Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 510 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta’ Franza għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Franza għall-2019


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta’ Franza għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Franza għall-2019

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Qieset kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta' Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”).

(2)Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Franza jenħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt. B’mod partikolari, il-miżuri biex jużaw il-qligħ mhux mistenni biex inaqqsu d-dejn pubbliku, jissimplifikaw in-nefqa pubblika u biex jiffukaw il-politika ekonomika relatata mal-investiment fl-oqsma speċifikati se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-buffers fiskali, it-titjib tal-finanzi pubbliċi u l-appoġġ għall-investiment. Miżuri biex jissimplifikaw is-sistema tat-taxxa u jnaqqsu r-restrizzjonijiet regolatorji se jgħinu biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tal-ambjent tan-negozju. Fl-aħħar nett, il-miżuri biex tittejjeb l-impjegabbiltà se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tielet rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol.

(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 għal Franza 3 ġie ppubblikat fis-27 ta' Frar 2019. Huwa vvaluta l-progress ta’ Franza biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Franza lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta' Frar 2019 4 . L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Franza għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari l-iżbilanċi identifikati huma relatati ma’ dejn pubbliku għoli u dinamiċi dgħajfa tal-kompetittività f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività.

(4)Fis-26 ta' April 2019, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2019 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha għall-2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba 6 .

(6)Franza bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2019, il-gvern qed jippjana li d-defiċit nominali jiżdied minn 2,5 % tal-PDG fl-2018 għal 3,1 % tal-PDG fl-2019 u li minn hemm’ il quddiem jonqos għal 1,2 % tal-PDG fl-2022. Iż-żieda ppjanata tad-defiċit nominali fl-2019, li huwa kkonfermat mit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2019, hija prinċipalment minħabba l-impatt ta’ darba li jżid id-defiċit tat-trasformazzjoni tal-kreditu tat-taxxa fuq l-impjiegi u l-kompetittività fi tnaqqis permanenti tal-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat 7 , l-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG — mhuwiex ippjanat li jintlaħaq matul il-perjodu kopert mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 98,4 % tal-PDG fl-2018 għal 98,9 % tal-PDG fl-2019 u li minn hemm’ il quddiem jonqos għal 96,8 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2020’il quddiem ma ġewx speċifikati.

(7)Fil-5 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, peress li l-Programm ta’ Stabbiltà ppjanat defiċit nominali bi ksur ta’ 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat fl-2019 u, abbażi tad-data notifikata, prima facie ma kienx hemm konformità mal-2018. Ir-rapport ikkonkluda li, wara valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, il-kriterji tad-defiċit u tad-dejn kif definiti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 għandhom jitqiesu bħala li qed jiġu attwalment rispettati.

(8)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lil Franza tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta 8 ma taqbiżx 1,4 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2019, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2019.

(9)Fl-2020, fid-dawl tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Franza ‘l fuq minn 60 % tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ 0,7 %, ir-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma għandhiex taqbeż 1.,2 %, f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi tal-aġġustament miftiehma b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2020. Prima facie, Franza mhijiex prevista tikkonforma mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2019 u l-2020. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2019 jenħtieġ li jittieħdu miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta’ kwalunkwe gwadann mhux previst biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkun importanti.

(10)L-isforzi biex jiġu kkonsolidati l-finanzi tal-gvern naqqsu biss modestament il-proporzjon tan-nefqa pubblika, li b'56 % fl-2018, baqa’ l-ogħla fl-UE. Tnaqqis kostanti fid-dejn pubbliku se jiddependi fuq il-kapaċità tal-gvern li jrażżan l-infiq tiegħu. Sa mill-2017, il-gvern nieda strateġija mġedda għall-konsolidazzjoni fiskali tul il-mandat presidenzjali ta’ ħames snin. Is-suċċess tiegħu se jiddependi fuq li jintlaħqu l-miri ta’ nfiq ippjanati ddefiniti għall-gvernijiet ċentrali u lokali u għas-sistema tal-kura tas-saħħa.

