24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/07)

Relatur:

Karolina DRESZER-SMALEC

Korelatur:

Jukka AHTELA

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

145/3/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-partiti populisti għamlu kisbiet sinifikanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-populiżmu jwassal biex tiddgħajjef l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet politiċi, kif ukoll għal aktar frammentazzjoni u polarizzazzjoni tal-komunitajiet, u għal ambjent dejjem aktar riskjuż għad-deċiżjonijiet ta’ investiment min-naħat tan-negozji.

1.2.

Il-kawżi wara s-suċċess tal-movimenti u l-partiti populisti huma diversi. B’mod ġenerali ħafna, proċessi ta’ globalizzazzjoni li jaffettwaw it-tipi kollha ta’ pajjiżi żviluppati qed jixprunaw din is-sitwazzjoni. B’mod aktar speċifiku, il-populiżmu jista’ jiġi spjegat kemm fid-dawl ta’ fatturi kulturali u ta’ identità kif ukoll ta’ żviluppi soċjoekonomiċi. Fl-aħħar nett, it-theddida populista hija partikolarment evidenti fil-“postijiet insinifikanti” (1), irrispettivament minn jekk humiex fil-periferija jew fiċ-ċentru nett tal-Unjoni Ewropea.

1.3.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-biżgħat, l-ansjetà u r-rabja li jwasslu lin-nies biex jidentifikaw ruħhom mal-partiti populisti u, min-naħa l-oħra, dawk l-intraprendituri politiċi li deliberatament jippruvaw jibdlu dawn il-biżgħat fi profitti politiċi. L-iskuntentizza taċ-ċittadini, li ħafna drabi jkollha raġunijiet razzjonali, jeħtieġ li titqies bis-serjetà. Din hija differenti mir-retorika tal-mexxejja populisti li jippruvaw jieħdu vantaġġ minn dik l-iskuntentizza.

1.4.

Il-ġeografija tal-iskuntentizza tikkombina flimkien il-qasma kontinentali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u dik bejn il-Lvant u l-Punent madwar l-UE mal-firda nazzjonali bejn iċ-ċentru u l-periferija fi ħdan kull Stat Membru individwali. L-iskuntentizza għandha l-għeruq f’diversi forom ta’ tbatija, skont il-post. Il-kontrostrateġiji għandhom iqisu dawn il-kumplessitajiet jekk jixtiequ li jirnexxu. Il-KESE jemmen li l-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u atturi oħra, pereżempju. mexxejja lokali u movimenti soċjali, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-populiżmu.

1.5.

Aktar ma n-nies ma jigwadanjawx mis-suċċess tal-pilastri tat-tkabbir ta’ pajjiżhom, aktar ikunu evidenti l-attitudnijiet negattivi tagħhom fil-konfront tal-hekk imsejħa “elites” li jiggvernaw, is-sistemi tal-partiti u l-istili ta’ ħajja postmoderni. Attivisti tas-soċjetà ċivili huma ta’ spiss ikklassifikati bħala parti minn dawn il-gruppi, u għalhekk dan iwassal biex jissaħħu l-attitudnijiet negattivi lejhom.

1.6.

Għas-soċjetà ċivili, is-sitwazzjoni ssir partikolarment gravi fejn il-populisti kisbu l-poter u huma kapaċi li jinfluwenzaw b’mod ċar l-aġendi tal-gvern, u jimxu lejn l-awtoritarjaniżmu. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mhedda bil-bosta mhux biss bit-tnaqqis fl-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom, iżda wkoll minħabba theddid personali u persekuzzjoni.

1.7.

Il-KESE jqis li l-edukazzjoni ċivika dwar il-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt għandha tissaħħaħ biex tindirizza dawn l-iżviluppi. Huwa jinnota r-rakkomandazzjoni magħmula fl-Opinjoni dwar “It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt” (2) biex l-Istati Membri jintegraw dawn is-suġġetti fil-kurrikuli tal-iskola u l-edukazzjoni għolja, u biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll ir-rwol tal-midja indipendenti.

1.8.

Meta wieħed jikkunsidra x-xewqa tal-popolazzjoni għal viżjonijiet politiċi ambizzjużi u effettivi, il-KESE huwa konvint li l-Unjoni Ewropea għandha tipproponi narrattivi dwar il-futur mixtieq u terġa’ tqajjem il-prinċipji ewlenin li kellhom rwol ewlieni fil-proġett Ewropew, bħalma huma s-sħubija u s-sussidjarjetà.

1.9.

Il-KESE jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti” (2018/2720(RSP) (3) li “tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, il-benesseri soċjali, il-protezzjoni tan-natura u l-kooperazzjoni u l-interkonnessjoni ma’ żoni urbani sabiex titrawwem il-koeżjoni u jiġi evitat ir-riskju ta’ frammentazzjoni territorjali”. Għalhekk, il-Kumitat jingħaqad mal-Parlament fil-promozzjoni tal-ħolqien ta’ Patt dwar Irħula Intelliġenti li jinvolvi l-livelli kollha ta’ gvern f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.10.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (4) għall-“istabbiliment ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija li (…) tirrifletti l-kundizzjonijiet qafas għall-attività tas-soċjetà ċivili u twassal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal riforma.”

1.11.

L-awtoritajiet għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem (5) għall-politiki — b’mod partikolari politiki ta’ riforma ekonomika bbażati fuq valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem (6). Dan għandu jkun prerekwiżit għal dibattiti nazzjonali infurmati u inklussivi u l-aġġustament tal-għażliet politiċi kif ukoll l-implimentazzjoni bla xkiel tar-riformi.

