Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall għall-2019
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Qieset kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Portugall bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”).
(2)Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Portugall jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4), hawn taħt. B’mod partikolari, l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fl-oqsma speċifikati u l-użu ta’ qligħ mhux mistenni biex jitnaqqas id-dejn pubbliku se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-appoġġ għall-investiment u l-bini mill-ġdid tal-bafers. Miżuri biex titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, jitjiebu l-ħiliet u l-effettività tax-xibka tas-sigurtà soċjali se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tielet rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Miżuri biex jitnaqqas il-piż regolatorju se jgħinu biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tal-ambjent tan-negozju u t-titjib fil-produttività għar-riekwilibriju taż-żona tal-euro. Iż-żieda fl-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza u rkupru se tgħin biex tiġi indirizzata r-raba’ rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tat-tnaqqis ta’ self improduttiv.
(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 għall-Portugall ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Ġie vvalutat il-progress li għamel il-Portugall biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018, is-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Portugall biex jilħaq il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, stokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku u sehem għoli ta’ self improduttiv jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Għad hemm lakuni politiċi, partikolarment f’termini ta’ implimentazzjoni tal-miżuri indikati biex jitnaqqas is-self improduttiv u biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ bosta pjanijiet ta’ riforma, inkluż riformi fiskali-strutturali biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, se jkollhom bżonn jiġu mmonitorjati.
(4)Fit-30 ta’ April 2019, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 tiegħu u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 tiegħu. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.
(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun meħtieġ li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.
(6)Bħalissa l-Portugall qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2019, il-Portugall qed jippjana li jilħaq defiċit nominali ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2019, surplus ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2020 u titjib ulterjuri għal surplus ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-pjanijiet jinkludu parzjalment biss l-impatt potenzjali li jżid id-defiċit tal-miżuri ta’ appoġġ għall-banek mill-2020 ’il quddiem. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, l-objettiv baġitarju fuq terminu medju – li nbidel minn surplus strutturali ta’ 0,25 % tal-PDG fl-2019 għal pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali mill-2020 – huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2020. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 jipprevedi li d-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG jilħaq 118,6 % fl-2019 u 115,2 % fl-2020, li mbagħad ikun ta’ 103,7 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsa dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli għall-2019 u l-2020, u favorevoli għas-snin ta’ wara. Fl-istess ħin, il-miżuri neċessarji biex jappoġġaw il-miri ppjanati tad-defiċit mill-2019 ’il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati b’mod suffiċjenti.
(7)Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 ma jipprovdix informazzjoni dwar l-impatt baġitarju tan-nefqa eċċezzjonali b’rabta mal-miżuri ta’ prevenzjoni għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra n-nirien fil-foresti, wara n-nirien fuq skala kbira li seħħew fl-2017. Madankollu, f’ittra datata d-9 ta’ Mejju 2019, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. B’mod partikolari, l-ittra tindika li l-implimentazzjoni tal-baġit 2018 tinkludi nefqa eċċezzjonali li tammonta għal madwar 0,04 % tal-PDG fir-rigward ta’ miżuri preventivi għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra n-nirien fil-foresti. L-ittra tad-9 ta’ Mejju 2019 tistabbilixxi n-nefqa relatata mal-ġestjoni tal-emerġenzi, ikklassifikata bħala miżura ta’ darba, u nefqa relatata mal-prevenzjoni. Minħabba n-natura integrata ta’ dawn in-nefqiet u minħabba r-rabta diretta man-nirien fil-foresti fuq skala kbira tal-2017, it-trattament speċifiku tan-nefqa tal-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti għandu jkun ikkunsidrat bl-applikazzjoni tal-“klawsola ta’ avveniment mhux tas-soltu”. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa addizzjonali eliġibbli fl-2018 tammonta għal 0,04 % tal-PDG għal miżuri preventivi. Il-provvedimenti stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba li nirien fil-foresti fuq skala kbira bla preċedent huma meqjusa avvenimenti mhux tas-soltu, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Portugall huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa jekk tingħata devjazzjoni temporanja mit-triq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju għall-2018 tnaqqas biex jitqiesu dawn l-ispejjeż addizzjonali.
