IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2019
COM(2019) 486 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2020
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2020
1Introduzzjoni
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea (programm ta’ ħidma) għall-2020 jidentifika l-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Dan jistabbilixxi wkoll l-objettivi u l-politiki speċifiċi għall-istandards Ewropej u r-riżultati tal-istandardizzazzjoni fil-perjodu li ġej u jelenka t-tip ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu
. Dawn l-azzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea huma inkorporati fil-politiki tal-Unjoni, bħas-swieq diġitali u uniku, l-effiċjenza enerġetika u l-klima kif ukoll il-kummerċ internazzjonali. L-istandards jappoġġaw dawn il-politiki biex jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi Ewropej ikunu kompetittivi madwar id-dinja u jirriflettu kunsiderazzjonijiet relatati mas-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent tal-ogħla livell ta' żvilupp.
Il-programm ta’ ħidma jiddeskrivi wkoll l-azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tibda matul l-2020 biex ittejjeb il-governanza, l-inklużività u l-impatt internazzjonali tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni (ESS).
Il-programm ta’ ħidma ma għandu l-ebda impatt baġitarju fuq dak li diġà huwa stipulat fl-Abbozz tal-Baġit 2020.
2Il-Prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni Ewropea
L-istandards għandhom impatt ekonomiku importanti, u l-kumpaniji u l-konsumaturi fis-suq uniku jgawdu l-benefiċċji tagħhom kuljum. Sistema ta’ standardizzazzjoni li tiffunzjona tajjeb tgħin lill-Ewropa tissalvagwardja l-vantaġġ tagħha li tkun minn tal-ewwel u żżomm l-istess pass tal-bidliet u l-opportunitajiet maħluqa mill-iżviluppi tas-suq. Fl-istess ħin, l-istandards jiggarantixxu livell għoli ta’ aspetti relatati mas-sigurtà, is-saħħa, il-konsumaturi u l-ambjent biex jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej.
L-istandards għandhom rwol importanti billi joffru lill-manifatturi bażi stabbli għall-investiment f’teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-manifattura.
Din it-taqsima tiddeskrivi t-talbiet għall-iżvilupp u/jew ir-reviżjoni tal-istandards Ewropej armonizzati b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tirrevedi l-prijoritajiet strateġiċi usa’ tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-programmi ta’ ħidma tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex tiżgura li t-talbiet diskussi hawn taħt jiġu żviluppati kif xieraq u li jitqiesu l-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni.
2.1Standards Ewropej armonizzati b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni tal-UE
Is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni u l-komunità tal-istandardizzazzjoni. In-natura unika tagħha tinsab fl-użu ta’ standards armonizzati Ewropej. Dawn l-istandards huma żviluppati (jew riveduti skont il-każ) fuq il-bażi ta’ talba mill-Kummissjoni biex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Meta jiġu adottati, l-istandards isiru parti mid-dritt tal-Unjoni, u meta jintużaw, dawn jipprovdu lill-manifatturi fis-suq uniku bi preżunzjoni li l-prodotti tagħhom huma konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Dan jipprovdi ċertezza u stabbiltà legali importanti għall-utenti tal-istandards armonizzati. Dan inaqqas l-ispejjeż għall-manifatturi, li huwa importanti wkoll għall-investituri, u jippermetti lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju jqiegħdu prodotti fis-suq mingħajr spejjeż addizzjonali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan iżid ukoll ir-responsabbiltà pubblika tar-regolaturi li għandhom jissorveljaw dawn l-istandards armonizzati b’mod xieraq. Fl-2020, il-Kummissjoni beħsiebha titlob li jiġu żviluppati u/jew riveduti standards armonizzati li jappoġġjaw il-leġiżlazzjoni tal-UE f’diversi oqsma ewlenin bħall-protezzjoni tal-ambjent u s-suq uniku għall-prodotti.
Il-Kummissjoni se titlob li jiġu żviluppati standards għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ rkaptu tas-sajd tal-plastik. Dawn l-istandards armonizzati se jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent.
Skont l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-tikkettar tal-enerġija u tad-Direttiva 2009/125/KE dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, il-Kummissjoni se tipproponi li jiġu żviluppati standards sabiex titkejjel il-prestazzjoni tal-enerġija tal-muturi elettriċi, il-ħiters tal-ilma, il-magni tal-ħasil u l-magni domestiċi li jaħslu u jnixxfu. Dawn l-istandards se jappoġġjaw l-atti legali ta’ implimentazzjoni relatati mal-kategoriji speċifiċi tal-prodotti.
Waħda mill-inizjattivi ewlenin f’dan il-kuntest se tkun l-aġġornament mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni tal-istandards armonizzati attwali, li l-Kummissjoni beħsiebha titlob sabiex jiġu riflessi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/29/UE dwar l-oġġetti pirotekniċi u l-iżviluppi l-aktar reċenti fit-teknoloġija. Dan l-aġġornament se jżid is-sikurezza tal-oġġetti pirotekniċi u l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-konformità ta’ tali oġġetti billi jallinja l-istandards eżistenti f’dan il-qasam mar-rekwiżiti leġiżlattivi u ta’ sikurezza attwali u mal-aħħar teknoloġiji.
Fil-qasam mediku, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Istandard tas-Sigurtà Bażiku, id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom, il-Kummissjoni beħsiebha titlob standards armonizzati għad-disinn, il-manifattura, l-installazzjoni, l-użu u l-verifika tal-prestazzjoni tal-kalibraturi tar-radjonuklide. Dawn l-istandards se jtejbu l-proċess ta’ ottimizzazzjoni tad-doża permezz ta’ verifika tal-attività amministrata lil pazjenti li jużaw kalibraturi tar-radjonuklide.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jirrevedu l-istandards armonizzati użati bħala appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE dwar it-tagħmir u s-sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment splussivi sabiex jiġu riflessi l-aġġornamenti teknoloġiċi.
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 adottat reċentement dwar il-fertilizzanti jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mill-fertilizzanti magħmula minn materjali inorganiċi minn mini jew prodotti b’mod kimiku, għal fertilizzanti magħmula minn materjali riċiklati jew organiċi. L-armonizzazzjoni ta’ metodi ta’ ttestjar analitiċi għall-verifika tal-konformità ta’ prodotti fertilizzanti minn materja prima sekondarja se tippermetti prattiki komuni ta’ spezzjoni u ttestjar għall-konformità mar-rekwiżiti legali, li jiffaċilitaw il-kummerċ fis-suq uniku.
Fil-kuntest tar-Regolament (KE) 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi, il-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw limiti ta’ migrazzjoni tas-sustanzi ristretti (idrokarburi aromatiċi poliċikliċi) fil-gomma u l-materjal tal-plastik li jintuża fl-oġġetti għall-konsumaturi.
Hija meħtieġa lingwa teknika komuni għall-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ armonizzazzjoni li nħolqot fir-Regolament (UE) 305/2011 dwar il-prodotti għall-kostruzzjoni, jew permezz tiegħu. Il-Kummissjoni beħsieba titlob li tiġi żviluppata serje ta’ standards f’dan ir-rigward.
Minħabba l-impatt tal-korpi tal-konformità fis-suq intern u b’mod partikolari fuq l-SMEs, huwa importanti li jkun żgurat li l-valutazzjoni tal-akkreditazzjoni u tal-konformità tkun strinġenti bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni se titlob li jiġu żviluppati standards armonizzati b’appoġġ għar-Regolament (KE) 765/2008 ta’ akkreditament u tar-Regolament (KE) 1221/2009 ta’ sorveljanza tas-suq.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, se jenħtieġu standards armonizzati biex tiġi appoġġata l-konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2019/882. Dawn l-istandards se jgħinu biex jiġu armonizzati l-approċċi li l-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi attwalment jużaw biex jikkonformaw mar-rekwiżiti kull meta jipproduċu/jipprovdu prodotti u servizzi b’karatteristiċi speċifiċi ta’ aċċessibbiltà, biex b’hekk il-persuni b’diżabilità jkun jista' jkollhom aċċess aħjar għall-prodotti u s-servizzi fis-suq intern.
2.2Il-Prijoritajiet strateġiċi għas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni
Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli l-kooperazzjoni tagħha ma’ sħabha fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni f’oqsma strateġikament importanti biex tiżgura li l-istandards żviluppati jappoġġaw il-prijoritajiet politiċi wesgħin tagħha għal suq uniku li jiffunzjona bi sħiħ.
L-intelliġenza artifiċjali (IA) se jkollha impatt kbir fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà kollha. Fl-2018, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tal-IA għas-suq uniku fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi inizjattiva Ewropea dwar l-IA bħala parti mis-suq uniku diġitali u tenfasizza l-importanza tagħha għall-industriji tal-Unjoni fis-suq globali kompetittiv. L-istandardizzazzjoni tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi li din it-teknoloġija ewlenija ġġib magħha, b’mod partikolari f’termini ta’ sikurezza, responsabbiltà u kunsiderazzjonijiet etiċi. L-iżvilupp ta’ standards li jirriflettu l-perspettiva Ewropea għall-operat ta’ sistemi bbażati fl-IA għandu jkun prijorità importanti għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.
L-istandardizzazzjoni hija importanti għall-iżvilupp tal-Internet tal-oġġetti (IoT - Internet of things), peress li s-sigurtà, is-sikurezza, l-affidabilità u l-interoperabbiltà huma kruċjali f’dinja li ddur madwar apparat intelliġenti. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ standards biex itejbu l-protokolli tas-sigurtà, jantiċipaw u jnaqqsu l-attakki ċibernetiċi u jiżguraw l-interoperabbiltà tan-netwerks differenti tal-IoT.
Il-protezzjoni tat-teknoloġiji mit-theddid ċibernetiku permezz taċ-ċibersigurtà hija prekundizzjoni qabel ma jkunu jistgħu jiġu implimentati u użati. Dan huwa importanti minħabba l-protezzjoni tal-privatezza iżda wkoll minħabba l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea bħall-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija u n-netwerks tat-trażmissjoni u tat-telekomunikazzjoni. L-“Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà” jistabbilixxi qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tal-ICT. L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-qafas il-ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tistenna li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, l-ENISA, biex tgħin tkompli tlesti s-suq uniku Ewropew, tirrispondi għall-qasam tal-privatezza li qed jinbidel malajr u li huwa esiġenti u tgħolli l-livell taċ-ċibersigurtà fl-UE b’mod ġenerali.
Il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar “format ta’ skambju tar-Reġistru tas-Saħħa Ewropew Elettroniku”. Ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa fl-UE billi tfittex li tiżblokka l-fluss tad-data tas-saħħa bejn il-fruntieri u tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw u jiskambjaw id-data tas-saħħa tagħhom b’mod sigur kull fejn ikunu fl-UE. Din it-teknoloġija se tippermetti lin-nies ikollhom aċċess malajr għad-data tas-saħħa tagħhom u jaqsmuha ma’ professjonisti tal-kura tas-saħħa, pereżempju, meta jkunu qed jikkonsultaw speċjalist jew jirċievu trattament ta’ emerġenza f’pajjiż ieħor tal-UE.
L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-format irrakkomandat għall-iskambju tar-reġistri tas-saħħa elettroniċi Ewropej billi jiżviluppaw standards l-aktar avvanzati għall-protezzjoni tad-data tas-saħħa u jiżguraw is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerk u tal-informazzjoni li fuqhom jiddependu dawn is-sistemi elettroniċi ta’ reġistri tas-saħħa. Dan se jgħin biex jiġi evitat ksur ta’ data u jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ inċidenti ta’ sigurtà.
Il-Komunikazzjoni “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur” ġiet adottata fl-2018, filwaqt li enfasizzat li l-mobbiltà konnessa u awtomatizzata x’aktarx se tbiddel il-mod kif in-nies jiċċaqilqu u l-mod kif jintużaw il-vetturi, kif jinbiegħu u kif ikunu proprjetà. Se tiftaħ ukoll oqsma ġodda għall-iżvilupp tan-negozju u twitti t-triq għal servizzi ġodda ta’ mobbiltà f’suq tal-enerġija li dejjem jinbidel. Jekk din it-tranżizzjoni ta’ mobbiltà tkunx ta’ suċċess jiddependi fuq il-prestazzjoni, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tas-sistema l-ġdida. Ir-rwol tal-istandardizzazzjoni huwa li tappoġġa l-interoperabbiltà u l-interkonnettività bejn is-sottosistemi differenti, jiġifieri s-sistemi tal-vetturi, tat-toroq u tal-enerġija. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jaħdmu mill-qrib mal-industrija tal-karozzi, il-fornituri tal-enerġija u s-settur tal-ICT biex jiżviluppaw standards relatati mal-interoperabbiltà tas-sistemi kooperattivi li jkopru l-klassijiet kollha tal-vetturi, fuq fruntieri u marki differenti, u li jappoġġaw l-istandardizzazzjoni tal-protokolli ta’ komunikazzjoni għall-platooning b’diversi marki huwa partikolarment importanti.
Bl-istess mod, l-iżvilupp ta’ standards għad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u ċ-ċibersigurtà huwa kruċjali għas-settur ferrovjarju. Tali standards se jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sottosistemi ferrovjarji differenti f’sistema tat-trasport multimodali u se jiżguraw il-punti jew il-komponenti potenzjalment dgħajfa tagħhom minn aċċess mhux awtorizzat.
L-industrija tal-azzar kisbet tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-aħħar deċennji billi tejbet l-effiċjenza enerġetika u użat teknoloġiji ġodda. Madankollu, il-proċessi attwali laħqu l-limiti tagħhom u hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sabiex jintlaħqu l-miri tal-qafas tal-klima u l-enerġija għall-2030 u l-istrateġija fit-tul għall-2050. Il-kunsiderazzjoni xierqa tal-istandards fl-istadju tar-riċerka ta’ proċessi ġodda ta’ produzzjoni innovattiva se tgħin biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Barra minn hekk, l-istandards Ewropej jistgħu jappoġġaw implimentazzjoni armonizzata tat-teknoloġiji innovattivi tal-produzzjoni tal-azzar fis-suq uniku.
Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) kellu l-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Huwa programm pilota tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), li se jipprovdi inċentivi finanzjarji għall-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom f’riċerka konġunta dwar it-tagħmir u t-teknoloġiji tad-difiża fl-UE skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027). Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, l-EDIDP huwa maħsub biex jipprovdi lill-industrija tad-difiża Ewropea b’appoġġ finanzjarju matul il-fażi tal-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji ġodda f’oqsma magħżula. Il-programm ta’ ħidma tal-EDIDP għall-2020-2021 ġie adottat fid-19 ta’ Marzu 2019 u s-sejħiet għall-proposti għall-2019 ġew ippubblikati fl-4 ta’ April 2019. Żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-difiża toħloq ekonomiji ta’ skala billi tnaqqas il-kost tal-produzzjoni u x-xiri ta’ materjal militari. L-istandards għandhom jappoġġaw din il-kooperazzjoni billi joffru nomenklatura komuni għat-tfassil, l-iżvilupp u l-akkwist tal-materjal rilevanti.
3Kooperazzjoni internazzjonali
Il-laqgħa ta’ Lulju 2018 bejn il-Presidenti Juncker u Trump u d-Dikjarazzjoni Konġunta li rriżultat li ssemmi b’mod espliċitu l-kooperazzjoni dwar l-istandards bħala prijorità biex jiżdiedu l-kummerċ u t-tkabbir fiż-żewġ reġjuni wasslet għall-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma Eżekuttiv (EWG) bejn l-UE u l-Istati Uniti, fejn il-kooperazzjoni fl-istandardizzazzjoni hija fost is-suġġetti prijoritarji diskussi.
Il-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta’ April 2019 ta spinta ġdida lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ sħab kummerċjali. Issa l-istandardizzazzjoni qed tiġi ssorveljata mill-qrib bħala indikatur ewlieni għall-ftuħ tas-suq taċ-Ċina, b’mod partikolari l-aspetti ta’ aċċess ta’ kumpaniji/sussidjarji tal-UE għall-proċessi ta’ standardizzazzjoni Ċiniżi u r-rata tal-adozzjon taċ-Ċina ta’ standards internazzjonali. Sabiex l-istandards Ewropej jiġu promossi b’mod aktar effettiv, se jiġi żviluppat immappjar sistematiku tax-xenarju tal-istandardizzazzjoni Ċiniż. F’dan il-kuntest, il-Grupp ta’ Ħidma bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-“Istandardizzazzjoni” jirrappreżenta pjattaforma importanti għad-djalogu u l-kooperazzjoni.
L-istandardizzazzjoni hija dejjem parti essenzjali tal-kapitolu dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) ta’ kull ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA) li ġie nnegozjat u se jibqa’ hekk fil-futur. L-FTA ta’ bejn l-UE u Singapore se jidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2020, u n-negozjati dwar l-FTAs mal-Awstralja, New Zealand, l-Indoneżja u l-Mercosur se jkomplu, abbażi tal-ftuħ tal-UE għall-arena globali fl-isforzi tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir Ewropej.
4Sħubija pubblika privata
4.1Governanza
It-twettiq f’waqtu ta’ standards ta’ kwalità għolja jibqa’ prijorità tal-Kummissjoni. F’dak ir-rigward, l-istandards armonizzati għandhom jirċievu attenzjoni speċifika sabiex tintlaħaq il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala parti mil-liġi Ewropea, l-istandards armonizzati għandhom jissodisfaw il-kriterji ddefiniti ta’ kwalità kemm f’termini ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza teknika.