1.12.

Il-KESE jitlob aktar enfasi fuq l-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, li ħafna minnhom huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ mutwaliżmu u kura. Huwa jinkoraġġixxi miżuri mmirati li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-appoġġ u l-konnessjoni aħjar ta’ inizjattivi bħal dawn, sabiex nimxu lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali lejn alleanzi politiċi u soċjali emanċipatorji.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-infrastruttura fil-livell sottonazzjonali. Is-sospensjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku, flimkien mal-għeluq tal-iskejjel u s-servizzi tas-saħħa, kienu b’mod ċar fost ir-raġunijiet li wasslu għall-protesta populista fl-Ewropa.

1.14.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom itejbu l-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej, nazzjonali u lokali u jfornuhom b’riżorsi biex jgħinuhom itejbu l-ambitu u l-kwalità tal-azzjoni tagħhom. Huma għandhom rwol importanti fir-rikonoxximent u r-rispons għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet. Dawn jiġu milquta partikolarment ħażin meta l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija jiddeterjoraw.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-partiti populisti għamlu kisbiet sinifikanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-KESE huwa mħasseb serjament minn dan l-iżvilupp u jitlob inizjattivi ewlenin biex jindirizzah, billi jinbdew sforzi biex ikunu mifhuma aħjar il-kawżi sottostanti tiegħu.

2.2.

Il-KESE jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jintlaqtu partikolarment ħażin meta l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija jiddeterjoraw. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa qed jesperjenzaw tnaqqis fl-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom f’ħafna pajjiżi. Iż-żieda ulterjuri fil-popoliżmu x’aktarx ukoll tfisser inqas stabbiltà ekonomika kif ukoll governanza u politiki aktar ineffiċjenti, li jwasslu għal effett negattiv fuq l-investimenti.

2.3.

Il-KESE diġà esprima tħassib serju dwar “id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem, it-tendenza populista u awtoritarja li qed tinfirex, u […] mir-riskju li dan iġib miegħu għall-kwalità tad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali” (7). Huwa talab lill-istituzzjonijiet Ewropej biex “jieħdu approċċ proattiv u preventiv fl-attivitajiet politiċi tagħhom, sabiex jiġu antiċipati u evitati l-problemi.”

2.4.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (8) il-KESE enfasizza li jqis li s-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni “fil-preservazzjoni tad-demokrazija liberali fl-Ewropa” u li “soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa biss tista’ tiddefendi d-demokrazija u l-libertà u tippreserva Ewropa mit-tentazzjonijiet tal-awtoritarjaniżmu.”

2.5.

Diversi dimensjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jinftiehem għalkollox il-fenomenu tal-populiżmu. Xi osservaturi jirrikorru primarjament għall-fatturi kulturali biex jidentifikaw is-sors tal-populiżmu. Filwaqt li ma jittraskurawx l-importanza ta’ dawn il-fatturi, oħrajn jargumentaw li l-kawża primarja taż-żieda fil-popoliżmu hija soċjoekonomika, u għandha l-għeruq tagħha fil-kumplessitajiet tal-proċess tal-globalizzazzjoni.

2.6.

Ħafna mit-tħassib fil-qalba tal-iskuntentizza tan-nies huwa razzjonali u jitlob soluzzjonijiet politiċi. Dan it-tħassib leġittimu għandu jiġi distint mit-tentattivi ta’ xi intraprendituri politiċi biex jieħdu vantaġġ mill-iskuntentizza u jużawh għal gwadann elettorali permezz ta’ proposti demagoġiċi iżda mhux raġonevoli.

2.7.

Il-fatturi l-aktar importanti li jispjegaw kif jiġi milqugħ il-populiżmu jinkludu: l-età (ta’ importanza għolja), il-livell ta’ edukazzjoni (ta’ importanza baxxa), il-ġid relattiv (ta’ importanza baxxa), il-qgħad (ta’ importanza għolja) u t-tip ta’ impjieg (atipiku, għal żmien fiss). Il-prevalenza ta’ dawn il-fatturi soċjoekonomiċi hija ogħla fiż-żoni rurali u barra l-bliet il-kbar.

2.8.

Il-vot ta’ Brexit fir-Renju Unit, il-moviment tas-Sdieri Sofor fi Franza u s-suċċess tal-AFD fil-Lvant tal-Ġermanja, tal-Lega fl-Italja, u tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja fil-Polonja jvarjaw f’ħafna aspetti. Madankollu, dak li għandhom komuni bejniethom dawn l-iżviluppi kollha huwa li jirriflettu t-tnaqqis drastiku tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet, fil-politiċi u fil-midja.

2.9.

Inqas ma n-nies jirnexxielhom jibbenefikaw mis-suċċess tal-pilastri tat-tkabbir tal-pajjiż rispettiv tagħhom, aktar ikunu evidenti l-attitudnijiet negattivi tagħhom fil-konfront tal-hekk imsejħa “elites” li jiggvernaw, is-sistemi tal-partiti u l-istili ta’ ħajja postmoderni. Attivisti tas-soċjetà ċivili huma ta’ spiss ikklassifikati bħala parti minn dawn il-gruppi, u għalhekk dan iwassal biex jissaħħu l-attitudnijiet negattivi lejhom u dan għandu implikazzjonijiet sostanzjali fuq l-operat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.   Fatturi ġenerali kif ukoll marbuta mal-post li jikkostitwixxu l-populiżmu

3.1.