(8)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lill-Portugall biex jiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx iż-0,7 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament irrakkomandat fl-2019.
(9)Jenħtieġ li l-Portugal jikseb l-għan baġitarju tiegħu fit-terminu medju fl-2020, filwaqt li jqis il-marġnijiet marbuta mal-avvenimenti mhux tas-soltu li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ta’ 1,5 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2020. Fl-istess ħin, il-Portugall huwa previst li jikkonforma mar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2019, b’riżultat tad-devjazzjoni annwali permessa ta’ 0,25 %, iżda prima facie mhuwiex mistenni li jikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2020. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa mill-2019 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta’ kwalunkwe gwadann mhux previst biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkun importanti.
(10)It-tisħiħ tas-sostenibbiltà fiskali tal-Portugall jiddependi fuq it-tkomplija tal-konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir. Madankollu, hemm lok biex tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u biex l-infiq isir aktar favorevoli għat-tkabbir billi jiġi appoġġjat l-investiment (ara hawn taħt). Minkejja li żdied fl-2018, l-investiment pubbliku baqa’ baxx ħafna meta mqabbel mal-istandards tal-UE u b’mod konsistenti taħt il-miri tal-gvern innifsu. L-infurzar tal-liġi dwar il-kontroll tal-impenji, l-implimentazzjoni tal-liġi qafas tal-baġit b’mod strett u f’waqtu u t-tkomplija ta’ sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni jibqgħu kruċjali biex jitjieb il-kontroll tal-infiq u biex l-infiq isir aktar effiċjenti. Reviżjonijiet indipendenti riċenti tan-nefqa minn isfel għal fuq f’setturi speċifiċi wasslu għal iffrankar limitat mill-effiċjenza b’mod ġenerali. Sabiex jinkisbu iktar gwadanji ta’ effiċjenza, jenħtieġ li r-rieżamijiet tal-infiq isiru karatteristika regolari tal-qafas baġitarju tal-Portugall. Barra minn hekk, għadhom meħtieġa riformi aktar profondi biex tiżdied l-effiċjenza u fokus ċar minn fuq għal isfel biex tiġi kkontrollata n-nefqa ġenerali. Jenħtieġ li dan jibni l-iktar fuq strateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika mmirata biex il-livelli pubbliċi tal-impjiegi jiġu allinjati aħjar mal-ħtieġa li jiġu pprovduti servizzi effettivi, li jinkludu l-appoġġ ta’ riallokazzjoni tal-persunal u t-taħriġ mill-ġdid, u l-promozzjoni ta’ prestazzjoni individwali u l-attraenza tas-servizz pubbliku għal persunal b’ħiliet għolja.
(11)Il-finanzi pubbliċi tal-Portugall jinsabu taħt pressjoni kontinwa minn xejriet demografiċi negattivi, b’mod partikolari l-popolazzjoni li qed tixjieħ, b’konsegwenzi negattivi, speċjalment għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa. Filwaqt li r-riformi tal-imgħoddi tejbu s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, żidiet diskrezzjonali fl-infiq fuq il-pensjonijiet u riformi tal-irtirar kmieni wasslu għal aktar żidiet diskrezzjonali fl-infiq fuq il-pensjonijiet minbarra x-xejra ’l fuq sottostanti xprunata mit-tixjiħ. Is-sostenibbiltà ġenerali tas-sistema tal-pensjonijiet tista’ tkun f’riskju jekk ma jkunx hemm miżuri ta’ kumpens adegwati. Fis-settur tas-saħħa, il-kosteffettività kompliet tiġi promossa fl-2018, inkluż permezz ta’ dipendenza akbar fuq xiri ċentralizzat u użu akbar tal-mediċina ġenerika u bijosimili. Fl-istess ħin, arretrati persistentement għoljin fl-isptarijiet jirriżultaw minn ippjanar baġitarju inadegwat u implimentazzjoni u dgħufijiet fil-kontroll kontabilistiku u l-prattiki maniġerjali. Tnaqqis temporanju fl-arretrati fl-isptarijiet fl-2018 irriżulta essenzjalment minn miżuri straordinarji mdaqqsa ta’ approvazzjoni. Programm ġdid għall-2019 għandu l-għan li jindirizza b’mod strutturali l-arretrati tal-isptarijiet billi jintroduċi mudell ta’ governanza ġdid għall-isptarijiet pubbliċi, flimkien ma’ żieda sostanzjali fil-baġits annwali tagħhom. L-abbiltà ta’ dan il-programm li jnaqqas l-akkumulazzjoni tal-arretrati tal-isptar f’terminu ta’ żmien qasir u b’hekk iwassal għal tnaqqis strutturali tal-istokk globali tagħhom jiddependi b’mod kruċjali fuq l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tiegħu.
