18.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-professjoni tal-biedja u l-isfida tal-profittabbiltà”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 353/12)

Relatur: Arnold PUECH D’ALISSAC

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

28.6.2019

Adottata fil-plenarja

18.7.2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

188/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-profittabbiltà u l-vijabbiltà ekonomika tal-irziezet hija kwistjoni serja fl-UE, fejn id-dħul ta’ bidwi, bħala medja, huwa biss 46,5 % ta’ setturi ekonomiċi oħra. Minkejja l-profittabbiltà baxxa, is-settur agrikolu tal-UE għandu rwol kruċjali bħala l-mutur tal-ekonomiji rurali u jipproduċi ikel ta’ kwalità li jirrispetta l-ogħla standards fid-dinja. Huwa impossibbli li tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali b’mod iżolat mill-aspetti daqstant importanti tal-elementi ekonomiċi, kummerċjali, ekoloġiċi u soċjali tal-attività tal-biedja.

1.2.

Is-settur agrikolu tal-Unjoni Ewropea jipprovdi lill-konsumaturi bis-sigurtà tal-ikel quddiem il-pressjoni dejjem tiżdied mit-tibdil fil-klima u d-domandi tas-soċjetà f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ewropew jikkontribwixxi b’mod attiv biex l-UE tibqa’ kompetittiva u dinamika fis-swieq internazzjonali, u jgħin biex jiżgura l-bilanċ favorevoli tal-kummerċ tal-UE. Is-settur agrikolu tal-UE huwa wkoll wieħed mill-akbar sorsi ta’ impjiegi, u jimpjega aktar minn 40 miljun persuna madwar l-UE. F’dawn l-oqsma, l-agrikoltura ħafna drabi hija l-uniku settur ekonomiku li jiġġenera t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.3.

Fl-UE hija meħtieġa katina tal-provvista tal-ikel ġusta, trasparenti, li tiffunzjona tajjeb u ekwa: waħda li hija tajba għall-bdiewa u għall-partijiet ikkonċernati kollha inklużi l-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut u, fuq kollox, il-konsumaturi. Fuq livell nazzjonali, għandha tingħata konsiderazzjoni għal approċċ ta’ negozjati tas-suq bil-maqlub permezz tal-istabbiliment ta’ katini tal-valur li jimmira li jagħti lill-bdiewa dħul fix-xahar tad-doppju tal-paga minima.

1.4.

Is-settur agrikolu tal-UE jipprovdi servizzi pubbliċi pożittivi u esternalitajiet li mhumiex rikonoxxuti mis-suq. L-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel filwaqt li jiġu rrispettati l-ogħla standards ta’ produzzjoni huwa għan li ntlaħaq. Madankollu, qed jiżdiedu sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima, il-volatilità evidenti tal-prezzijiet, kif ukoll il-kompetizzjoni inġusta minn sistemi ta’ produzzjoni bi standards aktar baxxi, prattiki kummerċjali żleali, u d-depopolazzjoni taż-żoni rurali kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni agrikola, li jqiegħdu lill-bdiewa tal-UE f’diffikultà fis-suq internazzjonali.

1.5.

It-teknoloġiji ġodda, flimkien ma’ attivitajiet inklużivi ta’ riċerka u innovazzjoni, huma parti mis-soluzzjonijiet biex iżommu s-settur agrikolu tal-UE kompetittiv u jippermettu lill-bdiewa tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni ta’ sostenibbiltà b’mod dirett u effettiv.

1.6.

L-edukazzjoni tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet huma meħtieġa sabiex il-bdiewa tal-UE jingħataw l-għodod ġusti biex jisfruttaw aħjar il-potenzjal teknoloġiku ġdid u jużaw soluzzjonijiet innovattivi fl-irziezet tagħhom.

1.7.

Il-bdiewa tal-UE ħadu għadd ta’ miżuri biex isaħħu l-kontribut tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima peress li qed dejjem aktar jaraw l-effetti tagħha: jesperjenzaw tibdil fiż-żminijiet tal-ħsad, ġlata bikrija jew imwaħħra, nirien, għargħar u nixfa. Barra minn hekk, il-miżuri ambjentali m’għandhomx jipperikolaw is-sikurezza tal-ikel u għandhom iżommu f’moħħhom li l-bdiewa għandhom bżonn remunerazzjoni ġusta għax-xogħol żejjed li l-miżuri sostenibbli u ta’ mitigazzjoni spiss jirrikjedu.

1.8.