Iż-żieda fil-populiżmu tista’ tiġi spjegata permezz ta’ żewġ perspettivi ewlenin. L-ewwel perspettiva tenfasizza l-fatturi kulturali bħat-tiswir tal-identità u l-bidliet fil-perċezzjonijiet bħala riżultat ta’ xejriet fl-iżvilupp matul l-aħħar żewġ jew tliet deċennji. Il-perspettiva l-oħra tenfasizza l-importanza ta’ fatturi soċjoekonomiċi bħala l-kawżi ewlenin li jispjegaw is-suċċess tal-populiżmu. Filwaqt li dawn iż-żewġ spjegazzjonijiet huma rilevanti, jidher biċ-ċar li l-fatturi ekonomiċi u politiċi huma aktar importanti meta wieħed iqis ir-rwol tal-ispazju u t-territorju (9).

3.2.

Il-populiżmu huwa espressjoni waħda speċifika ta’ dak li qiegħed jissejjaħħ bidla fl-era, bidla fl-epoka, jew pawża epokali. Il-pajjiżi kollha huma affettwati mill-implikazzjonijiet ta’ din il-bidla, fi gradi differenti, irrispettivament mir-reġjun involut. Id-dimensjonijiet ewlenin kollha tal-ordni soċjali għandhom tendenza li jkunu soġġetti għal dik il-bidla — l-istat daqs is-suq jew il-komunità, tal-aħħar tirrappreżenta s-soċjetà ċivili.

3.3.

Immexxi minn proċessi ta’ komodifikazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali u politiċi, il-populiżmu għandu t-tendenza li l-ewwel jikseb il-popolarità fid-dimensjoni tal-komunità. Komunitajiet imsejsa fuq l-għażla, bħal assoċjazzjonijiet ta’ interess, movimenti soċjali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn, kulma jmur qed isiru dejjem iżjed soġġetti għal diżorganizzazzjoni. Huma jitħabtu biex jissopravivu u biex iżommu l-membri tagħhom. Komunitajiet miġbura mid-destin, bħall-familji, il-ġirien, u gruppi lokali, ukoll isofru minn frammentazzjoni, telf ta’ solidarjetà, aljenazzjoni, u xoljiment.

3.4.

F’dinja dejjem aktar kumplessa, frammentazzjoni soċjoloġika u politika bħal din għandha t-tendenza li tikkawża insigurtà, ansjetà, u t-tfittxija għal tweġibiet mhux ambigwi. Ħafna drabi, il-komunitajiet tradizzjonali ma jibqgħux kapaċi jipprovdu tweġibiet bħal dawn. Irrispettivament mill-età u l-klassi soċjali, ħafna nies ifittxu modi ġodda ta’ appartenenza u għal identitajiet sikuri. Intraprendituri politiċi populisti speċjalizzaw fi tweġibiet sempliċi bħal dawn, li ħafna drabi huma relatati ma’ viżjoni li tħares lura lejn passat glorjuż li jkun jeħtieġ li jerġa’ jinbena.

3.5.

Ladarba jiġu tradotti fi programmi politiċi li huma attraenti, tweġibiet sempliċi bħal dawn jikkontribwixxu għar-realtajiet tal-politika u tal-istat — dawn tal-aħħar huma sistemi li huma stess jiġu affettwati mill-frammentazzjoni tas-sistemi tal-partiti u minn tnaqqis fil-fiduċja fil-governanza.

3.6.

Il-kawżi ġenerali li jispjegaw il-populiżmu jissaħħu aktar bil-frammentazzjoni territorjali li taffettwa ż-żoni rurali u suburbani. Il-popolazzjonijiet tagħhom iħossuhom maqtugħin mill-iżvilupp ekonomiku u mill-infrastrutturi pubbliċi fl-oqsma tat-trasport, is-saħħa, il-kura għall-anzjani, l-edukazzjoni u s-sigurtà. Dan jissarraf fi prevalenza għolja ta’ antielitiżmu u ta’ preġudizzji kontra dak li huwa kkunsidrat bħala mod ta’ ħajja kożmopolitan.

4.   Il-globalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika

4.1.

Il-globalizzazzjoni ġġenerat opportunitajiet u theddidiet, u dawn tal-aħħar huma ta’ piż akbar fuq iż-żoni suburbani u rurali. Dan ħoloq diżinvestiment f’dawn iż-żoni u sensazzjoni ġustifikata ta’ nuqqas ta’ sigurtà meta ffaċċjati mir-riskji ta’ delokalizzazzjoni tal-infrastrutturi u l-impjiegi tal-industrija, flimkien ma’ rifjut ta’ politiki tat-tassazzjoni mhux ġusti li huma meqjusa ġeneralment bħala mhux ekwi biżżejjed. Ftehimiet kummerċjali speċifiċi, bħal dak reċenti mal-Mercosur, ukoll qajmu tħassib f’xi Stati Membri peress li huma meqjusa li qed jipperikolaw l-għajxien tal-bdiewa Ewropej u l-mudell Ewropew ta’ familja tal-biedja.

4.2.

