26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/150


P8_TA(2019)0221

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann (2018/2277(IMM))

(2021/C 108/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann mill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Renju tad-Danimarka, imressqa fis-6 ta' Novembru 2018 mir-Rappreżentant Permanenti tad-Danimarka lill-Unjoni Ewropea, b'rabta ma' proċediment kriminali fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 260(1), l-Artikolu 291(1) u l-Artikolu 293(1), flimkien mal-Artikolu 21 tal-Kodiċi Kriminali Daniża, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-28 ta' Novembru 2018,

wara li sema' lil Jørn Dohrmann, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni tar-Renju tad-Danimarka,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0178/2019),

A.

billi l-Prosekutur tal-Istat ta' Viborg ippreżenta talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jørn Dohrmann, Membru tal-Parlament Ewropew elett għad-Danimarka, b'rabta ma' reati fis-sens tal-Artikolu 260(1)(1), l-Artikolu 291(1) u l-Artikolu 293(1), flimkien mal-Artikolu 21 tal-Kodiċi Kriminali Daniża; billi, mod partikolari, il-proċedimenti jirrigwardaw koerċizzjoni illegali, ħsara doluża u tentattiv ta' użu illegali ta' oġġett li jappartjeni lil persuna oħra;

B.

billi fis-26 ta' April 2017, barra mir-residenza privata tiegħu f'Vamdrup, Jørn Dohrmann ħataf kamera minn kameraman li kien qed jiffilmja d-dar tiegħu minn distanza ta' madwar 195 metru bil-ħsieb li juża l-filmat miksub f'dokumentarju televiżiv dwar ċerti Membri tal-Parlament Ewropew Daniżi; billi Jørn Dohrmann hedded li se jfarrak il-kamera; billi huwa għamel ħsara lill-imsemmija kamera, inkluż l-mikrofonu, l-iskrin u l-cable tagħha; billi ħa pussess tal-kamera u l-kard tal-memorja bl-intenzjoni li jagħmel użu mhux awtorizzat minnha billi jispezzjona l-filmat irrekordjat, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma setax jagħmel dan peress li l-pulizija marru fl-indirizz u rkupraw il-kamera u l-kard tal-memorja, li huwa kien neħħa mill-apparat;

C.

billi l-kameraman inizjalment kien akkużat b'reat fis-sens tal-Artikolu 264a tal-Kodiċi Kriminali Daniża talli b'mod illegali ħa ritratti ta' persuni li kienu f'proprjetà privata; billi l-Prosekutur tal-Istat irrakkomanda li jitwaqqgħu l-akkużi minħabba n-nuqqas tal-element doluż meħtieġ biex wieħed jiġi kkundannat għal ksur tal-Artikolu 264a tal-Kodiċi Kriminali Daniża;

D.

billi l-Pulizija tax-Xlokk ta' Jutland irrimarkat li l-kumpanija li qed timpjega l-ġurnalist u s-sid tal-kamera ressqet talba għall-kumpens ta' DKK 14 724,71 b'rabta mal-każ u li kawżi għal ħsara doluża, serq, approprjazzjoni u atti simili, meta l-piena mitluba tkun multa, iridu jkunu s-suġġett ta' proċediment ġudizzjarju jekk il-parti leża kkonċernata għandha dritt għal ħlas għad-danni;

E.

billi, iniżjalment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat irrakkomanda li jiġi stabbilita multa ta' DKK 20 000 fil-kawża kontra Jørn Dohrmann minflok piena ta' detenzjoni, mingħajr ma jitressqu akkużi formali;

F.

billi Jørn Dohrmann ċaħad l-akkużi kontrih; billi, skont id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, se jkun għalhekk inkonsistenti li wieħed jipprova jikseb ftehim extraġudizzjarju permezz ta' avviż ta' penali fissa;

G.

billi sabiex jitressaq proċediment kriminali kontra Jørn Dohrmann, l-awtorità kompetenti ressqet talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu;

H.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

I.

billi l-Artikolu 57(1) tal-Kostituzzjoni Daniża jistipula li mingħajr il-kunsens tal-Parlament Daniż, l-ebda Membru tal-Folketing ma jista' jiġi akkużat jew soġġett għal priġunerija ta' kwalunkwe tip sakemm ma jkunx inqabad fl-att li jwettaq reat; billi din id-dispożizzjoni tipprovdi protezzjoni minn proċedimenti kriminali pubbliċi iżda mhux minn proċedimenti privati f'materji kriminali; billi, jekk il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni b'mod extraġudizzjarju permezz ta' avviż ta' penali fissa, il-kunsens tal-Parlament Daniż ma jkunx meħtieġ.

J.

billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Daniż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

K.

billi l-atti allegati mhumiex relatati ma' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokol Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma għandhom bl-ebda relazzjoni ċara u diretta mal-qadi minn Jørn Dohrmann ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

L.

billi ma hemm l-ebda evidenza ta' kwalunkwe motiv biex wieħed jissuspetta fumus persecutionis;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jørn Dohrmann;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Renju tad-Danimarka u lil Jørn Dohrmann.

(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.