IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.11.2019
COM(2019) 597 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 912/2014 fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 912/2014 fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti
1.Introduzzjoni
Fit-23 ta’ Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 912/2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti (ir-“Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja” jew “FRR”). Il-bażi ġuridika għall-FRR hija l-Artikolu 207 TFUE dwar il-politika kummerċjali komuni, li l-investiment dirett barrani huwa komponent tagħha.
Il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni tal-Unjoni responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja. Fil-Kummissjoni, is-servizz responsabbli huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ; is-Servizz Ġuridiku huwa inkarigat li jirrappreżenta lill-Unjoni matul il-proċedimenti ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u l-istadji sussegwenti possibbli tal-litigazzjoni.
Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus tal-intimat u l-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Istati Membri għal trattament li jista’ jirriżulta f’għotjiet għal kumpens monetarju wara proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat.
Ġeneralment, ir-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li jagħti lok għal kumpens. Dan ifisser li l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat ikun mogħti minn istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju tal-Unjoni, filwaqt li jekk it-trattament jiġi offrut minn Stat Membru, ir-responsabbiltà finanzjarja taqa’ fuq l-Istat Membru inkwistjoni. Madankollu, meta Stat Membru jaġixxi b’mod kif jeżiġi d-dritt tal-UE, pereżempju billi jittrasponi direttiva tal-UE, l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat ikun mitlub mid-dritt tal-UE.
Rigward l-istatus tal-intimat, ir-regola hija li ġeneralment il-parti li jkollha r-responsabbiltà finanzjarja taġixxi wkoll bħala l-intimat f’tilwima. Madankollu, hemm ċirkostanzi speċifiċi fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat anki meta l-Istat Membru jkollu r-responsabbiltà finanzjarja. Dan huwa pereżempju l-każ meta: Stat Membru jippreferi li l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat (pereżempju fl-isfond tal-għarfien espert meħtieġ fit-tilwima); il-każ jirrigwarda wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, li huwa mitlub mid-dritt tal-UE; trattament simili huwa soġġett għal proċediment ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO u huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-argumentazzjoni.
Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi arranġamenti biex jiġi żgurat li meta l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’każijiet li jikkonċernaw trattament mogħti minn Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat u l-Unjoni jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib fit-twettiq tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan jinkludi li jitqiesu wkoll id-difiża u l-protezzjoni tal-interessi tal-Istat Membru kkonċernat, l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti, l-impenn f’konsultazzjonijiet frekwenti, u l-parteċipazzjoni fid-delegazzjoni fil-proċedimenti.
Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi wkoll proċeduri għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex jidħlu f’arranġamenti għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ litigazzjoni u għall-għotjiet li jagħtu kumpens monetarju, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE ma jkunux mgħobbija bla bżonn, lanqas temporanjament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat huma meħtieġa jidħlu f’arranġament għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens. Jekk ir-responsabbiltà finanzjarja ma tiġix aċċettata mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li titlobha tipprovdi l-ammonti rilevanti lill-baġit tal-Unjoni, flimkien mal-imgħax applikabbli.
Fl-aħħar nett, l-FRR jistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti għas-soluzzjoni ta’ każijiet meta s-soluzzjonijiet ikunu fl-interess tal-Unjoni. Għal każijiet li jinvolvu biss ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar is-soluzzjoni. Meta każ jikkonċerna wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, is-soluzzjoni ta’ tilwima tkun teħtieġ il-qbil tal-Istat Membru jew tista’ tiġi deċiża mill-Kummissjoni, sakemm ma jkollhiex implikazzjonijiet finanzjarji jew baġitarji għall-Istat Membru kkonċernat.
Matul id-diversi stadji tat-tilwima, ir-Responsabbiltà Finanzjarja timponi obbligi ta’ informazzjoni fuq il-Kummissjoni vis-à-vis il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, pereżempju meta tirċievi talba għal konsultazzjoni jew avviż ta’ intenzjoni biex tibda l-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim.
2.Il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja
Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja japplika għal proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imwettqa skont ftehimiet li għalihom l-UE hija Parti. Fil-preżent, sakemm jiġu ratifikati u jidħlu fis-seħħ il-ftehimiet li jipprevedu mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat, eż. il-ftehimiet bilaterali mal-Kanada (CETA), Singapore u l-Vjetnam, l-FRR japplika effettivament biss għal każijiet ta’ soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat mibdija kontra l-UE fl-ambitu tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT, Energy Charter Treaty). L-Unjoni ilha Parti Kontraenti tal-ECT mir-ratifika tiegħu fl-1998.
