|
11.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 47/38 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment fit-titjib tal-prestazzjoni ekonomika tal-UE”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 47/06)
Relatur: Jonathan PEEL
Relatur: Tanja BUZEK
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
24.1.2019 |
|
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
REX |
|
Adottata fis-sezzjoni |
3.10.2019 |
|
Adottata fil-plenarja |
30.10.2019 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
547 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
155/4/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-kummerċ u l-investiment huma ta’ importanza fundamentali għall-UE, mhux l-inqas minħabba l-potenzjal li ttejjeb il-prestazzjoni ekonomika interna tagħha f’darha stess. Impjieg wieħed minn kull sebgħa fl-UE jiddependi mill-esportazzjonijiet u, minħabba li 90 % tat-tkabbir ekonomiku globali matul l-10 snin sa 15-il sena li ġejjin huwa mistenni li jseħħ barra mill-Ewropa, jeħtieġ li l-UE taħdem biex tiżgura li tikseb l-akbar sehem ta’ dawn l-opportunitajiet u li ma titlifx bla bżonn kontra kompetituri minn pajjiżi terzi. |
|
1.1.1. |
Il-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment saret soġġetta għal skrutinju u analiżi politika bħal qatt qabel. Żviluppi politiċi kbar, bħat-tkabbir tal-populiżmu, l-implikazzjonijiet fuq il-kummerċ tal-Brexit u miżuri ta’ kummerċ industrijali imposti mill-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti, qed jenfasizzaw tħassib dwar ftehimiet kummerċjali inġusti u wasslu għal aktar inċertezzi politiċi. Din l-Opinjoni għandha l-għan li teżamina dak li l-UE għandha tagħmel f’darha stess biex tiżgura li l-kummerċ ġust jippromovi distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji tiegħu. L-UE trid tirbaħ kunsens intern suffiċjenti biex tkun tista’ tkompli tinnegozja ftehimiet kummerċjali ta’ benefiċċju u dinamiċi madwar id-dinja. Biex isir dan, jeħtieġ li tiġi promossa aġenda kummerċjali progressiva li tibni fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-istandards fundamentali ambjentali, soċjali u tal-konsumatur. |
|
1.1.2. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament li jmiss dwar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru f’sensiela ta’ Opinjonijiet ewlenin reċenti dwar il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment (1). Aħna nħeġġu li dawn jiġu inkorporati fi kwalunkwe Strateġija Kummerċjali ġdida. F’din l-Opinjoni l-għan tagħna huwa li nikkonċentraw fuq dak li l-UE trid tagħmel biex ittejjeb is-sitwazzjoni f’darha stess, filwaqt li tindirizza kontroversji kummerċjali eżistenti u tipprovdi s-salvagwardji meħtieġa. |
|
1.2. |
L-ewwel nett, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-UE tiżgura l-funzjonament bla xkiel u ġust tas-Suq Intern u taż-żona tal-euro. Wieħed minn kull ħamsa tal-impjiegi relatati mal-esportazzjoni fl-UE (2) huma bbażati fi Stat Membru differenti għal dak tal-esportatur, mhux l-inqas minħabba t-tkabbir fil-ktajjen tal-provvista, l-hekk imsejjaħ “effett kollaterali”. |
|
1.2.1. |
Dan l-għan jeħtieġ li jkopri firxa wiesgħa ħafna ta’ politiki separati, li jvarjaw mit-trasport u l-enerġija għal integrazzjoni aħjar tas-servizzi, sal-provvediment ta’ qafas b’saħħtu mil-lat legali u protett soċjalment għall-evoluzzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali (IA). Għandu jinkludi wkoll regolamentazzjoni u politiki imparzjali tal-UE li jippromovu kundizzjonijiet li jgħinu lin-negozji jkunu fuq quddiem nett fl-iżvilupp u fl-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jżommu l-kompetittività, filwaqt li jiżguraw it-tkabbir u l-impjiegi deċenti bħala parti minn tranżizzjoni ġusta. |
|
1.2.2. |
Ir-riċerka u l-innovazzjoni b’suċċess huma kruċjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE fid-dinja. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni li jmiss biex tagħmel kull sforz biex tiżgura li Orizzont Ewropa jsir segwitu effettiv, reżiljenti u b’saħħtu għal Orizzont 2020. B’hekk, se jkunu meħtieġa sforzi konsiderevoli, b’mod partikolari mill-Istati Membri u li jinvolvu bis-sħiħ lill-imsieħba soċjali, biex tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità għolja u aċċess għal taħriġ vokazzjonali u usa’. |
|
1.2.3. |
L-inkoraġġiment u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-bniedem huma wkoll ta’ importanza fundamentali. Il-KESE jemmen li għandha ssir enfasi fuq l-għajnuna mogħtija biex il-ħiliet individwali jkunu jistgħu jiġu adattati faċilment permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja, enfasi akbar fuq il-multilingwiżmu u programmi ta’ taħriġ li jistgħu jinbidlu faċilment, għall-kuntrarju ta’ tentattivi mingħajr suċċess biex il-bnedmin jinbidlu f’kompjuters aħjar. |
|
1.3. |
Il-ħtiġijiet u l-potenzjal tal-SMEs għandhom jiġu inklużi f’kull qasam ta’ politika biex jgħinu jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-finanzi u għal riżorsi oħra, kif ukoll jappoġġjaw il-kapaċità tagħhom li jevolvu. Kif irrimarkat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) tal-2015 “Kummerċ għal Kulħadd” (3), aktar minn 600 000 SME, li jimpjegaw aktar minn 6 miljun ruħ, jammontaw direttament għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE. |
|
1.4. |
Fir-rigward tal-operazzjoni attwali tal-kummerċ, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li l-UE, fl-appoġġ li tagħti lid-WTO, turi tmexxija globali fil-promozzjoni ta’ regoli biex titwettaq politika kummerċjali progressiva, ġusta u sostenibbli. Hija għandha tkompli taħdem mill-qrib ma’ oħrajn biex tirriforma d-WTO, mhux l-inqas biex tistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-pajjiżi jirrispettaw u jimplimentaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Hawnhekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jużaw l-influwenza u l-promozzjoni tagħhom permezz tad-diversi strutturi tal-kumitati tad-WTO, speċjalment billi jkopru dawk l-oqsma ġodda bħall-kummerċ u x-xogħol deċenti. Sistema ta’ kummerċ internazzjonali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli li tiżgura standards għoljin ambjentali, ta’ sikurezza u tax-xogħol hija essenzjali biex jitjiebu l-opportunitajiet ta’ negozju u l-kundizzjonijiet ta’ kummerċ ġust għall-kumpaniji tal-UE kontra dawk tal-kompetituri tagħhom. |
|
1.5. |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment tindirizza l-konsegwenzi sinifikanti kollha tal-ftuħ tas-suq, u tillimita l-impatti negattivi sa fejn ikun possibbli, inklużi l-kostijiet soċjali u ta’ tranżizzjoni. Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu, fi kwalunkwe Qafas Finanzjarju Pluriennali, jipprovdi finanzjament suffiċjenti biex ikopri l-impatti negattivi fuq il-kummerċ u għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid il-kundizzjonijiet u kriterji ta’ limitazzjoni kollha għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
1.5.1. |
Aktar negozjati kummerċjali komprensivi għandhom potenzjal akbar li jispiċċaw fi kunflitt f’oqsma sensittivi. Kontroversji bħal dawn iridu jiġu indirizzati b’mod effettiv. Dawn jistgħu jinvolvu sfidi għal standards ta’ livell għoli, b’mod partikolari fis-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur, kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol, il-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi, jew fl-infurzar tad-drittijiet kummerċjali sostenibbli, kif kopert fid-dettall f’għadd ta’ Opinjonijiet preċedenti. Il-KESE għal darb’oħra jenfasizza li fi ftehim kummerċjali ma jrid ikun permess xejn li jillimita l-ispazju għall-politika pubblika tal-gvernijiet biex jirregolaw, kif jidhrilhom li hu xieraq. |
|
1.5.2. |
Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida terġa’ tikkonferma d-Dispożizzjonijiet Orizzontali għall-flussi transkonfinali tad-data u għall-protezzjoni tad-data personali fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE. |
|
1.5.3. |
L-UE hija f’pożizzjoni unika li tieħu rwol ta’ tmexxija dwar id-diliġenza dovuta; il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġislazzjoni Ewropea f’dan il-qasam. Huwa jtenni l-fehma tiegħu li l-infurzar tal-Kondotta Responsabbli fin-Negozju (RBC) permezz tal-politika kummerċjali huwa importanti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kummerċjali globali tal-UE u biex tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà, mhux l-inqas billi l-kumpaniji jiġu mħeġġa jieħdu responsabbiltà għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà. Bl-istess mod, il-KESE jappella biex il-ftehimiet kummerċjali jkunu jirrikjedu li l-gvernijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak lokali jkollhom rwol sħiħ. |
|
1.5.4. |
Il-KESE jemmen li diskussjoni politika aktar fundamentali dwar ir-rwol tal-kummerċ u l-investiment hija essenzjali biex jiġi żgurat fehim akbar kemm ta’ kulma jixprunahom kif ukoll l-impatt ekonomiku tagħhhom. Il-politika ta’ evalwazzjoni tal-UE jeħtieġ li tiffoka aktar fuq l-elementi kwalitattivi tal-ftehimiet kummerċjali, bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili u l-KESE. Huwa meħtieġ sett usa’ ta’ indikaturi, b’ħarsa miftuħa lejn mudelli alternattivi, u l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu konklużi qabel ma jibdew negozjati. F’intervalli adatti, barra minn hekk, għandu jsir studju olistiku tal-impatt globali tal-kummerċ. |
|
1.5.5. |
Il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ bil-qawwa li s-SEAE jrid isir aktar konxju tal-kummerċ. Il-kummerċ sar element dejjem aktar importanti kemm ġeopolitikament kif ukoll bħala parti mid-diplomazija ekonomika, iżda l-kopertura ta’ kwistjonijiet kummerċjali kienet prinċipalment assenti mill-Komunikazzjoni Konġunta reċenti dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Asja (4). Bl-istess mod, il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal kollaborazzjoni trasversali aktar mill-qrib, aktar koerenti u trasparenti bejn id-DĠ Kummerċ u Direttorati Ġenerali oħrajn, b’mod partikolari d-DEVCO u l-EMPL. |
|
1.6. |
Il-KESE jitlob li d-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar il-politika dwar il-kummerċ u l-investiment matul in-negozjati u lil hinn minnhom għandu jsir ħafna aktar profond u r-rwol ta’ monitoraġġ tiegħu jissaħħaħ. Dan id-djalogu għandu jiġi żviluppat fuq bażi ta’ aktar trasparenza u titjib kontinwu, hekk kif in-negozjati u l-ftehimiet isiru aktar kumplessi, mhux l-inqas minħabba l-SDGs, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-passi lejn ekonomija ċirkolari. |
|
1.7. |
Il-KESE jtenni wkoll ir-rakkomandazzjoni preċedenti tiegħu li l-approċċ multilaterali għall-agrikoltura mhux biss għandu bżonn jiġi riformulat u jingħata nifs ġdid iżda, barra minn hekk, l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex taqdi rwol ewlieni u proattiv f’dan, filwaqt li tippromovi standards ambjentali, soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli usa’, f’konformità mal-SDGs. L-UE trid tevita wkoll li tagħmel konċessjonijiet kbar fl-agrikoltura li jimminaw il-produzzjoni domestika. |
|
1.8. |
Il-KESE kien l-ewwel li laqa’ l-enfasi fil-“Kummerċ għal Kulħadd” fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u l-ambjent, u l-inklużjoni ta’ kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha ta’ ġenerazzjoni ġdida. Dawn jeħtieġ li jsiru fundamentali għall-promozzjoni tal-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment. L-infurzar effettiv issa huwa essenzjali biex dawn l-impenji jitwettqu, kif ukoll sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE barra mill-Istati Membri. |
|
1.8.1. |
Il-KESE jilqa’ t-tħabbira reċenti mill-President il-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħatra proposta ta’ Uffiċjal Kap ġdid għall-Infurzar tal-Kummerċ, taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju għall-Kummerċ, sabiex tiġi ssorveljata u tittejjeb il-konformità tal-ftehimiet kummerċjali tagħna (5). Aħna nħeġġu li din il-persuna maħtura ġdida ewlenija tingħata setgħat b’firxa wiesgħa bl-istess piż u bl-istess effikaċja biex jiġu koperti l-impenji kollha maqbula fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, speċjalment dawk relatati mal-iżvilupp sostenibbli. Dan għandu jinvolvi proċess oġġettiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq investigazzjonijiet f’waqthom u mibdija b’mod effettiv, appoġġjati minn riżorsi adegwati u jinkludu rwol ċar għall-partijiet interessati rikonoxxuti, kemm biex iressqu lmenti kif ukoll biex jipparteċipaw fi kwalunkwe seduti pubbliċi sussegwenti. Apparti r-rendikont dettaljat lill-PE u lill-Kunsill, dan għandu jinvolvi rwol definittiv għall-KESE u għall-gruppi konsultattivi domestiċi rispettivi kif ukoll involviment kontinwu tas-soċjetà ċivili. |
|
1.8.2. |
Il-KESE irrakkomanda preċedentement kemm li jkun hemm klawżola speċifika biex jiġu promossi l-SDGs fil-mandati futuri kollha għall-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll li, bħala segwitu għall-Ftehim ta’ Pariġi, issa għandha tiġi inkluża wkoll il-ġlieda kontra t-tisħin globali bħala parti integrali tal-valuri tal-UE. It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju għandha tkun fattur ewlieni ieħor rifless fi kwalunkwe mandat ta’ negozjar tal-UE. |
|
1.8.3. |
It-tranżizzjoni reali biex tinkiseb ekonomija tal-UE newtrali fil-karbonju sal-2050 se tkun sfida konsiderevoli. Dan se jkollu impatt profond fuq l-iżvilupp tal-politika kummerċjali, filwaqt li d-deċiżjonijiet li jsiru dwar il-kummerċ imbagħad se jaffettwaw mill-qrib l-irqaqat ta’ kif tinkiseb din it-tranżizzjoni, kemm fl-UE kif ukoll globalment. L-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta hawnhekk ukoll irid titqiegħed fil-qalba tal-politiki, il-prattiki u n-negozjati futuri kollha dwar il-kummerċ. |
|
1.8.4. |
Żieda fil-flussi kummerċjali tfisser żieda ulterjuri fit-trasport, li l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra tiegħu huma diġà partikolarment għoljin. Il-KESE għalhekk jappella kemm li l-modi kollha tat-trasport isiru parti minn politika msaħħa tat-trasport sostenibbli u ġusta, kif ukoll li tiġi stabbilita rabta ċara ta’ politika bejn il-kummerċ u t-trasport, mhux l-inqas biex jintlaħqu l-impenji tal-SDG rilevanti. |
|
1.8.5. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ li fl-isforzi tagħha lejn ekonomija ċirkolari, l-UE trid tieħu nota bir-reqqa tal-kwistjonijiet li jaffettwaw l-industriji essenzjali tal-UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, u taħdem biex tipprevjeni kemm ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll tal-investiment u tinvestiga b’mod sħiħ il-Miżuri palljattivi ta’ Aġġustament fil-Fruntieri kompatibbli mad-WTO. |
2. Sfond
|
2.1. |
Il-kummerċ u l-investiment huma ta’ importanza fundamentali għall-UE, minħabba l-potenzjal li ttejjeb il-prestazzjoni ekonomika interna tagħha f’darha stess Il-Komunikazzjoni dwar “Kummerċ għal Kulħadd” (6) enfasizzat li aktar minn 30 miljun impjieg tal-UE, wieħed minn sebgħa, jiddependu mill-esportazzjonijiet barra mill-UE u li 90 % tat-tkabbir ekonomiku globali matul il-15-il sena li ġejjin huwa mistenni li jseħħ barra mill-Ewropa. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza li ttejjeb il-prestazzjoni ekonomika tagħha stess permezz tal-kummerċ, l-UE ma tistax tirriskja li tiddependi biss minn mudell immexxi mill-esportazzjoni. Trid tingħata l-istess importanza lit-titjib tad-domanda interna bl-investiment u l-konsum pubbliku u privat. |
|
2.1.1. |
L-UE, li tirrappreżenta wieħed minn kull sitta tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet dinjija, hija l-akbar esportatur fid-dinja ta’ prodotti u servizzi manifatturati, u konsegwentement hija l-akbar suq ta’ esportazzjoni għal madwar 80 pajjiż. Bħala sinsla tal-ekonomija Ewropea, l-industrija tirrappreżenta 80 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, u tipprovdi innovazzjoni privata importanti u impjiegi b’ħiliet għolja. Kif ġie rrimarkat fil-Komunikazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, “is-sehem tal-importazzjonijiet fl-esportazzjonijiet tal-UE żdied b’iktar minn nofs mill-1995”, li jkompli jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom in-negozji u l-industrija u politika kummerċjali dinamika u proattiva. |
|
2.1.2. |
Din iċ-ċifra dipendenti mill-esportazzjoni tal-UE issa hija 36 miljun impjieg fl-UE (7), żieda ta’ żewġ terzi u b’xi EUR 1,5 triljun mill-2000 ’l hawn, fejn l-UE żżomm is-“sehem [tagħha] tal-esportazzjoni dinjija” (ta’ 15 %), meta mqabbel maż-żieda taċ-Ċina u t-tnaqqis korrispondenti fl-ishma globali kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-Ġappun. Il-KE tenfasizza li l-impjiegi f’attivitajiet relatati mal-esportazzjoni “jtħallsu aħjar mill-medja” u għandhom sehem sinifikanti f’kull Stat Membru. |
|
2.1.3. |
B’kuntrast mal-kummerċ ta’ oġġetti, għall-kummerċ fis-servizzi hemm potenzjal akbar għal pressjoni ’l isfel fuq il-pagi. Rapport reċenti tal-OECD (8) jinnota li s-servizzi jikkostitwixxu parti kbira tal-industrija tal-manifattura u s-sehem barrani ta’ dawn is-servizzi qed jiżdied. Il-kumpaniji qed iqisu dejjem aktar jekk jipprovdux is-servizzi tagħhom stess jew jekk jixtrux minn fornituri barranin. Fil-każ tad-delokalizzazzjoni f’pajjiżi b’kostijiet lavorattivi aktar baxxi, il-kwistjoni tal-ispostament tal-impjiegi hija partikolarment akuta. |
|
2.1.4. |
Il-Brexit jhedded li jsir fattur kritiku fil-futur tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE u t-tkomplija ta’ flussi ta’ kummerċ mingħajr ostakli u tariffi. It-telf mis-Suq Uniku ta’ pajjiż ewlieni ta’ kummerċ jista’ jaffettwa kemm il-bilanċ li jinsab fil-politika kummerċjali tal-UE, kif ukoll jippreżenta sfida mdaqqsa jekk jiġi segwit minn ċaqliq qawwi tar-Renju Unit lejn id-deregolamentazzjoni, inkluż it-tnaqqis tal-istandards u d-drittijiet. Huwa kruċjali li l-UE tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tiġġieled kontra kull mossa mir-Renju Unit biex jikkompeti fuq termini inġusti. Ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit li jżomm drittijiet u standards għoljin huwa ta’ importanza fundamentali. |
|
2.2. |
Ħafna fatturi qed jingħaqdu flimkien biex tinħoloq domanda globali esponenzjali għall-kummerċ fl-oġġetti u, dejjem aktar, fis-servizzi. Il-popolazzjoni tad-dinja hija mbassra li tilħaq 9-10 biljuni sa nofs is-seklu. Minħabba l-industrijalizzazzjoni u l-urbanizzazzjoni rapidi, aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa, għall-ewwel darba, jgħixu fi bliet, fejn in-nies huma aktar interdipendenti milli f’soċjetà rurali, aktar ibbażata fuq is-sussistenza. |
|
2.2.1. |
Ġie stmat ukoll li, sal-2030, jista’ jkun hemm sa 2 biljun persuna aktar fuq introjti medji, b’mod partikolari f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Kenja, iċ-Ċili u l-Indoneżja, li jitolbu u jistgħu jħallsu (ħafna għall-ewwel darba f’ħajjithom) għal diversità u għażla ferm akbar f’dak li jieklu, jilbsu, jużaw, isuqu jew inkella jikkunsmaw. |
|
2.2.2. |
Madankollu, is-swieq li qegħdin jespandu mhumiex l-unika raġuni għaż-żieda fil-flussi kummerċjali. Fid-dinja tal-lum, l-attivitajiet tal-intrapriżi multinazzjonali qed jiġu organizzati dejjem aktar tul katini tal-valur globali. Fl-analiżi ta’ dawn l-istrateġiji, l-OECD (9) iddeskriviet kif l-istrateġiji tat-taxxa, l-iskala (il-konċentrazzjoni korporattiva qed tiżdied), il-kompetenza teknoloġika, u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet huma xpruni ewlenin għall-kummerċ globali. Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija qed toskura wkoll il-konfini tradizzjonali. Barra minn hekk, l-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) qed jiddependu dejjem aktar minn relazzjonijiet mhux ta’ ekwità (sħubija strateġika, esternalizzazzjoni). L-istrutturi tal-gruppi huma għalhekk aktar kumplessi minn qatt qabel u l-prattiki tan-negozji qed jinbidlu. Bħala riżultat, jista’ jenħtieġ li jiġu aġġustati l-politiki dwar il-kummerċ u l-investiment. |
|
2.3. |
Opportunità importanti għall-esportaturi tal-UE hija bbażata fuq il-kwalitajiet pożittivi tal-UE, b’mod partikolari fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi kummerċjali ta’ valur miżjud jew tal-ogħla grad, b’xi 70 ftehim kummerċjali preferenzjali tal-UE li diġà qed joperaw u li jkopru ħames kontinenti, u b’negozjati sinifikanti oħra għaddejjin. L-alternattiva hija li wieħed josserva waqt li dawn l-opportunitajiet jinħatfu minn esportaturi rivali, jew dawk ibbażati f’pajjiżi żviluppati oħra jew, b’mod partikolari, dawk minn ekonomiji li qed jiżviluppaw b’pass mgħaġġel. Hawnhekk, fost l-iżviluppi reċenti sinifikanti msibu s-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) riveduta, u negozjati kummerċjali ewlenin oħra fiż-żona Asjatika-Paċifika. |
3. Elementi sottostanti ewlenin biex tiġi appoġġjata l-prosperità tal-UE relatata mal-kummerċ
|
3.1. |
L-importanza tas-Suq Uniku għall-kummerċ tal-UE tintwera mill-hekk imsejjaħ “effett kollaterali” tiegħu, fejn wieħed minn kull ħamsa tal-impjiegi appoġġjati mill-esportazzjoni jinstab fi Stat Membru differenti. Pereżempju, l-esportazzjonijiet Ġermaniżi jammontaw għal 6,8 miljun impjieg fil-Ġermanja, iżda anke 1,6 miljun impjieg f’pajjiżi oħra fl-UE. Dan huwa primarjament minħabba t-tkabbir f’katini tal-provvista twal, mhux biss fl-Ewropa iżda anke madwar id-dinja, fejn prodotti mhux lesti jistgħu jaqsmu l-fruntieri ħafna drabi, b’mod partikolari fl-industrija awtomobilistika. Il-Brexit enfasizza dan il-fattur: 650 000 impjieg ibbażati fir-Renju Unit huma marbuta ma’ esportazzjonijiet barra mill-UE li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Iċ-ċifri tal-KE (10) juru li l-pajjiżi li jibbenefikaw l-aktar jinkludu r-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Polonja. |
|
3.1.1. |
Għalhekk, l-operat bla xkiel u ġust tas-Suq Uniku u ż-żona tal-euro huma fatturi sinifikanti fiż-żamma u l-għoti ta’ spinta lill-impjiegi relatati mal-esportazzjoni. L-integrazzjoni kontinwa tas-Suq Uniku u taż-żona tal-euro għadha tal-akbar importanza, inkluża l-enerġija u sistema tat-trasport li tiffunzjona bla xkiel, u permezz tal-iffaċilitar ta’ mobilità ġusta tal-ħaddiema. |
|
3.1.2. |
L-integrazzjoni aħjar tas-servizzi u l-flussi tad-data huma kruċjali wkoll, dawn tal-aħħar fil-qafas tar-rispett sħiħ tar-regoli tal-UE dwar il-privatezza tad-data, mhux l-inqas minħabba li s-suq uniku qed isir dejjem aktar diġitali. Ekosistema diġitali b’saħħitha teħtieġ ukoll politiki li fihom id-data tista’ taqdi l-ġid pubbliku u tipprovdi opportunitajiet biex jiġu żviluppati servizzi diġitali orjentati lejn l-interess pubbliku. |
|
3.1.3. |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tad-WTO, il-KESE talab “li kwalunkwe inizjattiva multilaterali fil-futur dwar il-flussi tad-data tkun konformi għalkollox mad-dispożizzjonijiet orizzontali tal-UE dwar flussi transkonfinali tad-data u dwar il-protezzjoni tad-data fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE” (11) u appella lill-Kummissjoni l-ġdida biex tikkonferma mill-ġdid dan l-impenn ewlieni bħala mhux negozjabbli. |
|
3.2. |
L-evoluzzjoni rapida tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali (IA), flimkien ma’ tibdil demografiku u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju se tittrasforma s-soċjetà b’mod radikali. In-negozji jaqdu rwol ewlieni fil-provvista tal-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda, filwaqt li r-rwol tal-gvern huwa li jipprovdi l-qafas leġislattiv għal tranżizzjoni ġusta u prinċipji għal regoli etiċi vinkolanti tal-IA. |
