,4 % tad-Diretturi Ġenerali, 30,4 % tad-Diretturi u 36,2 % tal-Kapijiet ta' Unità fis-Segretarjat tal-Parlament kienu nisa; ifakkar, għalhekk, li l-għażla bejn applikanti bl-istess profil (esperjenza, kwalifiki, eċċ.), il-ġeneru l-anqas rappreżentat għandu jkun ippreferut;

51.

Jitlob li l-għarfien jew l-esperjenza dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jitqiesu bħala vantaġġ fis-sejħiet għall-persunal u fl-għażla tal-persunal;

52.

Jistieden lis-segretarjati tal-kumitati tal-Parlament jassistu lill-Membri tagħhom biex jiżguraw kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi tal-kelliema fis-seduti ta' smigħ tal-kumitati billi jipproponu lista ta' esperti bbilanċjata mil-lat tas-sessi;

53.

Jenfasizza li, sabiex jinkiseb progress reali fit-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Segretarjat u fil-gruppi politiċi tal-Parlament, hemm bżonn ta' bidla kulturali biex jinbidlu l-attitudnijiet kunċettwali u ta' imġiba, bl-iżvilupp ulterjuri ta' kultura ta' ugwaljanza fis-Segretarjat;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 96.

(2)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.

(3)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 65.

(4)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 1.

(5)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.

(6)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.

(7)  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.

(8)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.

(9)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 18.

(10)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.

(11)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 11.

(12)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(13)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 35.

(14)  ĠU C 50, 9.2.2018, p. 15.

(15)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.

(16)  Testi adottati, P8_TA(2018)0331.

(17)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(18)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-equal-opportunities-diversity-inclusion-2017.pdf

(19)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/diversity-inclusion-charter-2017-07-19-en.pdf

(20)  https://ec.europa.eu/anti-trafficking/sites/antitrafficking/files/151203_strategic_engagement_en.pdf

(21)  https://rm.coe.int/prems-093618-gbr-gender-equality-strategy-2023-web-a5/16808b47e1

(22)  Testi adottati, P7_TA(2013)0455.

(23)  “The Global Gender Gap Report 2016”, Forum Ekonomiku Dinji, 2016, https://www.weforum.org/reports/the-global-gender-gap-report-2016

(24)  “Sustainable development in the European Union – monitoring report on progress towards the SDGs in an EU context” (L-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea – Rapport ta' monitoraġġ dwar il-progress biex jintlaħqu l-SDGs fil-kuntest tal-UE), Eurostat, 2018, https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/9237449/KS-01-18-656-EN-N.pdf/2b2a096b-3bd6-4939-8ef3-11cfc14b9329

(25)  Rapport bit-titolu “In-nisa fil-Parlament Ewropew”, Parlament Ewropew, 8 ta' Marzu 2018, http://www.europarl.europa.eu/RegData/publications/2018/0001/P8_PUB%282018%290001_MT.pdf

(26)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.