Brussell, 31.10.2019

COM(2019) 566 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Dijossidu tal-Karbonju


1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju 1 (magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju - minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva CCS”) tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku ambjentalment sikur tad-dijossidu tal-karbonju (CO2). Id-Direttiva CCS għandha l-għan li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija ta’ CO2 jew ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-ambjent, u li tevita kull effett negattiv fuq is-sigurtà tan-netwerk tat-trasport jew fuq is-siti tal-ħżin.

Dan ir-rapport huwa t-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva CCS li jkopri l-perjodu ta’ Mejju 2016 - April 2019. Dan ikopri l-progress mit-tieni rapport ta’ implimentazzjoni 2 . Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri u min-Norveġja skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva CCS. Sitta u għoxrin pajjiż 3 ressqu r-rapporti tagħhom fil-ħin sabiex jiġu kkunsidrati f’dan ir-rapport.

2.KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-IMPLIMENTAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI

2.1.Valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħażna u l-għażla ta’ siti tal-ħażna

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tas-CCS jirrikjedi li dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jippermettu l-ħżin fit-territorju tagħhom iridu jagħmlu evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin disponibbli. In-Netherlands jistmaw kapaċità teoretika ta’ ħżin ta’ bejn wieħed u ieħor 1.7Gt fil-Baħar tat-Tramuntana, primarjament f’meded tal-gass eżawriti. Riċerka ulterjuri u aktar fil-fond dwar kemm huma adattati siti speċifiċi se ssir fil-futur. Il-proġett NORDICCS irrapporta l-kapaċità ta’ ħżin fid-Danimarka f’akwiferi ta’ ilma mielaħ ta’ 22GtCO2 u ta’ 2Gt f’meded tal-idrokarburi. Il-Ġermanja stmat kapaċità ta’ ħżin f’oqsma ta’ gass maġġuri magħżula ta’ bejn wieħed u ieħor 75Gt CO2 u bejn 20 u 115Gt CO2 f’akwifers mielħa. 80 % tal-akwiferi jinsabu fi Stati li jipprojbixxu l-ħżin.

Ftit pajjiżi stabbilixxew żoni ġodda li minnhom siti ta’ ħażna jistgħu jew ma jistgħux jiġu magħżula skont l-Artikolu 4(1). In-Norveġja identifikat siti tal-ħżin tad-CO2 possibbli fuq il-blata Norveġiża u ppubblikat atlas ikkompilat ta’ dawn is-siti. Ir-Repubblika Ċeka kkunsidrat sit ta’ ħżin wieħed LBr-1 għal proġett pilota tas-CCS li jinsab fix-Xlokk tal-pajjiż.

2.2.Applikazzjonijiet għall-permessi għall-esplorazzjoni u l-ħżin

Qed titħejja applikazzjoni għal żewġ permessi għall-ħżin u aġġornament wieħed ta’ permess bħala parti mill-proġett Netherlandiż CCS Porthos. F’Jannar 2019, in-Norveġja tat permess għall-esplorazzjoni għall-ħżin tas-CO2 fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża. Applikazzjoni waħda għal permessi għall-esplorazzjoni ġiet sottomessa f’Andalucia, Spanja.

2.3.Il-fattibbiltà tar-retrofitting għas-CCS

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar is-CCS tesiġi li meta wieħed japplika għal liċenzja, l-operaturi jridu jevalwaw il-fattibilità teknika u ekonomika tal-ġbir, tat-trasport u tal-ħżin tal-karbonju. Jekk din l-evalwazzjoni tkun pożittiva, l-ispazju fuq is-sit tal-installazzjoni għandu jitwarrab għat-tagħmir meħtieġ għall-ġbir u l-kompressjoni tad-CO2.

Dawn il-valutazzjonijiet twettqu fl-Estonja (waħda), fi Franza (waħda), fil-Ġermanja (sitta), fir-Rumanija (sitta) u fil-Polonja (tmienja). Il-valutazzjonijiet sabu li s-CCS mhux ekonomikament vijabbli. Instabu xi diffikultajiet oħra għal uħud mill-impjanti — fl-Estonja l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi huma meqjusa bħala mhux favorevoli, filwaqt li fil-Ġermanja l-impjanti ma għandhomx aċċess għal postijiet tal-ħżin xierqa.