(11)In-nefqa fuq il-kura tas-saħħa żdiedet b’mod stabbli matul iż-żmien. In-nefqa totali kienet stmata għal 11,5 % tal-PDG fl-2017, l-ogħla livell fost il-pajjiżi tal-UE li jaderixxu mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Riforma ġdida tas-sistema tal-kura tas-saħħa tħabbret fil-ħarifa tal-2018 u abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat fit-13 ta’ Frar 2019. Is-suċċess tagħha se jiddependi fuq it-twaqqif ta’ qafas legali u organizzattiv ċar li jipprovdi l-inċentivi t-tajba u li jrawwem il-kollaborazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati. Ir-riforma mħabbra tas-sistema tal-kura tas-saħħa ma tinkludix reviżjoni tan-norma ta’ tkabbir għan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa (Objectif National de Dépenses d’Assurance Maladie, ONDAM). Din in-norma ta’ nfiq tkopri terz tal-infiq tas-sigurtà soċjali. Għalkemm dan l-objettiv ilu jiġi ssodisfat sa mill-2010, il-mira tal-ONDAM diġà żdiedet tliet darbiet mill-2017. Din żdiedet għall-2018-2020, minn mira inizjali ta’ tkabbir ta’ 2,1 %, għal mira riveduta ta’ 2,3 % fil-liġi tal-baġit għall-2018, u kompliet tiżdied sa 2,5 % fl-att dwar il-baġit tas-sigurtà soċjali għall-2019. Dan se jirrifletti sa ċertu punt in-nefqa addizzjonali li trid titħallas minn “Ma santé 2022”.

(12)Fil-livell lokali, in-nefqa pubblika qabżet il-mira ppjanata għat-tkabbir fl-2017. Mill-2014, in-nefqa pubblika tal-gvern lokali fi Franza hija ggwidata minn norma ta’ nfiq li tindika miri ta’ tkabbir mhux vinkolanti annwali kemm għan-nefqa pubblika operattiva kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament fil-livell lokali (Objectif d'évolution de la Dépense Locale). Fl-2018, din in-norma ta’ nefqa kienet akkumpanjata minn ftehimiet kuntrattwali vinkolanti bejn l-istat u 71 % mill-ikbar 322 awtorità lokali, validi fl-2018-2020. It-tnaqqis limitat fl-għadd ta’ muniċipalitajiet, madankollu, jista’ jxekkel il-konformità man-norma tan-nefqa. Ir-riforma territorjali tal-2014-2016 naqqset l-għadd ta’ reġjuni bin-nofs, iżda l-għadd ta’ muniċipalitajiet naqas biss bi ftit u baqa’ ogħla minn 34 000, bil-bosta l-ogħla fl-UE.

(13)L-implimentazzjoni tal-istrateġija mġedda ta’ konsolidazzjoni fiskali mnedija mill-gvern għat-terminu presidenzjali ta’ ħames snin teħtieġ ukoll it-twettiq tal-programm “Azzjoni Pubblika 2022” li għadu mhux definit għal kollox. Dan il-programm għandu l-għan li jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza sostanzjali fl-infiq tal-gvern, filwaqt li jtejjeb il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali. Il-Gvern ta prijorità ċara lill-aspetti metodoloġiċi u relatati mal-proċess, iżda ma ffukax fuq kwantifikazzjoni ex ante u ġenerali ta’ ffrankar potenzjali. Filwaqt li dan l-approċċ jista’ jirriżulta minn proċess ta’ riforma kumpless u l-ħtieġa li d-dibattitu pubbliku jiġi ffaċilitat dwar kwistjonijiet sensittivi, jagħmilha wkoll diffiċli biex tiġi vvalutata f’termini kwantitattivi l-istrateġija kumplessiva u l-kontribut tagħha għall-konsolidazzjoni fiskali. B’mod partikolari, mhuwiex ċar kif eżattament u b’liema żmien il-programm ta’ riforma — inklużi l-pjanijiet ta’ trasformazzjoni tal-Ministeri li jinkludu ġabra wiesa’ ta’ miżuri varjati — jikkontribwixxi b’azzjonijiet konkreti għall-objettiv speċifiku ħafna li jitnaqqas il-proporzjon tan-nefqa mal-PDG sal-2022. B’mod ġenerali, l-informazzjoni disponibbli turi konformità parzjali mal-gwida għall-analiżi tal-infiq li ntlaħaq qbil dwarha fl-2016 mill-Grupp tal-euro.

(14)Ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jibqgħu għoljin fuq perjodu ta’ żmien medju. Id-dejn għoli tal-gvern ġenerali u d-defiċit strutturali tal-amministrazzjoni pubblika jippreżentaw sfidi ta’ sostenibbiltà, speċjalment fuq perjodu ta’ żmien medju. Sforz fiskali li jissarraf f’titjib deċiżiv fil-bilanċ strutturali primarju ta’ Franza jkun essenzjali biex jiġu evitati dawn ir-riskji. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern jista’ jtejjeb ukoll il-prospetti tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija Franċiża.