Din l-“ekonomija politika tal-populizmu” hija analizzata f’rapport imħejji għall-Grupp tad-Diversità tal-KESE (10), li jissuġġerixxi li livelli ogħla ta’ introjtu disponibbli, tar-rata ta’ impjieg, tan-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali, u tal-PDG huma kollha assoċjati ma’ sehem iżgħar ta’ voti populisti fil-livell reġjonali. Tnaqqis fl-introjtu disponibbli huwa assoċjat ma’ żieda fl-appoġġ għall-partiti populisti.

4.3.

Minkejja l-iżviluppi pożittivi ġenerali fil-qasam tal-impjiegi fl-Ewropa, il-qgħad, l-impjiegi atipiċi, u l-marġinalizzazzjoni soċjali u ekonomika huma partikolarment akuti fost il-popolazzjoni żagħżugħa f’ħafna Stati Membri. Dawk li għandhom bejn l-20 u t-30 sena jistgħu jkunu l-ewwel ġenerazzjoni mit-twelid tal-UE li jistgħu jkunu f’sitwazzjoni agħar minn dawk ta’ qabilhom. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li 44 % tal-ħaddiema fl-Ewropa ta’ bejn id-19 u l-24 sena għandhom biss kuntratt temporanju, meta mqabbel mal-14 % tal-popolazzjoni kollha kemm hi.

4.4.

Iż-żoni rurali, suburbani u periferali huma ġeneralment aktar suxxettibbli għall-influwenza tal-populiżmu, li jipproponi mudell li jqajjem dubji dwar il-fatturi li fuqhom kien ibbażat it-tkabbir ekonomiku reċenti: swieq miftuħa, migrazzjoni, integrazzjoni ekonomika u globalizzazzjoni (11).

4.5.

Fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku strutturalment baxx, l-istati Ewropej ġeneralment għandhom it-tendenza li jkollhom inqas dħul u aktar infiq. Il-pressjoni fuq l-infiq ġejja minn fatturi multipli inklużi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-piż tad-dejn, u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tas-sigurtà pubblika. Fl-istess ħin, il-pressjoni fuq id-dħul ġejja minn fatturi bħall-għażliet politiċi u ekonomiċi, il-politiki ta’ awsterità u l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa. Riżultat ta’ dan, l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi tillimita lill-istati fir-rwoli tagħhom bħala dawk li jwettqu d-dmirijiet fil-qasam tal-politiki ridistributtivi, li huma ċentrali għat-twettiq tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi. Investituri pubbliċi u privati qed jitbiegħdu min-nisġa industrijali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u suburbani, u dan iwassal għas-sensazzjoni ta’ marġinalizzazzjoni u abbandun minn strutturi statali u servizzi pubbliċi minn xi setturi tal-popolazzjoni.

4.6.

Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jikkunsidraw l-inklussività, l-aċċess għad-drittijiet, u l-preservazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi u industrijali u l-provvista tal-impjiegi bħala kriterji ewlenin għall-politiki ekonomiċi, ta’ koeżjoni u territorjali.

5.   Ir-rwol tal-migrazzjoni

5.1.

Bħall-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni hija fenomenu li jaffettwa l-pajjiżi kollha, dawk żviluppati u anke dawk inqas żviluppati. Mhux probabbli li ma tibqax teżisti u se tikber maż-żmien. Il-pressjoni dejjem tiżdied imposta minn movimenti populisti tagħmilha aktar ikkumplikata, iżda mhux inqas obbligatorja, għall-Istati Membri li jiftiehmu dwar politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil li hija tant meħtieġa u li tkun ġusta, li tagħder u li tkun responsabbli, u li tkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

5.2.

Ir-retorika populista mhijiex diretta b’mod razzjonali lejn l-aspetti regolatorji tal-politiki tal-migrazzjoni. Minflok, hija toħloq stigma b’mod dirett fuq il-migranti, li tqishom bħala kriminali, terroristi jew invażuri, u b’hekk toħloq klima li tħeġġeġ attakki diretti kontrihom.

5.3.

Fir-rigward tal-migrazzjoni, id-diviżjonijiet l-aktar importanti f’termini ġeografiċi huma relatati mad-differenzi fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol jistgħu jkunu relattivament miftuħa għall-immigranti f’xi pajjiżi iżda magħluqa u esklużjonarji f’oħrajn. Bil-wasla ta’ numru ikbar ta’ migranti, ir-reazzjonijiet ta’ dawk il-partijiet tal-popolazzjoni lokali li huma emarġinati, jew li huma anzjużi li jistgħu jsiru emarġinati, huma differenti skont it-tipi ta’ ekonomiji politiċi.

5.4.

F’xi pajjiżi, u f’żoni speċifiċi ta’ dawk il-pajjiżi, hemm il-biża’ li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali se jitgħabbew iżżejjed waqt li, f’oħrajn, il-migranti huma perċepiti bħala kompetituri fis-suq tax-xogħol. Suġġettivament, il-migranti jistgħu jirrappreżentaw sfida fir-rigward ta’ impjieg stabbli jew li jirċievu benefiċċji soċjali. Biża’ ta’ dan it-tip jista’ jkun partikolarment evidenti fost nies li jgħixu f’żoni rurali u suburbani.

5.5.