|
3.2.1. |
Ir-riċerka u l-innovazzjoni, immexxija mill-industrija u sostnuti minn edukazzjoni u intraprenditorija ta’ kwalità għolja, huma essenzjali biex l-UE tinżamm fuq quddiem nett tal-progress. Prijorità ewlenija għall-KE l-ġdida għandha tkun li jiġi assigurat li Orizzont Ewropa ssir segwitu effettiv u robust għal Orizzont 2020. L-UE għandha tiffoka wkoll fuq għajnuna lin-negozji biex itejbu l-kompetittività tagħhom, kemm internament kif ukoll fuq livell internazzjonali, u fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. L-innovazzjoni tingħata spinta wkoll permezz ta’ proġetti pilota u permezz tal-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati u l-qasam akkademiku. |
|
3.2.2. |
It-tibdil u l-iżvilupp teknoloġiċi jitlobu tibdil rapidu fil-ħiliet fejn id-diskrepanzi jidhru b’mod rapidu u mhux mistenni, iżda ħafna drabi f’żoni tekniċi, b’mod partikolari fis-suġġetti “STEM” (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika). |
|
3.2.3. |
L-inkoraġġiment u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-bniedem u multilingwiżmu usa’ huma importanti daqs l-għoti ta’ aktar enfasi fuq l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja. |
|
3.2.4. |
Biex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet, jeħtieġ li s-sistemi ta’ taħriġ ikunu flessibbli biżżejjed u kapaċi jwieġbu malajr għal ħtiġijiet futuri. Dan għalhekk jirrikjedi sforzi konsiderevoli mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jeħtieġu wkoll rwol essenzjali hawnhekk. |
|
3.3. |
Bl-iżvilupp ta’ forom differenti u ġodda ta’ xogħol, huwa ta’ importanza kritika li tittejjeb it-tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għax-xogħol, bejn l-impjiegi u l-kompiti, kif ukoll li jiġu pprovduti kundizzjonijiet stimulanti għall-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija. It-tibdil fid-dinja tax-xogħol jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn swieq tax-xogħol protetti soċjalment, flessibbli u li jiffunzjonaw sew, flimkien ma’ djalogu soċjali orjentat lejn ir-riżultati. |
|
3.4. |
Il-kompetizzjoni hija forza ewlenija li tixpruna l-iżvilupp tan-negozju. Il-politiki u r-regolamenti kummerċjali tal-UE, fil-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu lill-kumpaniji kundizzjonijiet pożittivi li jippromovu impjiegi deċenti bi standards tax-xogħol għolja meta jikkompetu ma’ pajjiżi barra mill-UE. Din ir-regolamentazzjoni għandha tkun adattata għall-iskop tagħha u tinkoraġġixxi spirtu u kultura intraprenditorjali pożittivi li jkunu attraenti wkoll għaż-żgħażagħ, u b’mod partikolari n-nisa. |
|
3.4.1. |
Il-KESE jinnota r-rapporti tal-OECD u l-FMI (12) li jindikaw il-konċentrazzjoni miżjuda tal-industriji, kemm għas-servizzi tal-manifattura kif ukoll għal dawk mhux finanzjarji. Tenħtieġ aktar riċerka biex wieħed jifhem x’jixpruna din il-konċentrazzjoni tas-suq, li jista’ jiġġustifika ħarsa ġdida lejn il-politiki dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ internazzjonali. Hawnhekk, b’mod partikolari, l-aġenda kummerċjali ma tridx tostakola l-politiki mmirati lejn l-għoti ta’ opportunità aħjar lill-SMEs biex jidħlu fis-swieq, inkluż permezz ta’ politiki industrijali ambizzjużi Ewropej — b’mod partikolari fis-settur diġitali. |
|
3.4.2. |
Jeħtieġ li l-UE tipprovdi ambjent li jappoġġja l-investiment privat u pubbliku. Dan jirrikjedi stabbiltà u prevedibbiltà, ambjent makroekonomiku stabbli, protezzjoni tad-DPI b’saħħitha u responsabbiltà fiskali. Is-sistema tat-taxxa, min-naħa tagħha, filwaqt li hija ġusta, teħtieġ ukoll li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. |
|
3.4.3. |
Fl-istess ħin, il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment jeħtieġ li jibqgħu għassa għal kwalunkwe investiment li jista’ jinħoloq mill-frodi jew l-evitar tat-taxxa. |
|
3.4.4. |
L-Investiment Dirett Barrani (IDB) huwa importanti meta l-kumpaniji jillokalizzaw dejjem aktar il-produzzjoni tagħhom qrib is-swieq aħħarija tagħhom li, fost affarijiet oħra, jista’ jgħinhom iżommu l-kompetittività tagħhom. Il-KESE laqa’ wkoll (13) ir-regolamentazzjoni tal-UE tad-difiża tal-kummerċ dwar manuvri reċenti biex jiġi monitorjat l-investiment li jkun dieħel fl-UE. |
|
3.4.5. |
Madankollu, ir-rapport annwali tal-OECD tal-2018 dwar l-istatistika tal-IDB wera tnaqqis ta’ 27 % fl-IDB globali wara r-riforma tat-taxxa tal-Istati Uniti. Għal ċerti pajjiżi tal-UE (il-Lussemburgu, in-Netherlands), it-tnaqqis kien spettakolari. Għandha għalhekk tingħata attenzjoni speċjali lid-distinzjoni bejn l-IDB li huwa marbut mal-ekonomija reali għall-kuntrarju tal-IDB li huwa bbażat fuq kwalunkwe motivi frodulenti u li jevitaw it-taxxa. Din l-UE għandha tiġġieled fil-livelli kollha. |
|
3.5. |
Kif indikat il-Komunikazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, “aktar minn 600 000 SME, li jimpjegaw aktar minn 6 miljun persuna, jesportaw direttament prodotti barra l-UE, li jammontaw għal terz tal-esportazzjonijiet tal-UE” (14), filwaqt li tkompli li “[ħ]afna iktar jesportaw servizzi” jew huma fornituri għal kumpaniji kbar. |
|
3.5.1. |
Il-KESE laqa’ b’mod speċifiku “l-impenn għan-negozji żgħar, li jiffaċċjaw diffikultajiet akbar meta jikkunsidraw swieq ġodda”. Ġew imwiegħda dispożizzjonijiet iddedikati għall-SMEs fin-negozjati futuri kollha, kif ukoll “stħarriġ regolari dwar l-ostakli” iffaċċjati mill-SMEs fi swieq speċifiċi. L-Opinjoni tal-Kumitat (15) dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs hija wkoll rilevanti hawnhekk. |
|
3.5.2. |
Il-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-SMEs għandhom jiġu inklużi f’kull qasam ta’ politika sabiex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-finanzi, riżorsi u swieq oħra, kif ukoll sabiex tiġi appoġġjata l-abilità tagħhom li jevolvu, meta jitqiesu d-diversi ħtiġijiet tat-tipi differenti ta’ intrapriżi u l-kundizzjonijiet speċifiċi li fihom joperaw l-SMEs (inklużi ż-żoni rurali u periferiċi). |
4. L-indirizzar ta’ kontroversji kummerċjali
|
4.1. |
It-Trattat ta’ Lisbona pprovda lill-UE b’kompetenza ġdida fl-investiment u rabatha li torbot il-ħidma tagħha fuq il-kummerċ kif ukoll fuq l-investiment ma’ oqsma ewlenin oħra, b’mod partikolari l-iżvilupp. Aħna nibqgħu mħassbin li s’issa għad m’hemmx biżżejjed “read-across” fuq l-impatti kummerċjali bejn id-diversi DĠ tal-Kummissjoni, inklużi d-DEVCO u l-EMPL. |
|
4.2. |
Minbarra ll-“ġenerazzjoni l-ġdida” ta’ ftehimiet kummerċjali, li tibda bil-Korea, il-Kummissjoni fittxet ukoll li tinnegozja FTAs aktar komprensivi, kemm mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll ma’ msieħba kummerċjali aktar avvanzati. Dan kien jinkludi l-Ġappun, u b’mod partikolari l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) mal-Kanada, li jmur lil hinn mill-eliminazzjoni ta’ sempliċi tariffi iżda jkopri firxa wiesgħa ta’ aspetti differenti bħar-regoli għas-servizzi, l-eliminazzjoni tal-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u aspetti oħra relatati mal-kummerċ bħall-investiment u l-kompetizzjoni jew il-kooperazzjoni regolatorja. |
|
4.2.1. |
B’din l-evoluzzjoni, il-KESE jara li t-talba għal żvilupp kontinwu ta’ aġenda kummerċjali progressiva li tħares ’il quddiem qed issir aktar urġenti minn qatt qabel. Dawn in-negozjati kummerċjali komprensivi għandhom potenzjal akbar li jwasslu għal kunflitt ma’ oqsma sensittivi bħaż-żamma ta’ standards ta’ livell għoli, b’mod partikolari fis-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, fil-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi, jew fl-infurzar tad-drittijiet ta’ aġenda kummerċjali sostenibbli. |
|
4.2.2. |
