24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Trattat vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/02)

Relatur:

Thomas WAGNSONNER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

28.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

136/23/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem bħala bażi universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti, interrelatata u, għalhekk, bażi obbligatorja għal kull involviment tas-soċjetà. Id-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien għall-ġid tal-Ewropa u għal ħajja paċifika. Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem soċjali u politiċi kollha jridu jiggarantixxu livell ta’ għajxien deċenti għall-persuni kollha u li l-ksur tagħhom ma jridx iwassal għal profitti mhux iġġustifikati.

1.2.

Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jista’ jiġi evitat aħjar meta jkun hemm standard vinkolanti miftiehem internazzjonalment, imfassal biex jiġi implimentat u mħares mill-Istati. Il-KESE jilqa’ approċċ li jirrikonoxxi li huwa d-dmir tal-Istati li jipproteġu, jippromovu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem u li n-negozji jridu jirrispettaw dawn id-drittijiet.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jikkunsidra kwistjonijiet sostantivi proposti mill-UE, bħar-rakkomandazzjonijiet tagħha biex il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi n-negozji kollha u għal allinjament kunċettwali aktar b’saħħtu mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs). Ir-regoli għandhom jinbnew b’mod koerenti mas-sistemi ta’ diliġenza dovuta eżistenti, b’mod speċjali l-UNGPs, biex tiġi faċilitata implimentazzjoni aktar faċli u biex jiġu evitati s-sensji.

1.4.

Billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta’ trattat, ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE, issa jinkludi l-attivitajiet tan-negozju kollha, irrispettivament, b’mod ġenerali, mid-daqs, il-KESE jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu miżuri biex jappoġġjaw in-negozji bl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, li jistgħu jkunu bbażati fuq l-impenji volontarji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva eżistenti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ attivitajiet internazzjonali. Il-KESE jirrikonoxxi d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-miżuri previsti f’dan it-trattat għall-SMEs, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b’mod qawwi lill-SMEs u jiffaċilitaw oqfsa prattiċi biex ikunu jistgħu jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li miżuri mhux vinkolanti u vinkolanti ma jeskludux lil xulxin, iżda għandhom jikkomplementaw lil xulxin.

1.6.

Sistemi bħal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Istandards ta’ Rapportar tal-UNGP juru li diġà hemm modi prattiċi kif jiġu implimentati standards ta’ mġiba stretti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tan-negozju. In-negozji li diġà impenjaw ruħhom għal dawk l-istandards ma għandhomx iġarrbu piżijiet addizzjonali. Biex ikun evitat li jkun hemm sensji, il-protokoll fakultattiv previst fil-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għandu jqis is-sistema tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-OECD, li jkollhom jiġu adattati biex jiġu appoġġjati regoli vinkolanti, jew istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali eżistenti (NHRIs) oħrajn.

1.7.

Minkejja progress kbir milqugħ tajjeb ħafna, b’mod speċjali fl-Ewropa, fir-rigward tal-linji gwida mhux vinkolanti għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju (eż. UNGPs, Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali), trattat vinkolanti huwa importanti għal dawk in-negozji li għadhom mhumiex qed jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-serjetà. B’dan il-mod, l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem uniformi madwar id-dinja, il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli kif ukoll l-aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja se jkunu żgurati għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju. Dan se jservi wkoll biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, tinħoloq iċ-ċertezza legali u kompetizzjoni globali aktar ġusta.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li forum wieħed (1) li jwettaq proċedimenti ġusti għandu jkollu ġurisdizzjoni, b’mod partikolari meta ma jkunx ċar jekk kumpanija omm, waħda mis-sussidjarji tagħha jew fornitur ikunux potenzjalment responsabbli, anke jekk il-kumpaniji jkunu jinstabu f’pajjiżi differenti. Il-KESE jenfasizza li permezz tad-dispożizzjoni b’saħħitha rigward assistenza legali reċiproka, il-forum shopping jista’ jiġi evitat.

1.9.

Il-KESE jemmen li għandha titkompla l-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv Miftuħ. Għaldaqstant, il-KESE jinsab lest li jagħti kontribut bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jafferma li d-djalogu soċjali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

Rakkomandazzjonijiet

1.10.

Fl-interess tat-tisħiħ ulterjuri u t-trawwim tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-negozji abbażi ta’ standards koerenti u stretti madwar id-dinja, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropew u l-Kunsill Ewropew, u lill-Istati Membri, jappoġġjaw il-proċess kontinwu tat-trattat attwali u jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv fin-negozjati.

1.11.

L-abbozz attwali għandu potenzjal għal titjib sostantiv li jrid jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ mandat ċar biex tikkoordina l-involviment Ewropew meħtieġ.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-flessibbiltà bejn regoli proporzjonati iżda li ma jitfgħux piż żejjed fuq l-SMEs, minn naħa waħda, u regoli aktar stretti għal industriji ta’ riskju għoli min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, l-UE għandha toffri strumenti ta’ appoġġ speċjali biex jgħinu lill-SMEs jimmaniġġjaw l-isfidi ta’ trattat bħal dan (eż. aġenzija, appoġġ għal tagħlim bejn il-pari).

1.13.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew (PE) (2), b’mod partikolari t-talbiet tiegħu għal impenn sħiħ għall-iżvilupp ta’ strument vinkolanti, u b’mod speċifiku l-ħtieġa għal mekkaniżmu internazzjonali ta’ tressiq ta’ lmenti u monitoraġġ. Il-KESE jinnota li hemm sistemi internazzjonali, bħall-proċedura tal-ilmenti fl-ILO, li jistgħu jservu bħala mudell għal infurzar internazzjonali aktar ambizzjuż, peress li r-regoli vinkolanti ma jkunux effettivi mingħajr involviment b’saħħtu mill-Istati u mekkaniżmi ta’ infurzar.

1.14.

Għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali, fejn mhux diġà żviluppati, biex tiġi implimentata d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u għandu jkun hemm ukoll pjan ta’ azzjoni Ewropew. Is-soċjetà ċivili organizzata jeħtiġilha tkun involuta fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pjani ta’ azzjoni.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tistudja l-fattibbiltà ta’ “Aġenzija tal-UE għall-Klassifikazzjoni Pubblika” għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju.

1.16.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm mekkaniżmu internazzjonali b’saħħtu ta’ monitoraġġ u infurzar, bil-possibbiltà li jitressqu lmenti quddiem tribunal internazzjonali. Barra minn hekk, għandu jkun hemm uffiċjal indipendenti tan-NU (ombudsperson) għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestiga u jappoġġja t-talbiet tagħhom fejn meħtieġ, li jsegwi b’mod indipendenti l-ksur allegat u jġibu għall-attenzjoni tal-kumitat.

1.17.

L-abbozz jinkludi definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ drittijiet tal-bniedem. Referenza fil-preambolu tal-abbozz ta’ trattat għad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) għandha tinkludihom bħala fundamentali għall-interpretazzjoni tagħha. B’mod partikolari, id-drittijiet tal-bniedem — bħad-dritt għal ambjent b’saħħtu, l-edukazzjoni u l-protezzjoni tad-data — jridu jiġu msemmija u inklużi b’mod aktar espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat.

1.18.

L-abbozz diġà jipprevedi għażla ta’ ġurisdizzjonijiet kompetenti, li teħtieġ aktar irfinar, u għaldaqstant, il-KESE jikkunsidra li, meta kumpanija tkun involuta permezz tal-attivitajiet tan-negozju tagħha fi ktajjen tal-provvista transnazzjonali, għandu jkun żgurat li l-ġurisdizzjoni tkun tista’ tiġi affermata fil-pajjiż ta’ domiċilju tagħha. Għandu jkun ċar ukoll li sussidjarji u fornituri lokali jistgħu jiġu mħarrka jew għall-inqas jiġu miżjuda ma’ talbiet fil-pajjiż ta’ domiċilju tal-kumpanija omm jew tal-kumpanija riċeventi.

1.19.

Il-KESE jinnota l-importanza tax-xhieda u r-rwol tal-informaturi. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet protettivi inklużi fl-abbozz ta’ test attwali. L-NGOs li qed jaħdmu f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati.

1.20.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm kjarifika dwar l-interazzjoni bejn id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà, inklużi dispożizzjonijiet ċari u prattiċi biex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tinkorpora monitoraġġ kontinwu fil-ktajjen tal-provvista, flimkien mar-responsabbiltà rispettiva, f’każ li tfalli. Kjarifika ulterjuri għandha tibni fuq il-kunċetti diġà żviluppati għall-UNGPs.

1.21.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm responsabbiltà penali f’każijiet ta’ negliġenza gravi. Fil-każ ta’ reati inqas serji, bħan-negliġenza tad-dmir li wieħed jirrapporta b’mod regolari, għandha tiġi prevista r-responsabbiltà amministrattiva.

1.22.

L-abbozz ta’ test jinkludi dispożizzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi fir-responsabbiltà ċivili, li għandha tiġi ċċarata biex tiżgura applikazzjoni konsistenti fil-ġurisdizzjonijiet kollha u biex tiżgura li l-vittmi jistgħu jistrieħu fuq l-applikazzjoni tagħha fejn ikun meħtieġ.

1.23.

Fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, għandu jiġi ċċarat li l-miżuri ta’ implimentazzjoni għal trattat dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem huma ġustifikati u ma jistgħux jiġu evitati b’soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment (3).

1.24.

L-abbozz attwali jippermetti l-inklużjoni fakultattiva għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Dan għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex ikun aktar adatt fi ħdan l-oqfsa eżistenti, peress li dawk tad-disa’ strumenti ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem b’soluzzjoni ta’ tilwim jinkludu dispożizzjoni ta’ esklużjoni fakultattiva.

1.25.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jindirizza kwistjonijiet ta’ assistenza reċiproka. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-proċeduri nbidlu b’mod sostanzjali. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ litigazzjoni frivola, il-vittmi m’għandhomx iġarrbu l-ispejjeż tal-proċeduri.

1.26.

Il-KESE japprova strument ġuridikament vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, iżda jinkoraġġixxi b’mod qawwi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond

2.1.

L-SDGs jimmiraw, f’diversi modi, għal titjib fir-relazzjonijiet ta’ impjieg, il-produzzjoni u l-konsum responsabbli u impenji sodi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Trattat vinkolanti jista’ jappoġġja dawn l-isforzi b’mod sostanzjali, billi joħloq qafas internazzjonali ta’ responsabbiltà.

2.2.

Linji gwida internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem jinkludu l-UNGPs u l-Patt Globali tan-NU (UNGC), kif ukoll linji gwida żviluppati mill-OECD (linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali) li jipprovdu qafas ta’ strateġiji għar-responsabbiltà soċjali korporattiva lill-impriżi multinazzjonali u anke implimentazzjoni legali billi jistrutturaw il-kuntratti tagħhom meta joperaw barra mill-pajjiż u jużaw ktajjen ta’ provvista globali. L-OECD tipprovdi wkoll dokumenti ta’ gwida dwar għadd ta’ setturi. L-effett tagħhom fuq l-inkoraġġiment tal-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista (4) juri li huwa possibbli li r-riskji jiġu ġestiti u jiġu implimentati standards stretti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

2.3.

Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jaffettwa ħajjet in-nies, il-komunitajiet, l-ambjent jew il-proprjetà tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE laqa’ dawn l-inizjattivi (5) u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions fi proċeduri tad-diliġenza dovuta hija importanti. Imġiba kummerċjali responsabbli saret kwistjoni għan-negozji. Is-soċjetà ċivili kif ukoll it-trade unions jaraw li n-negozji qed jagħmlu sforzi biex iwessgħu l-implimentazzjoni prattika tad-drittijiet tal-bniedem u għal mġiba kummerċjali aħjar. Fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-trattat, rappreżentanti tan-negozju jenfasizzaw l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja japplikaw għall-impjegati kollha, u tal-implimentazzjoni effettiva tal-istandards u r-regoli tal-ILO għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Ir-rapporti tar-responsabbiltà soċjali korporattiva mhumiex għodod ta’ kummerċjalizzazzjoni iżda mod kif jintwera li qed tintrefa’ r-responsabbiltà. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri b’saħħithom biex jimplimentaw il-politiki tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u biex jappoġġjaw lin-negozji fir-rigward tal-impenn volontarju tagħhom għar-responsabbiltà soċjali korporattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet internazzjonali.

2.4.

Madankollu, miżuri volontarji ma jistgħux jipprevjenu l-ksur kollu tad-drittijiet. (6) Miżuri vinkolanti akkumpanjati minn sanzjonijiet xierqa jservu biex jiżguraw aderenza ma’ standard legali minimu, anke minn dawk in-negozji li ma jerfgħux ir-responsabbiltà morali tagħhom b’serjetà daqs dawk li jimplimentaw standards għolja tad-drittijiet tal-bniedem, eż. abbażi tal-UNGPs. Regoli vinkolanti għandhom jiġu mfassla b’mod koerenti ma’ sistemi ta’ diliġenza dovuta eżistenti, b’mod speċjali l-UNGPs, biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni aktar faċli u biex jiġu evitati s-sensji. Miżuri volontarji u vinkolanti ma jeskludux lil xulxin, iżda jikkomplementaw lil xulxin.

2.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-maġġoranza tan-negozji, b’mod speċjali fl-UE, huma impenjati li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, skont l-istatistika tal-ILO, ix-xogħol furzat jiġġenera, fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni tal-minerali, l-utilitajiet u l-agrikoltura madwar id-dinja, USD 43 biljun fi profitti għal dawk in-negozji li ma impenjawx ruħhom biżżejjed biex jimplimentaw id-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-valur tagħhom.

2.6.

L-Indiċi ta’ Riferiment għall-Intrapriżi fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem (Corporate Human Rights Benchmark) inħoloċ minn investituri professjonali flimkien mal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem (7). Il-valutazzjoni referenzjarja hija mfassla biex tkun għodda għall-investituri biex jidentifikaw ditti responsabbli, għalhekk ikun fl-interess tal-kumpaniji li juru prestazzjoni tajba. Turi li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-UNGPs hija baxxa fir-rigward ta’ ħafna kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv. Ta’ min jinnota b’mod speċjali kumpaniji attivi madwar id-dinja, bħal McDonalds u Starbucks, li huma attivi b’mod speċjali fl-Ewropa, u li għandhom klassifikazzjoni ta’ implimentazzjoni baxxa fl-UNGPs. Diversi drabi, kumpaniji internazzjonali, mhux Ewropej, jiksbu vantaġġi fuq kumpaniji Ewropej, li huma impenjati għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Aktar minn 40 % tal-kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv m’għandhom l-ebda punteġġ fir-rigward tad-diliġenza tad-drittijiet tal-bniedem u żewġ terzi tal-kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv għandhom punteġġ ta’ inqas minn 30 % fl-implimentazzjoni tal-UNGP, li jinkludi wkoll kumpaniji Ewropej.

2.7.

Għalkemm il-maġġoranza kbira ta’ negozji tħossha impenjata favur id-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-attivitajiet tan-negozju jseħħ kontinwament. It-trattat vinkolanti jassigura lill-vittmi li jkunu żgurati standards tad-drittijiet tal-bniedem uniformi madwar id-dinja, liġi applikabbli kif ukoll aċċess ġust għall-awtoritajiet u l-qrati. Dan iservi wkoll biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u biex jinħolqu ċ-ċertezza legali kif ukoll il-kompetizzjoni globali aktar ġusta.

2.8.

L-UE ssegwi aġenda għall-promozzjoni u t-tixrid tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni tagħha. Ir-Regolament tal-UE dwar il-minerali minn żoni ta’ kunflitti, id-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju, u r-Regolament dwar l-Injam huma eżempji fejn issaħħet id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Klawżoli fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jinkludu impenji għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Xi wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea — b’mod partikolari Franza, iżda anke r-Renju Unit u n-Netherlands — adottaw leġislazzjoni li ssaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva u oqfsa aktar sodi għad-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) analizzat il-kompetenzi Ewropej rigward in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u sabet li hemm raġunijiet definittivi għall-kompetenzi tal-UE kif ukoll għall-kompetenzi tal-Istati Membri (8). Għaldaqstant, tirrakkomanda metodu miftuħ ta’ approċċ ta’ koordinazzjoni. Il-kwistjonijiet tal-kompetenza jridu jiġu ċċarati qabel ma sseħħ ratifika formali tal-konvenzjoni; madankollu, fil-prinċipju trid tiġi preżunta kompetenza mħallta. Il-proċedimenti kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali min-negozji jiġu ttrattati indirettament permezz tad-dritt amministrattiv, ċivili jew kriminali. Huma jqajmu kwistjonijiet tad-dritt privat internazzjonali u tad-dritt kriminali (korporattiv) internazzjonali, kwistjonijiet legali li sa ċertu punt ġew armonizzati fl-UE.

2.9.

Il-PE adotta għadd ta’ riżoluzzjonijiet dwar is-suġġett u appoġġja b’mod qawwi l-parteċipazzjoni attiva fin-negozjati dwar strument ġuridikament vinkolanti. Il-PE talab ukoll studju dwar Access to legal remedies for victims of corporate human rights abuses in third countries (9) (Aċċess għal rimedji legali għall-vittmi ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem korporattivi f’pajjiżi terzi) li jifformula rakkomandazzjonijiet konkreti għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jittejjeb dan l-aċċess.

2.10.

Il-Kunsill talab opinjoni mingħand l-FRA dwar it-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE. Din l-opinjoni sabet potenzjal sostanzjali għal titjib.

2.11.

Fl-2014, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) adotta r-Riżoluzzjoni 26/9, li fiha ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIWG), biex ifassal strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti biex jirregola, fil-qasam tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn. Ir-riżoluzzjoni kienet appoġġjata minn għadd kbir ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-abbozz attwali ġie ppreżentat f’Lulju 2019.

2.12.

L-UE pparteċipat fil-grupp ta’ ħidma, iżda ddiżassoċjat ruħha mir-riżultati tas-sessjoni tal-grupp ta’ ħidma ta’ Ottubru 2018, minħabba għadd ta’ kwistjonijiet. L-aktar importanti minn dawn jidhru li kienu kwistjonijiet ta’ applikabbiltà għan-negozji kollha u mhux biss dawk transnazzjonali, orjentazzjoni aktar mill-qrib mal-UNGP u proċess aktar trasparenti. Kwistjonijiet sostantivi proposti mill-UE jidhru li ġew ikkunsidrati fl-abbozz attwali. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali ta’ armonizzazzjoni, l-UE għandha tipparteċipa b’mod qawwi fil-proċess, b’mandat ta’ negozjar uffiċjali, biex tirrappreżenta l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.

2.13.

Hemm ekonomiji ewlenin, li, minn issa, mhumiex qed jipparteċipaw b’mod attiv, bħall-Istati Uniti, jew ma jidhrux li huma involuti b’mod qawwi, bħaċ-Ċina, fil-proċess tat-trattat. L-għoti ta’ kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ lit-trattat iservi biex jippromovi mġiba kummerċjali responsabbli, inkluż minn ditti minn dawn l-ekonomiji ewlenin. Anke jekk ma jirratifikawx it-trattat vinkolanti, id-dħul bl-operazzjonijiet tagħhom fis-suq komuni Ewropew jagħmilhom potenzjalment responsabbli fl-Ewropa, skont it-trattat vinkolanti. Jekk dawk il-pajjiżi jixtiequ japprofittaw aktar mis-swieq Ewropej, ikun neċessarju li jimplimentaw regoli aktar stretti dwar id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem bħala bażi universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti, interrelatati u, għalhekk, bażi obbligatorja għall-involviment tas-soċjetà kollha, fl-oqsma ta’ politika, kooperazzjoni internazzjonali, djalogu soċjali, ekonomija jew negozju. Id-drittijiet tal-bniedem kienu s-sisien għall-ġid tal-Ewropa u għal ħajja paċifika fil-kontinent tagħna. Barra minn hekk, flimkien mal-mudell tal-istat soċjali Ewropew, inkluż sistemi edukattivi universali, huma iggarantixxew l-iżvilupp ekonomiku u l-benessri materjali. Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem soċjali u politiċi kollha għandhom jiggarantixxu livell ta’ għajxien deċenti għall-persuni kollha fid-dinja u li l-ksur tagħhom m’għandux iwassal għal profitti mhux iġġustifikati.

3.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-prevenzjoni tal-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem għandha tkun l-għan prinċipali ta’ trattat vinkolanti. Meta jkun hemm standard vinkolanti minimu miftiehem internazzjonalment għall-imġiba kummerċjali, in-negozji jeħtieġu ħafna aktar appoġġ u gwida fl-implimentazzjoni ta’ miżuri, u l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jirrikonoxxu r-responsabbiltà li għandhom fl-iżgurar li l-imġiba responsabbli fin-negozju ma twassalx għal kompetizzjoni inġusta.

3.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-PE u jtenni l-appell tiegħu għal impenn sħiħ u involviment attiv fil-proċess ta’ Ġinevra għall-iżvilupp ta’ strument vinkolanti, inkluża l-ħtieġa msemmija fihom għal mekkaniżmu ta’ tressiq ta’ lmenti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi fuq dawn ir-riżoluzzjonijiet u turi impenn qawwi.

3.4.

Il-KESE jaqbel ukoll dwar il-kontenut li jeħtieġ ikun fih trattat vinkolanti kif stabbilit mill-PE, jiġifieri:

jibni fuq il-qafas tal-UNGP,

id-definizzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta obbligatorja għall-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn inklużi s-sussidjarji tagħhom,

ir-rikonoxximent tal-obbligi extraterritorjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati u l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji għal dak l-għan,

ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà penali korporattiva,

il-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati dwar l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar ta’ każijiet transfruntiera, u

it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji internazzjonali għas-superviżjoni u l-infurzar.

3.5.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-opinjoni tal-Parlament Ewropew li jekk ir-rikorrenti jkunu jistgħu jagħżlu l-ġurisdizzjoni, l-Istati jingħataw inċentiv biex jintroduċu regoli stretti u sistemi legali ġusti, sabiex dawn il-każijiet jinżammu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ infurzar għandhom jiżguraw li jkun fl-aħjar interess tal-Istati li jilleġislaw għal diliġenza dovuta obbligatorja fir-rigward tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem. Hemm sistemi internazzjonali, bħall-proċedura tal-ilmenti fl-ILO, li jistgħu jservu bħala mudell għal infurzar internazzjonali aktar ambizzjuż.

3.6.

Regoli vinkolanti ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni fejn in-negozji li jaderixxu ma’ kondotta kummerċjali responsabbli jkunu l-mira ta’ litigazzjoni frivola. Jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar sa liema punt att vinkolanti jwassal biex in-negozji jkunu responsabbli għal ksur. Għaldaqstant, il-ksur tad-drittijiet jista’ jiġi evitat aħjar, meta jkun hemm standard vinkolanti miftiehem internazzjonalment, li jkun implimentat u protett mill-Istati. Dan huwa rifless fl-approċċ attwali tal-abbozz tat-test, li ma jintroduċix obbligi diretti fir-rigward tan-negozji iżda jobbliga lill-Istati jimplimentaw standard miftiehem skont is-sistemi legali tagħhom stess.

3.7.

L-istudju tal-PE u l-opinjoni tal-FRA msemmija hawn fuq jesploraw kwistjonijiet partikolari li jitqajmu regolarment meta persuni jallegaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta’ kumpaniji, is-sussidjarji tagħhom jew fil-katina tal-provvista tagħhom quddiem il-qrati Ewropej.

3.7.1.

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ewropej hija normalment riżervata għall-konvenuti Ewropej. Dan ifisser li kumpanija bbażata fl-Ewropa tista’ tiġi mħarrka f’qorti Ewropea, iżda s-sussidjarji tagħha, li huma bbażati fil-pajjiż fejn seħħ id-dannu, tipikament ma jistgħux. Fornituri u intermedjarji fil-katina tal-provvista saħansitra jitneħħew mill-kumpanija Ewropea inkwistjoni. Il-KESE jinnota li jrid jiġi żgurat li l-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju jkollhom, bħala kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, garanzija ta’ aċċess għal proċedimenti ġusti, qrati u awtoritajiet. B’mod speċjali meta mhuwiex ċar jekk il-kumpanija omm, waħda mis-sussidjarji jew il-fornituri tagħha humiex potenzjalment responsabbli, forum wieħed li jmexxi proċedimenti ġusti għandu jkollu l-ġurisdizzjoni.

3.7.2.

L-istudju tal-PE juri wkoll proċeduri ta’ medjazzjoni li jistgħu jintużaw mill-vittmi biex jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom. Il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-proċeduri volontarji ta’ valur bħal dawn kif promossi mill-OECD, l-UNGP u l-Patt Globali, iżda jinnota li dawn il-proċeduri ma jsolvux il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn ditti li ma japplikawx l-aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Għalhekk, hija meħtieġa wkoll prosekuzzjoni uffiċjali.