Dan iwassal għal għadd kbir ta’ kawżi potenzjali għat-tkabbir ta’ movimenti populisti li l-gvernijiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jikkunsidraw meta jfasslu kontrostrateġiji xierqa ta’ natura politika u/jew ekonomika. Daqstant ieħor importanti huwa l-fatt li, f’partijiet tal-UE, sentimenti ta’ deterjorament soċjali u ta’ marġinalizzazzjoni ekonomika ma jirriżultawx minn migrazzjoni lejn, iżda pjuttost, minn migrazzjoni ’l barra minnhom. B’mod speċjali f’partijiet tal-Ewropa tal-Lvant, it-tluq ta’ professjonisti bi kwalifiki għoljin laħaq livelli drammatiċi li ħarbtu l-istruttura soċjoekonomika ta’ dawn il-pajjiżi.

5.6.

Il-KESE jiċħad l-idea li hemm kompetizzjoni għar-riżorsi pubbliċi bejn il-migranti u l-popolazzjonijiet lokali. Huwa jappella lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iżidu l-attivitajiet tagħhom maħsuba biex jindirizzaw il-biża’ u l-ansjetà preżenti fost ċerti sezzjonijiet tal-popolazzjoni. Huwa jitlob ukoll il-ħolqien ta’ programmi edukattivi u soċjali li jindirizzaw il-firxa ta’ motivi li jixprunaw il-populiżmu, speċjalment f’żoni remoti tal-UE. Għandu jkun hemm aktar appoġġ lill-pjattaformi u n-netwerks nazzjonali u Ewropej tas-soċjetà ċivili sabiex tinkiseb analiżi aktar dettaljata tal-fenomenu u tiġi mħeġġa d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni affidabbli u attivitajiet edukattivi mmirati lejn fehim aħjar tiegħu.

6.   Il-ġeografija tal-iskuntentizza

6.1.

Il-partiti populisti kisbu suċċess akbar mill-medja f’żoni tal-periferija rurali u postindustrijali tal-UE (12). Dan huwa l-każ fir-rigward tal-vot ta’ Brexit fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Awstrija fejn il-kandidat tal-FPÖ kiseb 62 % tal-vot rurali matul l-elezzjonijiet presidenzjali f’Mejju 2018.

6.2.

Il-ġeografija tal-iskuntentizza tikkombina flimkien il-qasma kontinentali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u dik bejn il-Lvant u l-Punent madwar l-UE mal-firda nazzjonali bejn iċ-ċentru u l-periferija fi ħdan kull Stat Membru individwali. Il-populiżmu kiber matul is-snin minħabba din il-frammentazzjoni multipla tas-soċjetajiet u t-territorji. L-infrastrutturi u l-politiki tat-trasport huma għalhekk ta’ importanza partikolari peress li jiżguraw kontinwità territorjali u huma prekundizzjoni materjali għall-aċċess pubbliku għad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali jqisu l-politiki tat-trasport, l-infrastruttura u l-konnettività tal-Internet bħala mezz ta’ kif jiġi indirizzat il-populiżmu. L-awtoritajiet għandhom isawru dawn il-politiki kif ukoll politiki ta’ koeżjoni, soċjali u ta’ tnaqqis tal-faqar permezz ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem (13). Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki, b’mod partikolari l-politiki ta’ riforma ekonomika, huma bbażati fuq valutazzjonijiet sistematiċi ex ante u ex post tad-drittijiet tal-bniedem (14), sabiex jiffaċilitaw dibattiti nazzjonali infurmati u inklużivi dwar l-arbitraġġ u l-aġġustament tal-għażliet politiċi.

6.4.

Waħda mill-konsegwenzi tal-frammentazzjoni soċjali, ekonomika u territorjali hija li de facto qed tiżdied iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ parti kbira mill-popolazzjoni fiż-żoni suburbani u rurali. Din tieħu l-forma ta’ astensjoniżmu għoli, iċ-ċaħda tad-demokrazija rappreżentattiva u tal-korpi intermedjarji inklużi l-partiti politiċi u t-trejdjunjins, u l-appoġġ għall-movimenti radikali populisti. Il-KESE jqis li l-edukazzjoni ċivika dwar il-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, għandha tissaħħaħ, sabiex tindirizza dawn l-iżviluppi. Huwa jinnota r-rakkomandazzjoni magħmula fl-Opinjoni dwar “It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt” (15) biex l-Istati Membri jintegraw dawn is-suġġetti fil-kurrikuli tal-iskola u l-edukazzjoni għolja, u biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

6.5.

Preċiżament minħabba l-politiki li jinterċettaw ta’ identità, ta’ appartenenza, ta’ rikonoxximent u ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, għandu jitqies il-fatt li r-reliġjon, id-dinamika tal-ġeneri, il-post u l-identità kulturali huma importanti, bħalma huma l-interessi tal-klassijiet u l-inugwaljanza. Il-mobilizzazzjoni ta’ alternattivi għall-mod kif jiġu konvinti daqstant faċilment minn forzi politiċi rigressivi mhijiex ovvja. Huma meħtieġa kampanji u narrattivi ġodda. Mod wieħed partikolarment importanti biex dan jintlaħaq huwa li jkunu kkunsidrati l-ħafna attivitajiet ekonomiċi ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ komunità, mutwaliżmu u kura. Il-kompitu huwa, għalhekk, li dawn jingħaqdu, u nimxu lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali, u ngħaqqduhom ma’ xulxin u ma’ alleanzi politiċi emanċipatorji.

7.   Kif is-soċjetà ċivili barra l-bliet il-kbar hija affettwata mill-populiżmu

7.1.

Is-soċjetà ċivili hija affettwata ħafna miż-żieda fil-movimenti u l-partiti populisti madwar l-Ewropa u f’livelli territorjali differenti. Billi l-ispazji politiċi f’ħafna partijiet tal-Ewropa huma dejjem aktar affettwati mill-propaganda awtoritarja, minn attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti, u mill-vjolenza faxxista, il-movimenti soċjali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju kollha qed ikunu ikkonċernati direttament.

7.2.

Għas-soċjetà ċivili, is-sitwazzjoni saret partikolarment gravi fejn il-populisti kisbu l-poter u huma kapaċi li jinfluwenzaw l-aġendi tal-gvern. Meta l-partiti populisti jokkupaw pożizzjonijiet ewlenin fil-Parlament u fl-eżekuttiv, huma għandhom tendenza li jimbuttaw lis-soċjetajiet li xi darba kienu liberali fid-direzzjoni ta’ reġimi awtoritarji. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mhedda bil-bosta mit-tnaqqis tal-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, ċerti NGOs foloz li jinħolqu minn fuq u li ta’ spiss jagħmluha li tabilħaqq huma radikalment demokratiċi, ikomplu jikkumplikaw aktar il-ħidma ħielsa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eżistenti.

7.3.

Il-kwistjoni dwar sa fejn is-soċjetà ċivili hija affettwata mill-populiżmu fiż-żoni rurali u suburbani hija kumplessa. Attivisti rurali spiss ma jkollhomx ir-riżorsi kritiċi biex jibnu t-tipi ta’ koalizzjoni li huma aktar komuni fiż-żoni metropolitani. Dan japplika wkoll għal koalizzjonijiet, pereżempju ma’ movimenti tal-konsumatur u attivisti dwar l-ikel ibbażati fil-bliet, li ħafna drabi huma aktar avvanzati fil-politika dwar l-ikel sostenibbli. In-nuqqas ta’ movimenti soċjali b’saħħithom u partiti politiċi li jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tal-abitanti fiż-żoni rurali jispjega, parzjalment, is-suċċess elettorali tal-partiti populisti tal-lemin fl-Ewropa rurali.

8.   Opportunitajiet biex jiġi miġġieled il-populiżmu

8.1.

Żewġ settijiet ta’ politiki huma rrakkomandati bħala għodod għall-ġlieda kontra l-populiżmu. L-ewwel wieħed huwa relatat mat-theddida populista b’mod ġenerali u ma’ strumenti potenzjali li għandhom jintużaw mill-Unjoni Ewropea. It-tieni sett ta’ rakkomandazzjonijiet jirreferi b’mod aktar dirett għal reġjuni speċifiċi, u għal żoni rurali u suburbani.

8.2.

Diversi strateġiji jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw l-għeruq tal-populiżmu. L-ewwel waħda tikkonċerna l-mod kif il-politiċi u l-istituzzjonijiet javviċinaw u jimpenjaw ruħhom ma’ dawk li effettivament qed ibatu minn tbatija soċjoekonomika. Il-kumplessitajiet soċjali, ekonomiċi u politiċi huma tali li l-ebda istituzzjoni waħedha, inkluża l-UE, ma tista’ ssib tweġibiet faċli u mhux ambigwi li jnaqqsu din il-kumplessità billi jerġgħu lura għal status quo preċedenti soċjoekonomiku idealizzat. Filwaqt li jiffokaw fuq l-indirizzar tal-kawżi fl-għeruq tal-populiżmu, il-politiċi u l-istituzzjonijiet għandhom iħottu r-retorika li tiddikjara li tipproponi tweġibiet immedjati u infallibbli għal problemi kumplessi.

8.3.

It-tieni minn fost dawn l-istrateġiji tirrelata direttament mal-immaġni u d-destin tal-Unjoni Ewropea. Fost il-ħafna frustrazzjonijiet li jinħassu minn dawk li huma aktar riċettivi għall-propaganda populista nsibu n-nuqqas ta’ proġetti politiċi tassew mixtieqa li jipproponu tama kredibbli għal futur aħjar u azzjoni mmirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum. Il-populisti użaw din il-frustrazzjoni biex jissuġġerixxu viżjoni li tħares lura li għandha l-għeruq tagħha f’passat li jidher glorjuż. Biex tissopravivi, l-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tqajjem mill-ġdid ix-xewqa popolari għall-proġett Ewropew.

8.4.

Il-mit tat-twaqqif tal-UE waħedha m’għadhiex biżżejjed biex tappella lin-nies tal-Ewropa. L-UE għandha tipproponi narrattivi dwar futur mixtieq u terġa’ tqajjem il-prinċipji ewlenin li kellhom rwol ewlieni fil-proġett Ewropew, bħas-sħubija u s-sussidjarjetà.

8.5.

Il-KESE jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jagħtu ħajja ġdida lill-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-sħubija. Kif issemma fir-Rakkomandazzjoni tal-Grupp Diversity Europe dwar “Regaining Citizens’ Trust and Confidence in the EU” (16) (Nerġgħu niksbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-UE), il-KESE jikkunsidra li għandhom isiru sforzi biex l-prinċipju tas-sussidjarjetà ikun iċċarat liċ-ċittadini u jkun spjegat li l-UE tirrispetta kemm id-diversità kulturali kif ukoll it-tradizzjonijiet lokali. Is-sussidjarjetà funzjonali tkun tikkonsisti f’involviment akbar min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fl-ippjanar reġjonali kif ukoll fil-politiki reġjonali tal-UE, daqs kemm ukoll fid-difiża tad-demokrazija, il-ġustizzja, u t-trattament ugwali tal-abitanti kollha fiż-żoni rurali u periferali. Is-sussidjarjetà territorjali tagħti aktar setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jassumu responsabbiltà konġunta fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki strutturali.