(15)Ir-riforma ppjanata tal-pensjonijiet tista’ tgħin biex tnaqqas id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fuq terminu medju u għalhekk tnaqqas ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn. Il-bilanċ baġitarju tas-sistema tal-pensjonijiet jiddependi ħafna mis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi. Skont l-aħħar rapport annwali mill-Kunsill Konsultattiv tal-Pensjonijiet ta’ Franza (Conseil d’orientation des retraites), l-infiq fuq il-pensjonijiet kien ta’ 13,8 % tal-PDG fl-2017 u huwa mbassar li jilħaq it-13,5 % fl-2022, qabel ma jibqa’ fil-medda ta’ bejn il-11,6 % u l-14,4 % sal-2070 skont ir-rata ta’ tkabbir preżunta għall-evoluzzjoni tal-PDG u l-impjiegi matul iż-żmien. Hemm aktar minn 40 skema ta' pensjoni differenti li jeżistu flimkien fi Franza. Dawn l-iskemi japplikaw għal gruppi differenti ta’ ħaddiema u funzjonijiet skont ġabriet differenti ta’ regoli. Sal-aħħar tas-sena huwa mistenni abbozz ta’ liġi li progressivament jgħaqqad ir-regoli ta’ dawn l-iskemi, bil-ħsieb li jissimplifika l-funzjonament tas-sistema tal-pensjonijiet b’mod partikolari biex itejjeb it-trasparenza, il-ġustizzja u l-effiċjenza tagħha.

(16)Ir-rata tal-impjieg kompliet tiżdied u laħqet il-71,3 % fl-2018. Ir-rata tal-qgħad naqset aktar, u laħqet id-9,1 % fl-2018, iżda għadha ferm ogħla mill-medja tal-UE (6,8 %) u l-medja taż-żona tal-euro (8,2 %). Barra minn hekk, is-suq tax-xogħol Franċiż għadu wieħed ferm segmentat. Kważi 85 % tal-impjiegi ġodda huma fuq kuntratti temporanji u r-rata ta’ tranżizzjoni għal kuntratti permanenti hija fost l-aktar baxxa fl-UE. Ix-xogħol part-time involontarju huwa għoli ħafna wkoll, jammonta għal 42,3 % tax-xogħol part-time totali fl-2018. Ir-riforma ppjanata tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad (Unédic) għandha l-għan li tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi tnaqqas l-inċentivi għall-ingaġġar b’kuntratti ta’ terminu qasir ħafna u impjieg mill-ġdid, u li tnaqqas id-dejn tas-sistema. In-negozjati bejn is-sħab soċjali dwar is-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad saru fil-bidu tal-2019. L-għan kien li i) jitnaqqas id-dejn tas-sistema, ii) jiġu emendati r-regoli sabiex titnaqqas il-prekarjetà tax-xogħol u r-regoli li jwasslu aktar għal dawk qiegħda, u iii) jinstab mekkaniżmu ta’ inċentiv biex jitnaqqsu l-inċentivi għar-reklutaġġ f’kuntratti ta’ terminu qasir ħafna. Madankollu, is-sħab soċjali ma laħqux ftehim dwar sett ġdid ta’ regoli. Ir-riforma issa tinsab f’idejn il-gvern, li huwa impenjat li jilħaq ftehim sas-sajf tal-2019.

(17)Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għall-gruppi vulnerabbli jibqgħu komparattivament aktar diffiċli milli għal gruppi oħra. Ir-rata ta’ impjieg għal persuni mhux imwielda fl-UE, ta’ 57,5 % fl-2018 (apparagun ta' 73,1 % ta’ dawk li twieldu fi Franza), hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. L-evidenza turi li n-nies bi sfond ta’ migrazzjoni għandhom it-tendenza li jkunu żvantaġġati matul il-proċess tar-reklutaġġ. Il-konċentrazzjoni ġeografika tagħhom f’viċinati foqra hija wkoll kwistjoni ta’ tħassib. L-abitanti taż-żoni l-aktar żvantaġġati (bħal Quartiers de la politique de la ville), inklużi persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, b’rata ta’ qgħad ta’ 24,7 % fl-2017. Minkejja xi azzjoni politika, l-impatt tal-isfond soċjoekonomiku u ta' migrazzjoni fuq il-prestazzjoni edukattiva jibqgħu għoljin u jfixklu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(18)Ħaddiema bi ftit kwalifiki u żgħażagħ ukoll għadhom fi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad ta’ dawk b’ħiliet baxxi naqset fl-2017 għall-ewwel darba mill-2008, iżda b’16,2 % fl-2018, għadha 'l fuq sew mil-livelli ta’ qabel il-kriżi. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (etajiet bejn il-15 u l-24 sena) naqas b’1,6 punti perċentwali fl-2018 għal 20,7 %, iżda għadu ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 15,2 %. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b’livell baxx ta’ ħiliet għadha għolja ħafna, b’35,6 % fl-2018. Appoġġ attiv effettiv biex jinstab impjieg, inkluż konsulenza intensiva fuq l-impjiegi u appoġġ għar-reklutaġġ, aċċess għal azzjonijiet ta’ titjib tal-ħiliet, miżuri innovattivi biex jintlaħqu ż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ u azzjoni aktar soda dwar il-prattiki diskriminatorji, huma kollha kruċjali biex jitrawmu opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol. Ir-reġjuni ultraperiferiċi qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi addizzjonali u jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.