(12)Iż-żieda fid-dħul nett tal-intrapriżi tal-istat u t-tnaqqis tad-dejn tagħhom jgħinu biex il-finanzi pubbliċi Portugiżi jsiru aktar sostenibbli. L-awtoritajiet qed jippjanaw id-dħul nett tal-intrapriżi tal-Istat bħala ħaġa waħda biex javviċinaw livell qrib il-bilanċ fl-2019, li jfisser dewmien meta mqabbel ma’ avviżi preċedenti li diġà kellhom l-għan ta’ eżitu simili fl-2018. Barra minn hekk, miżuri biex jiżguraw l-aderenza ma’ pjanijiet ta’ attività inizjali u sforzi biex jiżguraw monitoraġġ aktar f’waqtu, transparenti u komprensiv ittardjaw u kienu qed idumu biex jissarrfu f’azzjoni korrettiva fejn meħtieġ. B’mod partikolari, ma ġiex żgurat livell suffiċjenti ta’ trasparenza ex-ante rigward il-finanzjament ta’ intrapriżi tal-istat permezz ta’ rikapitalizzazzjonijiet u self.
(13)Minkejja l-implimentazzjoni kontinwa ta’ xi miżuri li jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, bħat-tisħiħ tal-ispettorat tax-xogħol u t-tnedija ta’ programm ta’ integrazzjoni għal ħaddiema prekarji fis-servizz pubbliku, il-proporzjon ta’ ħaddiema temporanji fil-Portugall għadu jaqbeż il-medja tal-UE. Miżuri aktar speċifiċi miftiehma bejn il-gvern, l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-impjegati bl-għan li jkomplu jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-prekarjetà u l-promozzjoni tan-negozjar kollettiv għadhom iridu jiġu approvati mill-Parlament u jimmaterjalizzaw f’leġiżlazzjoni konkreta.
(14)Kundizzjonijiet mtejba tas-suq tax-xogħol irriżultaw f’inqas persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Minkejja dan it-titjib, l-inugwaljanza fid-dħul għadha għolja u l-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar huwa limitat. Filwaqt li l-inugwaljanza fid-dħul fil-Portugall qed tonqos, għadha ferm ogħla mill-medja tal-UE. L-adegwatezza tal-iskema ta’ introjtu minimu hija fost l-aktar baxxi fl-UE billi tipprovdi introjtu ta’ 40 % biss tal-limitu nazzjonali tal-faqar. Sakemm ma ssirx reviżjoni, l-effettività baxxa tat-trasferimenti soċjali tista’ tiġi ttestjata b’mod sever f’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-ġejjieni u l-persuni vulnerabbli jiġu affettwati partikolarment.
(15)Il-livell baxx ta’ kwalifiki tal-ħaddiema huwa ostaklu għall-investiment u t-tkabbir tal-produttività. Madwar 50 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-25 u l-64 sena għandhom livelli edukattivi baxxi, proporzjon ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni ta’ 22 % fl-2018. Id-disponibbiltà baxxa ta’ persunal ikkwalifikat hija ostaklu importanti għall-investiment li l-kumpaniji jirrappurtaw. Fir-rigward tat-tagħlim tal-adulti b’mod partikolari, hemm lok għal aktar involviment ta’ dawk bi kwalifiki baxxi (li l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim hija taħt il-medja tal-Unjoni) u biex jiġu estiżi inċentivi pubbliċi mmirati għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex iħarrġu l-persunal tagħhom. Il-ħiliet diġitali huma sfida partikolari, b’50 % tal-popolazzjoni Portugiża mingħajr ħiliet diġitali bażiċi meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 43 %. L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-infrastruttura, huwa essenzjali biex titjieb l-impjegabbiltà u l-mobilità soċjali.
(16)Miżuri biex tiżdied ir-reġistrazzjoni fl-edukazzjoni għolja, bħal żieda sinifikanti fil-boroż ta’ studju, huma għaddejjin bħala parti mill-isforzi biex jiżdied l-għadd ta’ gradwati fl-edukazzjoni għolja. Fost dawk li għandhom bejn 30 u 34 sena fil-Portugall, 33,5 % lestew l-edukazzjoni għolja, li għadha taħt il-medja tal-UE ta’ 40,7 %. Il-persistenza ta’ dawn il-kwoti baxxi, b’mod partikolari għall-gradwati fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ix-xjenzi naturali, il-matematika u l-istatistika jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq it-tkabbir tal-produttività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Portugall. Filwaqt li l-gvern qed jipprova jindirizza l-kwistjoni billi jżid l-għadd ta’ postijiet ta’ studju f’dawn l-oqsma u jimplimenta reviżjoni tas-sistema ta’ edukazzjoni ogħla, huma meħtieġa aktar sforzi.
(17)Il-proporzjon ta’ self improduttiv fis-sistema finanzjarja għadu relattivament għoli bil-valur ta’ 11,3 %. Madankollu, il-parti l-kbira tal-banek għamlu progress sostanzjali biex jintlaħqu l-miri biex jitnaqqas is-self improduttiv. Is-suq sekondarju għal assi f’diffikultà qabad ir-ritmu filwaqt li l-banek ukoll aċċelleraw it-tħassir u l-kuri għal krediti improduttivi. Id-diżaggregazzjoni ta’ self improduttiv għadha turi proporzjon għoli kostanti (65 %) ta’ self improduttiv korporattiv. Fuq l-aħħar ftit snin, l-awtoritajiet implimentaw għadd ta’ riformi legali u istituzzjonali għall-insolvenza u għall-infurzar tad-dejn. Madankollu, it-tul medju tal-proċediment ta’ insolvenza għadu għoli b’mod persistenti, l-istess bħall-għadd ta’ kawżi pendenti fil-qorti. L-oqfsa legali u ġudizzjarji qed jaffettwaw b’mod qawwi l-proċess ta’ rkupru u l-prospetti għal ripussess effiċjenti ta’ kollateral. Id-durata medja twila tal-proċedimenti ta’ rkupru hija ta’ piż fuq il-prezzijiet applikati mis-suq għal assi improduttivi.
(18)Ir-riformi mmirati lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva kienu fil-biċċa l-kbira nieqsa, peress li l-isforzi f’dan il-qasam huma fil-biċċa l-kbira limitati għal implimentazzjoni ġenerali tad-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri u l-prinċipju ta’ darba biss. Jenħtieġ li tingħata prijorità b’mod partikolari biex jiġi limitat l-għadd ta’ dokumenti li jridu jiġu sottomessi u jew jiġu sostitwiti l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni b’dikjarazzjonijiet sempliċi ta’ konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli jew inkella, għas-setturi l-aktar sensittivi, billi jiġu ssimplifikati l-awtorizzazzjonijiet billi jitnaqqas iż-żmien tad-deċiżjoni u tiġi adottata approvazzjoni taċita. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għal setturi speċifiċi għadha nieqsa. Għad hemm imposti amministrattivi eċċessivi, b’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, nuqqasijiet fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-akkwist pubbliku jfixklu l-kompetizzjoni. Il-prestazzjoni tal-akkwist pubbliku tista’ tittejjeb billi jiġi introdott ippjanar strutturat u kwantifikat u tiġi żgurata superviżjoni aktar mill-qrib tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti. Minkejja tnaqqis sinifikanti f’għotjiet diretti bejn l-2017 u l-2018, l-użu tagħhom għadu għoli.