3.Każijiet mibdija kontra l-Unjoni fl-ambitu tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
Sa issa, kien hemm proċediment wieħed ta’ soluzzjoni tat-tilwim mibdi kontra l-Unjoni fl-ambitu tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Barra minn hekk, L-Unjoni rċeviet ftit talbiet għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 26 tal-ECT, li sa issa ma avvanzawx għall-istadju ta’ litigazzjoni formali. Dawn il-proċedimenti kollha huma deskritti f’aktar dettall hawn taħt.
a.Talbiet minn Prosisa u Risteel Corporation dwar l-iskema Spanjola ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli (2015)
Fl-2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ talbiet għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 26 tal-ECT, rispettivament mill-kumpanija Żvizzera Prosisa AG u l-kumpanija Netherlandiża Risteel Corporation BV. Il-Kummissjoni informat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja fis-7 ta’ Ottubru 2015.
Iż-żewġ kumpaniji kienu għamlu investimenti fis-setturi foltovoltajċi u tar-riħ u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bil-bijomassa fit-territorju ta’ Spanja, u t-talbiet tagħhom relatati mad-deċiżjoni ta’ Spanja li temenda l-iskema ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Il-kumpaniji kienu nedew ukoll proċedimenti paralleli kontra Spanja. Huma sostnew li l-Kummissjoni kisret l-istandard ta’ trattament ġust u ekwu mnaqqax fl-Artikolu 10 tal-ECT billi interveniet quddiem tribunali tal-arbitraġġ kostitwiti skont l-ECT u billi argumentat li l-ECT ma kinitx tapplika fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru tal-UE u investitur minn Stat Membru ieħor tal-UE.
Il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 26(1) tal-ECT saru fl-1 ta’ Diċembru 2015 bejn l-investituri u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ċċarat li hija qieset li ma kienx hemm bażi ġuridika valida li tippermetti lill-kumpaniji jibdew proċedimenti fil-konfront tal-Unjoni.
Il-kumpaniji irtiraw il-kawża tagħhom fil-konfront tal-Unjoni.
b.Talbiet minn Nord Stream 2 dwar l-emenda tad-Direttiva dwar il-Gass (2019)
Fit-12 ta’ April 2019, Nord Stream 2 AG, sussidjarja ta’ Gazprom li hija inkorporata fl-Iżvizzera, indirizzat ittra lill-Kummissjoni fejn fittxet kjarifika dwar l-applikazzjoni tar-reġim tad-deroga li jinsab fid-Direttiva (UE) 2019/692 tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva dwar il-Gass 2009/73/KE (“Direttiva Emendatorja tad-Direttiva dwar il-Gass). Fl-ittra, Nord Stream 2 ipprovdiet ukoll avviż lill-Kummissjoni dwar l-allegat ksur tal-ECT, u talbet lill-UE tipprova ssib soluzzjoni amikevolment skont l-Artikolu 26(1) tal-ECT. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew informati b’dawn l-iżviluppi fit-13 ta’ Mejju 2019.
Nord Stream 2 AG argumentat li għandha dritt, skont id-Direttiva emendata dwar il-Gass, għal deroga mir-regoli dwar is-separazzjoni, l-aċċess ta’ partijiet terzi u r-regolament dwar it-tariffi applikabbli skont id-Direttiva dwar il-Gass, billi tali deroga kienet tippermettilha tirkupra l-investiment magħmul, u b’hekk tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tagħha. Hija sostniet li jekk ma tkunx eliġibbli għal deroga skont id-Direttiva Emendatorja u jekk ma tittieħed l-ebda miżura oħra sabiex hija titqiegħed f’pożizzjoni ekwivalenti, dan ikun jammonta għal ksur tal-obbligu tal-UE skont l-ECT, b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 13 tal-ECT. Nord Stream 2 AG argumentat ukoll li hija tikkwalifika bħala investitur ta’ Parti Kontraenti skont l-ECT billi hija kumpanija bil-kwartieri ġenerali tagħha u b’operazzjonijiet kummerċjali sostanzjali f’Zug, fl-Iżvizzera.
Fil-25 ta’ Ġunju 2019 saru konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Nord Stream 2. Il-Kummissjoni Ewropea rriżervat il-pożizzjoni tagħha dwar jekk tqisx li Nord Stream 2 tistax tippreżenta talba skont l-ECT sakemm tiġi ppreżentata evidenza konkreta mill-investitur tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħha fl-Iżvizzera. Hija informat ukoll lill-investitur li hija tqis li d-Direttiva 2019/692 ma hijiex diskriminatorja u hija f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-UE skont l-ECT. Dwar il-kwistjoni jekk Nord Stream 2 hijiex eliġibbli għal deroga, il-Kummissjoni fakkret ir-regoli tad-Direttiva Emendatorja dwar il-Gass, b’mod partikolari li huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ derogi fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u ta’ applikazzjonijiet individwali.