UE b’saħħitha tfittex li twettaq mhux biss l-għanijiet tat-Trattat ta’ Lisbona iżda wkoll il-miri globali bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn l-impenji ambizzjużi jeħtieġ li jkunu appoġġjati minn baġit b’saħħtu u politiki effiċjenti, li jiggarantixxu l-futur, l-iżvilupp u l-prosperità tal-agrikoltura u ż-żoni rurali. Il-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli Ewropej jeħtieġu baġit b’saħħtu tal-PAK għall-perjodu li jmiss.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-KESE qed iħejji din l-Opinjoni biex jenfasizza r-rwol importanti tal-bdiewa Ewropej u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ekonomija tal-UE, billi jikkontribwixxu għas-sigurtà globali tal-ikel u biex iżommu ż-żoni rurali ħajjin. Ħafna drabi din il-kontribuzzjoni ma tiġix ippremjata daqskemm jistħoqqilha, u dan il-fatt jiskoraġġixxi lill-ġenerazzjoni l-ġdida milli tieħu f’idejha l-irziezet tal-familja tagħhom u jnaqqas l-attraenza tas-settur għal dawk li jkunu għadhom kemm daħlu.

3.   Ir-rwol tal-bdiewa fl-UE

3.1.    Il-kontribut għas-sigurtà tal-ikel, għall-kunsinna ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv u għall-ekonomija ġenerali tal-UE

3.1.1.

F’kuntest fejn id-domanda għall-ikel u l-bijomassa qed jiżdiedu, il-bdiewa tal-UE, il-kooperattivi tagħhom u l-azjendi tagħhom huma impenjati li jipproduċu, jipproċessaw u jikkumerċjalizzaw ikel sikur u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej u l-konsumaturi madwar id-dinja. Dawn jipprovdu lill-konsumaturi bis-sigurtà tal-ikel quddiem il-pressjoni dejjem tiżdied tat-tibdil fil-klima u d-domandi tas-soċjetà f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, is-settur agrikolu Ewropew jikkontribwixxi b’mod attiv biex l-UE tibqa’ kompetittiva u dinamika fis-swieq internazzjonali. Skont l-Eurostat (1), is-settur agrikolu kien jammonta għal 1,2 % tal-PDG tal-UE fl-2017 u ħoloq valur miżjud (gross) ta’ EUR 188,5 biljun, u kkontribwixxa b’mod attiv għall-bilanċ favorevoli tal-kummerċ tal-UE b’EUR 137 biljun ta’ esportazzjonijiet agrikoli għall-istess perjodu ta’ żmien.

3.2.    L-impjiegi f’żoni rurali u żvantaġġati

3.2.1.

Il-katina agroalimentari tal-UE hija waħda mill-akbar setturi ekonomiċi tal-UE, li żżomm u toħloq it-tkabbir u l-impjiegi u timpjega madwar 40 miljun ruħ. Madwar 10 miljun persuna huma impjegati direttament u jaħdmu f’irziezet u kooperattivi agrikoli. L-agrikoltura hija l-uniku sors ta’ impjieg għal ċerti żoni jew reġjuni.

3.3.    Il-bdiewa bħala difensuri ta’ pajsaġġi tradizzjonali u maniġers tal-art

3.3.1.

Il-bdiewa tal-UE, l-intrapriżi agrikoli u l-kooperattivi tagħhom jamministraw madwar 173 miljun ettaru, li huwa madwar 39 % taż-żona totali tal-UE. Il-bdiewa u l-membri tal-familja tagħhom jippreservaw il-pajsaġġ rurali u l-bijodiversità, billi jipprovdu ħafna riżultati pożittivi għas-soċjetà: bix-xogħol impenjat tagħhom f’termini ta’ ġestjoni tal-art u tal-pajsaġġ, qed jikkontribwixxu b’mod attiv biex itaffu l-effetti ta’ katastrofi kbar f’każ ta’ kundizzjonijiet estremi tat-temp. Bosta bdiewa huma wkoll sidien ta’ foresti u l-kontribut tagħhom għall-ġestjoni tal-foresti huwa sinifikanti. Barra minn hekk, il-bdiewa jgħinu biex iżommu u jirrestawraw il-pajsaġġ tradizzjonali tal-UE taż-żoni rurali, billi jiżguraw il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u jipprovdu wkoll sinerġiji pożittivi mas-settur tat-turiżmu tal-UE. Madankollu, l-isforzi li saru s’issa mis-settur agrikolu ma jistgħux jaħbu l-fatt li jrid isir ħafna aktar u jittieħdu aktar miżuri sabiex jinkisbu l-objettivi tal-bijodiversità fil-livell Ewropew u dak globali, inkluża l-protezzjoni tan-naħal, l-insetti u l-għasafar. Sa ċertu punt, dan imur kontra l-ħtieġa li jiġi ġġenerat profitt, għaldaqstant, l-UE trid assolutament tippremja l-kontribut ambjentali akbar tas-settur agrikolu permezz ta’ riżorsi addizzjonali allokati lill-PAK.

4.   It-tibdil fil-professjoni tal-bdiewa

4.1.    Id-domandi tas-soċjetà li qed jiżdiedu dwar dieti tajbin għas-saħħa, l-oriġini u l-kwalità tal-ikel, l-impatt fuq l-ambjent u l-benesseri tal-annimali

4.1.1.

Il-konsumaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammont kbir ta’ informazzjoni marbuta mal-prodotti li jikkunsmaw kuljum. Huma qed jagħtu aktar attenzjoni lill-oriġini u l-kwalità tal-ikel kif ukoll lill-impatt ambjentali tiegħu. Fatturi importanti oħra tal-għażla tal-konsumatur huma r-rispett tal-prattiki tal-benesseri tal-annimali u d-distanza minn fejn jiġi prodott l-ikel, inkluż it-tqassir tal-katini alimentari.

4.1.2.

Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, il-bdiewa tal-UE bdew jimplimentaw azzjonijiet biex itejbu saħansitra aktar il-benesseri tal-annimali u jnaqqsu kwalunkwe impatt negattiv tal-attivitajiet tal-biedja fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħamrija, filwaqt li jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja. Il-bdiewa tal-UE, assistiti mill-awtoritajiet pubbliċi u l-akkademiċi, qed jinvestu l-enerġija u r-riżorsi sabiex iħaddnu dan il-mudell ġdid ta’ konsum.

4.2.    Ir-rwol tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura

4.2.1.

Is-settur agrikolu tal-UE jinsab fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali, b’bosta skoperti innovattivi fil-ġenetika, vetturi awtomatizzati, robots, drones, immaġini bis-satellita, telerilevament, big data eċċ. Barra minn hekk, il-bdiewa dejjem adottaw, żviluppaw u applikaw mudelli innovattivi tan-negozju tal-irziezet u prattiki agronomiċi, inkluż tekniki ġodda u metodi ta’ produzzjoni li żiedu l-produzzjoni u għamlu l-prattiki tal-biedja aktar adattabbli għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu.

4.2.2.

F’din il-perspettiva, it-teknoloġiji ġodda jgħinu lill-bdiewa tal-UE biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jirrispettaw l-ogħla standards fid-dinja u jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi. F’dan is-sens, it-teknoloġiji ġodda jippermettu lill-bdiewa tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni tal-ambjent b’mod dirett u effettiv. Pereżempju, it-tnaqqis tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) jista’ jinkiseb bl-użu ta’ taħlita ta’ teknoloġiji li jgħinu lill-bdiewa f’kull aspett tal-produzzjoni. Fost oħrajn, it-tekniki ġodda ta’ tgħammir għandhom l-akbar impatt li jnaqqsu l-użu tal-PPPs u jrawmu r-reżistenza tal-pjanti u tal-annimali għal pesti, fungi u patoġeni esterni.

4.2.3.

Ir-rwol tat-teknoloġiji mhux marbut biss mal-produzzjoni nnifisha iżda wkoll mat-traċċabbiltà, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jgħinu biex is-settur agrikolu tal-UE jinżamm wieħed mill-aktar avvanzati u sikuri fid-dinja.

4.2.4.

L-aċċess għall-finanzi huwa vitali għall-bdiewa tal-UE sabiex jimplimentaw soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi fl-irziezet. F’dan ir-rigward, il-funzjoni tas-sussidjarjetà tat-tieni pilastru tal-PAK għandha tinżamm u titrawwem fil-PAK il-ġdida. Huwa importanti li wieħed jifhem li l-bdiewa tal-UE jimplimentaw biss l-aħħar żviluppi teknoloġiċi fin-negozju tagħhom permezz ta’ aċċess faċli għall-kreditu.

5.   Sfidi

5.1.    It-tibdil fil-klima

5.1.1.

Il-bdiewa tal-UE jagħtu kontribut serju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima peress li qed jaraw l-effetti tagħha dejjem aktar: jesperjenzaw tibdil fiż-żminijiet tal-ħsad, ġlata bikrija jew imwaħħra, nirien, għargħar u nixfa. Il-miżuri effettivi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima huma għalhekk kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul tal-irziezet. Fl-istess ħin, il-bdiewa qed inaqqsu l-emissjonijiet kemm fl-irziezet kif ukoll barra mill-irziezet permezz ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli, bl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda kif ukoll użu aktar effiċjenti tal-uċuħ tar-raba’, tiben, demel u residwi oħra għal enerġija rinnovabbli, permezz ta’ tisħin solari u billi jipprovdu l-elettriku mill-enerġija mir-riħ kif ukoll minn sorsi oħra. Il-prodotti mill-uċuħ tar-raba’ u mir-residwi tal-bhejjem jistgħu jintużaw ukoll biex jipproduċu bijokarburanti u materjali industrijali rinnovabbli fl-irziezet skont il-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari. Dan jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f’setturi oħra u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-provvisti tal-karburanti fossili tagħha.

5.1.2.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbilixxew miri importanti għas-settur agrikolu tal-UE li għandhom jintlaħqu bejn l-2030 u l-2050. Il-bdiewa tal-UE huma lesti li jindirizzaw dawn l-isfidi jekk ikunu mgħammra bl-għodod it-tajba. Is-"sett ta’ għodod" għandu jinkludi qafas politiku pożittiv u faċli għall-utent, teknoloġiji ġodda, strateġiji tal-immaniġġjar tal-ilma (jiġifieri ħażna u irrigazzjoni) u baġit b’saħħtu tal-PAK li jsostni l-isforzi addizzjonali tal-bdiewa. Il-bdiewa li jiġu mċaħħda minn waħda mill-għodod imsemmija hawn fuq jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel u jaffettwaw b’mod negattiv il-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE.

5.2.    Id-dħul fis-settur tal-agrikoltura

5.2.1.

Id-dħul mill-agrikoltura (2) għal kull unità ta’ xogħol annwali (UXA), espress bħala indiċi, kien 10,9 % ogħla għall-UE-28 fl-2017 milli fl-2016. Madankollu, dan irid jitqies f’relazzjoni ma’ setturi ekonomiċi oħra fejn id-dħul medju huwa ferm ogħla. Fil-fatt, meta mqabbla mal-pagi medji fl-ekonomija, id-dħul intraprenditorjali ta’ bidwi għal kull unità ta’ xogħol tal-familja kien ilaħħaq biss 46,5 % fl-2017.

5.2.2.

Din is-sitwazzjoni għandha impatt qawwi fuq l-iżvilupp tas-settur f’termini ta’ attraenza ġenerali għal atturi esterni, investituri u msieħba bankarji, u tipprevjeni l-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ setturi ekonomiċi oħra u tintensifika l-problema tat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet fiż-żoni rurali.

5.3.    Il-volatilità tal-prezzijiet u l-ħolqien ta’ swieq ġodda

5.3.1.

Il-prezzijiet f’termini reali (imnaqqsa) għal ħafna mill-prodotti ewlenin kienu ogħla fl-2017 milli fis-sena preċedenti: il-prezz medju tal-ħalib qabeż għal 17,1 % ogħla minn dak tal-2016, il-prezzijiet tal-majjal kienu 8,3 % ogħla, iċ-ċereali għolew bi 3,0 %, il-prezzijiet tal-bhejjem tal-ifrat żdiedu bi 2,2 % u l-prezzijiet tat-tjur kienu ogħla wkoll (+ 1,0 %). B’kuntrast, il-prezz f’termini reali tan-nagħaġ u l-mogħoż kompla jonqos (-1,4 %) fl-2017. Din ix-xejra pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-komoditajiet kienet parti miż-żieda qawwija li bdiet fl-2003. Madankollu, fl-2008 seħħ tnaqqis qawwi fil-prezzijiet, li wassal għall-volatilità tal-prezzijiet fis-suq internazzjonali li kien ta’ sfida għall-bdiewa żgħar u ta’ daqs medju tal-UE kif ukoll għall-investituri riċenti fis-settur agrikolu.

5.3.2.

Minħabba n-natura eteroġenja tiegħu, is-settur agrikolu tal-UE rreaġixxa b’mod differenti għax-xokk tal-prezzijiet tal-2008: ħafna bdiewa żgħar u medji kienu sfurzati jiddependu biss fuq pagamenti diretti tal-PAK biex iżommu l-attivitajiet tagħhom ħajjin iżda dan ma kienx biżżejjed biex jiggarantixxi s-sostenibbiltà ekonomika tar-razzett tagħhom.

Meta wieħed iħares lejn l-esportazzjonijiet tal-UE, l-imsieħeb kummerċjali tal-UE fil-prodotti agrikoli huwa l-Istati Uniti (16 % tal-esportazzjonijiet agrikoli totali, li kienu jiswew EUR 33,3 biljun fl-2017). B’konċentrazzjoni bħal din ta’ esportazzjonijiet f’suq wieħed, is-settur agrikolu tal-UE huwa espost għal deċiżjonijiet politiċi ta’ partijiet terzi li jistgħu jwasslu għal ċaqliq qawwi fil-prezzijiet (jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni jew dazji doganali għoljin).

Is-suq uniku tal-UE huwa l-aktar suq miftuħ u aċċessibbli fid-dinja, u jħalli lill-bdiewa tal-UE jiffaċċjaw l-isfida li jikkompetu ma’ prodotti agrikoli importati li jirrispettaw standards differenti tal-produzzjoni. Madankollu, it-traċċabbiltà tal-prodotti tal-ikel li ġejjin minn pajjiżi terzi għadha tista’ tittejjeb u tista’ twassal għal bosta kontroversji dwar il-kwalità tal-ikel u t-tikkettar tal-ikel relatati mal-prodotti importati (jiġifieri prodotti tal-ikel żviluppati permezz ta’ tekniki ta’ tgħammir ġodda, l-applikazzjoni tal-PPPs, ir-rispett tal-istandards tal-benesseri tal-annimali, eċċ.). Dawn l-importazzjonijiet huma kompetittivi ħafna fis-suq tal-UE minħabba l-istandard differenti tal-produzzjoni tagħhom, filwaqt li joħolqu tensjonijiet għall-bdiewa tal-UE li diġà jirrispettaw l-ogħla standards tal-produzzjoni fid-dinja.

5.4.    Id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u t-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet

5.4.1.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, sebgħa minn kull għaxar (71,5 %) maniġers tal-irziezet fl-10,5 miljun azjenda tal-UE kienu rġiel u l-maġġoranza (57,9 %) kellhom 55 sena jew aktar. Madwar wieħed biss minn kull għaxar (10,6 %) maniġers tal-irziezet kien bidwi żagħżugħ taħt l-età ta’ 40 sena u dan is-sehem kien saħansitra anqas fost il-bdiewa nisa (8,6 %).

5.4.2.

Il-bdiewa, is-sidien tal-foresti, l-azjendi agrikoli u l-kooperattivi agrikoli huma s-sinsla ekonomika taż-żoni rurali tal-UE. It-tixjiħ tal-bdiewa jikkawża depopolazzjoni ġeneralizzata taż-żoni rurali (l-hekk imsejħa “dijaspora rurali”) b’konsegwenzi diretti fuq in-nisġa ekonomika u soċjetali ta’ dawn it-territorji. Barra minn hekk, ġenerazzjonijiet ġodda huma skoraġġuti milli jkomplu bin-negozju tal-familja tagħhom minħabba l-profittabbiltà baxxa tal-attività tal-biedja u d-diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-art.

6.   Perspettivi

6.1.    Id-diġitalizzazzjoni u l-biedja ta’ preċiżjoni

6.1.1.

L-agrikoltura mxiet ’il quddiem f’era ta’ biedja diġitalment imtejba, fejn kull apparat li jipproduċi d-data matul d-diversi stadji tal-produzzjoni agrikola jista’ jibgħat dik l-informazzjoni biex tinġabar, tiġi pproċessata u analizzata. L-użu tal-big data jista’ jgħin lill-bdiewa jinvolvu ruħhom fir-rigward tal-futur tal-biedja u jiksbu miri ambizzjużi.

6.1.2.

Ir-razzett jipproduċi ħafna tipi ta’ data li jistgħu jiġu kklassifikati f’kategoriji differenti, bħal data agronomika, data finanzjarja, data tal-konformità, data meteoroloġika, data ambjentali, data tal-magni, data tal-persunal, eċċ. Dawn is-settijiet ta’ data jkunu ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ sorsi dejjem aktar b’saħħithom u kosteffettivi, bħal makkinarju, drones, GPS, sensuri remoti, satelliti, smartphones u oħrajn, u huma ssupplimentati minn fornituri ta’ servizzi, korpi konsultattivi, awtoritajiet pubbliċi, eċċ. Barra minn hekk, l-imsieħba l-oħra fil-katina tal-valur, bħall-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut, is-supermarkets, il-hypermarkets kif ukoll l-aġenziji tar-riklamar qed jiġbru ammonti enormi ta’ data dwar is-swieq li fihom il-bdiewa jbigħu l-prodotti tagħhom.

6.1.3.

Il-ġbir u l-użu tad-data fl-agrikoltura mhux kunċett ġdid; il-bdiewa ilhom jagħmlu proprju dan mill-bidu tal-agrikoltura. Dak li hu ġdid, madankollu, huwa l-opportunità li jiġi żviluppat settur tal-biedja orjentat lejn id-data bis-saħħa tad-daqs u l-volum ta’ din id-data, li qed jikbru b’rata esponenzjali. Novità oħra hija l-kwalità tal-informazzjoni f’ħin reali miksuba fil-livell tar-razzett u t-teknoloġija użata għall-ġbir, il-ħażna, l-użu, il-ġestjoni, l-iskambju, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni tad-data.

6.1.4.

Is-sjieda tad-data u d-dritt li jiġi ddeterminat min jista’ jaċċessa u juża d-data huma vitali biex jinżamm l-involviment tal-bdiewa fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Bħalissa, m’hemm l-ebda qafas komuni fejn is-sjieda tad-data hija spjegata b’mod ċar. Għal din ir-raġuni, is-settur agrikolu tal-UE bena Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola bi ftehim kuntrattwali (3), fejn jispjega d-dritt tal-oriġinatur tad-data li jkun ikkumpensat għall-użu tad-data maħluqa bħala parti mill-attività tiegħu.

6.1.5.

Id-diġitalizzazzjoni u l-biedja ta’ preċiżjoni għandhom rwol ewlieni fit-tiswir tal-futur tas-settur agrikolu tal-UE. Jaffettwaw ukoll is-suq tax-xogħol u t-tip ta’ ħiliet meħtieġa fl-agrikoltura, u qed jiddefinixxu mill-ġdid ir-rwol tal-bdiewa u l-mudelli tan-negozju tal-kooperattivi agrikoli.

6.2.    Il-miżuri tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima

6.2.1.

Is-settur agrikolu tal-UE implimenta numru kbir ta’ azzjonijiet sabiex itejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tiegħu matul l-aħħar deċennji. Il-PAK timponi azzjonijiet ambjentali stretti u li joffru sfida u prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli li jibdlu l-mod kif joperaw il-bdiewa fl-għelieqi, billi tgħaqqad b’mod effettiv il-kwalità mas-sostenibbiltà.

6.2.2.

L-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol speċjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima minħabba li huma l-uniku settur ekonomiku li, permezz tal-fotosinteżi, ineħħi l-gassijiet serra mill-atmosfera. Din il-kisba mis-settur għadha mhijiex rikonoxxuta għalkollox, ikkalkulata jew ikkunsidrata sew, u evalwazzjoni aħjar ta’ kif il-foresti u l-uċuħ tar-raba’ permanenti u annwali jistgħu jikkontribwixxu għall-emissjoni ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandha tiġi kkunsidrata aktar minn dawk li jfasslu l-politika.

6.2.3.

Illum, il-bdiewa jixtiequ jaraw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima rikonoxxuti mis-soċjetà kif ukoll minn dawk li jfasslu l-politika. B’mod speċjali dawk li jfasslu l-politika għandhom ikunu konxji li l-miżuri ambjentali m’għandhomx jipperikolaw is-sikurezza tal-ikel u għandhom iżommu f’moħħhom li l-bdiewa għandhom bżonn remunerazzjoni ġusta għax-xogħol żejjed li l-miżuri sostenibbli u ta’ mitigazzjoni spiss jirrikjedu.

6.3.    Iż-żieda fit-trasparenza tas-swieq fil-katina tal-provvista tal-ikel

6.3.1.

Id-distribuzzjoni tal-valur miżjud fil-katina tal-ikel hija ta’ madwar 25 % għall-bidwi, 25 % għall-ipproċessar tal-ikel u 50 % għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel u tal-ikel, skont l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni maħruġa f’Marzu 2017.

6.3.2.

Bħalissa, jeħtieġ li d-Direttiva Ewropea dwar il-prattiki kummerċjali inġusti tiġi rispettata b’mod strett. Fost l-intrapriżi tal-katina agrikola u tal-ikel, joħroġ fid-dieher b’mod kostanti sproporzjon kbir fis-saħħa ta’ negozjar bejn il-bdiewa u l-proċessuri ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel. F’din is-sitwazzjoni żbilanċjata jintervjenu bis-saħħa l-organizzazzjonijiet kummerċjali kbar (supermarkets, hypermarkets, kmamar kbar tal-industrija tal-ikel u tal-ipproċessar li joperaw fl-Ewropa kollha).

6.3.3.

L-istadji tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut wessgħu l-valur miżjud totali tagħhom fil-katina tal-ikel billi segwew iż-żieda fid-domanda tal-konsumatur għal prodotti ta’ konvenjenza. Fl-istess ħin, il-valur miżjud fl-agrikoltura naqas mill-2014 ’il quddiem (b’4 % anqas fl-2016). Dan huwa dovut għal żieda fl-ispejjeż tal-input minħabba l-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi kif ukoll il-possibbiltajiet limitati għall-bdiewa biex iżidu l-valur għall-prodott bażiku jew biex jitħallsu għalih.

6.3.4.

Barra minn hekk, Oxfam fl-istudju riċenti tagħhom “Ripe for change" (Wasal iż-żmien għal bidla) (2018) spjegaw l-inugwaljanza tal-katina tal-provvista tal-ikel, abbażi ta’ eżempji mir-Renju Unit, in-Netherlands u l-Ġermanja, fost oħrajn. Meta ħares fid-dettall lejn l-analiżi tal-prezzijiet tal-konsumatur aħħari, l-istudju ffoka fuq ir-Renju Unit sab li fl-2015 aktar minn nofs ta’ dan il-prezz mar għas-supermarkets (52,8 %), 38,5 % marru għall-kummerċjanti u għall-manifatturi tal-ikel u 5,7 % biss tal-prezz marru għall-bdiewa u l-ħaddiema fuq skala żgħira. L-aħħar 3 % tal-prezz marru għall-ispiża tal-inputs.

6.3.5.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, minħabba l-livell għoli ta’ konċentrazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-importanza fundamentali tad-difiża ta’ suq intern li jaħdem sew, il-leġislazzjoni qafas tal-UE li tinkludi l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) b’mekkaniżmi ta’ kontroll u infurzar flimkien ma’ sanzjonijiet ta’ deterrent kienet punt tat-tluq tajjeb. Huwa kruċjali li jitkompla dan l-isforz biex tiżdied it-trasparenza tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat sehem ġust tal-valur għall-bdiewa. Barra minn hekk, f’Lulju 2020 se jiġi implimentat ir-regolament il-ġdid dwar il-ħaddiema stazzjonati, u għandu jikkontribwixxi għal negozju aktar trasparenti u ġust fost il-bdiewa fil-livell nazzjonali.

6.3.6.

Fuq livell nazzjonali, għandha tingħata konsiderazzjoni għal approċċ ta’ negozjati tas-suq bil-maqlub permezz tal-istabbiliment ta’ katini tal-valur li jimmira li jagħti lill-bdiewa dħul fix-xahar tad-doppju tal-paga minima.

7.   Soluzzjonijiet

7.1.

Is-sistema ta’ azjendi agrikoli tal-familja, li hija apprezzata ferm mill-konsumaturi Ewropej, teħtieġ politiki tajbin, regolamentazzjoni ġusta u raġonevoli flimkien ma’ leġiżlazzjoni b’saħħitha u effettiva li se tgħin biex ittaffi t-theddida serja ta’ volatilità estrema tal-prezzijiet u l-iżbilanċ dejjem jiżdied tal-poter fil-katina tal-provvista. It-task force għas-swieq agrikoli hija pass f’din id-direzzjoni, iżda jeħtieġ li tissaħħaħ aktar.

7.2.    Ir-riċerka u l-innovazzjoni adattati għall-bżonnijiet tal-bdiewa, approċċ b’diversi atturi u l-involviment dirett tal-partijiet ikkonċernati

7.2.1.

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati hija essenzjali biex ir-riċerka titpoġġa fil-prattika. It-tqegħid tal-interessi tal-bdiewa fil-qalba tal-proċess tal-innovazzjoni mhux biss se jaċċelera l-impatt tiegħu b’mod sinifikanti iżda se jiżgura wkoll l-prattikabbiltà tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, dan jgħin biex jiżgura li l-fondi tar-riċerka mogħtija jintefqu aħjar.

7.2.2.

Il-bdiewa, l-ażjendi agrikoli, is-sidien tal-foresti u l-kooperattivi tagħhom jistgħu jkunu muturi tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku, anke permezz ta’ programmi tal-gvern. Għalhekk, l-involviment tagħhom mill-bidu nett f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-agrikoltura, l-ikel, il-forestrija u l-akkwakultura għandu jiġi promoss u mħeġġeġ. L-involviment tagħhom fl-istadji kollha tal-proġetti se jiżgura riċerka u innovazzjoni immexxija aktar mid-domanda kif ukoll jgħin biex titnaqqas id-differenza attwali bejn l-akkademja u l-prattika, lejn soluzzjonijiet applikabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jwassal biex il-bdiewa u l-produtturi tagħna jsiru aktar kompetittivi.

7.3.    Eċċellenza u Kwalità (Organiċi, IĠ, immarkar u katina tal-provvista tal-ikel qasira)

7.3.1.

Il-prodotti b’valur miżjud għoli bħall-Indikazzjoni Ġeografika u l-prodotti organiċi huma sors tajjeb ta’ dħul għal ħafna operaturi, speċjalment il-bdiewa. Dawn il-ktajjen tal-ikel partikolari huma saħansitra aktar interessanti jekk ma jkunx hemm intermedjarji. F’dan il-każ dawn il-katini tal-provvista qosra jsiru sors ta’ dħul remunerattiv ħafna għall-bdiewa u l-komunità rurali fejn jiġu prodotti dawn il-prodotti.

7.3.2.

Fid-dettalji, il-ktajjen qosra tal-provvista tal-UE jirrappreżentaw alternattiva għal ktajjen tal-ikel konvenzjonali itwal fejn bdiewa żgħar jew kooperattivi ħafna drabi għandhom ftit setgħa ta’ negozjar u l-konsumatur ma jistax jintraċċa l-ikel lil produttur jew żona lokali magħrufa. Sistema tal-ikel bħal din hija ta’ interess konsiderevoli peress li tirrispondi għal numru ta’ ħtiġijiet u opportunitajiet, kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumaturi. L-iżvilupp ta’ tipi differenti ta’ ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel (jiġifieri bejgħ dirett minn individwi u/jew bejgħ dirett kollettiv, sħubijiet – agrikoltura appoġġjata mill-komunità) huwa wieħed mill-approċċi tal-Politika Agrikola Komuni għat-titjib tal-kompetittività fl-Ewropa. Il-ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel jistgħu jaġixxu bħala mutur tal-bidla u mudell biex iżidu t-trasparenza, il-fiduċja, l-ekwità u t-tkabbir fil-katina agroalimentari kollha.

7.3.3.

Kwantità suffiċjenti ta’ ikel tiggarantixxi ċertu livell ta’ stabbiltà soċjali fil-ħajja taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ parti mill-pjaneta tagħna fejn hemm nuqqas ta’ ikel, li twassal ukoll għal migrazzjoni ekonomika lejn l-Ewropa jew lejn pajjiżi oħra.

7.4.    L-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda għas-settur primarju (iqsar)

7.4.1.

Skont il-Eurostat, ħafna mill-maniġers tal-irziezet fl-UE għandhom biss esperjenza prattika; dan kien il-każ għal sebgħa minn kull għaxra (68,3 %) minnhom fl-2016. Anqas minn wieħed minn kull għaxar (9,1 %) maniġers tal-irziezet kellhom taħriġ agrikolu sħiħ, u l-bqija (22,6 %) kellhom taħriġ agrikolu bażiku.

7.4.2.

L-edukazzjoni fis-settur primarju hija kruċjali biex trawwem il-modernizzazzjoni u ttejjeb l-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

7.4.3.

Illum dan huwa vitali, fejn il-ħiliet diġitali qed isiru element essenzjali tal-ġestjoni moderna tal-irziezet. Dawn il-ħiliet huma meħtieġa f’ħafna oqsma, u l-agrikoltura mhijiex eċċezzjoni. Qed tikber il-ħtieġa għal nies b’ħiliet tal-ICT u ħiliet diġitali fl-agrikoltura, imma hemm diskrepanza ċara fil-ħiliet f’dan is-settur, speċjalment fiż-żoni rurali.

7.4.4.

Sabiex il-komunità tal-biedja tieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tat-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali, jeħtieġ li jittejjeb il-livell tal-ħiliet diġitali fil-forza tax-xogħol tal-biedja.

7.4.5.

Dan jista’ jsir fil-livell tar-razzett u fi ħdan assoċjazzjonijiet u kooperattivi, kif ukoll fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE, li għandha tipprovdi programmi tul il-ħajja biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda.

Brussell, it-18 ta’ Lulju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Eurostat, Agriculture, forestry and fishery statistics 2018 (Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd tal-2018)

(2)  Eurostat, Agriculture, forestry and fishery statistics 2018 (Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd tal-2018).

(3)  COPA-Cogeca – EU Code of conduct on agricultural data sharing by contractual agreement (Kodiċi ta’ kondotta dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola permezz ta’ ftehim kuntrattwali (Mhux disponibbli bil-Malti))