8.6.

Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ għodda implimentata fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea, jiġifieri l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD). L-atturi lokali u ċ-ċittadini b’hekk ikollhom l-opportunità li jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward ta’ problemi li jikkonċernawhom direttament u li b’hekk jikkontribwixxu sostanzjalment biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

8.7.

Is-sħubija hija essenzjali, kemm fir-rigward tal-komunikazzjoni kif ukoll għas-solidarjetà u l-għajnuna reċiproka fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn pajjiżi differenti. Is-sħubija hija daqstant importanti meta niġu għall-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-gruppi tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali.

8.8.

L-UE u l-Istati Membri għandhom itejbu r-reazzjonijiet tagħhom għall-ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt li jirriżultaw minn azzjoni minn movimenti populisti, inklużi dawk fil-poter. Il-KESE jinnota r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (17) għall-“istabbiliment ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija li (…) tirrifletti l-kundizzjonijiet qafas għall-attività tas-soċjetà ċivili u twassal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal riforma”, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni dwar “Aktar tisħiħ tal-istat tad-dritt” (18).

8.9.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kunsiderazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni jiġu integrati f’din it-Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija u f’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-istat tad-dritt fil-futur. Komunikazzjoni bir-reqqa għandha tagħmilha ċara li r-rispons tal-UE u tal-Istati Membri għandha l-għan li tindirizza l-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt minn ċerti politiki populisti, aktar milli tkun immirata lejn nies li vvutaw għal partiti populisti, u li t-tħassib leġittimu tagħhom għandu jitwieġeb permezz ta’ politiki ġusti, mhux diskriminatorji u effettivi.

9.   Appoġġ ta’ rispons mill-għeruq għall-populiżmu

9.1.

Il-problema li s-soċjetà ċivili qed tiffaċċja fiż-żoni rurali mhijiex neċessarjament waħda ta’ “spazji li qed jiċkienu”. Il-problema hija li l-ispazji għad iridu jinħolqu. Reazzjoni għaż-żieda fil-popoliżmu għandha tindirizza kemm jista’ jkun il-kawżi tal-iskuntentizza mill-għeruq u għandha tiġi kemm jista’ jkun minnhom. Il-KESE jħeġġeġ azzjoni li toħloq sens ta’ interessi u objettivi komuni fost gruppi varji ta’ produtturi tal-ikel u konsumaturi, bejn il-klassijiet, il-ġeneri, il-ġenerazzjonijiet u l-firdiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Is-sovranità tal-ikel u d-diversi kwistjonijiet madwar id-dritt għall-ikel u għal ambjent b’saħħtu huma eżempji ta’ sfidi speċifiċi li jkunu indirizzati aħjar permezz tat-tisħiħ tas-solidarjetà, l-identità kollettiva u l-parteċipazzjoni politika fl-Ewropa rurali.

9.2.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni mtejba miċ-ċittadini, l-Istati Membri li jikkunsidraw it-tisħiħ tad-demokrazija diretta permezz ta’ referenda lokali għandhom ikunu konxji mill-fatt li din hija eżattament l-għodda li bħalissa qed tiġi promossa mill-partiti populisti fl-Ewropa kollha. Id-demokrazija diretta tista’ tkun xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. L-awtoritajiet lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiggarantixxu li l-użu tagħha tkun limitata għal sitwazzjonijiet fejn tista’ tkun mistennija li twassal għal benefiċċji reali.

9.3.

Il-KESE jemmen li l-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u atturi oħra, pereżempju. mexxejja lokali u movimenti soċjali, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi mill-għeruq tal-populiżmu. Dan se jifforma parti mill-isforzi biex jiġi indirizzat is-sentiment min-naħa tal-abitanti rurali u suburbani li qed jitħallew jaqgħu lura. Dan se jsaħħaħ ukoll ir-rwol tal-imsieħba soċjali li jistgħu jgħinu jnaqqsu d-disparitajiet u jattiraw investiment u żvilupp ekonomiku permezz tad-djalogu u l-azzjoni tagħhom.

9.4.

L-interessi u t-tħassib ta’ assoċjazzjonijiet ta’ negozji żgħar, ħaddiema tas-sengħa u bdiewa huma daqstant importanti. Fejn il-gruppi awtoritarji jkunu kisbu s-setgħa fil-gvern (lokali), l-atturi ekonomiċi jistgħu jżommu lura milli jinvestu. Barra minn hekk, migranti li jkunu qed ifittxu impjieg jistgħu jevitaw postijiet bħal dawn, għalkemm ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol. Għalhekk, huwa importanti li jitkisser dan iċ-ċirku vizzjuż fir-reġjuni suburbani u rurali.

9.5.

L-inkoraġġiment tal-investiment privat u pubbliku fil-potenzjal mhux sfruttat tar-reġjuni li jitqiesu li tħallew jaqgħu lura huwa approċċ li jistħoqqlu li jkun żviluppat aktar. L-enfasi fuq it-trasferimenti jew is-sigurtà soċjali għandha tkun ikkomplementata bit-tisħiħ tal-opportunitajiet tar-reġjuni (filwaqt li jitqies il-kuntest lokali), billi jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi u l-ostakli istituzzjonali u permezz ta’ miżuri biex tingħata spinta lit-taħriġ, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-assimilazzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni (19).