(19)Hekk kif jitjiebu l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, bosta indikaturi jindikaw nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Filwaqt li l-qgħad u s-sottoimpjieg għadhom għoljin, in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa qed jiżdied, speċjalment f’setturi speċifiċi. In-nuqqas ta’ ħiliet u n-nuqqas ta’ kompetenzi huma fatturi ewlenin li jispjegaw il-postijiet tax-xogħol battala. Skont id-data mill-Pôle Emploi ta’ Franza, fl-2017, minn 3,2 miljun post tax-xogħol battal irreġistrati, 150 000 ġew ikkanċellati minħabba n-nuqqas ta’ kandidati xierqa. L-evidenza tissuġġerixxi li, matul il-kriżi u l-irkupru sussegwenti, żieda fi spariġġ fil-ħiliet ikkontribwiet għal nuqqas fil-qgħad b’rata aktar bil-mod u għal qgħad ogħla fit-tul. L-eżiti tas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali qed jitjiebu. Il-Gvern introduċa ġabra komprensiva ta’ azzjonijiet fl-2018 biex iżid l-aċċess għal taħriġ inizjali u kontinwu u jirrevedi l-governanza u l-finanzjament tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Filwaqt li jikkumplimenta dawn ir-riformi, il-pjan ta’ investiment fil-ħiliet (Plan d’investissement dans les compétences) għandu l-għan li jħarreġ u jipprovdi gwida intensiva lil miljun żagħżugħ u żagħżugħa li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ u lil miljun persuna b’livell baxx ta’ kwalifiki li qed ifittxu impjieg matul il-perjodu 2018-2022.

(20)B’mod ġenerali, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali Franċiża hija effettiva fit-tnaqqis tal-inugwaljanza u l-faqar. Il-proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali kompla jonqos għal livell baxx storiku ta’ 17,1 % fl-2017, meta mqabbel ma’ medja ta’ 22,4 % fl-UE. Madankollu, l-inugwaljanza fl-introjtu għadha ferm ogħla mil-livell ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, naqset it-tranżizzjoni lejn il-kwintili ta’ dħul, speċjalment għall-iktar kwintil baxx. Xi gruppi, fosthom il-familji b’ġenitur wieħed u persuni li twieldu barra l-UE jiffaċċjaw riskju akbar ta’ faqar u esklużjoni soċjali. L-għoti ta’ pariri għal benefiċjarji ta’ dħul minimu mhux dejjem huwa suffiċjenti, b’diskrepanzi territorjali wiesgħa. Aktar investimenti kkoordinati aħjar fl-inklużjoni soċjali, kif previst mill-istrateġija nazzjonali kontra l-faqar li ġiet ippreżentata f’Settembru 2018, jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Filwaqt li l-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa hija ġeneralment tajba, id-differenzi reġjonali fl-aċċess għas-servizzi jistgħu jibbenefikaw minn aktar investiment, speċjalment fir-reġjuni l-aktar imbegħda.

(21)Minkejja l-inizjattivi reċenti, Franza ma rnexxilhiex tnaqqas id-distakk tagħha mal-mexxejja tal-innovazzjoni tal-Unjoni skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp baqa’ stabbli u kumpaniji ġodda għandhom diffikultà biex jikbru. Kollox ma’ kollox, Franza mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira totali tagħha ta’ intensità ta’ riċerka u żvilupp ta’ 3 % għall-2020 u l-livell ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur tan-negozju għadu ferm taħt il-mira ta’ 2 %. In-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija ogħla mill-medja tal-Unjoni u tinkludi firxa wiesgħa ta’ skemi ta’ appoġġ diretti u indiretti għall-isforzi fir-riċerka u l-innovazzjoni tan-negozju, inkluża l-iskema ta’ kreditu ta’ taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp (Crédit d’Impôt Recherche), li hija waħda mill-aktar ġenerużi fost il-pajjiżi tal-OECD. Madankollu, il-prestazzjoni ġenerali tal-ekosistema tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadha ma taqbilx mal-ammont kbir ta’ appoġġ pubbliku. Filwaqt li l-għodod eżistenti, inkluż Crédit d’Impôt Recherche, ġew evalwati reċentement, evalwazzjoni komprensiva tat-taħlita ta’ politiki ġenerali tkun tista’ tgħin fl-implimentazzjoni tal-politika futura. Il-Kunsill tal-Innovazzjoni (“Conseil de l’innovation”), imwaqqaf f’Lulju 2018, għandu l-kompitu li jissorvelja l-miżuri ta’ simplifikazzjoni, li jinkludu koordinazzjoni aħjar bejn l-appoġġ reġjonali u nazzjonali għall-innovazzjoni. Rabtiet aktar mill-qrib bejn ix-xjenza u n-negozju, b’mod partikolari permezz ta’ skemi ta’ trasferiment tal-għarfien, jistgħu jgħinu wkoll fit-tixrid tal-innovazzjoni, peress li Franza tkompli tikseb punteġġ taħt il-medja tal-Unjoni għar-riċerka pubblika u l-iżvilupp iffinanzjat min-negozji. L-appoġġ għar-ragruppamenti tal-kompetittività (“pôles de compétivité”) ġie mġedded għar-raba’ fażi (2019-2022) u se tingħata prijorità lil organizzazzjonijiet tal-gruppi li huma konnessi tajjeb ma’ strutturi oħrajn fil-livell lokali, iffokati fuq prijoritajiet industrijali nazzjonali u b’riżultati fi proġetti tal-UE. Il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Industrija (“Fonds pour l’innovation et l’industrie”), iffinanzjat permezz ta’ privatizzazzjonijiet, se jgħin ukoll biex jipprovdi finanzjament għall-intelliġenza artifiċjali. L-iżvilupp f’waqtu ta’ teknoloġiji relatati, bħall-Internet tal-oġġetti, in-netwerks 5G, l-informatika ta’ prestazzjoni għolja u, b’mod aktar ġenerali, l-ekonomija tad-data, se jkun wieħed mill-fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi. Jeżistu wkoll differenzi kbar bejn ir-reġjuni f’termini ta’ investiment reġjonali fir-riċerka u l-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni. Bosta reġjuni rurali jew reġjuni fi tranżizzjoni industrijali huma kklassifikati taħt il-medja tal-UE. Ir-reġjuni l-aktar imbegħda huma fin-naħa l-baxxa tal-iskala.

(22)Fil-preżent, Franza qed taħdem tajjeb fil-politika dwar l-enerġija u l-mitigazzjoni tal-klima u għadha fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-2020. Madankollu jeħtieġ li żżid b’mod sinifikanti l-isforzi tagħha ta’ investiment biex tilħaq il-miri tagħha tal-2020 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-miri aktar ambizzjużi tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, b’mod partikolari fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u r-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini. Peress li aktar minn nofs il-finanzjament attwali għal dawk l-investimenti huwa mmexxi pubblikament, il-kundizzjonijiet ekonomiċi u regolatorji jkollhom jagħmlu l-finanzjament ta’ proġetti aktar vijabbli għas-settur privat sabiex jisfruttaw opportunitajiet sinifikanti ta’ investiment. L-aċċellerazzjoni tal-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ tirrappreżenta potenzjal partikolarment kbir mhux sfruttat. Il-ħtiġijiet ta’ investiment għoli jikkonċernaw ukoll l-effiċjenza enerġetika fil-bini. Dan huwa partikolarment il-każ għar-rinnovazzjoni tas-settur tad-djar, li jirrappreżenta parti kbira mid-diskrepanza totali fl-investiment fil-klima, peress li l-maġġoranza tal-istokk tad-djar huwa qadim u fih minn seba' sa tmien miljun passatur termali (li jirrappreżentaw madwar 20 % tal-għadd totali ta’ djar). Il-perċentwal tal-istokk tal-bini rrappurtat li jissodisfa standards ta’ effiċjenza enerġetika għolja huwa aktar baxx għall-kumpaniji fi Franza (25 %) milli fl-Unjoni kollha (39 %) fl-2017. Hemm differenzi reġjonali sinifikanti fis-settur tal-enerġija. L-intensità enerġetika qiegħda tonqos fi kważi r-reġjuni kollha, iżda b’passi differenti, u jeżistu differenzi konsiderevoli fil-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Investimenti addizzjonali fl-interkonnessjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għal integrazzjoni akbar tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jintroduċu aktar kompetizzjoni u jiffaċilitaw l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari mal-peniżola tal-Iberja.

(23)Il-pjan direzzjonali tal-2018 dwar l-ekonomija ċirkolari nazzjonali (Feuille de Route Economie Circulaire) huwa qafas ta’ politika ambizzjuż għall-effiċjenza fir-riżorsi, li l-implimentazzjoni tiegħu se tiddependi fuq l-iżgurar tal-investimenti korrispondenti. Għalkemm il-kontribut tal-materjali riċiklati għad-domanda globali materjali (ir-rata tal-użu ta’ materjal ċirkolari) huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE (19,5 % apparagun ta' 11,7 % fl-2016), ir-rati ta’ riċiklaġġ għall-iskart muniċipali għadhom kemxejn taħt il-medja tal-UE (41,8 % vs. 46,4 % fl-2016). F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ liġi dwar l-ekonomija ċirkolari se tkun pass’ il quddiem, inkluż għal użu usa’ ta’ materja prima sekondarja, b’mod partikolari l-plastik. Jeħtieġ li jiġu promossi aktar mudelli ta’ negozju u proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti fir-riżorsi, inkluża simbjożi industrijali, b’mod partikolari fost negozji żgħar u ta’ daqs medju. Dan jista’ jiġi ffaċilitat permezz tal-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u finanzjament għall-ekoinnovazzjoni.

(24)L-investimenti biex titjieb il-konnettività speċjalment f’żoni aktar żvantaġġati jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fi ħdan l-Istat Membru. Franza għandha punteġġ taħt il-medja tal-Unjoni għall-aċċess għal netwerk tal-broadband veloċi, u r-rata ta’ użu tal-broadband veloċi hija baxxa (20 % tal-unitajiet domestiċi apparagun tal-medja ta' 41 % fl-Unjoni fl-2018). L-użu ta’ servizzi mobbli tal-broadband għadu wkoll taħt il-medja tal-Unjoni. Il-kopertura tal-broadband tvarja ħafna bejn ir-reġjuni u għadha limitata fi ftit żoni rurali u reġjuni ultraperiferiċi. Il-pjan ta’ Franza għall-broadband ultraveloċi (Plan France Très Haut Débit) u l-miżuri relatati huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex il-pajjiż jilħaq il-miri tiegħu ta’ konnettività. Se jkun essenzjali li tiġi mmonitorjata mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, b’mod partikolari f’żoni b’kopertura fqira, minħabba l-approċċ predominantement deċentralizzat u l-ostakli potenzjali jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema kwalifikati disponibbli biex jifirxu n-netwerk.

(25)Minkejja l-isforzi kontinwi biex tiżdied iċ-ċertezza għall-kontribwenti (Loi pour un État au service d'une société de confiance l-liġi ESSOC) u tiġi ssimplifikata s-sistema, is-sistema tat-taxxa Franċiża għadha kumplessa ħafna, u dan huwa ta’ piż fuq l-ambjent tan-negozju. Il-kodiċi tat-taxxa jiġbor fih sistemi b’rati multipli u nefqiet tat-taxxa (kreditu tat-taxxa, eżenzjonijiet, tnaqqis tat-taxxa). Din il-kumplessità spiss għandha l-għan li tikseb għanijiet speċifiċi ta’ politika, bħat-taffija tal-piż tat-taxxa fuq il-familji l-aktar vulnerabbli u tinċentiva jew tikkoreġi mġiba speċifika. Madankollu, dan jirriskja li jwassal għal telf ta’ leġġibbiltà, u b’hekk iżid l-ispejjeż tal-konformità u l-inċertezza legali detrimentali għall-attraenza ta’ Franza filwaqt li joħloq lakuni.

(26)Is-simplifikazzjoni tal-infiq tat-taxxa u t-tnaqqis tal-għadd ta’ taxxi żgħar jistgħu jgħinu biex is-sistema tat-taxxa tkompli tiġi ssimplifikata. In-nefqa totali tat-taxxa hija stmata għal 4 % tal-PDG fl-2019. B’differenza mill-qafas pluriennali preċedenti, il-qafas baġitarju attwali (2018-2022) ma jipprovdix limitu ta’ nefqa għall-infiq tat-taxxa. Minflok, jistabilixxi mira mhux vinkolanti ta’ 28 % għall-proporzjon ta’ nefqiet tat-taxxa għas-somma tad-dħul nett mit-taxxa u l-infiq tat-taxxa. Filwaqt li l-liġi tal-baġit għall-2018 ippjanat proporzjon tan-nefqa tat-taxxa taħt il-mira (28 %) stabbilita fil-qafas baġitarju pluriennali 2018-2022, dan il-proporzjon huwa mistenni li jiżdied fil-futur (25,5 % fi tmiem l-2018 u 26 % fl-2019).

(27)Il-baġit tal-2019 juri tnaqqis fl-ammont kumplessiv ta’ nefqa tat-taxxa taħt il-EUR 100 biljun, li jtemm perjodu ta’ ħames snin ta’ żidiet kostanti fil-volum. Bejn l-2018 u l-2019, madankollu, l-għadd ta’ nefqiet tat-taxxa żdied minn 457 għal 474. Fl-2018, il-Qorti tal-Awdituri rrakkomandat li jiġu ssimplifikati n-nefqiet eżistenti tat-taxxa u enfasizzat in-nuqqas ta’ kontroll u evalwazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li jiġu segwiti sforzi biex jitwaqqfu t-taxxi li jġibu dħul limitat jew li huma ineffiċjenti. Fil-liġi tal-baġit għall-2019, minn 26 taxxa li rendew dħul baxx, 20 ġew eliminati fl-2019 għal ammont totali ta’ EUR 132 miljun u sitta għandhom jiġu eliminati fl-2020 għal ammont totali ta’ EUR 208 miljun. L-eliminazzjoni ta’ taxxi żgħar hija mistennija li tkompli fl-2020 bl-istess pass.

(28)Taxxi oħra fuq il-produzzjoni jibqgħu jkunu ta’ piż fuq in-negozji. It-taxxi fuq il-produzzjoni kienu ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2016, ogħla mill-Italja (1,4 %), Spanja (1,0 %) u l-Ġermanja (0,4 %). Tali taxxi għandhom bażijiet tat-taxxa differenti (il-fatturat, il-valur miżjud, is-salarji, l-art u l-bini) u jistgħu jżidu l-ispiża globali tal-produzzjoni. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kompetittività b’mod partikolari għas-settur tal-manifattura. Il-liġi tal-baġit tal-2019 tnaqqas taxxa waħda biss fuq il-produzzjoni (“forfait social”) imposta fil-livell nazzjonali u b’valur ta’ EUR 660 miljun fis-sena (ladarba tkun implimentata bis-sħiħ fl-2020).

(29)Minkejja l-progress u l-adozzjoni ta’ riformi ambizzjużi, l-ostakli għad-dħul għadhom jippersistu u l-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozju u l-professjonijiet regolati għadha baxxa. L-indiċi l-ġdid tal-OECD tas-servizzi intra-ŻEE tan-negozju juri li l-livell ta’ restrizzjoni regolatorja fi Franza huwa ogħla mill-medja taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) f’setturi bħal dawk tal-kontabbiltà, tas-servizzi legali u tad-distribuzzjoni. L-ostakli ewlenin jinħolqu fil-forma ta’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni restrittivi, riżervi ta’ attivitajiet, parteċipazzjoni azzjonarja u drittijiet tal-vot. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, Franza wettqet għadd ta’ riformi biex tnaqqas il-piż regolatorju. Madankollu għadd ta’ restrizzjonijiet operattivi għadhom jaffettwaw l-effiċjenza tan-negozji tal-bejgħ bl-imnut u jqegħduhom fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kummerċ elettroniku. F’dan il-kuntest, it-tkabbir fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fi Franza huwa pjuttost modest. Il-programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 ta fid-dettall miżuri ġodda li jsaħħu l-kompetizzjoni fi ftit setturi tas-servizzi speċifiċi (bħal skejjel tas-sewqan, kumpaniji tal-ġestjoni tal-proprjetà u l-bejgħ ta’ spare parts tal-karozzi). Fl-4 ta’ April 2019, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni tal-mediċini filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(30)L-ostakli fis-servizzi wasslu għal kompetizzjoni baxxa, marġini għoljin ta’ profitt u prezzijiet, li jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-ekonomija kollha kemm hi. Ir-rati ta’ attrizzjoni huma inqas f’servizzi tan-negozju ewlenin fi Franza meta mqabbla mal-bqija tal-UE. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-servizzi kkombinati ma’ spejjeż tax-xogħol għoljin għen biex jinżammu l-prezzijiet għoljin, b’mod partikolari fi tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, djar, servizzi ta’ forniment tal-ikel u servizzi legali u ta’ kontabilità. Peress li l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi jitħallsu wkoll minn ditti oħra li jużawhom bħala inputs, dawn jirrappreżentaw fattur addizzjonali li jaffettwa l-kompetittività ta’ Franza, inkluż fuq l-industrija.