Minħabba li l-ftehimiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida jmorru ferm lil hinn mit-tnaqqis tradizzjonali tat-tariffi iżda minflok jistabbilixxu regoli għal miżuri tal-gvern biex ma jiġix affettwat il-kummerċ, jinħolqu preokkupazzjonijiet li dan se jillimita l-ispazju tal-politika pubblika tagħhom. L-Istati mhux biss għandhom id-dritt li jirregolaw, kif jaraw li huwa xieraq, iżda anke l-obbligu li jagħmlu dan fl-interess ġenerali. Il-KESE jenfasizza li xejn fi ftehim kummerċjali m’għandu jfixkel dan. |
|
4.2.3. |
Il-KESE ddikjara li (16) l-politika kummerċjali tal-UE “ser tiġi ġġudikata minn jekk il-Kummissjoni jirnexxilhiex turi li l-ftehimiet kummerċjali mhux ser ibaxxu l-istandards ambjentali, tax-xogħol u oħrajn. Fil-fatt dawn għandhom jimmiraw li jtejbu standards bħal dawn.” |
|
4.3. |
Kummerċ internazzjonali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli huwa essenzjali kemm biex jittejbu l-opportunitajiet tan-negozju kif ukoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għall-kumpaniji kontra l-kompetituri barranin. L-UE għandha tappoġġja r-regoli tad-WTO li jippromovu l-kummerċ ġust li jiżgura r-rispett għall-SDGs u juru t-tmexxija globali kemm fl-indirizzar tal-protezzjoniżmu u t-tfixkil kif ukoll fil-promozzjoni ta’ politika kummerċjali progressiva u sostenibbli. Hawnhekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jużaw l-influwenza u l-promozzjoni tagħhom permezz tad-diversi strutturi tal-kumitati tad-WTO, speċjalment billi jkopru dawk l-oqsma ġodda bħall-kummerċ u x-xogħol deċenti. |
|
4.4. |
Il-kummerċ huwa wieħed mill-proċessi tal-politika l-aktar evalwati fil-KE. Madankollu, sabiex tkun permessa diskussjoni ta’ politika aktar ġenerali dwar ir-rwol tal-kummerċ u l-investiment, hija meħtieġa aktar analiżi biex jiġu mifhuma aħjar l-ixprunaturi u l-impatt ekonomiku tal-kummerċ, kif ukoll il-kontribut potenzjali tiegħu għall-SDGs. |
|
4.4.1. |
Hawnhekk, jeħtieġ li l-politika ta’ evalwazzjoni tal-UE taqdi rwol prinċipali. Id-DĠ Kummerċ jevalwa l-impatt ta’ inizjattivi kummerċjali ewlenin, bl-użu ta’ diversi għodod: valutazzjonijiet tal-impatt (IA) u tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS), valutazzjoni ekonomika tar-riżultati negozjati u evalwazzjonijiet ex post. |
|
4.4.2. |
Il-mistoqsijiet ta’ metodoloġija u żmien huma kruċjali u għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid. Il-mudell tal-ekwilibriju ġenerali komputabbli (CGE) użat għandu jiġi evalwat mill-ġdid kontra mudelli alternattivi, u għandu jinkludi sett usa’ ta’ indikaturi li jkejjel l-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, il-konsumaturi u l-IDB. Madankollu, is-sempliċi paragun tas-sitwazzjoni bi ftehim kummerċjali jew mingħajru ma jissodisfax kif imiss l-evalwazzjoni kwantitattiva tal-opzjonijiet tan-negozjati b’mod partikolari dwar il–kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Jeħtieġ li l-IA u l-VIS jiġu konklużi fil-ħin dovut biex jingħata parir lin-negozjaturi u li jitqiesu qabel u matul in-negozjati, u mhux jiġu ppreżentati wara l-konklużjoni tagħhom. |
|
4.4.3. |
L-għajnuna biex jintlaħqu l-SDGs, kif rakkomandat preċedentement mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u l-investiment għat-tilħiq u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (17), għandha timxi lejn il-qalba tal-evalwazzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE. |
|
4.4.4. |
Il-KESE jara kontribt siewi fil-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili għall-VIA u jirrakkomanda li tiġi estiża għall-proċess bikri tal-abbozzar tat-termini ta’ referenza. Il-ħidma interna tal-grupp ta’ tmexxija tal-evalwazzjoni tal-KE tista’ tkompli tittejjeb billi tiġi involuta wkoll is-soċjetà ċivili. Il-konsulenti jeħtieġu indipendenza u kompetenza biżżejjed, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet ambjentali. |
|
4.4.5. |
Sa fejn huma kkonċernati s-swieq tax-xogħol, hija meħtieġa analiżi aktar dettaljata dwar l-effetti potenzjali tal-ispostament, l-evoluzzjoni tal-pagi u s-sigurtà tal-impjiegi. Rigward l-impatt ekonomiku, għandha tingħata attenzjoni speċjali mhux biss lill-UE, iżda anke lil sa liema punt il-kummerċ u l-investiment jippermettu lill-ekonomiji inqas żviluppati jżidu l-produttività u l-innovazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, għandu jsir studju olistiku, f’intervalli adatti, tal-impatt globali tal-kummerċ. |
|
4.4.6. |
Il-kummerċ sar element dejjem aktar importanti kemm ġeopolitikament kif ukoll bħala parti minn diplomazija ekonomika. B’żieda ma’ dan, is-SEAE għandu jsir aktar orjentat lejn il-kummerċ — il-kopertura tal-kwistjonijiet kummerċjali kienet nieqsa biċ-ċar mill-Komunikazzjoni Konġunta reċenti dwar Konnessjoni bejn l-UE u l-Asja (18). |
|
4.5. |
In-negozjati għal ftehim “TTIP” mal-Istati Uniti enfasizzaw għall-ewwel darba ħafna preokkupazzjonijiet aktar ġenerali tal-pubbliku u tas-soċjetà ċivili iżda dawn huma ta’ natura ġenerali. Filwaqt li, fin-negozjati kummerċjali għal impenji politiċi, il-KE ħabirket biex ma tinkoraġġix il-kummerċ jew l-investiment billi ddgħajjef il-livelli tal-protezzjoni jew biex tipprevedi garanziji bħal eżenzjonijiet u riżervi speċifiċi, klawżoli ddedikati dwar monopolji pubbliċi jew it-twarrib bikri ta’ talbiet frivoli tal-investituri, il-KESE fittex u jkompli jfittex aktar kjarifiki u garanziji dwar diversi punti sensittivi ħafna. |
|
4.5.1. |
L-esponiment tas-servizzi pubbliċi fi ftehim kummerċjali permezz tal-liberalizzazzjoni tas-suq u klawżoli speċifiċi (ta’ sospensjoni [standstill] u ta’ irriversibilità [ratchet]), li jinkwadraw il-possibbiltà futura tal-partijiet biex jintroduċu restrizzjonijiet u miżuri diskriminatorji tal-aċċess għas-suq, tikkostitwixxi preokkupazzjoni kummerċjali. Il-KESE laqa’ preċedentement “ix-xewqa ddikjarata tal-Kummissjoni, b’konformità mal-pożizzjonijiet tal-KESE, il-Parlament Ewropew u s-soċjeta ċivili usa’, li tipproteġi s-servizzi pubbliċi fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs)”; madankollu jenfasizza “li l-aħjar mod biex isir dan huwa bl-użu ta’ lista pożittiva fir-rigward kemm tal-aċċess għas-suq kif ukoll it-trattament nazzjonali” (19). |
|
4.5.2. |
Minħabba l-possibbiltà kostanti ta’ bidla fil-gvern u bidla konsegwenti ta’ politika fil-konfront tas-servizzi pubbliċi, kwalunkwe ftuħ preċedenti fi ftehim kummerċjali jkun “ristrett”. Ma jista’ jkun hemm l-ebda pass lura. Għalhekk, il-klawżoli ta’ apertura ta’ sospensjoni u ta’ irriversibilità jistgħu jikkostitwixxu theddida b’mod partikolari għas-servizzi pubbliċi, minħabba d-definizzjoni ristretta u ambigwa tagħhom tal-kamp ta’ applikazzjoni. |
|
4.5.3. |
Il-preservazzjoni ta’ dan l-ispazju ta’ politika pubblika ssir vitali wkoll fil-kuntest tal-inklużjoni tal-akkwist pubbliku fil-ftehimiet kummerċjali. Għalhekk, kien importanti għall-KESE li jitlob li “tinżamm il-ħila tal-entitajiet tal-akkwist biex jużaw kriterji ambjentali, soċjali u marbutin max-xogħol, bħalma huma l-obbligu ta’ konformità u l-osservazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi, f’sejħiet għal offerti” (20). |
|
4.6. |
Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-investiment, il-KESE talab biex “salvagwardji proċedurali kontra talbiet li fil-mira tagħhom ikollhom leġislazzjoni ta’ interess pubbliku […] jiggarantixxu d-dritt għal Parti li tirregola fl-interess pubbliku, skont kif tħoss li huwa l-aħjar, fir-rigward tal-protezzjoni tal-investitur.“ (21). Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Qorti Multilaterali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment, għall-KESE “dan jista’ jinkiseb b’mod suffiċjenti biss bl-inklużjoni ta’ konċessjoni ta’ interess pubbliku, […] akkumpanjata minn garanziji xierqa li ma tiġix abbużata għal raġunijiet protezzjonisti.” Fil-kuntest usa” tal-Opinjoni tiegħu dwar Kwistjonijiet speċifiċi ewlenin tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), il-KESE talab li jissemmew b’mod espliċitu l-“ftehimiet kollettivi, inklużi ftehimiet tripartitiċi u/jew ġeneralizzati (erga omnes), sabiex ikunu esklużi milli jkunu soġġetti għal interpretazzjoni bħala ksur ta’ aspettattiva leġittima tal-investituri” (22). |
