IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.12.2019
COM(2019) 630 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki (ir-Regolament Bażiku) jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti mill-foki.
Ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 biex jirrifletti l-eżiti tas-sentenzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-kawża dwar il-prodotti tal-KE li ġejjin mill-foki. B’riżultat ta’ dan, ir-reġim tal-UE dwar il-prodotti mill-foki jipprevedi żewġ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni:
1)Huwa jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta dawn il-prodotti jkunu ġejjin mill-kaċċa li tkun saret mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku, kif emendat.
L-Artikolu 3(1a) tal-istess Regolament, kif emendat, jipprevedi wkoll li, fil-mument tat-tqegħid tiegħu fis-suq, prodott mill-foki għandu jkun akkumpanjat minn dokument li jiċċertifika l-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati biex wieħed jibbenefika mill-eċċezzjoni tal-“Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra”. Jenħtieġ li d-dokument ta’ ċertifikazzjoni jinħareġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni).
2)L-UE tippermetti wkoll l-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki meta din tkun ta’ natura okkażjonali u tikkonsisti esklużivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, kif emendat).
2.BAŻI ĠURIDIKA
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki, fil-paragrafu (5) tiegħu jispeċifika li, jekk ikun hemm evidenza li l-kaċċa għall-foki ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 4a sabiex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew tillimita l-kwantità li tista’ titqiegħed fis-suq ta’ prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa kkonċernata. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.
Il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 4a tar-Regolament Bażiku, kif emendat, jistipulaw li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-10 ta’ Ottubru 2015. Jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem dak il-perjodu ta’ ħames snin.
L-Artikolu 4a(2) tar-Regolament Bażiku, kif emendat, jistipula li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal estensjoni bħal din sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 4a(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
Matul il-perjodu ta’ rappurtar, jiġifieri bejn l-10 ta’ Ottubru 2015 u l-10 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati tagħha, billi ma ngħatat l-ebda evidenza li l-kaċċa għall-foki kienet saret primarjament għal raġunijiet kummerċjali.
Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn tiġi estiża s-setgħa lil hinn mill-perjodu attwali ta’ ħames snin, billi tali prattiki kummerċjali jistgħu jseħħu fil-ġejjieni.