|
11.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 47/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżgurar ta’ tranżizzjoni settorjali inklużiva lejn settur ferrovjarju diġitalizzat”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 47/04)
Relatur: Alberto MAZZOLA
Korelatur: Guy GREIVELDING
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
fil-21 ta’ Frar 2019 |
|
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) |
|
Adottata fis-CCMI |
2.10.2019 |
|
Adottata fil-plenarja |
30.10.2019 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
547 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
202/0/5 |
1. Rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Id-diġitalizzazzjoni tikkontribwixxi biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar effiċjenti u aktar konvenjenti kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, iżda tesponi wkoll is-sistemi ferrovjarji għar-riskji taċ-ċibersigurtà. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-ENISA u l-ERA. |
|
1.2. |
Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni tal-ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju), li hija l-qofol tal-istrateġija diġitali ferrovjarja tal-UE, għandha tiġi aċċellerata bil-kbir. L-investiment meħtieġ, aktar minn EUR 100 biljun, għandu jsir permezz ta’ inizjattiva dedikata tal-Kummissjoni, b’impenn baġitarju b’saħħtu tal-UE, appoġġ konkret mill-Istati Membri u kapital privat sostanzjali (InvestEU). |
|
1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lis-setturi ferrovjarji biex, flimkien ma’ mezzi oħra tat-trasport pubbliku, jiżviluppaw qafas komprensiv u interoperabbli għal mobbiltà bħala servizz (MaaS), bil-għan li jiżguraw mobbiltà u trasport pubbliku affordabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha bħala servizz ta’ interess ġenerali, kif ukoll biex jadottaw qafas tal-IT miftuħ, “qabbad u uża” (plug and play) għad-distribuzzjoni tal-biljetti multimodali fl-Ewropa. Is-settur ferrovjarju jista’ jkun is-sinsla biex jiġi żviluppat l-aspett ta’ Mobbiltà tal-Identità Diġitali Ewropea. |
|
1.4. |
Il-KESE jistieden lill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), lill-Komunità tal-Kumpaniji tal-Infrastruttura u l-Ferroviji Ewropej (CER) u lill-Maniġers tal-Infrastruttura tal-Ferrovija Ewropea (EIM), bħala parti mid-djalogu soċjali tal-UE, biex jistabbilixxu djalogu proattiv u trasparenti, pereżempju fil-forma ta’ “pjan direzzjoni diġitali”, u jniedu inizjattivi konġunti biex jidentifikaw u jantiċipaw l-impatt tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, u jinżamm livell għoli ta’ impjieg u garanziji soċjali bħala parti minn tranżizzjoni soċjalment ġusta. |
|
1.5. |
Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit regolatur ferrovjarju tal-UE li jakkumpanja l-iżvilupp tas-suq uniku ferrovjarju tal-UE li jkopri wkoll l-aspetti diġitali. |
2. Introduzzjoni
Is-sistema Ewropea ta’ mobbiltà u trasport bħalissa għaddejja minn bidla lejn sistema aktar ekoloġika u aktar diġitalizzata.
Il-ktajjen loġistiċi se jinbidlu hekk kif teknoloġija ġdida se tipprovdi integrazzjoni diġitali eħfef ta’ modi differenti, fluss akbar ta’ informazzjoni dwar it-traffiku u l-intraċċar, aċċess aktar faċli għal servizzi u informazzjoni lill-passiġġieri, użu aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura u grad ogħla ta’ prevedibbiltà dwar il-ħin.
Id-diġitalizzazzjoni se żżid ukoll l-ammont ta’ data disponibbli għall-impriżi ferrovjarji: l-użu ta’ din id-data, f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-privatezza u s-sjieda tad-data, se joħloq opportunitajiet għal inizjattivi ġodda ta’ negozju.
3. Il-ħtieġa li tiġi żgurata t-tranżizzjoni ferrovjarja diġitali
3.1. Is-settur ferrovjarju bħala parti mis-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa
Il-konnettività hija pedament li jippermetti r-realizzazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew u d-diġitalizzazzjoni tal-ferroviji.
Jeħtieġ ukoll livell għoli ta’ konnettività sabiex tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli, bħal skedi tal-ħin ferrovjarji, disponibbiltà ta’ biljetti, pjanifikaturi tal-ivvjaġġar, data dwar it-terminal tal-merkanzija, eċċ. Din hija stennija kbira fost il-konsumaturi u l-persunal, li ttejjeb il-kwalità tas-servizzi u l-manutenzjoni.
Diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-ferroviji tiddependi fuq kooperazzjoni tajba kemm bejn il-ferroviji kif ukoll mal-atturi tat-telekomunikazzjoni. Netwerks 5G ġodda se joffru opportunità kbira għall-ferroviji billi jippermettu, fost oħrajn, l-Internet tal-oġġetti u informazzjoni aħjar f’ħin reali.
Is-settur ferrovjarju jista’ jkun is-sinsla biex jiġi żviluppat l-aspett ta’ Mobbiltà tal-Identità Diġitali Ewropea, permezz ta’ “Ambjent regolatorju li jixpruna l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, u jirresponsabilizza liċ-ċittadini u lill-kumpaniji billi jagħtihom il-fiduċja u l-għarfien tal-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-kumpaniji u l-ħaddiema, filwaqt li dawn kollha jingħaqdu f’“persuna elettronika” waħda” (1).
3.2. Prodotti speċifiċi ġodda u IT
L-użu tal-ERTMS għandu jkun il-qofol tal-istrateġija teknika tal-UE sabiex jippermetti li l-vantaġġi tagħha jimmaterjalizzaw (eż. armonizzazzjoni teknika u operazzjonali, żieda fil-kapaċità fuq in-netwerk, titjib fis-sikurezza u fl-affidabbiltà, tnaqqis fl-ispejjeż tal-manutenzjoni). F’dawn l-aħħar 20 sena, inqas minn 10 % tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T ġie mgħammar bl-ERTMS. Il-pass tal-introduzzjoni għandu jitħaffef mingħajr ma tiġi injorata l-aċċessibbiltà tan-netwerk ferrovjarju reġjonali.
Barra minn hekk, fuq nett tal-aġenda għandu jkun hemm l-iżvilupp tal-qafas tekniku u legali, b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-djalogu soċjali, għal-livelli li qed jiżdiedu tal-operazzjoni awtomatika tal-ferroviji, il-konnettività tad-data mtejba tul ir-rotot ferrovjarji anke permezz tat-teknoloġija 5G, kif ukoll żviluppi diġitali ulterjuri rilevanti għall-ferroviji.
3.2.1. Proċessi interni ferrovjarji
3.2.1.1.
Is-sistemi ta’ kontroll, kmand u komunikazzjoni għandhom imorru lil hinn milli sempliċement jikkontribwixxu għall-kontroll u s-separazzjoni sikura tal-ferroviji, u jsiru sistema ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet u għall-immaniġġar tat-traffiku intelliġenti, flessibbli u f’ħin reali.
Is-sistemi attwali ma jisfruttawx biżżejjed it-teknoloġiji u l-prattiki ġodda, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji għall-ippożizzjonar bis-satellita, sistemi ta’ komunikazzjoni tad-data u bil-vuċi ta’ veloċità għolja u ta’ kapaċità għolja (Wi-Fi, 4G/LTE, 5G) u awtomatizzazzjoni, kif ukoll sistemi innovattivi ta’ ġbir ta’ data, ipproċessar u komunikazzjoni f’ħin reali. Dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu b’mod konsiderevoli t-traffiku, u b’hekk iwasslu għal titjib fil-kapaċità, inaqqsu l-konsum tal-enerġija tat-trazzjoni u l-emissjonijiet tal-karbonju, inaqqsu l-ispejjeż operazzjonali, itejbu s-sikurezza, inkluż fil-passaġġi invell permezz ta’ C-ITS, u s-sigurtà, u joffru informazzjoni lill-klijenti li tkun aċċessibbli, affidabbli u li tinftiehem. Il-manutenzjoni bbażata fuq il-kundizzjoni, li tkun ibbażata fuq is-sensuri u t-teknoloġija diġitali, se ttejjeb b’mod drastiku l-effiċjenza, l-affidabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema, kemm tal-infrastruttura kif ukoll tal-istokk li jiċċaqlaq (rolling stock).
3.2.1.2.
Id-diġitalizzazzjoni tikkontribwixxi biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar effiċjenti u aktar konvenjenti, iżda tesponi wkoll is-sistemi ferrovjarji għar-riskji taċ-ċibersigurtà. Li tingħaraf il-ħtieġa għal miżuri robusti ta’ ċibersigurtà u li wieħed ikun preparat biex jindirizza l-attakki ċibernetiċi, fosthom avvenimenti fuq skala kbira, jirrappreżentaw sfidi sinifikanti għas-settur ferrovjarju kollu.
“Interpretazzjoni omoġenja tar-regoli dwar iċ-Ċibersigurtà, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri, ... qafas taċ-ċertifikazzjoni u skemi ta’ ċertifikazzjoni ... jistgħu jipprovdu linja bażi komuni [għad-diġitalizzazzjoni]”, ... l-ERA għandha tkunu involuta fil-proċess u f’xi każijiet, bi ftehim mal-ENISA sabiex tiġi garantita l-koerenza, tiġi ddelegata biex tfassal skemi taċ-ċibersigurtà. “Għandhom jiġu adottati standards minimi Ewropej għas-sigurtà tal-IT f’kooperazzjoni ma’ CEN/CENELEC/ETSI”. (2)
3.2.2. Servizzi ġodda
3.2.2.1.
Sabiex titjieb l-informazzjoni relatata mal-vjaġġi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tal-ferrovija adegwata u tal-vjaġġi intermodali, kif ukoll bejgħ ta’ biljetti globali, xi ferroviji Ewropej nedew proġett komuni “Mudell ta’ Servizz Sħiħ” flimkien ma’ bejjiegħa tal-biljetti ewlenin biex joħolqu qafas tal-IT miftuħ, “qabbad u uża” (plug and play) għad-distribuzzjoni tal-biljetti ferrovjarji minflok soluzzjonijiet tal-IT bilaterali bejn distributuri u fornituri tas-servizzi ferrovjarji.
F’dan il-kuntest ġdid, il-Mobbiltà bħala Servizz (MaaS) tiddeskrivi bidla lil hinn mill-mezzi tat-trasport bil-vetturi privati u lejn soluzzjonijiet ta’ mobbiltà li jintużaw bħala servizz. Il-kunċett ewlieni għal MaaS huwa li joffri lill-vjaġġaturi soluzzjonijiet ta’ mobbiltà minn bieb sa bieb ibbażati fuq il-ħtiġijiet u l-għażla tal-ivvjaġġar tagħhom, li jiżgura mobbiltà u trasport pubbliku affordabbli u aċċessibbli bħala servizz ta’ interess ġenerali. Il-MaaS tqis is-sistema kollha tat-trasport bħala entità waħda, u s-settur ferrovjarju, b’rati baxxi ta’ emissjonijiet, jeħtieġlu jkun parti minnha.
3.2.2.1.1.
L-istabbiltà leġislattiva hija kruċjali sabiex titwettaq il-bidla importanti meħtieġa fil-qasam tal-biljetti. Informazzjoni faċli għall-konsumatur dwar il-bejgħ ta’ biljetti komprensivi hija essenzjali fir-rigward ta’ rekwiżiti realistiċi tal-UE fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji.
Il-ferroviji jeħtieġ li jkomplu jippromovu l-aċċessibbiltà b’mod kosteffiċjenti. Dispożizzjonijiet mhux neċessarji bejn in-negozji jwasslu għal burokrazija bla bżonn u għandhom jiġu ttrattati fuq bażi kuntrattwali u, fejn xieraq, fil-qafas leġislattiv rilevanti għall-iskambju tad-data.
3.2.2.2.
Is-settur ferrovjarju adotta dikjarazzjoni konġunta, bit-titolu “Dikjarazzjoni tas-Settur”, fl-okkażjoni tal-Ġranet TEN-T ta’ Rotterdam fl-2016, li tiddeskrivi l-passi li għandhom jittieħdu sabiex jitjieb it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija fl-Ewropa. Abbażi tad-Dikjarazzjoni tas-Settur, ġew identifikati għaxar azzjonijiet ta’ prijorità li jinkludu t-traċċar tal-ferroviji, il-ħin mistenni tal-wasla, u l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni konkreta tal-ERTMS. Barra minn hekk, fit-2 ta’ Diċembru 2015, l-imsieħba soċjali Ewropej fis-settur ferrovjarju ffirmaw Dikjarazzjoni dwar il-Merkanzija bil-Ferrovija bil-proposti tagħhom dwar it-titjib tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.
L-ittestjar awtomatiku tal-brejkijiet se jippermetti żieda sinifikanti fl-effiċjenza tal-attivitajiet tal-formazzjoni tal-ferroviji. Il-protezzjoni tad-data kummerċjali tat-trasport tal-merkanzija għandha tkun garantita wkoll.
3.3. Il-finanzjament tat-tranżizzjoni diġitali u r-riċerka u l-innovazzjoni
3.3.1. Il-finanzjament tad-diġitalizzazzjoni ferrovjarja: Ewropa Diġitali, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, InvestEU, programmi nazzjonali
Għandu jkun garantit appoġġ adegwat mill-fondi tal-UE u dawk nazzjonali għat-taqsimiet kollha tas-sistema ferrovjarja u għat-tlestija ta’ netwerk ferrovjarju Ewropew effettiv.
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jeħtieġ li titkompla u tiżdied wara l-2020. Irid jiġi ssottolinjat kif il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha tiffoka fuq kwistjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni bħall-ERTMS maġenb il-binarji u abbord. L-implimentazzjoni tal-ERTMS fin-netwerk tat-TEN-T, b’lokkjaturi diġitali (digital interlockings), teħtieġ aktar minn EUR 100 biljun, investiment bħal dan jista’ jiġi appoġġjat biss permezz ta’ inizjattiva dedikata, b’impenn baġitarju b’saħħtu tal-UE, flimkien ma’ appoġġ konkret mill-Istati Membri u kapital privat (InvestEU). Biex jiġu mobilizzati r-riżorsi meħtieġa, il-Kumitat huwa tal-fehma li jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol proattiv tal-Kummissjoni u għandu jiġi żviluppat qafas regolatorju. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa II għandha tiffinanzja wkoll il-kurituri ferrovjarji transfruntiera tal-5G biex titjieb il-konnettività.
3.3.2. Shift2Rail u Shift2Rail2
L-appoġġ tal-UE biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju huwa meħtieġ ukoll, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kontinwazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail li rnexxiet. Is-sħubija istituzzjonalizzata Ewropea futura għandu jkollha żieda fil-baġit u tkun tista’ sserraħ fuq sistema ta’ governanza mtejba u simplifikata li tqis aktar il-ħtiġijiet tal-komunità operattiva ferrovjarja u l-klijenti tagħha u tibqa’ tkun kapaċi tagħti spinta lill-ekosistema kollha tal-innovazzjoni ferrovjarja fl-Istati Membri. Il-finanzjament tar-riċerka għall-innovazzjoni diġitali jrid jinkludi finanzjament ta’ riċerka serju biex jakkumpanja l-valutazzjoni tal-impatt soċjali u miżuri li jiffaċilitaw tranżizzjoni ġusta.
4. Il-ħtieġa li jiġi żgurat li tali tranżizzjoni tkun inklużiva
4.1. Għall-impjegati
L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fl-ambjent ferrovjarju mistenni li ġġib magħha żidiet fl-effiċjenza u fil-produttività li jkunu ta’ benefiċċju għall-kompetittività tas-settur, u li fl-istess ħin se jkunu jeħtieġu bidliet kwalitattivi u kwantitattivi fl-impjiegi u fl-organizzazzjoni tax-xogħol fis-settur ferrovjarju.
Din it-tranżizzjoni diġà qed isseħħ u l-kumpaniji ferrovjarji jeħtieġ li jħejju u jimmaniġġjaw bidliet li jaffettwaw il-forza tax-xogħol tagħhom b’mod inklużiv u f’waqtu, sabiex jibqgħu impjegaturi ta’ kwalità tajba u attraenti.
Ser ikun hemm bidliet kbar fin-natura tax-xogħol u d-domanda għall-ħiliet. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu ttrattati dawn il-bidliet strutturali billi tissaħħaħ tranżizzjoni ġusta u bla xkiel u tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet, flimkien ma’ monitoraġġ xieraq tal-progress.
L-impatt fuq is-saħħa tal-ħaddiema ferrovjarji m’għandux jiġi sottovalutat, inkluż il-ħolqien ta’ piż mentali li jista’ jwassal għal mard u jikkawża tensjonijiet fil-ħajja privata tal-persuni.
L-iżgurar ta’ tranżizzjoni inklużiva tfisser il-ġestjoni tal-bidla b’mod soċjalment responsabbli, li tibda bi djalogu miftuħ u trasparenti mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. Tali djalogu għandu jgħin biex jindirizza l-biża’ potenzjali marbuta mad-diġitalizzazzjoni u jiżgura l-involviment meħtieġ tal-persunal matul il-bidla.
Jeħtieġ li tittieħed kawtela kbira meta tiġi implimentata d-diġitalizzazzjoni, sabiex jiġu evitati tranżizzjonijiet ta’ tfixkil u diżgwid soċjali. Huwa assolutament essenzjali li l-imsieħba soċjali Ewropej – l-ETF (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport), is-CER (il-Komunità tal-Kumpaniji tal-Infrastruttura u l-Ferroviji Ewropej) u l-EIM (l-Assoċjazzjoni tal-Maniġers tal-Infrastruttura tal-Ferrovija Ewropea) – jiltaqgħu bħala parti mid-djalogu soċjali settorjali tal-UE dwar il-ferroviji biex jiddeċiedu dwar proġetti konġunti sabiex jidentifikaw u jantiċipaw aħjar l-impatt tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni sabiex jinżamm livell għoli ta’ impjieg u garanziji soċjali bħala parti minn tranżizzjoni soċjalment ġusta.
Dawk li jfasslu l-politika Ewropea u dik nazzjonali u l-imsieħba soċjali għandhom jistabbilixxu koordinazzjoni bejn id-Djalogu Soċjali Ewropew u n-negozjati nazzjonali li jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali u tax-xogħol tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tas-sistema ferrovjarja Ewropea integrata.
Fil-livell nazzjonali, il-kumpaniji ferrovjarji, flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, jeħtiġilhom ifasslu tip ta’ “pjan direzzjonali diġitali” fi stadju bikri u jipprovdu taħriġ lir-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar l-identifikazzjoni tal-proċessi diġitali u l-fatturi ta’ influwenza.
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu nnegozjati ftehimiet ta’ negozjar kollettiv mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell nazzjonali dwar:
|
— |
drittijiet għal konsultazzjoni, parteċipazzjoni u rappreżentanza kollettiva qabel ma jiġu introdotti teknoloġiji ġodda; |
|
— |
id-definizzjoni ta’ attivitajiet/impjiegi alternattivi, taħriġ mill-ġdid u kwalifiki, u l-kundizzjonijiet għalihom; |
|
— |
is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, id-dritt ta’ skonnessjoni, il-protezzjoni tad-data dwar l-impjegati (kontra l-monitoraġġ permanenti); |
|
— |
sigħat ta’ xogħol iqsar u/jew skedi tax-xogħol (flessibbli). |
Is-sikurezza tat-traffiku u s-sigurtà tal-passiġġieri u tal-persunal ma jistgħux jiġu garantiti biss permezz ta’ sistemi diġitali u awtomatizzati, hija meħtieġa preżenza umana.
Il-mod ewlieni biex tiġi indirizzata din l-isfida huwa li jsir enfasi fuq it-tranżizzjonijiet professjonali, appoġġjati b’tagħlim tul il-ħajja u investimenti fil-kapaċità għall-impjieg tal-persunal biex jiġi evitat li jingħataw is-sensji. Fis-settur ferrovjarju hemm żewġ sfidi importanti, li huma piramida tal-etajiet żbilanċjata tal-forza tax-xogħol u diffikultajiet fir-reklutaġġ, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa. B’konsegwenza ta’ dan, il-kumpaniji ferrovjarji jeħtieġ li jieħdu ħsieb il-kapaċità tal-ħaddiema aktar anzjani biex jibqgħu f’impjiegi li qed jinbidlu b’mod rapidu biex jiġi żgurat li l-għarfien essenzjali jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li titwessa’ l-bażi ta’ reklutaġġ tagħhom.
Mill-perspettiva ta’ sistemi nazzjonali u mifruxa mal-UE kollha, l-iżbilanċi fil-forza tax-xogħol jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu evitati permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni tajba bejn is-settur tal-edukazzjoni u n-negozji, sabiex titħejja l-“forza tax-xogħol tal-futur” permezz ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u l-ħarrieġa b’ħiliet diġitali.
Kif imsemmi hawn fuq, is-sistemi edukattivi nazzjonali – speċjalment l-edukazzjoni vokazzjonali – għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-forza tax-xogħol futura tkun mgħammra bil-ħiliet it-tajba. Huwa rrakkomandat li jiġu stabbiliti kunsilli tal-ħiliet settorjali.
4.2. Passiġġieri: persuni anzjani li jaċċessaw servizzi intensivi fl-IT, persuni b’diżabbiltà, żoni rurali, eċċ.
|
4.2.1. |
Id-diġitalizzazzjoni se toffri żieda fl-opportunitajiet biex jitnaqqas aktar l-impatt ambjentali tas-sistema tat-trasport tagħna u biex il-mobbiltà ssir aktar effiċjenti. Il-konnettività li qed tikber għandha wkoll tagħmel l-għażliet u l-multimodalità tal-“mobilità bħala servizz” aktar faċli. Iż-żoni rurali jibbenefikaw minn dan biss jekk ikunu koperti mill-investiment meħtieġ. |
|
4.2.2. |
Peress li t-trasport bil-ferrovija huwa servizz, huwa importanti li s-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet ambjentali, l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà, l-assoċjazzjonijiet li jippromovu l-mobbiltà ġusta u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni anzjani wkoll jistgħu jsiru msieħba fl-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju. |
|
4.2.3. |
“Biex tissaħħaħ il-forza ekonomika taċ-ċittadini anzjani tal-Unjoni, li jirrappreżentaw 25 % tal-popolazzjoni tagħha, il-KESE jemmen li mhuwiex rilevanti għat-tkabbir li dawn jitqiesu bħala kategorija ta’ ċittadini barra mill-fluss tal-ħajja, iżda għandhom jiġu rikonoxxuti l-kapaċitajiet u l-aspettattivi tagħhom u għandhom jiġu inklużi bħala atturi ekonomiċi u soċjali tal-era diġitali (3). |
5. Fil-kuntest tal-ekonomija Ewropea tad-data
|
5.1. |
L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-IT iffaċilita l-ġbir u l-isfruttar tad-data dwar it-trasport. Il-massimizzazzjoni tal-użu tad-data ser twassal għal tkabbir ekonomiku, innovazzjoni u benefiċċji sinifikanti għas-settur ferrovjarju, il-konsumaturi tiegħu u l-ekonomija Ewropea, il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi interoperabbli u interkonnessi. L-aspetti differenti tal-ftuħ tad-data u l-kondiviżjoni tad-data jeħtieġ li jiġu esplorati aħjar sabiex jinħoloq valur miżjud ċar għas-settur ferrovjarju u s-soċjetà. |
|
5.2. |
L-ewwel pass huwa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-formati tad-data sabiex l-atturi jaħdmu flimkien. Barra minn hekk, ikun meħtieġ li jiġu ċċarati s-sjieda, l-aċċess u l-użu ta’ tipi differenti ta’ data. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-operaturi pubbliċi u privati, it-trade unions, il-maniġers tal-infrastruttura u l-fornituri se tkun vitali sabiex jitneħħew l-ostakli għall-kondiviżjoni tad-data fl-ekosistema ferrovjarja. |
|
5.3. |
Analiżi tal-big data xierqa mbagħad se tipprovdi informazzjoni dwar xejriet u domandi li jistgħu jgħinu biex it-trasport jiġi ddisinjat mill-ġdid b’aktar personalizzazzjoni u flessibbiltà u biex il-bliet jiġu megħjuna jkunu aktar effiċjenti. Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport jirrikjedu d-disponibbiltà, aċċessibbiltà u fluss liberu tad-data xierqa. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-data. |
|
5.4. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-kompetizzjoni ġusta u l-għażla tal-konsumatur fil-qasam tal-aċċess għad-data. Bħalissa hemm tħassib dwar il-livell ta’ kompetizzjoni li jirriżulta mit-tentattivi ta’ aċċess għal data dwar il-passiġġieri. Jinħolqu wkoll sfidi fil-qasam tat-trasport pubbliku, fejn l-aċċess għad-data (pereżempju skedi tal-ħinijiet tal-ferroviji u l-post fil-ħin reali) se jkun essenzjali biex jiġu stabbiliti servizzi multimodali li jiffunzjonaw tajjeb. |
|
5.5. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta regolamenti vinkolanti sabiex tiżgura li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ kompetizzjoni ġusta, mingħajr ma jiġu ddiskriminati l-kumpaniji pubbliċi u privati li jipprovdu servizzi simili, kif ukoll dawk dwar l-aċċess għad-data dwar it-trasport, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. “L-istess kundizzjonijiet iridu japplikaw għall-kumpaniji pubbliċi u privati b’kundizzjonijiet ta’ reċiproċità għall-iskambji tad-data u l-kumpens tal-ispejjeż (4),” inklużi l-pjattaformi diġitali. |
6. L-industrija Ewropea tal-Provvista Ferrovjarja
|
6.1. |
“Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ negozju kemm lill-industriji tal-manifattura kif ukoll lill-industriji tas-servizzi, inklużi l-SMEs, u jistgħu jkunu qasam ta’ vantaġġ kompetittiv għall-UE. Għal dan l-għan, il-KESE jappella għal ambjent tan-negozju abilitanti u inkoraġġanti, inkluża attitudni miftuħa lejn mudelli ta’ negozju ġodda u li tingħata spinta lill-iżvilupp ta’ pjattaformi diġitali Ewropej (5).” |
|
6.2. |
Permezz tad-Dokument ta’ Viżjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni bit-titolu “Digital Trends in the Rail Sector” (Xejriet Diġitali fis-Settur Ferrovjarju), il-UNIFE, l-assoċjazzjoni tal-industrija Ewropea tal-provvista ferrovjarja, għandha l-għan li tesprimi l-fehma tagħha dwar kif it-trasformazzjonijiet diġitali se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tas-settur ferrovjarju Ewropew u l-industrija tal-provvista tiegħu – kemm f’termini ta’ titjib fl-esperjenza għall-passiġġieri tal-ferroviji kif ukoll f’termini tal-ottimizzazzjoni tal-loġistika u t-tisħiħ tal-kapaċità għall-ġarr tal-merkanzija. Sabiex isir dan, ġew identifikati ħames oqsma prinċipali:
|
7. Ir-rwol tal-istituzzjonijiet
7.1. Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA)
Sabiex tiġi żviluppata ż-żona ferrovjarja unika Ewropea, biex jiġi evitat żvilupp frammentat ta’ applikazzjonijiet telematiċi, l-Aġenzija ngħatat rwol iżjed b’saħħtu fil-qasam ta’ tali applikazzjonijiet. Għal dak il-għan, l-Aġenzija ngħatat is-setgħa li taġixxi bħala l-awtorità tas-sistema għal applikazzjonijiet telematiċi, u f’dik il-kapaċità, għandha żżomm, timmonitorja u tmexxi r-rekwiżiti kollha korrispondenti tas-subsistemi fil-livell tal-UE.
7.2. Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)
L-ENISA hija ċentru ta’ għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà fl-Ewropa u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (NIS) fi ħdan l-UE.
L-Aġenzija taħdem biex toffri pariri u soluzzjonijiet li jinkludu Eżerċizzji pan-Ewropej taċ-Ċibersigurtà, Strateġiji Nazzjonali dwar iċ-Ċibersigurtà, kooperazzjoni u bini tal-kapaċità tas-CSIRTs (Skwadra ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters), studji dwar l-adozzjoni sikura tal-Cloud, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza u l-privatezza f’teknoloġiji emerġenti, l-eIDs u s-servizzi fiduċjarji, u l-identifikazzjoni tax-xenarju ta’ theddid ċibernetiku, eċċ. L-ENISA u l-ERA għandhom jaħdmu flimkien fuq dawn il-kwistjonijiet.
7.3. Regolatur Ekonomiku Ewropew dwar is-Settur tal-Ferroviji
Id-Direttivi tal-UE pprovdew għat-twaqqif obbligatorju ta’ korpi regolatorji fl-Istati Membri ddedikati għas-sorveljanza tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ferroviji. Barra minn hekk, żona ferrovjarja unika Ewropea, b’mod partikolari t-traffiku internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġieri, teħtieġ ukoll sforzi akbar fuq skala kontinentali bl-istabbiliment ta’ regolatur ferrovjarju Ewropew.
Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) ĠU C 353, 18.10.2019, p. 79.
(2) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 86.
(3) Il-pilastru diġitali tat-tkabbir: l-anzjani onlajn, potenzjal ta’ 25 % tal-popolazzjoni Ewropea (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 28).
(4) ĠU C 353, 18.10.2019, p. 79
(5) Implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport għat-tfassil tal-politika tal-UE (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52).