|
4.7. |
Filwaqt li l-agrikoltura u l-kummerċ ilhom kompetenzi tal-UE għal aktar minn 40 sena, xi drabi kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni, jew riflessjoni “konġunta”, bejn dawn l-interessi ewlenin. L-UE trid tevita wkoll kull tentazzjoni li tagħmel konċessjonijiet kbar fl-agrikoltura li jimminaw il-produzzjoni domestika. |
|
4.7.1. |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol tal-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali (23), il-KESE enfasizza li l-ftehimiet bilaterali għandhom jimmiraw li jeliminaw l-applikazzjoni ta’ standards doppji fl-agrikoltura, b’mod partikolari b’rabta mal-Ftehimiet dwar l-SPU u l-OTK, fil-pajjiżi msieħba. L-UE se tkun tixtieq ukoll li tippromovi l-istandards ambjentali, soċjali u ta’ żvilupp sostenibbli usa’ tagħha, f’konformità mal-SDGs. L-UE (u oħrajn) għandhom jinkludu impenn vinkolanti għall-bini ta’ kapaċità biex jgħinu lill-pajjiżi inqas żviluppati biex jilħqu dawn l-istandards, bħall-għajnuna fl-iżvilupp ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni veterinarja aċċettabbli, fid-dawl tal-fatt li l-istandards marbutin mas-sikurezza tal-ikel huma tal-akbar importanza. |
|
4.7.2. |
L-approċċ multilaterali għall-kummerċ fl-agrikoltura għandu bżonn li jiġi analizzat mill-ġdid u li jingħata spinta ġdida Il-kunċett “Doha” tad-WTO ta’ djalogu ta’ kummerċ bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw jeħtieġ li jiġi ppreservat u mtejjeb, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sovranità tal-ikel għal kulħadd. L-istess Opinjoni enfasizzat li l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex ikollha rwol ta’ tmexxija proattiva fil-promozzjoni ta’ approċċ ibbilanċjat ġdid, mhux l-inqas minħabba n-nuqqas ta’ xi ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw b’pass mgħaġġel li jagħmlu sforzi notevoli biex jgħinu lil oħrajn li huma inqas żviluppati minnhom. |
|
4.8. |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-Riforma tad-WTO, il-KESE jagħraf “l-importanza tal-prinċipju tal-prekawzjoni kif imħaddan fit-trattati tal-UE bħala kruċjali, u li dan jingħata l-protezzjoni adatta anke fil-livell multilaterali u jikseb rikonoxximent legali komplet sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet preventiv fil-każ ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Minħabba l-importanza tiegħu, l-UE għandha tagħmel il-prinċipju ta’ prekawzjoni tagħha interess offensiv fin-negozjati kummerċjali kollha tagħha” (24). |
|
4.9. |
Mentri l-Komunikazjoni dwar Kummerċ għal Kulħadd tagħmel enfasi partikolari fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fi prodotti sikuri, il-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur jipprovdu fehim ferm usa’ li jinkludi l-protezzjoni tal-privatezza tal-konsumaturi, id-drittijiet tagħhom fil-kummerċ elettroniku u d-dritt għal infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur. Minħabba l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq il-konsumaturi, il-KESE talab fl-Opinjoni tiegħu dwar Kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA)“kapitolu speċifiku għall-konsumaturi dwar “kummerċ u konsumaturi” fi ħdan il-qafas tat-TSD, li jinkorpora standards internazzjonali rilevanti dwar il-konsumatur u jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur” (25). |
|
4.10. |
Id-dokument ta’ riflessjoni tal-2017 tal-KE dwar L-isfruttar tal-globalizzazzjoni jidentifika għadd ta’ konsegwenzi ta’ globalizzazzjoni mhux ġestita, b’mod partikolari ż-żieda fl-inugwaljanzi. Il-benefiċċji tal-kummerċ qatt ma jkunu mifruxa b’mod uniformi. Il-politika dwar il-kummerċ u l-investiment tal-UE għandha tindirizza l-konsegwenzi sinifikanti kollha tal-ftuħ tas-suq, u tillimita l-impatti negattivi sa fejn ikun possibbli, inklużi l-kostijiet soċjali u ta’ tranżizzjoni. |
|
4.10.1. |
“Kummerċ għal Kulħadd” kienet l-ewwel li għarfet li l-kummerċ “jista’ jinvolvi impatti ta’ diżordni temporanji għal ċerti reġjuni u ħaddiema, jekk kompetizzjoni ġdida tkun wisq intensa għal xi impriżi” u tisħaq li “għan-nies affettwati direttament bidla bħal din mhijiex żgħira”. Hawnhekk il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa importanti. Dan għen lil aktar minn 27 600 ħaddiem fl-2013-14 (26). Għalhekk, il-KESE jqis li huwa importanti li kwalunkwe Qafas Finanzjarju Pluriennali futur għandu jipprevedi finanzjament suffiċjenti marbut direttament mal-impatti kummerċjali u jerġa’ jeżamina kwalunkwe kundizzjoni u kriterju ta’ limitazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu. Biex ikun antiċipat u akkumpanjat aħjar it-tibdil fir-ristrutturar, id-drittijiet effettivi tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u n-negozjar kollettiv huma hawnhekk essenzjali għal tranżizzjonijiet ġusti. |
|
4.11. |
Il-KESE jkompli jitlob li jiġu pprovduti protezzjonijiet aktar b’saħħithom għas-setturi sensittivi kontra kompetizzjoni kummerċjali inġusta, billi jiġu inklużi standards tal-ILO fil-kriterji għall-valutazzjoni tagħhom. F’Opinjoni reċenti dwar il-metodoloġija tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (27), il-KESE talab kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi esportaturi Ewropej u ta’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-KESE laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża kriterji speċifiċi biex tiddetermina jekk hemmx distorsjonijiet sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-suq, madankollu, innota li r-rispett tal-istandards tal-ILO u tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali għandu jitqies ukoll. |
|
4.12. |
Fir-rigward ta’ impenn qawwi li l-Kummissjoni tal-UE tagħti għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tax-xogħol permezz ta’ negozjati kummerċjali, il-KESE talab li l-pajjiżi msieħba “juru rispett sħiħ għat-tmien Standards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO qabel il-konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali. Jekk pajjiż sieħeb ma jkunx irratifika jew implimenta kif suppost dawn il-konvenzjonijiet jew ma jkunx wera livell ta’ protezzjoni ekwivalenti, il-KESE jirrakkomanda li fil-kapitolu tat-TSD jiddaħħal pjan direzzjonali dwar impenji konkreti sabiex jiġi żgurat li dan jintlaħaq fil-ħin dovut” (28). L-UE għandha tippromovi wkoll l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ standards tal-ILO aġġornati biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE barra mill-Istati Membri u tappoġġja l-SDG 8 dwar Xogħol Deċenti. |
|
4.13. |
Il-politika kummerċjali għandha ssaħħaħ ukoll l-inizjattivi tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji. Il-kumpaniji għandhom ikunu responsabbli fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista. Dan min-naħa tiegħu għandu jagħti spinta lil-“liċenzja tal-kumpaniji biex jaħdmu”, filwaqt li jimmassimizza kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-implimentazzjoni konsistenti tal-imġiba responsabbli fin-negozju (RBC) hija importanti fit-titjib tal-pożizzjoni kummerċjali globali tal-UE u biex tgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Fl-FTAs kollha, l-UE għandha tinsisti li kull parti firmatarja għandha tinkoraġġixxi b’mod attiv il-konformità tal-kumpaniji mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (29). Billi jirrikonoxxi l-importanza tal-infurzar tal-gvern tar-regoli dwar is-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet, il-KESE jitlob li l-ftehimiet kummerċjali jirrikjedu lill-gvernijiet fil-livelli nazzjonali u lokali jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom. |
|
4.13.1. |
Aktar gvernijiet qed jiżviluppaw il-liġijiet u l-istrumenti rispettivi tagħhom, l-iktar reċenti il-liġi Franċiża dwar id-Dover ta’ Viġilanza u l-liġi Netherlandiża dwar Diliġenza Dovuta rigward it-Tħaddim tat-Tfal. Il-Kanada tejbet l-istrateġija tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tagħha billi ffokat fuq l-imġiba tal-kumpaniji Kanadiżi barra mill-pajjiż u ħolqot Korp Konsultattiv li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati. F’April 2019, inħatar l-ewwel Ombudsperson Kanadiż għal Intrapriża Responsabbli, b’mandat biex jiġu rieżaminati u rrappurtati pubblikament l-allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinħolqu minn operazzjonijiet ta’ kumpaniji Kanadiżi fis-setturi tat-tħaffir fil-minjieri, taż-żejt u l-gass u tal-ħwejjeġ barra mill-pajjiż, inklużi rakkomandazzjonijiet għal miżuri kummerċjali għall-kumpaniji. |
|
4.14. |
Il-KESE jara lill-UE bħala f’pożizzjoni unika biex tassumi t-tmexxija fir-rigward tad-diliġenza dovuta, b’mod partikolari fid-dawl tal-provvista globali u l-katini ta’ valur dejjem jikbru. Il-miżuri volontarji u vinkolanti ma jeskludux lil xulxin, iżda għandhom jikkomplementaw lil xulxin. F’dan ir-rigward, il-KESE nnota l-ħidma fuq l-hekk imsejjaħ trattat vinkolanti tan-NU, li qed jiġi diskuss bħalissa mill-membri tan-NU, li għandu l-ħsieb li jikkodifika l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali legalment vinkolanti għall-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali u jilqa’ l-ħidma kontinwa tal-KESE dwar l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja REX/518. Bħal ċerti Stati Membri li diġà lleġislaw dwar id-dmir ta’ diliġenza, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġislazzjoni Ewropea f’dan il-qasam. |
5. Żvilupp kummerċjali u sostenibbli: il-ħtieġa li jintlaħqu l-SDGs/il-Ftehim ta’ Pariġi
|
5.1. |
Fl-Opinjoni tiegħu dwar Kummerċ għal Kulħadd (30), il-KESE laqa’ fuq kollox l-enfasi tal-UE fuq il-kopertura b’mod estensiv tal-iżvilupp sostenibbli, “b’mod speċjali fid-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali u dawk relatati mal-ambjent”. Fl-Opinjoni tiegħu dwar Kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) (31) il-KESE ħeġġeġ lill-KE “biex tkun aktar ambizzjuża fl-approċċ tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tal-eżegwibilità tal-impenji fil-kapitoli tat-TSD, li huwa ta’ importanza kruċjali għall-KESE. Il-kapitoli tat-TSD għandhom jingħataw l-istess importanza bħal dawk li jkopru kwistjonijiet kummerċjali, tekniċi jew tariffarji.” |
|
5.1.1. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’mod partikolari t-tħabbir reċenti mill-President tal-Kummissjoni li jmiss dwar il-ħatra mistennija ta’ Uffiċjal Kap ġdid għall-Infurzar tal-Kummerċ biex jissorvelja u jtejjeb il-konformità tal-ftehimiet kummerċjali tagħna, filwaqt li ma jnaqqasx mir-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissarju għall-Kummerċ. Hawnhekk huwa essenzjali li dan jinkludi setgħat b’firxa wiesgħa bl-istess piż u bl-istess effikaċja biex jiġu koperti l-impenji kollha maqbula fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, b’mod partikolari dawk relatati mal-kapitoli tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u t-tħassib soċjali u ambjentali li jirriżulta b’rabta ma’ kapitoli oħra fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment. Din il-kariga trid tinkludi wkoll proċess oġġettiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq investigazzjonijiet f’waqthom u mibdija b’mod effettiv, appoġġjati minn riżorsi adatti u jinkludu rwol ċar għall-partijiet interessati rikonoxxuti, kemm biex iressqu lmenti kif ukoll biex jipparteċipaw fi kwalunkwe smigħ pubbliku sussegwenti. Minbarra r-rapportar fil-fond lill-PE u lill-Kunsill, min-naħa tiegħu dan għandu jinkludi rwol definittiv għall-KESE u għad-DAGs rispettivi kif ukoll l-involviment kontinwu sottostanti tas-soċjetà ċivili. |
|
5.2. |
F’kull wieħed minn dawk li l-UE ssejjaħ FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” ta’ wara l-2010, hija inkludiet kapitolu speċjali dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Dan involva wkoll rwol ta’ monitoraġġ attiv għas-soċjetà ċivili minn kull parti. |
|
5.2.1. |
Il-KESE jqis id-djalogu kostruttiv mas-soċjetà ċivili dwar il-politika dwar il-kummerċ u l-investiment bħala element essenzjali u jtenni t-talba tiegħu biex ir-rwol tiegħu jkompli jiġi msaħħaħ. Fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) (32), il-KESE enfasizza dan l-involviment u talab l-estensjoni tiegħu biex jiġu koperti l-aspetti kollha ta’ ftehim kummerċjali, b’fokus prijoritizzat fuq l-impatt tagħhom fuq l-impenji marbutin mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. |
|
5.2.2. |
Il-KESE diġà rrakkomanda mhux biss klawżola speċifika biex tiġi promossa l-inklużjoni tal-SDGs fil-mandati futuri kollha għal kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilup sostenibbli (33), iżda li, bħala segwitu għall-Ftehim ta’ Pariġi, issa għandha tiġi inkluża wkoll il-ġlieda kontra t-tisħin globali. |
|
5.3. |
Kemm is-17-il SDG, il-komponent ċentrali tal-“Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli” komprensiva tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima (34) għandhom jibqgħu prijoritajiet globali. Hawnhekk, il-kummerċ u l-investiment jeħtieġ li jaqdu rwol ta’ appoġġ ewlieni. Madankollu, il-kisba ta’ ekonomija tal-UE newtrali fil-karbonju sal-2050 se tikkostitwixxi sfida konsiderevoli. |
|
5.3.1. |
Dawn kollha se jkollhom effetti profondi fuq il-kummerċ billi min-naħa tagħhom il-flussi kummerċjali se jkollhom effett fuqhom, kemm fl-UE kif ukoll globalment. L-aġendi ta’ Pariġi u tal-SDGs għandhom jitpoġġew fil-qalba tal-politika, il-prattiki u n-negozjati kummerċjali futuri kollha. L-UNCTAD (35) stmat li se jkun meħtieġ USD 7 triljun addizzjonali biex jintlaħqu l-SDGs, li minnhom tal-inqas terz se jkollu jiġi mis-settur privat. Barra minn hekk, ir-riżorsi pubbliċi ser ikunu ta’ importanza kritika wkoll fl-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-SDGs. Kif enfasizza preċedentement id-Direttur Ġenerali tad-WTO, l-MDGs diġà wrew “il-potenzjal trasformattiv tal-kummerċ” (36). |
|
5.3.2. |
Imbagħad, ikun meħtieġ tibdil regolatorju sinifikanti biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess u l-libertà neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu dwar Qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment, talab klawżola ta’ ġerarkija li tiżgura li fil-każ ta’ kwalunkwe inkonsistenza bejn ftehim tal-investiment internazzjonali u kwalunkwe ftehim ambjentali, soċjali jew tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali li huwa vinkolanti fuq Parti waħda fit-tilwima, l-obbligi taħt il-ftehim ambjentali, soċjali jew tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali għandhom jieħdu preċedenza, sabiex jiġi evitat li tingħata preċedenza lill-ftehimiet tal-investituri (37). |
|
5.4. |
Il-KESE kkonkluda preċedentement (38) li l-UE tinsab “f’pożizzjoni unika biex tkompli bir-realizzazzjoni tal-SDGs” billi “għandha l-kredibbiltà biex ikollha rwol biex tgħaqqad b’mod effettiv il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw”. Madankollu, huwa ħeġġeġ li għandu jkun hemm fokus aktar qawwi fuq l-integrazzjoni bis-sħiħ tal-SDGs “fil-qafas tal-politika Ewropea u fil-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni”, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri jekk ikun meħtieġ.” |
|
5.4.1. |
Il-KESE diġà enfasizza li l-kummerċ fl-agrikoltura (39) se jkollu rwol partikolarment important fit-tilħiq ta’ ħdax mill-Għanijiet. Opinjoni aktar reċenti, Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja (40), enfasizzat “li huwa essenzjali li tiġi stabbilita konnessjoni formali bejn il-BRI u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli”, u għal darb’oħra elenkat id-disa’ SDGs l-aktar rilevanti. |
|
5.5. |
Mill-inqas 13-il SDG jirreferu għat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi, min-naħa tiegħu, huwa l-ewwel ftehim komprensiv dinji dwar il-klima. Jekk l-SDGs huma l-pjan ta’ azzjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss, dan huwa l-pjan ta’ azzjoni għall-futur tal-pjaneta. Huwa aċċettat b’mod ġenerali li żieda fit-temperatura medja globali li taqbeż iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali jkollha effetti katastrofiċi. Il-pajjiżi li huma l-aktar probabbli li jiġu milquta jkunu wkoll dawk l-anqas kapaċi li jimmaniġġjaw it-tibdil neċessarju. |
|
5.5.1. |
Iż-żieda fil-flussi kummerċjali, fid-dawl tan-natura tagħhom, tfisser żidiet ulterjuri fit-trasport, fejn l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra huma diġà partikolarment għoljin. It-trasport jammonta għal 24 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 u huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet għadho qed jiżdiedu, u huwa previst li jilħqu 40 % tal-emissjonijiet totali sal-2030. Billi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali mhumiex inklużi direttament fil-Ftehim ta’ Pariġi, hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-modi tat-trasport kollha f’politika msaħħa tat-trasport li hija ġusta u sostenibbli, inklużi atturi oħra fil-katina tal-provvista, bħall-produtturi tal-enerġija u fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali. |
|
5.5.2. |
F’Opinjoni separata dwar Ir-rwol tat-trasport, il-KESE enfasizza l-“ħafna sfidi fir-rigward tal-SDGs, bħalma huma l-ħtieġa li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u klimatiċi, sistemi biex itejbu t-trasport u s-sigurtà tat-traffiku, u kif jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet relatati mal-impjiegi u x-xogħol deċenti” (41). Issa, il-KESE qed jitlob li tiġi stabbilita rabta politika mal-kummerċ u l-investiment. |
|
5.6. |
Din il-preokkupazzjoni globali wasslet għat-tkabbir tal-kunċett ta’ “ekonomija ċirkolari”, li hija deskritta bħala sistema ekonomika mmirata lejn il-minimizzazzjoni tal-iskart u l-aħjar użu tar-riżorsi. L-għan ta’ ekonomija ċirkolari huwa li jiġu minimizzati kemm l-input tar-riżorsi kif ukoll l-iskart u l-emissjonijiet u t-telf tal-enerġija. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ approċċ riġenerattiv ibbażat fuq disinn dejjiemi, manutenzjoni, tiswija, użu mill-ġdid, rimanifattura, rinnovazzjoni u riċiklaġġ. |
|
5.6.1. |
Ħafna jemmnu li dinja sostenibbli m’għandhiex tfisser tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja għall-konsumaturi, tista’ tinkiseb mingħajr it-telf ta’ dħul jew kostijiet żejda u li mudelli tan-negozju ċirkolari jistgħu jħallu qligħ daqs mudelli lineari. |
|
5.6.2. |
Madankollu, jinħoloq għadd ta’ kwistjonijiet relatati, b’mod partikolari għall-industriji tal-UE intensivi fir-riżorsi u fl-enerġija (REIIs), iffaċċjati b’diffikultà inerenti. Għandhom rwol strateġiku importanti fil-katini ta’ valur industrijali tal-UE. Billi l-għan tal-politika dwar it-tibdil fil-klima huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (kemm mill-kombustjoni ta’ fjuwils fossili kif ukoll minn proċessi industrijali) — il-mira attwali tal-UE hija li tintlaħaq in-newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 — il-kostijiet tal-enerġija tal-REII jirrappreżentaw proporzjon partikolarment għoli tal-kostijiet totali tagħhom: 25 % għall-azzar, 22–29 % għall-aluminju (42), u 25–32 % għall-ħġieġ (43). Din il-problema hija koperta aktar fil-fond f’Opinjoni separata tal-KESE (44). |
|
5.6.3. |
Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għalhekk tal-investiment isseħħ meta prezz ogħla fl-UE jwassal għal telf fis-sehem mis-suq u telf ta’ impjiegi relatati. F’dan il-każ, l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra jiġu sempliċiment ittrasferiti mill-produtturi tal-UE għall-produtturi f’postijiet oħra (li ħafna drabi jkunu inqas effiċjenti fl-enerġija), trasferiment li (fl-aqwa xenarju) ma jħalli l-ebda effett fuq l-emissjonijiet globali ta’ gass b’effett ta’ serra. |
|
5.6.4. |
Miżuri palljattivi ta’ Aġġustament fil-Fruntieri, fejn pajjiżi jistgħu jimponu taxxa fuq oġġetti importati u jħallsu lura t-taxxa fuq oġġetti esportati, huma possibbli u huma aċċettati bħala legali mid-WTO sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. |
Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Kif imsemmi fil-parti l-kbira tan-noti f’qiegħ il-paġna minn 9 ’il quddiem.
(2) Pubblikazzjoni tad-DĠ Kummerċ, Novembru 2018.
(3) COM(2015) 497 final.
(4) JOIN(2018) 31 final.
(5) Ittra ta’ missjoni tal-President eletta mill-Kummissjoni Ursula von der Leyen lill-Kummissarju nnominat għall-Kummerċ, Phil Hogan, 10 ta’ Settembru 2019.
(6) Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(7) U 20 miljun oħra barra mill-Ewropa.
(8) OECD Trade Policy Papers, No. 226 (2019), Offshoring of services functions and labour market adjustments, Paris.
(9) Dokumenti tal-OECD dwar il-Politika Kummerċjali, Nru 227 (2019), Mikroevidenza dwar Relazzjonijiet Korporattivi f’Katini ta’ Valur Globali: Ir-rwol tal-Kummerċ, l-IDB u s-Sħubijiet Strateġiċi, Pariġi.
(10) Ara nota nru 2 f’qiegħ il-paġna.
(11) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 15
(12) OECD Productivity Working Papers, No. 18 (2019), Industry Concentration in Europe and North America, Pariġi; World Economic Outlook Report, April 2019.
(13) ĠU C 262, 25.7.2018, p. 94
(14) Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(15) ĠU C 383, 17.11.2015, p. 34
(16) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123.
(17) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27.
(18) Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(19) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123.
(20) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 15
(21) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145.
(22) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30
(23) ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20.
(24) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 15
(25) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27
(26) Stqarrija għall-Istampa tal-KE, Lulju 2015.
(27) ĠU C 209, 30.6.2017, p. 66.
(28) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27
(29) Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, 2011.
(30) Nota 16 f’qiegħ il-paġna.
(31) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27
(32) ĠU C 159, 10.5.2019, p. 28
(33) Nota 16 f’qiegħ il-paġna.
(34) Il-Konferenza ta’ Pariġi tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC COP21).
(35) UNCTAD WIF Stqarrija għall-Istampa, Ġinevra 14.10.2014, ripetut minn dak iż-żmien ’l hawn.
(36) Diskors tan-NU, 21.9.2016.
(37) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145.
(38) Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna
(39) Ara n-nota 23 f’qiegħ il-paġna
(40) ĠU C 228, 5.7.2019, p. 95.
(41) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 9
(42) A. Marcu, W. Stoefs: Study on composition and drivers of energy prices and costs in selected energy-intensive industries (Studju dwar il-kompożizzjoni u l-ixprunaturi ta’ prezzijiet u kostijiet tal-enerġija f’industriji intensivi fl-enerġija magħżula), CEPS, 2016, disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20355
(43) C. Egenhofer, L. Schrefler: Study on composition and drivers of energy prices and costs in energy-intensive industries The case of the flat glass industry (Studju dwar il-kompożizzjoni u l-ixprunaturi ta’ prezzijiet u kostijiet tal-enerġija f’industriji intensivi fl-enerġija. Il-każ tal-industrija tal-ħġieġ ċatt), CEPS, 2014.