(19)Fil-kuntest tal-programm ta’ assistenza finanzjarja, il-Portugall għamel sforz biex inaqqas il-piż regolatorju għal professjonijiet regolati ħafna, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal-liġi qafas tal-2013. F’xi każijiet, madankollu, dan il-progress twaqqaf jew saħansitra treġġa’ lura bl-adozzjoni ta’ liġijiet amministrattivi għall-professjonijiet individwali u bl-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq gruppi korporattivi. Restrizzjonijiet regolatorji u amministrattivi fuq in-negozju u s-servizzi professjonali jipprevalu, u jqajmu tħassib dwar il-kompetizzjoni, il-livelli tal-prezzijiet, l-innovazzjoni u l-kwalità tas-servizzi. Sa issa, ma ġie mħabbar l-ebda pjan ta’ riforma b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali, jew b’reazzjoni għar-Rieżami tal-Valutazzjoni tal-Kompetizzjoni għall-2018 tal-OECD dwar il-professjonijiet awtoregolati tal-Portugall (f’kooperazzjoni mal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Portugiża).
(20)Il-kundizzjonijiet għal ditti biex ikollhom aċċess għall-finanzjament ilhom jitjiebu matul l-aħħar ftit snin u l-proporzjon ta’ ditti li jirrapportaw l-aċċess għall-finanzi bħala restrizzjoni ewlenija għall-investiment issa huwa konformi mal-medja tal-UE. L-awtoritajiet Portugiżi nedew u saħħew bosta inizjattivi f’dan il-qasam, bħall-programm Capitalizar u programmi oħra mmirati lejn tipi speċifiċi ta’ kumpaniji jew setturi. Madankollu, ditti Portugiżi għadhom jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi proprji tagħhom biex jiffinanzjaw l-investiment, u ammont sinifikanti ta’ self bankarju jispiċċa f’ditti bi produttività baxxa ħafna. Il-livell baxx ta’ kapital investit għal kull ħaddiem jirrappreżenta ostaklu kbir biex tiġi aġġornata l-istruttura produttiva tal-ekonomija Portugiża. F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-investiment produttiv jiżdied filwaqt li jiġi ttrasferit b’mod gradwali lejn ditti b’potenzjal ta’ tkabbir u f’setturi bi profili ta’ produttività għolja. Għalkemm sorsi oħra ta’ finanzjament, bħall-kapital ta’ riskju u ta’ ekwità, kienu qed jiżdiedu matul l-aħħar ftit snin, dawn għadhom ferm aktar baxxi mill-medja tal-UE.
(21)Is-sistema ġudizzjarja qed issir aktar effiċjenti iżda qed tkompli tiffaċċja sfidi kritiċi bi proċedimenti twal u b’akkumulu kbir ta’ kawżi, b’mod partikolari fil-qrati amministrattivi u tat-taxxa. Filwaqt li jkomplu l-isforzi biex titrażżan il-korruzzjoni, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni għadha kwistjoni minħabba n-nuqqas ta’ strateġija koordinata u responsabbiltajiet frammentati.
(22)L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp reġa’ żdied riċentement iżda għadu mhux biżżejjed biex itejjeb is-sistema nazzjonali Portugiża tar-riċerka u l-innovazzjoni. Wara snin ta’ tnaqqis, is-sehem tan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp b’rabta mal-PDG żdied riċentement u fl-2017, l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju qabżet kemxejn l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubblika. Ftit sar progress biex l-istruttura ekonomika tal-Portugall tiġi aġġornata għal sehem akbar ta’ valur miżjud fil-manifattura ta’ teknoloġija għolja u fis-servizzi ta’ għarfien intensiv. Il-promozzjoni tal-investiment f’assi intanġibbli, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp iżda wkoll il-ħiliet maniġerjali, il-litteriżmu finanzjarju u ħiliet diġitali li jippermettu lid-ditti jikbru, iżidu l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom u jidħlu fis-swieq tal-esportazzjoni, joffru lill-Portugal potenzjal sinifikanti biex jagħti spinta lit-tkabbir tal-investiment u tal-produttività.