Minkejja l-livell baxx ta’ fattibbiltà fil-valutazzjonijiet, ħafna mill-impjanti tal-enerġija (pereżempju fil-Polonja, l-Estonja, il-Ġermanja) qed iwarrbu l-art għall-installazzjoni ta’ tagħmir għall-qbid ta’ CO2.

Fin-Norveġja, kull impjant ġdid tal-enerġija li jaħdem bil-gass għandu jkollu qabda u ħażna ta’ CO2 mill-bidu tat-tħaddim tal-impjant. Xi wħud mit-30 installazzjoni Żvediża b’potenza input ta’ aktar minn 300 MW bħalissa qed jinvestigaw il-possibilità tas-CCS u qed iwettqu studji preliminari.

2.4.Proġetti ta’ riċerka b’relevanza għad-Direttiva CCS

L-attivitajiet ta’ riċerka għall-avvanz tat-teknoloġija u l-għarfien tal-ħażna ta’ CO2 għadhom għaddejjin f’għadd ta’ pajjiżi — ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, ir-Rumanija, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja bl-appoġġ nazzjonali, il-finanzjament tal-UE u l-Għotjiet tan-Norveġja. Xi pajjiżi jipparteċipaw f’ERA-NET ACT (Accelerating CCS Technology) li ġġib flimkien proġetti differenti appoġġati b’mod konġunt minn fondi mill-Ġermanja, il-Greċja, Franza, in-Netherlands, in-Norveġja, ir-Rumanija, Spanja, ir-Renju Unit, kif ukoll l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti. L-Irlanda rrappurtat li l-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Politika u l-Proġett tas-CCS ġie stabbilit biex jaħdem fuq l-iżviluppi tal-politika tas-CCS u jivvaluta l-fattibbiltà ta’ proġetti futuri fil-pajjiż. Barra minn hekk, disa’ (9) Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit), in-Norveġja u t-Turkija qablu li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom dwar il-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju fil-qafas tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET).

2.5.In-netwerks tat-trasport u tal-ħżin tad-CO2

It-Task Force tal-Baċir tal-Baħar tat-Tramuntana bil-UK, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Ġermanja u l-Belġju u n- netwerk tas-CCS tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku bl-Estonja, il-Ġermanja, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja għadhom żewġ netwerks reġjonali ewlenin tas-CCS li jaħdmu biex jiżviluppaw soluzzjonijiet komuni u transkonfinali għat-trasport u l-ħżin ġeoloġiku tad-CO2. Dawn in-netwerks jistgħu jiffaċilitaw aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għan-netwerks tat-trasport tad- CO2 u għas-siti tal-ħżin tad-CO2 għal operaturi fi Stati Membri fejn ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ ħżin taħt l-art. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri li jmissu mal-Baħar tat-Tramuntana ġiet irrappurtata wkoll taħt il-proġetti ta’ interess komuni (PCIs). L-Iżvezja qed tikkunsidra kooperazzjoni futura primarjament man-Norveġja dwar il-ħżin peress li hemm għadd ta’ kumpaniji privati interessati u li bħalissa qed jinvestigaw din l-opportunità. Ċentri tad-CO2 qed jiġu żviluppati f’Fos-sur-Mer, f’Le Havre u f’Dunkerque fi Franza.

3.KONKLUŻJONIJIET

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-CCS ġew applikati b’mod korrett matul il-perjodu ta’ rapportar fl-Istati Membri tal-UE, li ressqu rapporti lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2019.

Minkejja n-nuqqas kontinwu ta’ valutazzjoni pożittiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tar-retrommuntar tas-CCS, l-impjanti tal-enerġija qegħdin madanakollu jwarrbu l-art f'każ li l-kundizzjonijiet jinbidlu fil-ġejjieni.

Għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri u n-Norveġja qed ikomplu jappoġġaw jew jippjanaw li jappoġġjaw fil-futur qrib, permezz tal-programmi jew fondi nazzjonali tagħhom, attivitajiet ta’ riċerka u dimostrazzjoni dwar is-CCS. Barra minn hekk, ħafna pajjiżi huma involuti f’għadd ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ kollaborazzjoni Ewropej.

(1)

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114-135

(2)

COM(2017)37, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju

(3)

Il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja.