Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja għall-2019
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2019. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta' Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Spanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn isfel. B’mod partikolari, il-miżuri għat-titjib tal-produttività se jgħinu biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tat-titjib fil-produttività għar-ekwilibriju mill-ġdid taż-żona tal-euro, l-użu ta’ qligħ mhux mistenni biex jitnaqqas id-dejn pubbliku u l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fl-oqsma speċifikati se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-bafers u tal-appoġġ għall-investiment, u miżuri biex jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol.
(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 għal Spanja ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Dan ivvaluta l-progress li għamlet Spanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Spanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Spanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. Stokk kbir ta’ dejn intern u estern, kemm pubbliku kif ukoll privat, u qgħad għoli, fil-kuntest ta’ tkabbir dgħajjef fil-produttività, għadhom vulnerabbiltajiet b’rilevanza transfruntiera. It-tnaqqis tad-dejn tas-settur privat miexi ’l quddiem, iżda l-ħtiġijiet ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn għadhom imdaqqsa. Minkejja tkabbir robust kontinwu tal-PDG, id-dejn tal-gvern bħala sehem tal-PDG għadu għoli. Ir-rata tal-qgħad kompliet titbaxxa b’mod mgħaġġel, iżda għadha għolja ħafna u l-grad għoli ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol bejn kuntratti temporanji u dawk indefiniti jimpedixxi tkabbir fil-produttività tax-xogħol aktar mgħaġġel. Wara momentum qawwi ta’ riforma bejn l-2012 u l-2015, kuntest politiku li qed jevolvi matul l-aħħar sena kkontribwixxa għal sena oħra ta’ progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Is-sitwazzjoni ekonomika favorevoli attwali tipprovdi tieqa ta’ opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ riforma pendenti bil-għan li l-ekonomija Spanjola ssir iktar reżiljenti u jiżdied it-tkabbir tal-produttività tagħha.
(4)Fit-30 ta’ April 2019, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2019 kif ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(5)Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 jirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda biex jiġu implimentati l-għodod preventivi u korrettivi stabbiliti fil-Liġi ta’ Stabbiltà ta’ Spanja. Madankollu, dan ma jistabbilixxix pjanijiet biex l-infurzar ta’ dawn l-għodod isir b’mod awtomatiku u biex tiġi rieżaminata r-regola tan-nefqa tal-Liġi ta' Stabbiltà, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-konsolidazzjoni fiskali, speċjalment matul it-tkabbir ekonomiku. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku kif ukoll biex jiġu evitati l-irregolaritajiet, l-implimentazzjoni ambizzjuża tal-Liġi dwar il-kuntratti tas-settur pubbliku adottata fl-2017 se tkun strumentali. B’mod partikolari, huwa importanti li l-istruttura ta’ tmexxija l-ġdida, b’mod partikolari l-Uffiċċju Indipendenti għar-Regolament u s-Superviżjoni, tkun tista’ twettaq b’mod effettiv il-kompiti allokati lilha, u li l-Istrateġija Nazzjonali komprensiva dwar l-Akkwist Pubbliku tiġi adottata malajr - bl-involviment attiv tal-awtoritajiet u tal-entitajiet kontraenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Fl-aħħar nett, għadd ta’ reviżjonijiet tal-nefqa huma mistennija fl-2019 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom għandha tgħin biex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika.
(6)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ("Fondi SIE") għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.
(7)Wara l-korrezzjoni f’waqtha u durabbli tad-defiċit eċċessiv u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/X li tabroga l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, Spanja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tranżitorja tad-dejn. Hija tipprevedi li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika se jiżdied minn -2,5 % tal-PDG fl-2018 għal -2,0 % tal-PDG fl-2019 u jilħaq baġit bilanċjat fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali mhuwiex ippjanat li jintlaħaq matul il-perjodu ta’ żmien tal-Programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-proporzjon ta’ PDG huwa mistenni li jonqos minn 97,1 % fl-2018 għal 95,8 % fl-2019, qabel ma jilħaq it-88,7 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Ir-riskji għall-kisba tal-miri fiskali stabbiliti fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 fil-biċċa l-kbira jirrigwardaw in-naħa tad-dħul, fejn l-inċertezza dwar ir-rendiment jew dwar l-opportunitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ ħafna mill-miżuri ta’ dħul hija waħda kbira.
(8)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda li Spanja tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarja netta tal-gvern ma taqbiżx iż-0,6 % fl-2019, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta’ 0,65 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2019, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2019.
(9)Fl-2020, fid-dawl tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG ta’ Spanja, li huwa ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG, u l-marġni previst tal-potenzjal tal-produzzjoni pożittiv ta’ 2,0 % tal-PDG, in-nefqa nominali netta tal-gvern ma għandhiex tikber fl-2020, f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi ta’ aġġustament maqbula b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-istess ħin, hemm sinjali li l-kapaċità mhux użata fl-ekonomija hija sottovalutata, bl-inflazzjoni prevista li tibqa’ taħt it-2 % fl-2019 u li tibqa’ laxka fis-suq tax-xogħol (rata għolja ta’ qgħad u sehem għoli ħafna tax-xogħol part-time involontarju, l-impjegati temporanji kif ukoll il-faqar fost dawk li jaħdmu). Barra minn hekk, l-għodda tal-plawżibbiltà tindika wkoll li hemm livell għoli ta’ inċertezza tal-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni bbażati fuq il-metodoloġija komuni. Abbażi ta’ dan, jidher xieraq li jsir aġġustament strutturali annwali ta’ 0,65% tal-PDG, li jikkorrispondi għal rata massima ta’ tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ta’ 0,9%. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament fiskali meħtieġ fl-2020. Barra minn hekk, Spanja mhijiex mistennija tikkonforma mar-rekwiżiti tar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2019 u fl-2020. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2019 jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta’ kwalunkwe gwadann mhux previst biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn pubbliku jkun importanti.
(10)It-tkabbir fl-impjiegi jibqa’ robust fi Spanja. Il-qgħad għadu qed jonqos iżda għadu ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet. Id-disparitajiet bejn is-sessi fl-impjiegi u fit-tul tal-karrieri tax-xogħol għadhom kbar. Dawn jirrappreżentaw potenzjal mhux sfruttat, mhux l-inqas minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ malajr.
(11)Filwaqt li mnaqqas progressivament, l-użu mifrux ħafna ta’ kuntratti temporanji, inkluż f’setturi inqas suxxettibbli għal attività staġjonali jew ċiklika, jikklassifika ruħu fost l-ogħla fl-Ewropa u jista’ jippreġudika l-potenzjal tat-tkabbir u l-koeżjoni soċjali ta’ Spanja. Iż-żgħażagħ, il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma dawk l-aktar milquta, li ta’ spiss ibatu minn intitolamenti aktar baxxi għall-benefiċċji soċjali u riskji ogħla ta’ faqar. Il-kuntratti temporanji ta’ spiss huma qosra ħafna u jipprovdu inċentivi dgħajfa kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem biex jinvestu fit-taħriġ, li min-naħa tiegħu jxekkel it-tkabbir tal-produttività. Iċ-ċaqliq minn kuntratt temporanju għal wieħed permanenti jibqa’ diffiċli u, l-ostakli għall-mobilità tal-forza tax-xogħol inaqqsu l-opportunitajiet għal dawk li qed ifittxu x-xogħol u jfixklu l-allokazzjoni effiċjenti tagħhom madwar il-pajjiż.
(12)Spanja saħħet l-appoġġ lil dawk li ilhom qiegħda, li kienu għadhom jirrappreżentaw 6,4 % tal-popolazzjoni attiva fl-2018. L-inizjattivi reċenti jfittxu li jagħmlu liż-żgħażagħ impjegabbli permezz ta’ konsulenza u gwida għall-karriera, iżda s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għadhom jimmaniġġjaw sehem baxx ta’ postijiet tax-xogħol battala u huma meħtieġa aktar sforzi biex jitjieb l-użu tagħhom fit-tiftix għax-xogħol u fil-kollokament. B’mod partikolari, f’xi reġjuni, l-impenn ta’ min iħaddem huwa dgħajjef u l-għodod tat-tfassil ta’ profil biex il-persuni li qed ifittxu impjieg ikunu jaqblu aħjar mal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem għadhom fil-fażi inizjali. Qed isir progress fis-sħubijiet bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali, iżda f’xi reġjuni l-kooperazzjoni għadha limitata. Iż-żieda fl-investiment f’servizzi pubbliċi moderni għall-impjiegi flimkien ma’ appoġġ għall-mobilità tal-forza tax-xogħol tista’ tikkontribwixxi biex jitjiebu l-impjegabbiltà u l-adattament tal-ħaddiema u tiffaċilita t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, u b’hekk jitjiebu l-produttività u t-tkabbir inklużiv fit-tul ta’ Spanja.
(13)L-isforzi biex jissaħħu l-ispettorati tax-xogħol sabiex jiġġieldu l-abbuż ta’ kuntratti temporanji qed iħallu xi frott u s-sehem ta’ kuntratti indefiniti fi tkabbir ta’ impjieg nett qed jiżdied. Madankollu, min iħaddem qed ikompi jagħmel użu estensiv mill-kuntratti għal żmien qasir. L-evidenza tal-passat turi li l-bosta inċentivi biex jiġi appoġġat il-ħolqien tal-impjiegi qed ikollhom effetti limitati fil-promozzjoni tal-impjiegi ta’ kwalità. Spanja nediet evalwazzjoni ġdida bil-għan li tissimplifika s-sistema, iżda r-riżultati għadhom mhumiex disponibbli. Il-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ biex jitnaqqas is-sehem tal-impjieg għal żmien fiss fis-settur pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern jenħtieġ li jitħaffu biex tintlaħaq il-mira ta’ 8 % sal-aħħar tal-2019. Filwaqt li d-diskussjonijiet madwar mejda tripartitiċi huwa pass tajjeb biex jiġu involuti aktar is-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika, hemm lok għal konsultazzjonijiet aktar profondi u f’waqthom.
(14)Għalkemm qed jonqos, il-proporzjon tal-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali kif ukoll l-inugwaljanza fl-introjtu jibqgħu ogħla mill-medja tal-Unjoni. Ir-rati tal-faqar fost dawk li jaħdmu huma għoljin fost il-ħaddiema temporanji jew b’ħiliet baxxi, jew mhux imwielda fl-UE. Ir-rata ta’ faqar fost it-tfal, għalkemm qed tonqos, għadha għolja ħafna. Il-kapaċità tat-trasferimenti soċjali minbarra l-pensjonijiet biex jitnaqqas il-faqar tibqa’ fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, speċjalment għat-tfal. L-infiq soċjali bħala sehem tal-PGD fi Spanja għal familji bit-tfal huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-UE u mhuwiex immirat tajjeb. Minkejja xejra pożittiva, għad hemm lakuni sinifikanti fil-kopertura ta’ persuni b’dipendenza severa u moderata. L-assistenza nazzjonali għall-qgħad tibqa’ frammentata, bi skemi multipli li jimmiraw għal gruppi differenti ta’ persuni li qed ifittxu impjieg. Il-miżuri reċenti li jtejbu l-kopertura u l-protezzjoni tal-assistenza għall-introjtu għal persuni ixjaħ li ilhom qiegħda (li għandhom 52 sena jew aktar) jistgħu, fl-istess ħin, idgħajfu l-inċentivi għax-xogħol fi ħdan dan il-grupp partikolari. Sadanittant, l-iskemi ta’ introjtu minimu reġjonali jippreżentaw differenzi kbar fil-kundizzjonijiet tal-aċċess, tal-kopertura u tal-adegwatezza madwar ir-reġjuni u l-portabbiltà limitata tagħhom bejn ir-reġjuni tnaqqas l-inċentivi għall-mobilità tal-forza tax-xogħol. B’riżultat ta' dan, għadd ta’ persuni fil-bżonn ma jirċevux appoġġ. It-tnedija tas-sistema tal-Karta Soċjali Universali se tagħmel is-sistema tal-benefiċċji soċjali aktar trasparenti u b’hekk tippermetti mmirar aħjar. Filwaqt li l-irkupru ekonomiku jkompli jnaqqas il-faqar, is-sitwazzjoni titlob għal investiment f’politiki ta’ inklużjoni soċjali u infrastruttura soċjali (eż. l-akkomodazzjoni soċjali) sabiex jinkiseb tkabbir inklużiv. Barra minn hekk, Spanja qed tiffaċċja sfidi speċifiċi ta’ koeżjoni territorjali, bħal tnaqqis fil-popolazzjoni u tixjiħ f’ċerti żoni rurali. L-azzjonijiet li jippromwovu l-intraprenditorija, id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija soċjali jistgħu jgħinu fl-indirizzar ta’ dawk l-isfidi, bħala parti minn strateġiji ta’ żvilupp territorjali integrat.
(15)Matul il-kriżi, is-sistema tal-pensjonijiet Spanjola kellha rwol importanti fiż-żamma tal-istandards tal-għajxien tal-anzjani, li jiffaċċjaw riskju iżgħar ta’ faqar. Il-projezzjonijiet fir-Rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ u r-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet jindika li r-riformi tal-2011 u l-2013 għenu biex jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza relattiva tal-pensjonijiet fit-tul. Madankollu, il-kontinwazzjoni tar-rabta mill-ġdid taż-żidiet fil-pensjonijiet mal-inflazzjoni (kif deċiż fl-2018 u l-2019) u l-posponiment tal-fattur ta’ sostenibbiltà jkunu jeħtieġu miżuri ta’ kumpens biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet fuq perjodu ta’ żmien minn medju sa twil. Barra minn hekk, ikun hemm bżonn ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati kemm l-isfida ewlenija tal-adegwatezza ta’ introjtu futur għall-pensjonanti kif ukoll it-tul u l-kompletezza tal-karrieri tax-xogħol tagħhom f’kuntest ta’ qgħad għoli u użu mifrux ta’ kuntratti temporanji u impjieg part-time.
(16)Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir tal-produttività ta’ Spanja huma mxekkla minn livelli mrażżna ta’ investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp u minn ta’ spariġġ fil-ħiliet. L-infiq fir-riċerka u fl-iżvilupp fis-settur tan-negozju fi Spanja huwa biss nofs il-medja tal-Unjoni, b’mod partikolari għal ditti kbar, b’differenzi reġjonali sinifikanti. Din id-diverġenza hija msaħħa mir-rata baxxa u mir-rata li qed tonqos ta’ eżekuzzjoni tal-baġit pubbliku għar-riċerka u għall-iżvilupp. In-nuqqas u l-ispariġġ ta’ ħiliet huma ostaklu ieħor importanti għall-iżvilupp u għall-użu ta’ teknoloġiji avvanzati, b’mod partikolari minn ditti żgħar u ta’ daqs medju. L-impjiegi f’setturi ta’ teknoloġija għolja u servizzi intensivi tal-għarfien huma ferm taħt il-medja tal-Unjoni f’ħafna reġjuni Spanjoli. Filwaqt li l-istrateġiji reġjonali ta’ innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti qed jiġu żviluppati u l-governanza tal-politika nazzjonali tar-riċerka u tal-innovazzjoni qed tiġi ssimplifikata, il-koordinazzjoni nazzjonali-reġjonali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-politika għadha dgħajfa. It-titjib fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni ta’ Spanja jeħtieġ investimenti sinifikanti biex jitrawmu l-intraprenditorija u n-negozji ġodda u jiġu megħjuna jikbru, u biex tiġi promossa l-kompetittività tad-ditti kollha u l-adattament tagħhom - inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni - għal attivitajiet b’valur miżjud ogħla bil-għan li tiġi estiża l-preżenza tagħhom fis-swieq internazzjonali. Dan jirrikjedi wkoll konċentrazzjoni aktar qawwija fuq is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-koperazzjoni bejn l-akkademiċi u n-negozji u t-trasferiment tat-teknoloġija, b’mod partikolari favur kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, governanza msaħħa fil-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni fil-livelli kollha tal-gvern, u allinjament aktar mill-qrib ta’ infrastruttura tar-riċerka u tal-iżvilupp u ta’ proġetti għall-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali u nazzjonali.
(17)Għalkemm qed titjieb, ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola għadha għolja ħafna fi Spanja, b’differenzi reġjonali sinifikanti. Hemm lok għal titjib fir-riżultati edukattivi li jvarjaw ħafna bejn ir-reġjuni. Iż-żewġ fatturi jaffettwaw b’mod negattiv il-potenzjal fit-tul għat-tkabbir tal-produttività. L-isforzi biex tiġi riformata s-sistema edukattiva staġnaw. Id-ditti jirrappurtaw diffikultà biex isibu l-ħiliet meħtieġa biex jilqgħu l-innovazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ speċjalisti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Spanja approvat miżuri biex ittejjeb is-sistema ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali doppja, li jista’ jkollha rwol ewlieni fil-provvista ta’ ħiliet u kwalifiki meħtieġa biex jassorbu l-innovazzjoni, iżda r-reġistrazzjoni f’dawk is-sistemi tibqa’ waħda moderata. Ir-rata ta’ gradwati fi Spanja hija ogħla minn dik tal-medja tal-UE, iżda l-gradwati terzjarji jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex isibu impjieg adegwat. L-iżvilupp tal-kapital uman permezz tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali, u kooperazzjoni akbar bejn l-edukazzjoni u n-negozju bil-għan li jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet eżistenti, jista’ jagħti spinta lill-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-gradwati żgħażagħ. Jista’ ukoll jipprovdi lid-ditti bil-ħiliet u bil-kwalifiki meħtieġa biex itejbu l-kapaċità tal-innovazzjoni tagħhom u biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tat-tkabbir offrut mid-diġitalizzazzjoni. It-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f’ħiliet diġitali jista’ jippermetti wkoll lill-kumpaniji Spanjoli biex jibqgħu kompetittivi f’ekonomija dejjem aktar diġitalizzata. Dawk l-azzjonijiet kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-differenzi reġjonali.
(18)Ir-restrizzjoni u l-frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni fi Spanja qed iżommu lid-ditti milli jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala u qed iżommu lura l-produttività. Il-Liġi dwar l-Unità tas-Suq tibqa’ għodda importanti biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ din il-liġi b’mod aktar deċiżiv u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet identifikati fuq is-servizzi b’mod partikolari għal uħud mis-servizzi professjonali bħall-inġiniera ċivili, il-periti, is-servizzi legali u tal-kompjuter jistgħu jtejbu l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-kompetizzjoni. Bħal f’oqsma oħra fejn ir-reġjuni huma atturi ewlenin għall-implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi, koordinazzjoni aktar b’saħħitha u sostnuta bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tista’ tagħmel il-politiki f’dan il-qasam aktar effettivi.
(19)Il-konnessjonijiet mhux kompluti għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u l-integrazzjoni limitata mas-swieq tal-elettriku u tal-gass tal-Unjoni jipprevjenu lil Spanja milli tibbenefika bis-sħiħ mis-Suq Uniku tal-UE. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ ukoll li Spanja tinvesti aktar fl-interkonnessjonijiet tal-elettriku mal-bqija tal-Unjoni biex sal-2020 tilħaq il-mira ta’ mill-inqas 10 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku installata tagħha. L-investiment huwa meħtieġ ukoll biex jippermetti użu akbar tal-ferroviji għat-trasport tal-merkanzija, inklużi konnessjonijiet transfruntiera ma’ Franza u mal-Portugall u konnessjonijiet ma’ portijiet u ċentri loġistiċi.
(20)Għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-investiment fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali, biex jiġi żgurat mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli. It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fil-bini, u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u l-ħżin tal-elettriku rinnovabbli jgħinu biex id-domanda tiġi ġestita aħjar. Jenħtieġ li sforzi addizzjonali jippromwovu t-trasport sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari. Uħud miż-żoni ta’ Spanja huma fost l-aktar esposti fl-Ewropa għat-tibdil fil-klima, bi pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma eżistenti li jeħtieġu aktar investimenti infrastrutturali biex itejbu l-ġestjoni tal-ilma bħat-trattament tal-ilma mormi, it-tnixxijiet fin-netwerks u l-provvista tal-ilma. Minkejja progress kostanti f’dawn l-aħħar snin, Spanja għad trid tissodisfa uħud mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma. Il-progress biex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha jġib miegħu benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali għal Spanja.
(21)Għal kull nuqqas ta’ investiment identifikat, jenħtieġ li jitqiesu d-differenzi reġjonali speċifiċi fil-ħtiġijiet tal-investiment. Id-differenzi territorjali fil-PDG per capita huma moderati iżda jibqgħu usa’ minn qabel il-kriżi, l-aktar minħabba l-impatt asimmetriku tat-tnaqqis tax-xogħol madwar ir-reġjuni. L-aktar differenzi reġjonali wiesgħa huma attwalment identifikati fl-indikaturi tar-riżultati soċjali u tax-xogħol, fejn il-biċċa l-kbira tar-reġjuni Spanjoli ma jissodisfawx il-medja tal-Unjoni. L-indikaturi soċjoekonomiċi oħrajn jippreżentaw differenzi territorjali wiesgħa, bħall-innovazzjoni, l-intraprenditorija, u l-kompetittività. Il-politika ekonomika relatata mal-investiment jenħtieġ li tqis b’mod idoneju d-differenzi reġjonali fil-ħtiġijiet tal-investiment.
(22)L-ipprogrammar tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2021–2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud min-nuqqasijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti li Spanja tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali u s-sitwazzjoni speċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Gżejjer Kanarji. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.
(23)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Spanja u ppubblikatha fir-rapport għall-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali għall-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.
(24)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(25)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta’ hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2019 u fl-2020 biex:
1.Tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq primarju nett tal-gvern ma jaqbiżx 0,9% fl-2020, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta’ 0,65 % tal-PDG. Tieħu miżuri li jsaħħu l-oqfsa fiskali u tal-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern. Tippreserva s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Tuża l-qligħ mhux mistenni biex jitħaffef it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern.
2.Tiżgura li s-servizzi għall-impjieg u dawk soċjali jkollhom il-kapaċità li jipprovdu appoġġ effettiv. Trawwem tranżizzjonijiet lejn kuntratti indefiniti, inkluż billi tissimplifika s-sistema ta’ inċentivi ta’ reklutaġġ. Ittejjeb l-appoġġ għall-familji u tindirizza l-lakuni fil-kopertura tal-assistenza nazzjonali għall-qgħad u fl-iskemi reġjonali ta’ introjtu minimu. Tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u ttejjeb ir-riżultati edukattivi, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. Iżżid il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozji bil-ħsieb li ttejjeb il-provvista ta’ ħiliet u kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
3.Tiffoka l-politika ekonomika, marbuta mal-investiment, fuq it-trawwim tal-innovazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija, it-titjib tal-infrastruttura għall-merkanzija bil-ferrovija u l-estensjoni tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija mal-bqija tal-Unjoni, filwaqt li tqis id-diversitajiet reġjonali. Ittejjeb l-effettività tal-politiki li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni.
4.Ittejjeb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Unità tas-Suq billi tiżgura li, fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni, ir-regoli li jirregolaw l-aċċess u t-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi, b’mod partikolari għas-servizzi, ikunu konformi mal-prinċipji ta’ din il-Liġi u billi ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President