(31)Il-liġi dwar il-PACTE (loi relative à la croissance et la transformation des entreprises) timmira li ssostni t-tkabbir u t-trasformazzjoni tad-ditti. Din se tnaqqas l-għadd ta’ limiti li d-ditti jiffaċċjaw hekk kif jikbru, għalkemm il-limiti li fadal saru usa’ fl-ambitu u se jkunu aktar għaljin biex jingħelbu. Hija tintroduċi wkoll perjodu tranżitorju ta’ ħames snin qabel ma tikkunsidra li jkun intlaħaq livell limitu u tħeġġeġ lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju biex jużaw inċentivi u skemi ta’ parteċipazzjoni għall-impjegati marbuta mal-prestazzjoni ta’ ditta. Fl-aħħar nett, tipprovdi proċeduri simplifikati biex jibdew jew jirreġistraw in-negozji u tintroduċi regoli ġodda biex jgħinu lill-intraprendituri jingħataw ċans ieħor. Tnaqqas ukoll iż-żmien u l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ insolvenza, b’mod partikolari għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju, inkluż billi tagħmilhom aktar prevedibbli. Skont l-istimi tal-amministrazzjoni Franċiża nnifisha, l-impatt potenzjali tal-liġi fuq il-PDG huwa żieda ta’ 0,32 % sal-2025 u ta’ 1 % fuq medda itwal ta’ żmien. L-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tagħha tibqa’ essenzjali biex jitgawdew il-benefiċċji ta’ din ir-riforma.

(32)Il-programmazzjoni tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud min-nuqqasijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż 9 . Dan jippermetti li Franza tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali u territorjali u s-sitwazzjoni speċjali tar-reġjuni l-aktar imbegħda.

(33)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Franza u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(34)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2019 u l-opinjoni 10 tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(35)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2019 u l-Programm ta' Stabbiltà għall-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta’ hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2019 u fl-2020 biex:

1.Tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma taqbiżx 1,2 % fl-2020, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Tuża qligħ mhux mistenni biex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. Tikseb iffrankar fl-infiq u titjib fl-effiċjenza fis-sottosetturi kollha tal-gvern, inkluż billi tispeċifika u tissorvelja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti meħtieġa fil-kuntest tal-Azzjoni Pubblika 2022. Tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet biex progressivament tgħaqqad ir-regoli tar-reġimi differenti tal-pensjonijiet, bil-għan li ttejjeb l-imparzjalità u s-sostenibbiltà tagħhom.

2.Trawwem l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk kollha li qed ifittxu impjieg, jiġu żgurati opportunitajiet indaqs b’enfasi partikolari fuq gruppi vulnerabbli inklużi persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u tindirizza n-nuqqasijiet u d-diskrepanzi fil-ħiliet.

3.Tiffoka l-politika ekonomika, marbuta mal-investiment, fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (filwaqt li ttejjeb l-effiċjenza tal-iskemi ta’ appoġġ pubbliku, inklużi skemi ta’ trasferiment tal-għarfien), l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u r-rabtiet mal-bqija tal-Unjoni, u fuq l-infrastruttura diġitali, filwaqt li tqis id-disparitajiet territorjali.

4.Tkompli tissimplifika s-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi tillimita l-użu tan-nefqa tat-taxxa, tkompli tneħħi t-taxxi ineffiċjenti u tnaqqas it-taxxi fuq il-produzzjoni. Tnaqqas ir-restrizzjonijiet regolatorji, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi, u jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri biex jitrawwem it-tkabbir tal-kumpaniji.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2019) 1009 final.
(4)    COM(2019) 150 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6)    COM(2014) 494 final.
(7)    Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija maqbula b’mod komuni
(8)    In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa mifrux fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma inklużi. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(9)    SWD(2019) 1009 final.
(10)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.