B’mod partikolari, il-kwalità tal-istandards armonizzati, li jipprevedu l-effett legali tal-preżunzjoni tal-konformità, tirrikjedi attenzjoni speċifika miż-żewġ naħat. F’dan l-isfond, fit-22 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar “Standards armonizzati: It-tisħiħ tat-trasparenza u taċ-ċertezza legali għal Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ”. Il-Komunikazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-funzjonament tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni u tiddefinixxi azzjonijiet speċifiċi li l-Kummissjoni se twettaq biex tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni, se toħroġ ukoll dokument ta’ gwida dwar l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tar-Regolament Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni, b’attenzjoni partikolari għat-tqassim tar-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-proċess tal-iżvilupp ta’ standards armonizzati u b’attenzjoni mill-qrib għall-effiċjenza, l-inklużività u l-ħeffa tal-proċessi ta’ standardizzazzjoni. F’dak id-dokument ta’ gwida, il-Kummissjoni se tqis il-ġurisprudenza reċenti u l-kundizzjonijiet partikolari meħtieġa biex ikun hemm konformità mar-Regolament Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni u biex jittejjeb il-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-prattika. Wara dawn il-passi, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa mill-ġdid il-proċeduri tagħha f’diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jqisu kif xieraq id-dokument ta’ gwida, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti f’waqtu tad-dokumenti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-abbozz ta’ standards armonizzati li jippermettu progress mingħajr problemi fil-proċess ta’ valutazzjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-proċess ta’ governanza permezz tal-mezzi rilevanti kollha disponibbli għaliha, jiġifieri permezz tal-Kumitat dwar l-Istandards (CoS), il-Pjattaforma ta’ bosta Partijiet Ikkonċernati (MSP) dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT u d-djalogi strutturali mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jipparteċipaw b’mod attiv f’dawn il-pjattaformi sabiex jgħinu jkomplu jiffurmaw il-politiki industrijali u diġitali Ewropej.
4.2Inklużività
L-inklużività u t-trasparenza huma l-karatteristiċi ewlenin tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tappoġġa l-involviment tal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-SMEs, il-konsumaturi, l-interessi ambjentali u t-trade unions fil-proċess tal-istandardizzazzjoni (imsejħa l-organizzazzjonijiet tal-Anness III).
L-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs, l-interessi soċjali u tas-soċjetà fil-livell Ewropew witta t-triq biex il-membri tagħhom jiġu involuti gradwalment fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. Madankollu, għad hemm ċerti sfidi għall-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-proċess ta’ standardizzazzjoni.
Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib kif l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jimplimentaw ir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni.
L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni CEN u CENELEC u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni huma bbażati fuq il-prinċipju tad-delega nazzjonali. Bħala regola, il-parteċipazzjoni ta’ esperti fl-elaborazzjoni tal-istandards hija mistennija li tkun miftuħa għal kulħadd. Il-Kummissjoni tistieden lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III biex jinkludu, fir-rapporti annwali tagħhom, kwalunkwe inċident fejn il-partijiet ikkonċernati talbu li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni iżda ma rnexxielhomx jagħmlu dan; dan ir-rapportar għandu jinkludi wkoll il-livell internazzjonali (ISO, IEC).
4.3Il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea
Il-Ftehimiet Qafas attwali ta’ Sħubija li jipprovdu l-oqfsa ġuridiċi għall-finanzjament mill-Unjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, se jintemmu f’Diċembru 2020. L-iffinanzjar futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea huwa parti mill-“Programm tas-Suq Uniku”
. L-impatt ta’ dan il-programm se jkun ivvalutat permezz ta’ evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u finali kif ukoll bil-monitoraġġ kontinwu ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta’ livell għoli. L-indikatur adottat għall-istandardizzazzjoni Ewropea huwa s-“Sehem tal-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej bħala standards nazzjonali mill-Istati Membri f’ammont totali ta’ standards Ewropej attivi”.
Studju dwar l-impatt tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà
L-istandards Ewropej huma strumenti indispensabbli għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Fost affarijiet oħra, huma jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku billi jneħħu l-ostakoli għat-tqegħid ta’ prodotti u servizzi innovattivi u kompetittivi fis-swieq eżistenti u billi jespandu l-kummerċ għal oħrajn ġodda. Madankollu, l-effetti u l-funzjonijiet potenzjali u attwali tagħhom għadhom mhumiex qed jiġu eżaminati biżżejjed u jitolbu fehim aktar iddettaljat.
F’dan l-isfond, wara l-istedina mill-Kunsill u f’konformità mal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, fl-2019 il-Kummissjoni qed tniedi studju dwar il-funzjonijiet u l-effetti tal-istandards Ewropej u l-istandardizzazzjoni fl-UE. Ir-riżultati tal-istudju se jkunu disponibbli sal-2021.