Il-Kummissjoni kellha skambji ulterjuri bil-miktub ma’ Nord Stream 2 fit-8 ta’ Lulju, is-26 ta’ Lulju u s-6 ta’ Awwissu 2019. Fil-25 ta’ Lulju 2019, Nord Stream 2 ippreżentat talba għall-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 quddiem il-Qorti Ġenerali (il-Kawża T-526/19). Fis-26 ta’ Settembru 2019, Nord Stream 2 ippreżentat avviż ta’ arbitraġġ kontra l-Unjoni skont l-Artikolu 26(2)(c) u 26(4)(b) tal-ECT. Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja fl-1 ta’ Ottubru 2019.
Fl-avviż tal-arbitraġġ, Nord Stream 2 AG tallega li d-Direttiva (UE) 2019/692 (id-“Direttiva Emendatorja”) u l-azzjoni tal-UE b’rabta mad-Direttiva Emendatorja jiksru l-obbligi tal-UE skont l-ECT, b’mod partikolari l-Artikoli 10(1), 10(7) u 13 ECT.
c.Talbiet minn investituri tar-Renju Unit f’isem AS PNB Banka kontra r-rekwiżiti regolatorji stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewopew (2019)
Fit-2 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni rċeviet ittra, skont l-Artikolu 26(1) ECT minn investituri Russi (b’nazzjonalità tar-Renju Unit) f’isem il-bank Latvjan AS PNB Bank, fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li imponew rekwiżiti regolatorji fuq il-bank u allegatament ħallew impatt fuq l-investiment tagħhom f’park eoliku fil-Latvja, Winergy.
B’mod partikolari, l-investituri sostnew li abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE tas-17 ta’ Mejju 2019 li impona skadenzi fuq il-Bank AS PNB biex isolvi l-esponiment tiegħu għal Winergy u jissodisfa ċerti limiti ta’ adegwatezza tal-kapital, wassal għall-irtirar tal-liċenzja tal-bank u għaċ-ċaħda tal-investimenti tagħhom f’Winergy. L-investituri argumentaw li bl-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni kienet qed thedded l-eżistenza kontinwa u s-sigurtà tal-investimenti tagħhom f’Winergy bi ksur tal-obbligi tal-UE skont il-Parti III tal-ECT, flimkien mal-Latvja.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu infurmati b’dawn l-allegazzjonijiet fl-24 ta’ Mejju 2019.
Fit-28 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-investituri li fiha kienet tal-fehma li billi l-investituri huma ċittadini tal-UE, huma ma kellhomx dritt iniedu proċedimenti fil-konfront tal-UE skont l-ECT, u ssuġġeritilhom jirtiraw il-kawża.
4.Trasparenza fil-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat kontra l-Unjoni
Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tiżgura l-ogħla grad ta’ trasparenza fil-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat mibdija kontra l-Unjoni. Fi snin riċenti, il-Kummissjoni rriformat b’mod radikali l-approċċ tal-Unjoni għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi. Dawn jinkludu regoli ta’ negozjar dwar it-trasparenza li wasslu għall-adozzjoni tar-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza fl-2013, u l-inkorporazzjoni ta’ tali regoli fid-dispożizzjonijiet tas-Sistemi ta’ Qorti tal-Investiment stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali tal-UE mal-Kanada, Singapore, il-Vjetnam u l-Messiku.
L-Unjoni kienet involuta wkoll fin-negozjati tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investitur u l-Istat bbażat fuq it-Trattati (il-“Konvenzjoni ta’ Mauritius”, New York, 2014), li hija Konvenzjoni tan-NU li tipprevedi l-applikazzjoni tar-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza għall-aktar minn 3 000 ftehim bilaterali fir-rigward tal-investimenti. Il-Kummissjoni kienet talbet li r-regoli tal-UNICITRAL dwar it-Trasparenza jiġu applikati għall-ECT permezz tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius u, f’Jannar 2015, ippreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius mill-UE. Madankollu, sa issa l-Kunsill ma qabilx mal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni. Dan ifisser li attwalment, ir-regoli ta’ trasparenza ma japplikawx b’mod obbligatorju għal tilwim imniedi fl-ambitu tal-ECT.
Il-Kummissjoni, madankollu, ħadet inizjattivi biex tiżgura l-ogħla grad ta’ trasparenza possibbli fit-talbiet tal-investituri li sa issa nġiebu għall-attenzjoni tagħha. Fuq is-sit web tad-DĠ TRADE, hija ppubblikat l-aktar skambji reċenti bejn l-investituri u l-Kummissjoni (
https://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/dispute-settlement/investment-disputes/
). Jekk l-investituri jiddeċiedu li jippreżentaw t-talbiet tagħhom għal arbitraġġ, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tapplika l-istandards ta’ trasparenza, billi tipprova tilħaq ftehim mal-investituri biex tippubblika t-talbiet tagħhom u billi torganizza seduti miftuħa.
***