(23)Il-konnessjonijiet marittimi u ferrovjarji insuffiċjenti jagħmluha diffiċli għan-negozji orjentati għall-esportazzjoni li jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-potenzjal tas-suq uniku. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, il-Portugall huwa punt ta’ dħul marittimu naturali, speċjalment għar-rotot transatlantiċi. Investimenti f’waqthom fit-terminals il-ġodda tal-kontejners f’Sines u f’Barreiro (Terminal Vasco da Gama) u l-finalizzazzjoni tal-proġetti ta’ investiment li għaddejjin fil-portijiet l-oħra Portugiżi ewlenin (Viana do Castelo, Leixes, Aveiro, Figueira da Foz, Setubal) se jżidu l-kapaċità tal-ġestjoni tal-kontejners ta’ dawn il-portijiet. Linji ferrovjarji għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed fil-konnessjonijiet għal Spanja (kemm il-kurituri bejn il-Lvant u l-Punent kif ukoll dawk mit-Tramuntana għal Nofsinhar). L-iżvilupp ta’ pjan Iberiku komprensiv, li jinkludi l-identifikazzjoni tal-passi intermedji, it-terminals, l-interkonnessjonijiet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-aġġornament tan-netwerk Spanjol u l-iżvilupp tal-qies standard tal-Unjoni Internazzjonali tal-Ferroviji, jgħinu biex il-prestazzjoni ferrovjarja internazzjonali tal-Portugall tingħata spinta 'l quddiem.
(24)Investimenti fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-adattament għall-klima jgħinu biex jinkiseb tkabbir sostenibbli fit-tul. L-antiċipazzjoni tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar u n-nirien fil-foresti, għadha sfida fil-Portugall. Għad hemm sfidi biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, u l-aħħar data għall-2017 turi li l-konsum tal-enerġija qed jiżdied. Għad hemm marġini wiesa’ biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-bini u biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fin-negozju. Konnettività aħjar tal-enerġija tal-Peniżola Iberika tista’ tippermetti aktar kompetizzjoni u tiffaċilita l-użu tal-enerġija rinnovabbli.
(25)Tajjeb li wieħed ifakkar li l-ipprogrammar tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiżi. Dan ikun jippermetti lill-Portugall biex jagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li jqis id-differenzi reġjonali u s-sitwazzjoni speċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.
(26)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport speċifiku tal-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u s-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Portugall, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.
(27)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(28)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta’ hawn taħt. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ewwel, it-tieni u r-raba’ rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) fost oħrajn jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn pubbliku għoli.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2019 u fl-2020 biex:
1.Jikseb l-għan baġitarju fit-terminu medju fl-2020, filwaqt li jqis il-marġnijiet marbuta mal-avvenimenti mhux tas-soltu li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Juża qligħ mhux mistenni biex jaċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku. Itejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jipprijoritizza l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir filwaqt li jsaħħaħ il-kontroll tan-nefqa globali, il-kosteffiċjenza u l-ibbaġitjar adegwat, b’enfasi partikolari fuq tnaqqis fit-tul ta’ arretrati fl-isptarijiet. Itejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja tal-intrapriżi tal-istat, filwaqt li jiżgura monitoraġġ aktar f’waqtu, trasparenti u komprensiv.
2.Jadotta miżuri biex jindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Itejjeb il-livell tal-ħiliet tal-popolazzjoni, b’mod partikolari l-litteriżmu diġitali tagħha, inkluż billi jagħmel it-tagħlim għall-adulti aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Iżid l-għadd ta’ gradwati tal-edukazzjoni għolja, b’mod partikolari fit-teknoloġija tax-xjenza u tal-informazzjoni. Iżid l-effettività u l-adegwatezza tax-xibka ta’ sigurtà soċjali.
3.Jiffoka l-politika ekonomika fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport ferrovjarju u l-infrastruttura tal-portijiet, it-tranżizzjoni lejn enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jestendi l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, filwaqt li jqis id-disparitajiet reġjonali.
4.Jippermetti rkupru aktar mgħaġġel tal-kollateral marbut ma’ self improduttiv billi jżid l-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza u rkupru. Jnaqqas il-piż amministrattiv u regolatorju fuq in-negozji, l-iktar billi jnaqqas l-ostakoli speċifiċi għas-settur għal-liċenzjar. Jiżviluppa pjan direzzjonali biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fi professjonijiet regolati ħafna. Iżid l-effiċjenza tal-qrati amministrattivi u tat-taxxa, b’mod partikolari billi jnaqqas it-tul tal-proċedimenti.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President