3.7.3.

Il-ġbir ta’ evidenza ħafna drabi jkun diffiċli għar-rikorrenti għal raġunijiet prattiċi. Il-każijiet spiss jinvolvu għadd kbir ta’ nies u ostakli lingwistiċi. Filwaqt li ħafna drabi huwa faċli li wieħed jagħti prova li kumpanija lokali hija sussidjarja jew fornitur ta’ kumpanija Ewropea, huwa diffiċli ħafna għall-vittmi li tingħata prova tal-firxa ta’ kontroll eżerċitat. Meta tista’ tiġi asserita ġuriżdizzjoni Ewropea, l-ispejjeż ta’ proċediment jistgħu jkunu għoljin wisq, anki meta l-vittmi tal-ksur jirnexxilhom jirbħu. Hemm ħafna potenzjal għal titjib fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jindirizza kwistjonijiet ta’ assistenza reċiproka iżda jitlob li l-vittmi ma għandhomx iġarrbu l-ispejjeż tal-proċedimenti, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ litigazzjoni frivola.

3.8.

Meta l-Istati Membri tal-UE, fuq bażi individwali, jibdew jistipulaw oqfsa ta’ diliġenza dovuta obbligatorji aktar stretti, dan se jwassal għal diskrepanza ta’ tali standards fi ħdan l-UE. Il-kumpaniji li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE b’rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta aktar stretti m’għandhomx jiġu ssuperati minħabba kompetizzjoni minn dawk li mhumiex. Il-KESE jinnota li l-kumpaniji għandhom ikollhom kundizzjonijiet ekwi u ċertezza legali, b’responsabbiltajiet ċari.

3.9.

Għalhekk, il-KESE jikkunsidra l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fil-proċess li ġej bħala kruċjali. Ma jistax ikun fl-interess tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jipparteċipawx b’mod attiv fit-tfassil ta’ trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem b’ramifikazzjonijiet potenzjalment maġġuri għas-sistema kummerċjali internazzjonali (10). L-abbozz attwali għandu potenzjal għal titjib sostantiv li jrid jiġi indirizzat. L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jridu jinvolvu ruħhom b’mod attiv u l-Kummissjoni Ewropea teħtieġ mandat ċar biex tkun tista’ tikkoordina l-involviment Ewropew.

3.10.

Peress li t-trattat se jkollu jiġi implimentat u infurzat mill-Istati Membri u l-UE, f’każ li jkunu għadhom mhumiex żviluppati, għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali fl-Istati Membri kollha, li jistabbilixxu kif id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem se tiġi implimentata. Għandu jkun hemm ukoll pjan ta’ azzjoni Ewropew, sabiex jiġi żgurat li l-livelli kollha ta’ governanza Ewropea jipparteċipaw skont il-kompetenzi tagħhom. Is-soċjetà ċivili organizzata trid tkun involuta fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pjani ta’ azzjoni.

3.11.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja l-fattibbiltà ta’ “Aġenzija tal-UE għall-Klassifikazzjoni Pubblika” għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju, filwaqt li tiżviluppa sistema li fuq il-bażi tagħha jistgħu jiġu ċċertifikati u kkontrollati b’mod regolari (kriterji, monitoraġġ) id-ditti ta’ awditjar. Tali aġenzija tista’ tappoġġja n-negozji (b’mod partikolari l-SMEs) billi tipprova tiddefinixxi u ttejjeb l-esponiment tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem, b’effetti ta’ benefiċċju għan-negozji fuq kwistjonijiet ta’ responsabbiltà. L-esplorazzjoni ta’ dan il-kunċett tista’ tkun kwistjoni għal opinjoni sussegwenti.

3.12.

Ir-responsabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għandha ssir suġġett meħtieġ fil-kurrikula u t-taħriġ ekonomiċi, kummerċjali u oħrajn relatati u tali enfasi edukattiva tista’ tiġi appoġġjata minn programmi edukattivi tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

It-trattat qed jiġi żviluppat minn grupp ta’ ħidma tal-UNHRC, li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-patti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem. Billi d-destinatarji normattivi tat-trattat huma l-Istati, u mhux individwi (bħall-korporazzjonijiet jew persuni li huma vittmi ta’ ksur), it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma bħal dan fil-UNHRC jagħmel sens, filwaqt li organizzazzjonijiet oħra, bħall-ILO u d-WTO jkunu faċilment involuti. Il-KESE jemmen li għandha titkompla l-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv Miftuħ dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (OEIGWG).

4.2.

Il-mandat sottostanti tal-OEIGWG jiffoka fuq sitwazzjonijiet transnazzjonali. L-assoċjazzjonijiet tan-negozju u t-trade unions argumentaw favur kamp ta’ applikazzjoni usa’, li jkopri lin-negozji kollha (eż. intrapriżi tal-istat u impriżi kummerċjali nazzjonali). Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test rivedut ikkunsidra, fil-prinċipju, dawk it-talbiet. Madankollu, l-abbozz ta’ test jeħtieġ aktar kjarifika. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom b’mod attiv.

4.3.

Għandu jkun hemm mekkaniżmu internazzjonali b’saħħtu ta’ monitoraġġ u infurzar, bil-possibbiltà li jitressqu lmenti individwali quddiem tribunal internazzjonali. Barra minn hekk, għandu jkun hemm uffiċjal indipendenti tan-NU (ombudsperson) għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestiga u jappoġġja t-talbiet tagħhom fejn meħtieġ u jsegwi b’mod indipendenti l-ksur allegat biex jinġieb għall-attenzjoni tal-kumitat.

4.4.

L-abbozz jinkludi definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO 190 fil-preambolu. Madankollu, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tinkludi wkoll katalogu komprensiv ta’ dikjarazzjonijiet u drittijiet li jappartjenu għall-intrapriżi multinazzjonali u x-xogħol, li jinnota b’mod speċifiku wkoll il-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Żviluppi reċenti fid-drittijiet tal-bniedem enfasizzaw ukoll b’mod aktar qawwi d-drittijiet għal ambjent b’saħħtu u l-protezzjoni tad-data, u għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati. Id-dokumenti u d-drittijiet imsemmija hawn fuq jappartjenu għal korp bażiku tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa applikabbli madwar id-dinja, u għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-dimensjoni tal-ġeneru tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li ta’ spiss tiġi injorata, ġiet integrata b’mod aktar qawwi fil-parti preventiva ta’ trattat vinkolanti.

4.5.

L-abbozz diġà jistipula, fi prinċipju, għażla ta’ ġurisdizzjonijiet kompetenti, li tista’ tiġi rfinata aktar. Meta kumpanija tkun involuta fl-attivitajiet tan-negozju tagħha fil-ktajjen ta’ provvista transnazzjonali (eż tirċievi oġġetti jew riżorsi), għandu jiġi żgurat li l-ġurisdizzjoni tista’ tiġi asserita fil-pajjiż tad-domiċilju tagħha. Għandu jkun ċar ukoll li sussidjarji u fornituri lokali jistgħu jiġu mħarrka jew għall-inqas jiġu miżjuda ma’ talbiet fil-pajjiż ta’ domiċilju tal-kumpanija omm jew tal-kumpanija riċeventi.

4.6.

Għandu jkun hemm kjarifika ulterjuri dwar l-interazzjoni bejn id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà, inklużi dispożizzjonijiet ċari u prattiċi biex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tinkorpora monitoraġġ kontinwu — fis-sens ta’ sistema ta’ verifiki u kontrolli —fil-ktajjen tal-provvista, flimkien mar-responsabbiltà, f’każ li tfalli. Il-ġurisprudenza tar-Renju Unit żviluppat standard ta’ kontroll għal kumpaniji omm rigward ksur mis-sussidjarji tagħhom (11), li jista’ jinspira provvediment aktar ċar dwar ir-responsabbiltà speċifikament għal kumpaniji sussidjarji. L-abbozz ta’ test attwali jiffoka fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali, li jistgħu jagħmluha diffiċli biex ikun hemm rendikont b’mod affidabbli tul il-ktajjen tal-valur globali, peress li r-relazzjonijiet ta’ negozju jistgħu jieħdu forom differenti tul dawn il-ktajjen. Hemm il-potenzjal li jittejjeb it-test attwali, u kjarifika ulterjuri għandha tibni fuq il-kunċetti diġà żviluppati għall-UNGP li għandhom ikunu ta’ prijorità għall-UE.

4.7.

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni issa jħaddan l-attivitajiet tan-negozju kollha, u mhux biss dawk transnazzjonali, għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-flessibbiltà bejn regoli proporzjonati iżda li ma jitfgħux piż żejjed fuq l-SMEs, minn naħa waħda, u regoli aktar stretti għal operazzjonijiet ta’ riskju għoli min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, l-UE għandha toffri strumenti ta’ appoġġ speċjali biex jgħinu lill-SMEs jimmaniġġjaw l-isfidi ta’ trattat bħal dan (eż. aġenzija, appoġġ għal tagħlim bejn il-pari).

4.8.

Il-KESE jinnota r-regoli dwar l-assistenza legali reċiproka u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-abbozz attwali. Tali funzjonijiet jistgħu forsi jiġu ffaċilitati permezz ta’ uffiċċji internazzjonali ta’ ombusdsperson tan-NU, kif imsemmi hawn fuq.

4.9.

L-abbozz ta’ test jinkludi dispożizzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi fil-każijiet tar-responsabbiltà ċivili, li għandha tiġi ċċarata biex tiżgura applikazzjoni konsistenti fil-ġurisdizzjonijiet kollha u biex tiżgura li l-vittmi jistgħu jistrieħu fuq l-applikazzjoni tagħha fejn ikun meħtieġ. Dan ikun ifisser, tal-anqas, li r-rikorrenti ta’ każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu meħtieġa biss li jippruvaw l-eżistenza ta’ rabta definita bejn l-awtur tal-ksur (bħal fornitur jew sussidjarju), u l-kumpanija (riċeventi jew omm), li min-naħa tagħha tkun meħtieġa tispjega b’mod plawżibbli li l-ksur ma kienx fil-kontroll tagħha. Il-KESE jiddubita li r-relegar tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi lill-qrati, minflok fil-leġislazzjoni, se jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni konsistenti.

4.10.

Il-KESE jinnota l-importanza tax-xhieda u r-rwol tal-informaturi. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet protettivi inklużi fl-abbozz ta’ test attwali. L-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati.

4.11.

Għandu jkun hemm responsabbiltà penali f’każijiet ta’ negliġenza gravi. Fil-każ ta’ reati inqas serji, bħan-negliġenza tad-dmir li wieħed jirrapporta b’mod regolari, għandha tiġi prevista r-responsabbiltà amministrattiva.

4.12.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni dwar il-konsistenza ma’ ftehimiet bilaterali u multilaterali oħra. Madankollu, fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, għandu jiġi ċċarat li l-miżuri ta’ implimentazzjoni għal trattat dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem huma ġustifikati u ma jistgħux jiġu evitati bis-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment.

4.13.

Fost l-Istati għandu jkun possibbli li jinfurzaw l-implimentazzjoni ta’ trattat vinkolanti. Diġà jeżistu proċeduri, li jistgħu jispiraw tali possibbiltajiet, bħall-proċeduri ta’ lmenti skont il-kostituzzjoni tal-ILO, li jippermettu lill-imsieħba soċjali u lill-Istati jippreżentaw ilmenti kontra n-nuqqas ta’ osservanza tal-Konvenzjonijiet tal-ILO. Jekk l-Istati jistgħu jippreżentaw ilmenti kontra xulxin, tista’ tiġi infurzata implimentazzjoni madwar id-dinja. Kumpaniji responsabbli jkunu protetti aħjar kontra kompetizzjoni inġusta. Tali l-ilmenti għandhom ukoll ikunu aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u l-NGOs. Jekk tali sistema tiġi stabbilita b’mod indipendent minn proċeduri tal-ILO, għandha topera mingħajr preġudizzju għas-sistema tal-ILO u d-dispożizzjonijiet tagħha.

4.14.

L-abbozz attwali jippermetti l-inklużjoni fakultattiva għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Dan għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex ikun adatt aħjar fi ħdan l-oqfsa eżistenti, peress li dawk tad-disa’ strumenti ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem b’soluzzjoni ta’ tilwim jinkludu dispożizzjoni ta’ esklużjoni fakultattiva.

4.15.

Fl-abbozz rivedut, tnaqqsu d-dispożizzjonijiet dwar l-istatuti ta’ limitazzjonijiet u l-liġi applikabbli meta mqabbla mal-“abbozz żero”. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet fihom drittijiet proċedurali importanti għal vittmi, il-KESE jirrakkomanda li l-ħidma ssir abbażi tat-test tal-abbozz żero.

4.16.

Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, b’mod speċjali rappreżentanti tan-negozju, indikaw id-disponibbiltà tardiva u l-pubblikazzjoni tard ta’ abbozz ta’ dokumenti fil-proċess tat-trattat kontinwu f’Ġinevra. Dan irid jittejjeb sabiex jippermetti feedback kostruttiv u bbilanċjat sew. Trid tiġi żgurata trasparenza għall-parteċipanti kollha fl-istadji kollha tal-proċess.

4.17.

Il-KESE japprova strument legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, iżda jinkoraġġixxi b’mod qawwi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Oxford Dictionary of Law (7 edizzjoni) – Il-post jew il-pajjiż fejn ikun qed jinstema’ każ.

(2)  Fost l-oħrajn: ir-Riżoluzzjoni tal-PE tal-4 ta’ Ottubru 2018 (2018/2763(RSP)).

(3)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145.

(4)  http://www.oecd.org/daf/inv/mne/oecd-portal-for-supply-chain-risk-information.htm

(5)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17.

(6)  Xi wħud mill-eżempji l-aktar reċenti: hazelnut pickers in Turkey (ir-refuġjati Sirjani li jiġbru l-ġellewż fit-Turkija), https://www.nytimes.com/2019/04/29/business/syrian-refugees-turkey-hazelnut-farms.html; gravestones produced with child labour (it-tħaddim tat-tfal fis-settur tal-lapidi tal-oqbra), https://kurier.at/politik/ausland/blutige-grabsteine-was-friedhoefe-mit-kinderarbeit-zu-tun-haben/400477447; mineral extraction for electric car batteries (estrazzjoni tal-minerali għall-batteriji tal-vetturi elettriċi) https://www.dw.com/de/kinderarbeit-f%C3%BCr-elektro-autos/a-40151803

(7)  https://www.corporatebenchmark.org/

(8)  Opinjoni tal-FRA dwar It-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE p. 62.

(9)  EP/EXPO/B/DROI/FWC/2013-08/Lot4/07, Feb. 2019 – PE 603.475.

(10)  Il-KESE nnota r-rilevanza ta’ trattat vinkolanti tan-NU fil-Opinjoni (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145), punt 2.19.

(11)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 40.