9.6.

Sabiex jiġu indirizzati l-kawżi mill-għeruq tal-populiżmu, fatturi bħar-reliġjon, id-dinamika tal-ġeneru, il-post tar-residenza, l-identità kulturali u l-edukazzjoni jeħtieġ li jiġu kkunsidrati aħjar flimkien ma’ fatturi soċjoekonomiċi. Il-mobilizzazzjoni ta’ alternattivi għat-tweġibiet faċli tal-forzi politiċi rigressivi mhijiex faċli. It-tweġibiet iridu jiġu aġġustati għat-taħlita speċifika li fiha t-tbatija tidher f’ċerti sitwazzjonijiet lokali.

9.7.

Narrattivi ġodda jistgħu jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra t-tip ta’ diżinformazzjoni ingranata minn kampanji tal-midja soċjali li għandhom l-għan li jdgħajfu l-valuri Ewropej u b’hekk jappoġġjaw l-emerġenza ta’ stqarrijiet u attitudnijiet separatisti u nazzjonalisti. Huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-midja tradizzjonali (televiżjoni pubblika, gazzetti indipendenti) sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom fl-għoti ta’ informazzjoni imparzjali. Għalkemm il-Kummissjoni diġà kienet attiva f’dak ir-rigward (ara COM(2018) 236), sens akbar ta’ urġenza huwa rrakkomandat ħafna.

9.8.

Il-KESE jitlob biex issir aktar enfasi fuq l-attivitajiet ekonomiċi ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, li ħafna minnhom huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ mutwaliżmu u kura. Huwa jinkoraġġixxi azzjoni mmirata lejn appoġġ u konnessjoni aħjar ta’ inizjattivi bħal dawn, li tmur lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali lejn alleanzi politiċi u soċjali emanċipatorji.

9.9.

Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-infrastruttura fil-livell sottonazzjonali. Is-sospensjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku, flimkien mal-għeluq tal-iskejjel u s-servizzi tas-saħħa, kienu, b’mod ċar, fost ir-raġunijiet għall-protesta populista fl-Ewropa. Hija meħtieġa assistenza finanzjarja sabiex ittejjeb l-infrastrutturi lokali, kemm materjali (trasport u servizzi pubbliċi) kif ukoll dawk mhux materjali (netwerks madwar it-tipi ta’ lokalitajiet, istituzzjonijiet, u organizzazzjonijiet).

9.10.

Il-KESE, l-organizzazzjonijiet membri tiegħu, u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom itejbu l-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u jarmawhom b’riżorsi biex itejbu l-ambitu u l-kwalità tal-azzjoni tagħhom. Għandu jingħata aktar appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lin-netwerks Ewropej tagħhom biex iħarrġu lill-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Andrés Rodriguez-Pose 2018, The revenge of places that don't matter (and what to do about it), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha)) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2018 dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti (ĠU C 11, 13.1.2020, p. 15).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228 5.7.2019, p. 24).

(5)  OHCHR, Principles and Guidelines for a Human Rights Approach to Poverty Reduction Strategies (Prinċipji u Linji Gwida għal Approċċ tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tnaqqis tal-faqar — mhux disponibbli bil-Malti), https://www.ohchr.org/Documents/Publications/PovertyStrategiesen.pdf

(6)  OHCHR, Guiding Principles on human rights impact assessments on economic reforms, (Prinċipji gwida għall-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-politiki tar-riforma ekonomika — mhux disponibbli bil-Malti) tad-19 ta’ Diċembru 2018, https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G18/443/52/PDF/G1844352.pdf

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 24).

(9)  Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in facing populism, KESE, Brussell 2019 (Soċjetajiet barra l-Metropoli: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata biex jiġi ffaċċjat il-populiżmu): https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/qe-04-19-236-en-n.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in facing populism; (Soċjetajiet barra l-Metropoli: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata biex jiġi ffaċċjat il-populiżmu), KESE, Brussell 2019: https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/qe-04-19-236-en-n.pdf (mhux disponibbi bil-Malti).

(11)  Andrés Rodriguez-Pose, The revenge of places that don't matter (and what to do about it), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha)) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Kummentarju ta' Caroline de Gruyter datat il-21 ta' Ottubru 2016: The revenge of the countryside (Il-vendetta tal-kampanja) (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  OHCHR, Principles and Guidelines for a Human Rights Approach to Poverty Reduction Strategies (Prinċipji u Linji Gwida għal Approċċ tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tnaqqis tal-faqar — mhux disponibbli bil-Malti), https://www.ohchr.org/Documents/Publications/PovertyStrategiesen.pdf

(14)  OHCHR, Guiding Principles on human rights impact assessments on economic reforms, (Prinċipji gwida għall-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-politiki tar-riforma ekonomika — mhux disponibbli bil-Malti) tad-19 ta’ Diċembru 2018, https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G18/443/52/PDF/G1844352.pdf

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(16)  Regaining Citizens' Trust and Confidence in the EU: 7 priorities of the Diversity Europe Group; Diversity Europe Group (Nerġgħu niksbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-UE: is-seba’ prijoritajiet tal-Grupp Diversità Ewropa,; il-Grupp Diversità Ewropa) (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228 5.7.2019, p. 24).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(19)  Andrés Rodriguez-Pose, The revenge of places that don't matter (and what to do about it) (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha) — mhux disponibbli bil-Malti), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf