IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.10.2019
COM(2019) 481 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Rapport ta' progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.10.2019
COM(2019) 481 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Rapport ta' progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
1.DAĦLA
Erba’ snin ilu l-Unjoni Ewropea ħabbtet wiċċha ma’ sfida straordinarja hekk kif madwar żewġ miljun ruħ waslu max-xtut tagħha fi żmien sentejn, ifittxu kenn jew ħajja ġdida spiss b’sogru għal ħajjithom biex jaħarbu l-gwerer, l-oppressjoni politika jew il-faqar. Malli ħabbtet wiċċha ma’ din it-traġedja umana li kienet qed isseħħ fil-Mediterran l-UE ħadet azzjoni malajr u determinata biex tevita t-telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar. Madankollu, dak iż-żmien l-UE ma kellhiex politika kollettiva dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u s-sigurtà tal-fruntieri.
Malajr sar evidenti li l-Istati Membri ma setgħux jindirizzaw l-isfida tal-migrazzjoni weħedhom. Kien biss permezz ta’ soluzzjonijiet komuni Ewropej li dan seta’ jiġi indirizzat b’mod effettiv. F’Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni maħsuba biex tindirizza sfidi immedjati u biex tgħammar l-UE bl-għodda meħtieġa biex tiġi ġestita aħjar il-migrazzjoni fit-terminu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali. Minn dak iż-żmien, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni mexxiet il-ħidma tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ infrastruttura dwar il-migrazzjoni tal-UE ġdida, b’liġijiet ġodda, sistemi ġodda għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni, u appoġġ operattiv u finanzjarju dirett mill-UE. Minkejja li għad fadal ħafna xi jsir, m’għandniex nissottovalutaw il-progress li sar tul dawn l-aħħar ftit snin.
Progress ewlieni skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
·Il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fl-UE naqas għal 150 000 fl-2018 - l-aktar ċifra baxxa f’ħames snin. L-approċċi innovattivi għal sħubijiet ma’ pajjiżi terzi, bħad-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016, kienu fatturi ewlenin biex dan seħħ.
·L-azzjoni tal-UE għenet biex jiġusalvati l-ħajjiet: kważi 760 000 salvataġġ fuq il-baħar u s-salvataġġ ta’ kważi 23 000 migrant fid-deżert tan-Niġer mill-2015.
·L-UE wriet appoġġ tanġibbli u rapidu lill Istati Membri li kellhom l-akbar pressjoni.
- Issa l-Hotspots huma stabbiliti bħala mudell operazzjonali biex malajr u b’mod effiċjenti jwasslu l-appoġġ lill-postijiet ewlenin. Ħames hotspots huma operattivi fil-Greċja, u erba’ fl-Italja;
- Il-finanzjament intern tal-UE għall-migrazzjoni irregolari u fruntieri żdied aktar mid-doppju mill-bidu tal-kriżi għal aktar minn EUR 10 biljuni;
- 34 700 ruħ ġew rilokati fl-UE stess mill-Italja u l-Greċja, skont skemi dedikati. mis-sajf tal-2018, ġew rilokati wkoll 1 103 persuna skont ir-rilokazzjonijiet volontarji, eżerċizzju kkoordinat mill-Kummissjoni minn Jannar 2019.
·L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida appoġġjat lill-Istati Membri biex iħarsu l-fruntieri esterni tal-UE. Għaddejja wkoll it-tieni fażi tar-riforma biex tkabbar il-kapaċità tagħha għal korp permanenti ta’ 10 000 membru tal-persunal operazzjonali.
·L-UE intensifikat ir-rotta legali ta’ risistemazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ ħarsien internazzjonali għal Stati Membri, b’aktar minn 63 000 ruħ risistemati mill-2015.
·L-UE provdiet ħarsien u appoġġ għal miljuni ta’ refuġjati f’pajjiżi terzi:
- Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija qed tagħti riżultati konkreti: b’90 proġett li għaddej bħalissa fit-Turkija, li qed jappoġġjaw aktar minn 1,7 miljun refuġjat ta’ kuljum u jibnu skejjel u sptarijiet ġodda;
- Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana qed jagħti riżultat b’aktar minn 75 proġett li jipprovdu appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajxien u sostenn soċjoekonomiku lir-refuġjati Sirjani, persuni spostati internament u komunitajiet ospitanti fir-reġjuni.
- Il-ħidma biex tingħata għajnuna lil dawk li qed jaffaċċjaw kundizzjonijiet orribbli fil-Libja inkludiet l-evakwazzjoni ta’ aktar minn 4 000 ruħ, kif ukoll ir-ritorn volontarju ta’ aktar minn 49 000 ruħ mill-2017; bit-Task Force bejn l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti bħala mudell ta’ sħubija innovattiv.
- Aktar minn 210 proġett f’26 pajjiż skont il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jagħtu riżultati konkreti, inkluż appoġġ bażiku lil aktar minn 5 miljun ruħ vulnerabbli.
·L-azzjoni biex tfixkel in-netwerks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali fuq ir-rotot kollha, inkluż ħidma fin-Niġer li qed twassal għal tnaqqis kbir fil-migranti li qed jidħlu l-Libja min-nofsinhar.
·Ftehimiet formali dwar ir-riammissjoni jew arranġamenti prattiċi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni jinsabu fis-seħħ ma’ 23 pajjiż ta’ oriġini u ta’ tranżitu, b’appoġġ żejjed mill-UE biex toħloq pressjoni għal ritorn effettiv.
Madankollu, jenħtieġ aktar xogħol. L-UE għandha sistemi aktar b’saħħithom biex tikkontrolla l-fruntieri tagħha u issa tista’ twassal l-appoġġ finanzjarju u operazzjonali lil Stati Membri li jkunu jinsabu taħt pressjoni. Hija għandha mezzi ġodda biex tappoġġja lil dawk vulnerabbli u biex tipprovdi rotot alternattivi, siguri u legali lejn l-Ewropa għal dawk li jkollhom bżonn ta’ ħarsien. Aktar minn qatt qabel hija qed tikkoopera aktar mill-qrib ma’ pajjiżi sħab barra l-Ewropa fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, Huwa fuq din il-bażi li issa jenħtieġ li tkompli l-ħidma biex tiġi finalizzata sistema sostenibbli li tiżgura ġestjoni tal-migrazzjoni effiċjenti u umana li tixraq għall-isfidi probabbli tal-futur, kif ukoll biex jiġi stabbilit il-qafas it-tajjeb għal Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil li tiġi ġestita b’mod responsabbli u ġust. Filwaqt li l-migrazzjoni se tibqa’ fuq nett tal-aġenda politika fis-snin li ġejjin, se jkun hemm bżonn aktar sforzi minn kulħadd.
Dan ir-rapport se jinforma d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2019. Huwa jħares lura lejn l-elementi ewlenin tar-reazzjoni tal-UE mill-2015 kif ukoll jiffoka fuq il-passi meħuda mill-UE mill-aħħar rapport ta’ progress f’Marzu 2019 1 . Dak ir-rapport kien identifika għadd ta’ passi ewlenin meħtieġa b’mod imminenti biex tittieħed azzjoni partikolari fuq ir-rotot tal-Mediterran, kif ukoll progress fuq il-ħidma li għaddejja biex jikkonsolida s-sett ta’ għodod tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-fruntieri u l-ażil.
2.IS-SITWAZZJONI TUL IR-ROTOT MIGRATORJI EWLENIN
B’mod ġenerali, is-sitwazzjoni migratorja madwar ir-rotot kollha reġgħet lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi - hekk kif il-wasliet f’Settembru 2019 kienu madwar 90 % aktar baxxi milli f’Settembru 2015. Iżda s-sitwazzjoni għadha instabbli. Fl-ewwel tmien xhur tal-2019, ġie identifikat madwar 70 800 qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE. Barra minn hekk, mis-7 ta’ Ottubru 2019, ġie rrappurtat mejjet jew mitluf kważi 1 100 migrant waqt il-qsim tal-Mediterran.
Qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fit-tliet rotot ewlenin
Il-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali ta’ ażil fl-UE+ fl-2019 stabilizzat għal medja ta’ 54 000 applikant għall-ażil kull xahar, ammont ħafna aktar baxxa mill-eqqel snin (fl-2015-2016 iddaħħlu aktar minn 100 000 applikazzjoni kull xahar) iżda xorta ogħla minn qabel il-kriżi 2 .
Ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant
Riċentement, kien hemm żieda sinifikanti ta’ wasliet fil-Gżejjer Griegi. Mill-bidu tal-2019 sas-6 ta’ Ottubru, ġew irreġistrati aktar minn 47 500 wasla fil-Greċja (bil-baħar u fuq l-art), żieda ta’ 29 % fuq l-istess perjodu fl-2018. Ħafna minn din iż-żieda, li kompliet taċċellera f’Ġunju, kienet ġejja mill-Gżejjer tal-Eġew. il-wasliet mill-fruntiera bl-art fl-2019 huma 27 % aktar baxxi milli fl-istess perjodu fl-2018. Ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru 2019 kellhom l-ogħla livelli ta’ kull xahar ta’ wasliet irreġistrati minn mindu daħlet fis-seħħ id-dikjarazzjoni UE-Turkija. Ir-riżultat kien aktar deterjorazzjoni fil-kundizzjonijiet fuq il-Gżejjer tal-Eġew, fejn is-sitwazzjoni qed qed issir aktar diffiċli, fejn fis-6 t’Ottubru, f’hotspots li huma mfassla għal massimu ta’ madwar 8 000 ruħ, minkejja li saru aktar minn 20 000 trasferiment lejn l-art ewlenija, kien hemm aktar minn 31 000 ruħ. B’kuntrast ma’ dan, l-għadd ta’ nies li ġew irritornati lejn it-Turkija skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, naqas għall-aktar livell baxx mill-2016. Iċ-ċittadinanza ewlenija ta’ dawk li qegħdin jaslu fil-gżejjer tal-Eġew hija dik Afgana, u dawn jirrappreżentaw 41 % tal-wasliet totali għall-2019. Iċ-ċittadini Torok jippredominaw mal-fruntieri tal-art fl-2019, u jagħmlu madwar tliet kwarti tal-wasliet.
Ċipru ħabbtet wiċċha ma’ żieda fil-wasliet fl-2019, u bħalissa għandha l-ogħla għadd ta’ wasliet per capita fl-UE. Mid-29 ta’ Settembru, ġew rappurtati aktar minn 5 700 wasla fiż-żoni ta’ Ċipru kkontrollati mill-gvern wara l-qsim tal-Linja l-Ħadra. Ġie rreġistrat għadd ħafna iżgħar ta’ wasliet 3 bid-dgħajsa direttament mil-Libanu.
Ir-rotta tal-Balkani tal-Punent
Wara li l-għadd ta’ migranti irregolari identifikati fuq din ir-rotta naqas bin-nofs mill-2017 għall-2018, fl-2019 kien hemm żieda fil-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri tul ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Bejn Jannar u Awwissu ġiet irreġistrata aktar minn 6 600 4 wasla irregolari fl-UE. L-Afgani huma ċ-ċittadini ewlenin, u jirrappreżentaw aktar minn nofs it-total. Fix-xhur riċenti, il-Bożnija-Ħerzegovina ħabbtet wiċċha ma’ wasliet ta’ massimu ta’ 900 ruħ fil-ġimgħa. Minkejja din iż-żieda fl-għadd ta’ wasliet irregolari permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent, is-sitwazzjoni tinsab ’il bogħod mill-esperjenza tal-2015 u l-2016.
Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali
B’kollox, il-wasliet irregolari jibqgħu baxxi fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, minkejja żieda sinifikanti ta’ wasliet f’Malta, li fl-2019, sas-6 t’Ottubru rat aktar minn 2 800 wasla, żieda ta’ kważi tliet darbiet fuq l-istess perjodu tal-2018.
Il-wasliet f’daqqa lejn l-Italja u Malta mis-6 t’Ottubru 2019, huma ftit anqas minn 11 000, tnaqqis ta’ aktar minn 52 % imqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-wasliet fl-Italja li mis-6 t’Ottubru 2019 kienu ftit taħt it-8 000, huma madwar żewġ terzi aktar baxxi milli fl-istess perjodu fl-2018. S’issa, fl-2019, it-Tuneżija kienet il-pajjiż ewlieni ta’ tluq lejn l-Italja, segwit mil-Libja. Il-Gwardja tal-Kosta Libjana tkompli tinterċetta u ssalva għadd kbir ta’ nies fil-baħar, u s’issa fl-2019 irrappurtat aktar minn 7 100 (it-total għall-2018 kien madwar 15 000). L-akbar ammont ta' ċittadini li waslu l-Italja fl-2019 kienu Tuneżini, 28 % tat-total.
Ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent/tal-Atlantiku
Filwaqt li Spanja rat l-akbar għadd ta’ wasliet irregolari fl-UE mill-2018, bi kważi 64 300 wasla kull xahar minn Frar 2019, il-wasliet tnaqqsu sew meta mqabbel mal-2018. L-għadd totali ta’ wasliet fi Spanja sal-bidu ta’ Ottubru 2019 kien madwar 23 600, tnaqqis ta’ 47 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2018. Fattur ewlieni kien l-investiment fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-UE u l-Marokk, inkluż appoġġ finanzjarju tal-UE sostanzjali għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari. Dan għen lill-gvern Marokkin isaħħaħ il-kontrolli mal-fruntieri u jiġġieled it-traffikanti tal-migranti.
S’issa, fl-2019, il-Marokk huwa l-pajjiż ta’ oriġini ewlieni ta’ migranti irregolari li jaslu fi Spanja, madwar 30 % tat-total. Dan huwa segwit mill-Alġerija, il-Guinea, il-Mali u l-Kosta tal-Avorju. Il-maġġoranza assoluta ta’ migranti irregolari li waslu fi Spanja telqu mill-Marokk, għalkemm riċentement kien hemm żieda żgħira mill-Alġerija.
Is-sitwazzjoni tal-Ażil
Fl-ewwel disa’ xhur tal-2019, iddaħħlu aktar minn 500 000 applikazzjoni fl-UE+ (żieda żgħira meta mqabbel ma’ kważi 497 000 fl-istess perjodu tal-2018). Il-pajjiżi riċevituri ewlenin fl-2019 s’issa huma l-Ġermanja, Franza, Spanja, il-Greċja u r-Renju Unit, li jirrappreżentaw aktar minn 72 % tat-total. Fl-2018, il-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini kienu s-Sirja, l-Afganistan u l-Iraq, u s’issa fl-2019 huma l-Afganistan, is-Sirja u l-Venezwela. Fl-ewwel nofs tal-2019, inħarġet 96 800 deċiżjoni pożittiva fl-UE+ 5 . Ir-rata ta’ rikonoxximent għad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza bejn Frar u Lulju 2019 kienet ta’ 34 % 6 .
L-applikazzjonijiet li ġew ippreżentati huma intrinsiċi għall-għadd sinifikanti ta’ talbiet, bħala riżultat tal-movimenti sekondarji li jfissru li n-nies li ġew irreġistrati fi Stat Membru wieħed jinstabu jagħmlu talba fi Stat Membru ieħor. Minkejja li l-valutazzjoni tal-movimenti sekondarji tibbaża ruħha l-aktar fuq id-data li tidher esklussivament fl-applikazzjonijiet minflok fuq il-persuni, u persuna waħda tista’ tkun għamlet talbiet f’diversi Stati Membri, aktar minn 280 000 minn dawn il-hits barranin ġew reġistrati fil-bażi ta’ data tal-Eurodac fi żmien l-ewwel disa’ xhur tal-2019. Fil-fatt, minkejja li l-pajjiżi ewlieni għall-ewwel dħul, bħall-Italja u l-Greċja, għandhom l-akbar numru ta’ rekords eżistenti, Franza u l-Ġermanja jibqgħu id-destinazzjoni ewlenija ta’ movimenti sekondarji bl-akbar għadd ta’ hits reġistrati.
3.APPOĠĠ TAL-UE LIL STATI MEMBRI U ĦIDMA TUL IR-ROTOT EWLENIN
·Ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant
Id-dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016 u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija
It-Turkija hija sieħeb ewlieni tal-UE, inkluż għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Mediterran tal-Lvant. Minn Marzu 2016, id-dikjarazzjoni UE-Turkija kellha rwol kruċjali f’li tiżgura li l-flussi tal-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran tal-Lvant jiġu indirizzati b’mod effettiv u konġunt mill-UE u mit-Turkija. Id-Dikjarazzjoni kompliet tagħti riżultati konkreti fit-tnaqqis ta’ qsim irregolari u perikoluż, u l-għadd ta’ telf ta’ ħajjiet fil-baħar Eġew. Anke jekk il-wasliet fil-Greċja bil-baħar u bl-art żdiedu fit-tieni parti tal-2019, ma jistgħux jitqabblu mal-għadd ta’ wasliet li kien hemm fl-2015. Importanti wkoll huwa l-appoġġ li ġabet magħha d-Dikjarazzjoni fuq skala kbira lir-refuġjati Sirjani u lil komunitajiet ospitanti fit-Turkija, u r-risistemazzjoni sigura tas-Sirjani mit-Turkija għall-Ewropa.
It-Turkija qed tospita l-akbar popolazzjoni ta’ refuġjati fid-dinja, madwar 4 miljun ruħ 7 u l-għajnuna tal-UE tipprovdi appoġġ vitali lin-nies fil-bżonn permezz tal-Faċilità għar-Refuġjati Fit-Turkija ta’ EUR 6 biljun. Il-fondi tal-UE bħalissa qed jappoġġjaw 90 proġett li għadu għaddej, bi 30 proġett ieħor li se jibdew fl-2020. Il-Faċilità għandha approċċ innovattiv, filwaqt li l-Istati Membri u t-Turkija huma involuti għal kollox fl-immirar tal-proġetti, u bi proċeduri rapidi biex jitħaffu r-riżultati 8 . Ħafna proġetti se jkomplu jwasslu l-appoġġ sal-2024-25. Il-faċilità wieġbet malajr għall-bżonnijiet essenzjali u huwa ċar li ħafna minn dawk il-bżonnijiet se jibqgħu hemm fil-futur qrib.
Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija: azzjonijiet ewlenin li għaddejjin bħalissa
·kważi 1,7 miljun Sirjan irċieva appoġġ għall-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum;
·Aktar minn nofs miljun tifel u tifla refuġjati ingħataw appoġġ biex jattendu l-iskola;
·4 500 għalliem tal-lingwi Torok impjegati biex jagħtu taħriġ fil-lingwa lil aktar minn 250 000 tifel u tifla;
·Programm ta’ tilqim li għaddej ifisser li s’issa tlaqqmu 650 000 tifel u tifla refuġjati;
·Kważi 40 000 tifel u tifla ġew offruti trasport biex jaslu l-iskola;
·Ingħataw ukoll madwar 1,5 miljun konsultazzjoni ta’ qabel it-twelid;
·Ingħataw ukoll madwar 8,1 miljun konsultazzjoni ta’ kura tas-saħħa primarja;
·Għaddejja l-kostruzzjoni ta’ 180 skola u d-dispożizzjoni ta’ 179 ċentru tas-saħħa għall-migranti.
Sal-lum, ġew allokati 97 % tal-fondi fil-Faċilità (allokazzjoni tal-EUR 6 biljuni kollha mistennija sal-aħħar tal-2019), bi żbors totali li s’issa laħħaq it-EUR 3 biljuni 9 . Il-proġetti li għandhom jibdew kmieni fl-2020 se jinkludu appoġġ kontinwu għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għar-refuġjati, l-infrastruttura għall-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, u l-għajnuna fl-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-impjieg tar-refuġjati.
It-Turkija llum qed taffaċċja pressjoni migratorjadejjem tiżdied, hekk kif għad hemm l-instabilità fir-reġjun aktar wiesa’. L-għadd ta’ migranti irregolari maqbuda mill-awtoritajiet Torok fl-2019 s’issa huwa qrib il-270 000 10 . B’mod partikolari, kien hemm żieda fl-għadd ta’ ċittadini Afgani li waslu b’mod irregolari u li nqabdu fit-Turkija. It-Turkija f’Mejju 2019 ħabbret li sal-aħħar tas-sena beħsiebha tirritorna madwar 100 000 ċittadin Afgan f’pajjiżhom, u involviet ruħha mal-gvern Afgan biex qablu dwar l-għadd u l-frekwenza tar-ritorn. L-isfida li jiġu ospitati r-refuġjati Sirjani f’sitwazzjoni ta’ ċaqliq prolongat fit-Turkija tkun ta’ sfida għal kwalunkwe pajjiż, u ħaqqha l-appoġġ meħtieġ.
L-indirizzar tat-tendenzi migratorji tul ir-rotta tal-Lvant
Mill-2016, l-UE appoġġjat id-djalogu politiku bejn l-Afganistan, il-Pakistan u l-Iran biex issib soluzzjonijiet li jdumu għar-refuġjati Afgani f’pajjiżi ospitanti. Dan huwa kkumplimentat mill-għajnuna finanzjarja sal-ammont ta’ EUR 300 miljun biex jiġu mgħejuna l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Pakistan, l-Iran u l-Iraq. 11 L-għan huwa li jiġu appoġġjati l-migranti, ir-refuġjati, il-persuni spostati internament u l-persuni rimpatrijati, kif ukoll il-komunitajiet ospitanti u biex jiġu mgħejuna l-awtoritajiet pubbliċi bil-ġestjoni tal-migrazzjoni u riintegrazzjoni sostenibbli għall-persuni rimpatrijati. Pereżempju fl-Afganistan, l-appoġġ s’issa għen kważi 10 000 dar u jkopri 70 000 individwu bl-iżvilupp komunitarju, taħriġ vokazzjonali u bl-ispinta ta’ impriżi żgħar. L-appoġġ jingħata wkoll lil ċittadini Afgani fl-Iran u l-Pakistan, pereżempju b’45 000 refuġjat Afgan bħalissa b’aċċess għas-sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa fl-Iran.
Mis-sajf tal-2018, l-UE estendiet l-għajnuna tagħha ta’ wara l-wasla skont it-Triq Konġunta ’l Quddiem UE-Afganistan dwar il-Migrazzjoni lil hinn mill-persuni rimpatrijati mill-UE biex tinkludi ċ-ċittadini Afgani rritornati mit-Turkija. Minn dak iż-żmien, l-UE assistiet aktar minn 15 000 persuna rimpatrijata mit-Turkija lejn l-Agfanistan, tat servizzi ta’ gwida, għajnuna medika, akkomodazzjoni temporanja, għajnuna finanzjarja u trasportazzjoni suċċessiva għad-destinazzjoni finali tagħhom.
Skont id-Dikjarazzjoni, it-Turkija tinsab impenjata biex tevita żieda fil-flussi migratorji irregolari fuq rotot bil-baħar u bl-art ġodda, li rriżulta li huwa diffiċli kif intwera mill-wasliet riċenti dejjem jiżdiedu fil-Greċja u f’Ċipru u qabel mal-fruntiera bl-art mal-Bulgarija u l-Greċja.
Ir-ritorni tal-migranti irregolari ġodda kollha mill-Greċja lejn it-Turkija, skont id-Dikjarazzjoni, huma sfida kontinwa. Il-Greċja rnexxielha tirritorna biss 1 908 migrant skont id-Dikjarazzjoni. Din is-sena il-pass kompla naqas għal 100 ritorn. Dan huwa ostaklu ewlieni għall-progress, u huwa marbut ukoll mal-proċeduri ta’ ażil twal li bħalissa qed iseħħu fil-Greċja. Il-Kummissjoni qed tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa kemm ir-risistemazzjonijiet kif ukoll it-tħaffif tar-ritorni. Titjib fl-ipproċessar tat-talbiet għal ażil, kemm fuq l-art ewlenija kif ukoll fuq il-gżejjer, jgħin b’mod sinifikanti biex jitħaffu r-ritorni.
Ir-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani fi Stati Membri tal-UE skont id-Dikjarazzjoni kienet suċċess ċar, b’aktar minn 25 000 persuna fil-bżonn ta’ ħarsien internazzjonali li ġiet risistemata minn April tal-2016 lejn 18-il Stat Membru. Dawn l-isforzi għandhom jinżammu u l-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha. Il-Kummissjoni talbet li l-Iskema għal Ammissjoni Umanitarja Volontarja 12 mat-Turkija tiġi attivata. Dan jagħti spinta lill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u jkompli juri l-impenn tal-UE lejha.
Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tinkludi wkoll firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ewlenin oħra fir-relazzjonijiet UE-Turkija. Qasam wieħed li kompla jara żvilupp huwa l-liberalizzazzjoni tal-viża. Mir-rapport ta’ Marzu ’l hawn, tlesta punt referenzjarju minnhom relatat mas-sigurtà tad-dokumenti. Issa fadal sitt punti referenzjarji minn total ta’ 72. It-Turkija f’Settembru 2019, stabbiliet sforz imġedded biex tindirizza dawn il-punti referenzjarji. Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ l-isforzi tat-Turkija biex tlesti t-twassil tal-punti referenzjarji pendenti kollha tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża.
L-implimentazzjoni sħiħa u sostnuta tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija teħtieġ sforzi kontinwi u determinazzjoni politika min-naħat kollha. Kuntatti politiċi riċenti enfasizzaw li l-Kummissjoni se tkompli tmexxi din il-ħidma ’l quddiem u tindirizza l-passi li jmiss fejn jirriżultaw 13 . Flimkien mal-appoġġ għar-refuġjati fit-Turkija, l-UE tassisti lit-Turkija permezz ta’ għajnuna regolari qabel l-adeżjoni bl-għan li tkompli żżid il-kapaċità tal-awtoritajiet biex jiġġestixxu l-migrazzjoni fit-Turkija li tibqa’ sejra lejn l-UE. Dan jinkludi appoġġ għar-ritorn volontarju mit-Turkija u l-programmi tar-riintegrazzjoni u l-għajnuna tal-ġestjoni tal-fruntieri integrata. Għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u t-Turkija biex jintlaħaq qbil dwar aktar appoġġ dirett għall-ġestjoni tal-migrazzjoni din is-sena.
L-UE tinsab fuq quddiem nett tar-reazzjoni umanitarja għall-bżonnijiet ikkawżati mill-kriżi tas-Sirja, b’għajnuna umanitarja lis-Sirja u lir-reġjun li tammonta għal EUR 1,6 biljun bejn l-2014 u l-2019. Fl-2019 biss, l-UE allokat EUR 170 biljun fl-għoti ta’ għajnuna multisettorjali li ssalva l-ħajjiet lil nies vulnerabbli fis-Sirja, kull fejn ikunu. Fl-2018, l-għajnuna umanitarja tal-UE laħqet lil madwar 9 miljun benefiċjarju fis-Sirja.
Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana
Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana jgħaqqad il-kontribuzzjonijiet mit-22 Stat Membru, mit-Turkija u l-baġit tal-UE b’appoġġ għall-komunitajiet ospitanti u persuni spostati f’pajjiżhom stess fil-Ġordan, fil-Libanu, fit-Turkija u fl-Iraq. Minn mindu nħoloq, fl-2014, dan il-Fond evolva billi pprovda għajnuna ta’ rkupru kmieni li tindirizza l-bżonnijiet bażiċi bl-appoġġ ta’ pajjiżi ospitanti bit-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali u l-infrastruttura, kif ukoll l-awtodipendenza u r-reżiljenza tar-refuġjati. Il-programmi li jammontaw għal aktar minn EUR 1,6 biljun f’aktar minn 75 proġett jenfasizzaw fuq oqsma li jinkludu l-edukazzjoni, l-għajxien, is-saħħa u l-appoġġ soċjoekonomiku. f’Ġunju 2019, intlaħaq qbil dwar pakkett ta’ EUR 100 miljun li jenfasizza dwar edukazzjoni ogħla, reżiljenza u ħarsien fil-Libanu, fil-Ġordan u fl-Iraq.
Mill-bidu tal-Kriżi Sirjana fl-2011, is-serje ta’ programmi biex jappoġġjaw lir-refuġjati u lil komunitajiet ospitanti fil-Ġordan u l-Libanu jammontaw għal kważi EUR 4 biljun. Fl-2018, ir-riżultati jinkludu l-aċċess għall-edukazzjoni bażika għal kważi 290 000 tifel u tifla fil-Ġordan u l-Libanu, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fil-Libanu għal 375 000 persuna u kważi 143 000 refuġjat li rċieva trasferimenti ta’ kull xahar li jkopru l-bżonnijiet tagħhom fil-Ġordan.
F’Marzu 2019 l-UE ospitat it-tielet konferenza dwar l-“Appoġġ tal-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun”. Il-komunità internazzjonali u l-pajjiżi li jospitaw lir-refuġjati tennew l-impenn tagħhom biex jappoġġjaw lil miljuni milquta mill-kunflitt u l-pajjiżi u l-komunitajiet li qed jospitawhom, inkluż fil-Libanu, fil-Ġordan u fi Il-komunità internazzjonali wiegħdet aktar minn EUR 6,2 biljun għall-2019 (92 % minn dan l-ammont diġà ngħata), u EUR 2,1 biljun oħra għall-2020 u ’l quddiem). Aktar minn 80 % ta’ dawn il-wegħdiet saru mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi ħabbru wkoll EUR 18,5 biljun f’self għall-2019 u ’l quddiem.
Appoġġ għall-Greċja u Ċipru
Rapporti ta’ progress preċedenti enfasizzaw il-bżonn urġenti għal aktar progress fil-Greċja. Iż-żieda fil-wasliet mis-sajf ’l hawn reġgħet enfasizzat il-bżonn għal azzjoni, l-aktar waħda evidenti f’termini ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ta’ lqugħ fil-gżejjer Griegi kif ukoll f’termini ta’ żieda fil-pass tar-ritorni mill-Greċja skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Ittieħdu l-ewwel passi bl-istrateġiji nazzjonali l-ġodda għall-akkoljenza ta’ migranti u għal minorenni mhux akkumpanjati, u l-gvern impenja ruħu wkoll li jirrevedi aspetti tal-qafas legali għall-ażil bl-għan ta’ pproċessar aktar mgħaġġel u żieda fir-ritorni. Madankollu il-kundizzjonijiet diffiċli kkawżati miż-żieda fil-wasliet u mill-fatt li daħlet ix-xitwa jenfasizzaw il-bżonn għal azzjoni urġenti. Il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-UE qed jipprovdu kull appoġġ possibbli lill-Greċja biex titħaffef il-ħidma meħtieġa.
Il-finanzjament tal-UE kompla jgħin lill-Greċja, b’aktar minn EUR 2,2 biljun f’appoġġ mill-2015 14 . Dan jinkludi EUR 8 miljuni mogħtija f’Settembru 2019 lil żewġ proġetti għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, biex jitjiebu l-ħarsien u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għal minorenni mhux akkumpanjati, kif ukoll biex tissaħħaħ is-sigurtà fis-siti ta’ fuq l-art ewlenija. Matul l-2019, l-Appoġġ ta’ Emerġenza għall-Integrazzjoni u l-Akkomodazzjoni (ESTIA), implimentat mill-Aġenzija tar-Refuġjati tan-NU (UNHCR), kompla jipprovdi akkomodazzjoni għall-kiri lil madwar 25 000 persuna li qed tfittex l-ażil, kif ukoll provvedimenti fi flus kontanti ta’ kull xahar lil aktar minn 72 000 ruħ. L-UE ffinanzjat ukoll il-ħidma tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għal-Migrazzjoni u tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal biex tagħti appoġġ fuq il-post f’faċilitajiet ta’ akkoljenza fuq l-art ewlenija 15 . L-aġenziji tal-UE għandhom rwol ewlieni, iżda l-ħidma ta’ kemm l-uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil kif ukoll tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjoni ta’ esperti mill-Istati Membri. Nuqqasijiet fl-għadd ta’ esperti mwiegħda kien u jfissru nuqqas persistenti fuq il-post, li naqqas l-effettività tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tappoġġja għadd ta’ programmi li huma ġestiti mill-awtoritajiet Griegi li għandhom l-għan li jneħħu d-diskrepanzi fl-għajnuna legali, il-kura medika u l-interpretazzjoni, kemm fuq il-gżejjer kif ukoll fuq l-art ewlenija.
Il-finanzjament tal-UE għal Ċipru mill-2014 laħaq kważi EUR 100 miljun, 16 inkluż aktar minn EUR 4 miljuni f’għajnuna ta’ emerġenza. L-esperti tal-Istati Membri huma skjerati wkoll, u pressjoni dejjem tiżdied fuq Ċipru teħtieġ li dawn il-wegħdiet jiżdiedu. B’kooperazzjoni mal-UE, Ċipru żviluppat pjan ta’ azzjoni komprensiv biex tiġġestixxi b’mod effettiv il-migrazzjoni, li l-implimentazzjoni tagħha għadha għaddejja b’appoġġ finanzjarju u operazzjonali tal-Kummissjoni u tal-aġenziji tal-UE.
Il-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-attivitajiet li jistgħu jwasslu għal solidarjetà tanġibbli, anke fil-Mediterran tal-Lvant. It-talbiet għal għajnuna permezz tar-rilokazzjoni minn Ċipru u l-Greċja jeħtieġu reazzjoni f’waqtha mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi kif meħtieġ, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE li jista’ jsir disponibbli għall-Istati Membri li jagħmlu rilokazzjoni volontarja 17 .
·Ir-rotta tal-Balkani tal-Punent
Mill-bidu tal-kriżi fl-2015, ingħataw aktar minn EUR 141 miljun f’ għajnuna tal-UE bħala appoġġ tal-Balkani tal-Punent biex il-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni tiġi indirizzata direttament 18 . Wasal ukoll appoġġ f’forma ta’ għarfien espert mill-Aġenziji tal-UE u mill-Istati Membri, b’enfasi fuq it-trasponiment ta’ normi u standards tal-UE fil-politika migratorja nazzjonali u l-oqfsa legali. Ġew skjerati 48 gwardja tal-fruntiera ospiti fis-Serbja u 146 fit-Tramuntana tal-Maċedonja. Filwaqt li dan għen biex tinbeda migrazzjoni aktar bsaħħitha, is-sistemi tal-ażil u tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-kapaċitajiet amministrattivi nazzjonali komplew ikunu limitati u spiss batew biex jilqgħu l-isfida ta’ flussi migratorji ġodda.
Il-Bożnija-Ħerzegovina ħabbtet wiċċha ma’ żieda sinifikanti ta’ wasliet. L-istimi jissuġġerixxu li minn Jannar 2018, daħlu fil-pajjiż aktar minn 45 000 refuġjat u migrant. Dan ħoloq sfida serja, u bħalissa madwar 3 300 minnhom jinsabu akkomodati f’ċentri uffiċjali. Il-Kummissjoni ilha taħdem mill-2018 mas-sħab umanitarji u mal-awtoritajiet biex tkopri l-bżonnijiet bażiċi tar-refuġjati u l-migranti u biex tgħin lill-pajjiż isaħħaħ il-kapaċità ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni tiegħu billi allokat EUR 34 miljun f’finanzjament addizzjonali tal-UE. Dan qed jappoġġja liċ-ċentri ta’ akkoljenza temporanji, u l-aċċess għall-ikel, għas-servizzi bażiċi u l-ħarsien għal dawk l-aktar vulnerabbli, li minnhom jibbenefikaw aktar minn 3 500 ruħ.
Hekk kif tidħol ix-xitwa, jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jidentifikaw minnufih faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni xierqa għar-refuġjati u l-migranti mwaħħla fil-pajjiż. L-UE tinsab lesta tassisti fil-finanzjament ta’ faċilitajiet addizzjonali, sakemm dawn jirrispettaw l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, u li tappoġġja lill-aktar komunitajiet milquta.
·Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali
Il-Libja u l-Mekkaniżmu ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza
Is-sitwazzjoni fil-Libja tibqa’ tħassib ewlieni. L-azzjoni tal-UE biex tħares in-nies spustati internament, refuġjati u migranti ġiet stabbilita mill-ħidma tat-Taskforce bejn l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti. Wara kunflitt vjolenti fi Tripli u madwarha f’April 2019, it-Taskforce għenet biex titħaffef l-evakwazzjoni tar-refuġjati u l-migranti miċ-ċentri ta’ detenzjoni ħdejn l-aktar postijiet esposti u fejn kien possibbli biex tgħinhom isibu s-sigurtà barra l-Libja.
Il-kunflitt fi Tripli u madwarha wassal għal mijiet ta’ mwiet u midruba fost il-persuni ċivili u aktar minn 150 000 kienu mġiegħla jħallu djarhom. Minn dak iż-żmien, ma ġiex żgurat waqfien mill-ġlied fit-tul u minkejja li saru passi lejn riżoluzzjoni politika, is-sitwazzjoni għadha instabbli.
Il-kunflitt kellu impatt partikolari fuq il-migranti u r-refuġjati, u b’mod partikolari fuq kważi 3 300 ruħ f’faċilitajiet ta’ detenzjoni f’żoni milquta mill-kunflitt. Wieħed minn dawn iċ-ċentri, iċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Tajoura, intlaqat minn attakki bl-ajru li kkawżaw 50 mewt. Meta nħelsu l-482 refuġjat u migrant li kien fadal, dawn fittxew kenn fil-Faċilità tal-Ġbir u t-Tluq tal-UNHCR fi Tripli. Minħabba ż-żieda fil-wasliet, il-Faċilità qed taqbeż il-kapaċità normali tagħha u ma kienx possibbli li jiġu trasferiti għadd sostanzjali ta’ nies vulnerabbli miċ-ċentri ta’ detenzjoni għall-Faċilità.
Il-programmi ta’ kooperazzjoni estensivi tal-UE fil-Libja (li b’kollox jammontaw għal EUR 467 miljun) qed ikomplu minkejja s-sitwazzjoni tas-sigurtà, u ġew adottati programmi ġodda f’Lulju mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika 19 . Tħaffef ukoll l-appoġġ tal-UE lil persuni vulnerabbli affettwati mill-kunflitt. Dan jinkludi għajnuna ta’ emerġenza diretta kif ukoll ħarsien bħal għajnuna medika jew għajnuna psikosoċjali, inkluż f’punti ta’ żbark Libjani u f’ċentri ta’ detenzjoni fejn ikun possibbli l-aċċess. Ingħataw madwar 185 000 prodott mhux tal-ikel u kits tal-ħasil, kif ukoll għajnuna medika lil refuġjati u migranti vulnerabbli bħala għajnuna ta’ emerġenza. Fl-aħħar ta’ Settembru, tim ewlieni ta’ missjoni fil-Libja ta’ għajnuna ta’ ġestjoni tal-fruntieri integrata tal-UE li kompla l-operazzjonijiet mit-Tuneżijarnexxielu jirritorna fi Tripli.
L-evakwazzjoni mil-Libja kienet essenzjali. Minn Settembru tal-2017, aktar minn 4 000 ruħ ġew evakwati li minnhom madwar 3 000 ġew evakwati lejn il-Mekkaniżmu ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza ffinanzjat mill-UE (ETM) fin-Niġer. Dawn l-evakwazzjonijiet lejn l-ETM ġew ikkumplimentati wkoll minn evakwazzjonijiet lejn l-Italja (808) u lejn Ċentri ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza fir-Rumanija (303). S’issa mill-persuni evakwati lejn in-Niġer, 1 856 ruħ ġew risistemati 20 . Il-faċilità tan-Niġer issa qed tiġi kkumplimentata minn ETM ġdida fir-Rwanda li s’issa qablet li tospita massimu ta’ 500 ruħ fi kwalunkwe ħin. F’dawn l-aħħar ġimgħat madwar 200 ruħ ġew evakwati lejn ir-Rwanda u hemm aktar evakwazzjonijiet ippjanati fix-xhur li ġejjin. Qiegħed jiġi finalizzat pakkett ta’ appoġġ tal-UE għall-ETM tar-Rwanda.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tan-Niġer naqqsu l-limitu massimu għall-operazzjonijiet tal-ETM għal-livell preċedenti, u għalhekk, ma jistax jieħu aktar evakwazzjonijiet sal-aħħar tas-sena. Raġuni ewlenija għal din il-mossa hija l-pass kajman tar-risistemazzjonijiet. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jżidu l-iskala u jħaffu l-pass tar-risistemazzjonijiet mill-ETMs.
Miżura ewlenija oħra hija l-kooperazzjoni tal-UE dwar ir-ritorn volontarju. L-azzjoni konġunta mal-organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni minn Novembru 2015 ikkontribwixxiet ħafna għar-ritorn ta’ aktar minn 49 000 migrant mil-Libja 21 u pprovdiet għajnuna ta’ wara l-wasla u ta’ riintegrazzjoni lil aktar minn 76 000 persuna rimpatrijata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Din il-ħidma appoġġjat ukoll is-salvataġġ ta’ aktar minn 23 000 migrant fid-deżert tan-Niġer.
Biex tindirizza dawn l-isfidi li għaddejjin, it-Taskforce bejn l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonaijiet Uniti u biex tindirizza s-sitwazzjoni tal-migranti u r-refuġjati fil-Libja, iltaqgħet fil-livell politiku fil-marġni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u identifikat għadd ta’ prijoritajiet komuni għall-passi li jmiss 22 . Dawn jinkludu appoġġ għal dawk spostati fil-Libja u għall-isforzi ta’ reġistrazzjoni tal-Organizzazjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta’ aktar għażliet ta’ evakwazzjoni u ż-żamma ta’ pressjoni biex tintemm is-sistema preżenti ta’ detenzjoni arbitrarja. Oqsma oħra kienu jinkludu miżuri ta’ riintegrazzjoni u komunikazzjoni biex jiġu evitati vjaġġi perikolużi.
Appoġġ għall-Italja u għal Malta
Mill-2014,l-Italjaġiet appoġġjata mill-UR bi kwazi EUR 1 biljun ta’ finanzjament għall-ażil, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri 23 . L-UE allokat EUR 0,7 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza lill-Ministeru tal-intern Taljan u l-UNHCR f’Lulju 2019 biex tappoġġja l-evakwazzjoni umanitarja ta’ madwar 450 ruħ mil-Libja u n-Niġer lejn l-Italja. Eżempju riċenti ieħor huwa proġett ta’ EUR 30 miljun f’ħames reġjuni Taljani biex jindirizza l-isfruttament tax-xogħol tal-migranti fl-agrikoltura u biex jgħin l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq regolari tax-xogħol. Wasal ukoll appoġġ mill-għarfien espert tal-aġenziji tal-UE u mill-Istati Membri b’total ta’ 144 espert skjerat mill-Aġenzija ta’ Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta fl-2019 u 180 mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil. Dan l-għarfien espert jibqa’ parti essenzjali tal-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-ġestjoni tal-migrazzjoni u t-tħejjija fil-Mediterran Ċentrali u l-Istati Membri jeħtieġ li jżommu l-livell meħtieġ ta’ skjerament,
L-appoġġ finanzjarju għal Malta mill-2014 laħaq il-EUR 105 miljun 24 . L-aktar appoġġ sinifikanti tal-UE lil Malta kien l-iffaċilitar tar-rilokazzjoni tal-iżbark tal-migranti u r-refuġjati, u kważi EUR 0,5 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza ingħatat lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni biex tgħin lil Malta bir-rilokazzjoni ta’ 500 ruħ.
Arranġamenti temporanji dwar l-iżbark
Ir-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni f’Marzu enfasizza l-bżonn li tinstab soluzzjoni strutturata temporanja dwar l-iżbark wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.
L-avvenimenti ta’ żbark, inkluż permezz ta’ bastimenti tal-NGO, fil-Mediterran Ċentrali, juru b’mod ċar il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet Ewropej għal approċċ sostenibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, bbażata fuq is-solidarjetà ir-responsabilità komuni u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni kkoordinat eżerċizzji ta’ rilokazzjoni ad hoc matul is-sena. 25 Din il-koordinazzjoni attiva min-naħa tal-Kummissjoni ta’ wara l-eżerċizzji ta’ żbark, għenet ukoll li jiġi ffaċilitat l-iżbark. Dawn l-isforzi jibnu fuq l-isforzi ta’ solidarjetà tal-Istat Membru li riċeventi, 26 li pparteċipa b’mod volontarju f’dawn l-eżerċizzji, iżda wkoll fuq l-appoġġ tal-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, skont il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni. Il-finanzjament tal-UE għen ukoll jappoġġja lill-Istati Membri bi żbarki ad hoc u għen li jitpoġġew fis-seħħ proċeduri xierqa għall-ipproċessar u r-rilokazzjoni tal-migranti.
B’mod parallel, il-Kummissjoni baqgħet tħeġġeġ b’mod attiv l-iżvilupp tal-ftehimiet temporanji għall-iżbark, sakemm ikun hemm ftehim dwar sistema sostenibbli fit-tul fir-riforma tas-sistema Ewropea għall-ażil. F’Ġunju ġie preżentat dokument ta’ ħidma tal-Presidenza tal-Kunsill li kompla beda fuq diskussjonijiet li saru fost Stati Membri dwar linji gwida dwar arranġamenti temporanji għall-iżbarki. Serje ta’ diskussjonijiet f’Helsinki u Pariġi f’Lulju wittew it-triq għal laqgħa ministerjali f’Malta fit-23 ta’ Settembru. Din laqqgħet flimkien il-Ministri mill-Italja, Franza, Malta u l-Ġermanja fil-preżenza tal-Presidenza Finlandiża u l-Kummissjoni, u stabbiliet il-profil ta’ sett ta’ arranġamenti prevedibbli u strutturali. Dan, aktar tard ġie diskuss mal-Istati Membri kollha fil-Kunsill tal-Affarijiet Interni tat-8 t’Ottubru, fejn il-Kummissjoni ħeġġet li kemm jista’ jkun Stati Membri jinkitbu għal dan l-isforz ta’ solidarjetà. Wara diskussjonijiet kostruttivi fost il-ministri, ġiet organizzata diskussjoni teknika mill-Kummissjoni ma’ dawn l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fir-rilokazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu diskussi l-prattiki eżistenti u l-flussi ta’ xogħol applikati għall-eżerċizzji ta’ rilokazzjoni volontarja kkoordinati mill-Kummissjoni u appoġġjati mill-aġenziji tal-UE. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata biex taħdem mal-Istati Membri lejn soluzzjoni sostenibbli għall-iżbark, wara tiftix u salvataġġ fil-Mediterran.
Arranġamenti temporanji bħal dawn juru li l-Istati Membri huma lesti jinvolvu ruħhom f’solidarjetà tanġibbli u jistgħu jservu bħala ispirazzjoni għall-indirizzar ta’ flussi f’partijiet oħra tal-Mediterran.
·Ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent
Appoġġ lill-Marokk
Il-Marokk fis-snin riċenti qed iħabbat wiċċu ma’ pressjoni migratorja qawwija kemm bħala pajjiż ta’ tranżitu kif ukoll bħala destinazzjoni. Biex jiġi mgħejun jindirizza din is-sitwazzjoni, il-portafoll ta’ kooperazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni issa jammonta għal EUR 238 miljun, inkluż l-appoġġ mill-Fond Fiduċjarju tal-UE mill-Afrika. Dan l-appoġġ, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Spanja għamel kontribut ewlieni biex inaqqas il-wasliet permezz tal-Mediterran tal-Punent, u indirizza l-migrazzjoni irregolari billi żarma n-netwerks kriminali kif ukoll offra appoġġ lil dawk vulnerabbli. L-enfasi tal-appoġġ tal-UE kien li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Marokk biex jiġġestixxi l-flussi fi ħdan it-territorju tiegħu u minnu, pereżempju permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Marokk dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, mgħejuna b’appoġġ istituzzjonali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-bini tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-fruntieri. Il-migranti u r-refuġjati vulnerabbli ingħataw il-ħarsien u l-aċċess għall-għajnuna legali, b’enfasi partikolari fuq id-drittijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati; ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni ġew iffinanzjati wkoll. Il-Marokk huwa sieħeb importanti wkoll fl-iżvilupp tal-migrazzjoni legali u qed jaħdem fuq skemi pilota li fihom it-taħriġ ta’ xogħol tas-sengħa fil-Marokk jista’ jintrabat mal-bżonnijiet tax-xogħol fl-Istati Membri. L-esperjenza tal-programm li għaddej bħalissa se jkollha sehem fl-iżvilupp ta’ programmi ġodda bħala parti minn relazzjoni aktar wiesgħa dwar kwistjonijiet migratorji fuq terminu twil.
Bħala pass importanti fit-tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn il-Marokk u l-UE, l-14-il Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk f’Ġunju inkluda l-mobbiltà u l-migrazzjoni bħala qasam ewlieni għal kooperazzjoni fil-futur. Barra minn hekk, il-klima bilaterali mtejba rriżultat fit-tkomplija tad-djalogu dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobbiltà. Dan id-djalogu kien akkumpanjat minn sensiela ta’ laqgħat ta’ livell għoli riċenti u kuntatti esperti kemm fi Brussell kif ukoll fil-Marokk.
Appoġġ għal Spanja
Spanja hija waħda mill-benefiċjarji ewlenin tal-programmi nazzjonali tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, b’allokazzjoni totali ta’ EUR 737 miljun għall-2014-2020. Il-prijoritajiet tal-iffinanzjar jinkludu t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Ażil u s-sistema ta’ akkoljenza, l-integrazzjoni tar-residenti ta’ nazzjonalità oħra, l-iskjerament ta’ tagħmir rinfurzat u l-forzi mal-fruntieri, u r-ritorn. Barra minn hekk, l-appoġġ ta’ emerġenza ta’ aktar minn EUR 42 miljun ilu jingħata mill-2018 biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jġestixxu l-fluss migratorju mal-kosta tan-Nofsinhar, inkluż b’ċentri ta’ reġistrazzjoni lokali ġodda, u r-rinfurzar tal-Gwardja Ċivili u l-pulizija, kif ukoll biex jingħata appoġġ lill-migranti meta jaslu. Barra minn hekk, fl-2019 l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat 240 espert.
·Indirizzar tal-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari
Fit-terminu medju għal dak fit-tul, huwa essenzjali li jkun hemm ħidma mal-pajjiżi sħab rigward ir-reżiljenza u l-istabbiltà, u rigward il-ħolqien tal-impjiegi u tal-opportunitajiet kemm għall-migranti kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti.
Fl-Afrika ta’ Fuq, il-programmi fittxew li jiżviluppaw kemm l-infrastruttura soċjali kif ukoll l-opportunitajiet ekonomiċi. Pereżempju, żewġ programmi ta’ stabbilizzazzjoni tal-komunità f’aktar minn 50 muniċipalità fil-Libja għenu biex jittejjeb l-aċċess ta’ aktar minn 1,7 miljun persuna għas-servizzi bażiċi, u għenu lil 2 500 imprenditur żagħżugħ u żagħżugħa bi programmi għal taħriġ għal xogħol. Fit-Tuneżija, l-UE investiet aktar minn EUR 200 miljun fuq programmi li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku, b’aktar minn 60 000 żagħżugħ u żagħżugħa li bbenefikaw minn self ta’ mikrokreditu biex isostnu l-iżvilupp tan-negozji ż-żgħar. L-appoġġ tal-UE permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali mal-Marokk laħaq EUR 1 biljun mill-2014 u jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi u l-ambjent tan-negozju 27 .
Fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel u fil-Lag Chad, l-enfasi qiegħda fuq l-appoġġ għal opportunitajiet ekonomiċi u ta’ xogħol, kif ukoll ir-reżiljenza tal-komunitajiet, il-governanza u titjib fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Fil-każ tas-Saħel u tal-Lag Chad, ingħatat attenzjoni speċjali għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u għas-sigurtà. Fil-Qarn, il-programmi f’ħafna każijiet kienu mmirati għall-popolazzjonijiet il-kbar ta’ refuġjati u persuni spostati f’pajjiżhom fir-reġjun; f’Mejju 2019 ġew approvati programmi ġodda, inkluż l-appoġġ għas-saħħa u għall-edukazzjoni fis-Sudan t’Isfel, u l-appoġġ għall-komunitajiet vulnerabbli u l-popolazzjonijiet spostati fis-Sudan, fl-Etjopja, u fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar.
Eżempju wieħed ta’ azzjoni fl-Ażja huwa programm addizzjonali ta’ EUR 27 miljun li jappoġġa lill-Afganistan fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi fi bliet b’influss għoli ta’ nies spostati.
Il-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE se jkompli jestendi l-appoġġ għall-għajxien u l-ekonomiji fl-Afrika sub-Saħarjana u fil-Viċinat tal-UE, u b’hekk jgħin ukoll fl-indirizzar tal-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari. Sa issa, ġew approvati aktar minn EUR 4 biljun skont il-Pjan (EUR 1,54 biljun għal 28 programm ta’ garanzija u EUR 2,6 biljun għal 121 proġett approvat b’finanzjament imħallat 28 ). Jenħtieġ li l-garanziji jirrilaxxaw sa massimu ta’ EUR 17,5-il biljun f’investiment, u jkopru oqsma bħalma huma l-aċċess għall-finanzjament għal impriżi mikro, żgħar u medji, l-enerġija u l-konnettività, l-ibliet, l-agrikoltura, u d-diġitalizzazzjoni. Il-proġetti approvati b’finanzjament imħallat huma mistennija li jirrilaxxaw kważi EUR 24 biljun, u sal-2020 il-Pjan huwa mistenni li jissodisfa l-objettivi tiegħu li jingrana investimenti totali ta’ aktar minn EUR 44 biljun.
Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika
Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2015, il-Fond Fiduċjarju appoġġa evakwazzjonijiet li salvaw il-ħajjiet, tejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni, għen biex jiġu trattati n-netwerks tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u indirizza l-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari f’26 pajjiż Afrikan. Il-Fond laħaq total ta’ EUR 4,5 biljun, madwar EUR 4 biljun mill-fondi tal-UE u EUR 528 miljun mill-Istati Membri, mill-Iżvizzera u min-Norveġja. Il-Fond Fiduċjarju wera li hu għodda flessibbli li ppermettiet reazzjoni fil-pront għall-ħtiġijiet emerġenti, u sa issa ġew adottati 210 programmi.
Azzjonijiet ewlenin appoġġati sa issa mill-Fond Fiduċjarju jinkludu s-segwenti:
- Għajnuna biex in-nies jitilqu mil-Libja, li tikkontribwixxi għal madwar 49 000 ritorn volontarju assistit u aktar minn 4 000 evakwazzjoni sa issa;
- Appoġġ għall-isforzi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni tal-Libja, tal-Marokk u tat-Tuneżija fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali;
- Fil-Gambja, 25 000 persuna jibbenefikaw minn programm li jiffoka fuq oqsma bħalma huma l-koeżjoni soċjali u l-impjiegi fl-enerġija rinnovabbli, fl-ekoturiżmu u fil-biedja moderna;
- Programm fil-Kosta tal-Avorju, f’diskussjoni mal-awtoritajiet, se jassisti fl-immodernizzar tas-sistema tar-reġistru ċivili u se jikkontribwixxi biex titpoġġa fis-seħħ sistema nazzjonali ta’ reġistru ċivili sikur;
- Fil-Qarn tal-Afrika, l-appoġġ iffoka fuq il-provvediment ta’ sigurtà tal-ikel – b’aktar minn 300 000 ruħ li bbenefikaw minn appoġġ biex jiġu mantnuti l-bhejjem – u għajnuna għall-impjiegi, b’ħiliet professjonali ta’ aktar minn 30 000 ruħ żviluppata permezz tat-taħriġ;
- Programm fis-Sudan t’Isfel qed jipprovdi supplimenti salarjali lil aktar minn 28 000 għalliem tal-iskola primarja fi kważi 2 500 skola, li jħeġġu lill-għalliema biex jibqgħu fis-servizz u jżidu l-attendenza tagħhom, u b’hekk jgħinu biex it-tfal jibqgħu l-iskola.
Għaldaqstant, il-Fond Fiduċjarju seta’ jirreaġixxi għal ħafna ħtiġijiet essenzjali. Il-Fondi fit-tliet każijiet ta’ programmi (l-Afrika ta’ Fuq, il-Qarn tal-Afrika, is-Saħel u l-Lag Chad) se jibdew imissu l-qiegħ fi tmiem din is-sena. Għaldaqstant, sabiex jitkomplew dawn il-programmi kruċjali, huwa essenzjali li l-Fond Fiduċjarju jiġi rikostitwit għall-2020. Dan żgur se jinkludi kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u, għaldaqstant, il-Kummissjoni se tidentifika ħtiġijiet preċiżi.
·Sforzi tal-UE li jassistu lir-refuġjati u lill-migranti madwar id-dinja
L-appoġġ għar-refuġjati, għall-migranti u għall-persuni spostati f’pajjiżhom huwa wieħed mir-riżultati ewlenin tal-azzjoni umanitarja u tal-azzjoni tal-iżvilupp tal-UE madwar id-dinja. Dawn jagħtu għajnuna immedjata lill-persuni kkonċernati, joffru solidarjetà mal-isforzi tal-pajjiżi ospitanti, u joffru wkoll aktar stabbiltà għall-movimenti migratorji. Apparti l-ħidma fit-Turkija, hemm ħafna eżempji madwar id-dinja fejn l-UE qed tagħti għajnuna urġenti u diretta lir-refuġjati.
Il-kriżi fil-Venezwela skattat spostament kbir, u sa issa aktar minn erba’ miljun persuna telqu mill-pajjiż. L-UE mmobilizzat kważi EUR 150 miljun kemm fil-Venezwela kif ukoll barra minnha. Fir-reġjun, aktar minn 1,3 miljun persuna bbenefikaw minn assistenza ta’ emerġenza, u ngħata appoġġ ulterjuri għall-kapaċitajiet tal-pajjiżi ospitanti u għall-edukazzjoni. Konferenza fi Brussell f’Ottubru 2019 se tkun opportunità biex il-komunità internazzjonali tiġbor aktar appoġġ għall-pajjiżi fir-reġjun li jospita lir-refuġjati Venezwelani 29 .
Il-Qarn tal-Afrika jospita għoxrin fil-mija tar-refuġjati u tal-popolazzjonijiet spostati tad-dinja, u kien punt fokali tal-appoġġ tal-UE f’dawn l-aħħar snin. Proġetti ġodda din is-sena jinkludu appoġġ għar-refuġjati fl-Etjopja, fis-Sudan u fis-Sudan t’Isfel, kif ukoll aktar minn EUR 67 miljun f’appoġġ umanitarju dirett.
Awwissu 2019 kien it-tieni anniversarju mill-influss massiv ta’ refuġjati Rohingya mill-Myanmar/Burma għall-Bangladesh.. Ir-refuġjati Rohingya fil-Bangladesh, li jammontaw għal kważi miljun, huma kompletament dipendenti fuq l-għajnuna internazzjonali. Mill-2017, il-finanzjament mill-UE għal din il-kriżi laħaq kważi EUR 140 miljun, iffoka fuq il-ħtiġijiet essenzjali tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom, kulma jmur aktar beda jieħu approċċ ta’ żvilupp, u qies ukoll ir-riskji speċifiċi tad-diżastri naturali.
4.ĠLIEDA KONTRA L-FAĊILITAZZJONI TA’ IMMIGRAZZJONI ILLEGALI, TITJIB TAR-RITORN U TAR-RIAMMISSJONI
·Ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u s-sett komplementari ta’ miżuri operazzjonali adottat mill-Kunsill f’Diċembru 2018 kompla jkollhom impatt fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha 30 .
Issa ċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti tal-Europol jipprovdi ċentru effettiv għall-azzjoni. Il-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jappoġġa lill-pulizija u lill-awtoritajiet tal-fruntieri biex jikkoordinaw operazzjonijiet transfruntiera kumplessi ħafna kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. F’Lulju 2019 ġie kkomplementat b’Task Force Konġunta ta’ Kollegament dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali u t-Traffikar ta’ Bnedmin, biex l-uffiċjali ta’ kollegament mill-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib fuq investigazzjonijiet komuni. Matul l-ewwel disa’ xhur tal-2019, iċ-Ċentru appoġġa Sebat Ijiem ta’ Azzjoni Konġunta u Komuni, li wasslu għal 474 arrest, kif ukoll 75 każ kriminali ta’ prijorità. Qed jiġu żviluppati wkoll kurrikuli ta’ taħriġ komuni mal-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ tal-Infurzar tal-Liġi. Fl-1 ta’ Ottubru 2019 saret it-tieni laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali fuq il-post 31 .
Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi għadha kruċjali biex tiġi evitata l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Pass wieħed f’dan ir-rigward huma l-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, li sa issa kienu appoġġati b’aktar minn EUR 27 miljun u li bħalissa għandhom programm ġdid 32 . Il-komunitajiet tad-dijaspora bħad-dijaspora Senegaliża f’diversi Stati Membri tal-UE kienu impenjati f’din il-ħidma 33 . Twaqqaf Grupp ta’ Ħidma apposta għall-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni skont in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, fejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiżguraw kooperazzjoni aktar mill-qrib.
Din il-ħidma hija kkomplementata minn kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi biex jiġu indirizzati n-netwerks involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali permezz tas-Sħubiji Operazzjonali Komuni. Fin-Niġer, Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta li tgħaqqad flimkien lill-awtoritajiet Niġerini, Franċiżi u Spanjoli sa issa wasslet għal 202 każijiet ġudizzjarji. Is-Senegal u l-Guinea dalwaqt iniedu żewġ proġetti li jkopru kemm il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kif ukoll it-traffikar ta’ bnedmin. Fis-Senegal, l-enfasi hija fuq il-kooperazzjoni bejn il-ministeri u l-aġenziji. Fil-Guinea, il-proġett se jagħti kas ukoll il-ġestjoni tal-fruntieri u d-dokumenti tal-ivvjaġġar. Miżura ewlenija oħra hija l-kooperazzjoni tal-UE mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità. Dan l-aħħar tnieda programm reġjonali taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika li jikkontribwixxi biex jiżżarmaw in-netwerks kriminali li joperaw fl-Afrika ta’ Fuq u li huma involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u fit-traffikar ta’ bnedmin.
L-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali huwa wkoll parti ewlenija tal-ħidma tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, bħall-Operazzjoni Sophia (EUNAVFOR Med) u l-missjoni ta’ assistenza għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE (EUBAM Libya). Iċ-Ċellola ta’ Informazzjoni dwar il-Kriminalità fl-Operazzjoni Sophia kienet partikolarment utli għall-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni operazzjonali konġunta bejn l-Aġenziji tal-UE u l-Operazzjoni Sophia stess. Filwaqt li l-estensjoni ulterjuri tal-mandat tal-Operazzjoni sal-31 ta’ Marzu 2020 għandha tintlaqa’ tajjeb, is-sospensjoni temporanja attwali tal-iskjerament tal-assi navali tagħha minn Marzu 2019 affettwat il-kapaċità li l-Operazzjoni tissodisfa l-mandat tagħha fl-aspetti kollha tiegħu. EUBAM Libya qed taħdem mas-sistema ġudizzjarja u mal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-Libja, u qed tiffoka b’mod partikulari fuq il-ħtieġa li jkollha kontroll tal-fruntieri tagħha biex tinterrompi n-netwerks kriminali organizzati, inklużi dawk tal-persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali.
·Ritorn u Riammissjoni
Skont id-data rrapportata lill-Eurostat, 478 155 persuna li kienu qed jirrisjedu illegalment fl-UE ġew ordnati jitilqu fl-2018 u 170 380 ġew effettivament ritornati lejn pajjiż terz. Dan irriżulta f’rata ta’ ritorn ta’ 36 % għall-2018, li turi tnaqqis żgħir mill-2017 (rata ta’ ritorn ta’ 37 %) 34 . 35 Xi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jirċievu għadd sostanzjali ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn 36 għandhom rati ta’ ritorn baxxi ħafna, bħal 1,7 % għall-Mali u 2,8 % għall-Guinea.
Aktar ħidma meħtieġa għar-ritorn u r-riammissjoni
It-23 ftehim ta’ riammissjoni u ftehimiet fis-seħħ 37 – appoġġati mill-għodod għall-ġestjoni tal-każijiet li huma ffinanzjati mill-UE, il-proġetti ta’ bini ta’ kapaċità għall-pajjiżi terzi u l-iskambji ta’ uffiċjali ta’ kollegament – iġibu benefiċċji f’termini ta’ livell aħjar ta’ kooperazzjoni u flussi operazzjonali effettivi, u qed jiġu esplorati aktar ftehimiet u arranġamenti bħala parti mill-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mas-sħab. Madankollu, ir-riżultati għadhom diżappuntanti f’termini tal-għadd ta’ persuni rritornati.
Żieda fir-ritorni tirrikjedi sforzi addizzjonali kemm fl-Istati Membri kif ukoll mal-pajjiżi terzi. L-ewwel nett, is-sistemi ta’ ritorn tal-Istati Membri jridu jkunu mmirati biex jiżguraw li dawk li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom ikunu disponibbli għal ritorn effettiv. Miżuri ewlenin jinkludu l-monitoraġġ attiv tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz matul il-proċedura ta’ ritorn sħiħa u l-konformità tagħhom mal-obbligu ta’ ritorn, biex jiġi evitat ħrib u movimenti sekondarji; u t-tisħiħ tal-għajnuna liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz kooperattivi li jkunu lesti li jitilqu b’mod volontarju. Tirrikjedi wkoll l-ikkompletar tan-negozjati fuq id-Direttiva dwar ir-Ritorn riformulata 38 li mxew ’il quddiem, u l-Kunsill adotta approċċ ġenerali parzjali fis-7 ta’ Ġunju 2019. Il-Parlament Ewropew ma adottax pożizzjoni fuq dan il-fajl matul it-terminu bejn l-2014 u l-2019. Madankollu, sakemm tiġi approvata din ir-riformulazzjoni, l-Istati Membri diġà jistgħu jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom rigward ir-ritorn u r-riammissjoni billi jagħmlu segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Mġedded dwar ir-Ritorn li l-Kummissjoni ppreżentatu fl-2017 39 .
Imbagħad jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw l-istrumenti ta’ riammissjoni u l-għodod kollha stabbiliti bis-sħiħ. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-ftehimiet tal-implimentazzjoni tar-ritorn u ssegwi n-negozjati għal aktar strumenti, kull meta l-azzjoni fil-livell tal-UE tagħti valur miżjud lill-proċess.
Kemm in-negozjazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ riammissjoni jiddependu fuq messaġġ b’saħħtu u konsisteni li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistennew li l-pajjiż terz ikkonċernat jikkoopera. Dan jista’ jfisser l-applikazzjoni ta’ aktar ingranaġġ ta’ politika wiesgħa. F’dan ir-rigward, il-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi rivedut, li se jkun fis-seħħ min Frar 2020, se jkun għodda addizzjonali importanti li tagħti l-possibbiltà lill-UE li tadotta miżuri restrittivi dwar il-viżi għall-pajjiżi terzi li ma jikkooperawx biżżejjed fuq ir-riammissjoni. Jenħtieġ li jinstabu inċentivi u ingranaġġi addizzjonali anke f’oqsma oħra ta’ politika, b’approċċ ta’ każ b’każ.
Se jkun kruċjali wkoll li tiġi żgurata l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-mandat estiż tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-qasam tar-ritorn 40 . Flimkien ma’ rinfurzar sostanzjali tal-Aġenzija, jenħtieġ li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ ritorn tagħha biex tkompli żżid l-appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri, b’riżerva ta’ sorveljaturi, skortaturi u speċjalisti tar-ritorn, jgħin biex fis-snin li ġejjin il-politika ta’ ritorn tal-UE ssir aktar effettiva. Dan se jkun ukoll wieħed mir-rwoli tan-Netwerk Ewropew tal-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni 41 .
5.TISĦIĦ TAL-ĠESTJONI TAL-FRUNTIERA ESTERNA
Sa mill-2016, il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Istati Membri, kompliet taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta bil-ħsieb li l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri ssir responsabbiltà kondiviża bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali. Aspett importanti kien il-ħidma tal-Aġenzija l-ġdida fl-iżgurar li l-istandards tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri jkunu garantiti mal-fruntieri esterni kollha, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu tal-ilmenti ġestit minn Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali indipendenti.
Illum, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tinsab fil-qalba tal-ħidma tal-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħarsien tal-fruntieri esterni. F’termini ta’ rispons prattiku, ir-riżerva ta’ reazzjoni rapida magħmula minn 1 500 gwardja tal-fruntiera u membri tal-persunal oħra rilevanti twaqqfet flimkien ma’ riżerva ta’ tagħmir għal reazzjoni rapida għal skjerament f’każ ta’ emerġenza mal-fruntieri esterni ta’ kwalunkwe Stat Membru. L-Aġenzija kompliet ukoll tagħti assistenza operazzjonali lill-Istati Membri matul ir-rotot migratorji ewlenin kemm mal-fruntieri esterni marittimi kif ukoll dawk fuq l-art, inkluż rigward ir-ritorn. L-iskjerament ġenerali minn nofs Ottubru 2019 inkluda kważi 1 400 gwardja tal-fruntiera u esperti oħra kif ukoll tagħmir 42 . Barra minn hekk, sa mill-2016, l-Aġenzija tuża wkoll osservazzjonijiet mill-ispazju permezz tal-Programm Copernicus biex tappoġġa lill-fruntieri tal-UE.
Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha l-kompitu li twettaq valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà annwali biex tivvaluta l-kapaċità u l-livell ta’ tħejjija tal-Istati Membri biex iħabbtu wiċċhom ma’ theddid u sfidi mal-fruntieri esterni. Dan jinkludi valutazzjoni tat-tagħmir, tal-infrastruttura, tal-baġit u tar-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri kif ukoll tal-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom biex jindirizzaw kriżijiet possibbli mal-fruntieri esterni. L-Aġenzija toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward il-kapaċità tal-kontroll fil-fruntieri tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Aġenzija lestiet dawn il-valutazzjonijiet għall-Istati Membri kollha fi tliet ċikli annwali fl-2017, fl-2018 u fl-2019, u rrakkomandat miżuri konkreti dwar il-vulnerabbiltajiet identifikati f’total ta’ 131 istanza li jirrikjedu li l-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-azzjonijiet xierqa, pereżempju billi jżidu l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom jew jadattaw l-iskjerament tar-riżorsi umani u t-tagħmir, kif ukoll l-użu tagħhom sabiex itaffu dawk il-vulnerabbiltajiet. L-Aġenzija ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Aspett ewlieni ieħor tar-Regolament tal-2016 kien il-kapaċità li tiġi proċessata data personali miġbura mill-Aġenzija bl-iskop ta’ analiżi tar-riskju u għat-trażmissjoni lejn l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri 43 . Fl-aħħar nett, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta kienet qed tappoġġa wkoll lill-pajjiżi terzi u tikkontribwixxi għar-riferiment taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jeħtieġu ħarsien internazzjonali, filwaqt li tiżgura s-sigurtà interna tal-UE.
Il-Kummissjoni nnegozjat ftehimiet dwar l-istatus ma’ ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex tippermetti skjeramenti b’setgħat esklużivi fit-territorju tagħhom. Il-ftehim mal-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019 u ġew skjerati timijiet ta’ gwardji tal-fruntiera b’mod rapidu mal-fruntiera bejn l-Albanija u l-Greċja. Il-ftehim mal-Montenegro ġie ffirmat fis-7 ta’ Ottubru u issa huwa soġġett għall-kunsens tal-Parlament Ewropew. Ġew inizjalati ftehimiet oħrajn mal-Maċedonja ta’ Fuq (Lulju 2018), mas-Serbja (Settembru 2018) u mal-Bożnija-Ħerzegovina (Jannar 2019) u għadhom iridu jiġu ffirmati.
F’Marzu 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ulterjuri msaħħa u mgħammra bis-sħiħ, u r-Regolament il-ġdid huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ Diċembru 2019. Elementi operazzjonali ewlenin ġodda se jkunu t-twaqqif tal-korp permanenti ta’ 10 000 membru tal-persunal operazzjonali li jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, u l-iżvilupp ta’ riżerva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess. Il-valur tal-leġiżlazzjoni l-ġdida ġie enfasizzat ukoll bid-diffikultà kontinwa fl-iżgurar ta’ biżżejjed appoġġ mill-Istati Membri għas-sejħiet mill-Aġenzija biex l-għarfien espert jingħadda lill-operazzjonijiet essenzjali fil-fruntieri inkluż fil-Greċja, fi Spanja u fil-Bulgarija. In-nuqqas rikorrenti ta’ impenji suffiċjenti mill-Istati Membri wassal għal tqassim intern mill-ġdid tar-riżorsi umani u tal-apparat tekniku mill-Istati Membri ospitanti ffinanzjat mill-Aġenzija. Dan jista’ jagħmel tajjeb temporanjament għan-nuqqasijiet attwali, iżda mhuwiex konformi mar-responsabbiltà kondiviża tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha u tal-Aġenzija, għal ħarsien effettiv tal-fruntieri esterni.
L-Aġenzija se jkollha mandat aktar b’saħħtu fuq ir-ritorni u se tikkoopera aktar mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE, inklużi dawk lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE. Dan it-tisħiħ se jagħti l-livell ta’ ambizzjoni ġust lill-Aġenzija biex tirreaġixxi għall-isfidi komuni li tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri esterni tagħha.
Għadd ta’ għodod imtejba għall-kontroll tal-fruntieri qed jimxu ’l quddiem wara l-adozzjoni tar-regoli dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u sistemi ta’ informazzjoni ewlenin ġodda 44 . Dawn se jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet u għal-lakuni fl-informazzjoni billi jgħinu fid-detezzjoni ta’ identitajiet multipli u jiġġieldu l-frodi tal-identità. Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni, u għandha l-għan li tiżgura li l-interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà, għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni sseħħ sa tmiem l-2020. Se jkun essenzjali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaslu għal konklużjoni rapida tal-leġiżlazzjoni marbuta kollha biex titwassal sistema effettiva li tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fl-informazzjoni u tiżgura l-aħjar użu ta’ dawn l-għodod ewlenin. Dan jinkludi negozjati attwali dwar ir-reviżjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, l-Eurodac u l-emendi relatati għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.
6.IL-QAFAS ĠURIDIKU, IR-RISISTEMAZZJONI, IL-VIŻA U R-ROTOT LEGALI
Il-ħtieġa għal Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil riformata kienet waħda mill-aktar tagħlimiet ċari tal-kriżi tal-2015, b’mod partikulari, il-ħtieġa li jinstab mod aħjar biex tiġi allokata r-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għall-ażil lill-Istat Membru tal-ewwel wasla f’sitwazzjoni ta’ wasliet bil-massa. Id-diskussjonijiet madwar ir-riforma ta’ Dublin, li ġew proposti fl-2016 flimkien ma’ sitt proposti oħra 45 li jġeddu l-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, esploraw il-modi differenti kif l-Istati Membri setgħu juru solidarjetà f’każ ta’ bżonn. Sar progress reali lejn ftehim preliminari fuq ħamsa mis-seba’ proposti. Iżda l-maġġoranza tal-Istati Membri insistew fuq approċċ ta’ pakkett, b’hekk trid tinstab triq ’il quddiem rigward elementi ewlenin tar-Regolament ta’ Dublin u r-Regolament dwar il-Proċedura ta’ Ażil. Il-Parlament Ewropew adotta sensiela sħiħa ta’ mandati.
Ir-risistemazzjoni hija alternattiva sikura u legali għall-vjaġġi irregolari u perikolużi tar-refuġjati, u turi s-solidarjetà Ewropea mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li jospitaw għadd kbir ta’ persuni li jaħarbu mill-gwerer u mill-persekuzzjoni. Sakemm jiġi adottat il-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni propost, hemm skemi temporanji fis-seħħ. Sa mill-2015, ġew risistemati kważi 63 000 refuġjat. Skont l-iskema li għaddejja tar-risistemazzjoni tal-UE, 20 Stat Membru impenjaw ruħhom li jipprovdu aktar minn 50 000 post għal dawk l-aktar fil-bżonn. Sas-7 ta’ Ottubru 2019, seħħew 39 000 risistemazzjoni (78 % tal-impenji totali). L-Istati Membri jridu jżommu l-momentum u jiżguraw li l-impenji li fadal jitwettqu qabel ma tiskadi l-iskema fl-aħħar tas-sena. L-Istati Membri rreaġixxew għas-sejħa tal-Kummissjoni li jkomplu jirrisistematizzaw sal-2020 billi diġà impenjaw ruħhom għal 30 000 post ta’ risistemazzjoni għall-2020. Dan jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Istati Membri għar-risistemazzjoni bħala rotta sikura u legali fl-UE.
It-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan għadhom it-tliet pajjiżi bl-ogħla livell ta’ risistemazzjoni lejn l-Ewropea; hemm sforzi li jiffukaw ukoll fuq il-pajjiżi tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali, speċjalment l-Eġittu, in-Niġer/il-Libja u ċ-Chad. Jenħtieġ li r-risistemazzjonijiet mill-Mekkaniżmi ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza fin-Niġer u fir-Rwanda jkunu ta’ prijorità partikulari.
Il-Kodiċi dwar il-Viżi li għadu kif ġie rivedut jikkompleta r-riforma tar-regoli dwar il-Viżi ta’ Schengen, li l-Kummissjoni bdiet f’Marzu 2018, u jiffaċilita l-proċess biex jinħarġu viżi għall-vjaġġaturi bona fide jew għal soġġorni qosra, filwaqt li jsaħħaħ l-istandards ta’ sigurtà u jnaqqas il-migrazzjoni irregolari. Dan ikun ikkomplementat bi ftehim rapidu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi aġġornata s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża 46 .
Il-politika u l-istrumenti għall-migrazzjoni legali, b’mod partikulari biex jiġi attirat talent minn barra mill-UE, għaddew minn żviluppi sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Dan kellu impatt reali: pereżempju, ir-riforma tal-2016 tar-regoli tal-immigrazzjoni għall-istudenti, għar-riċerkaturi, għat-trainees u għall-voluntiera għenet l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jiġu fl-UE biex jistudjaw jiżdied minn ftit inqas minn 200 000 biss fl-2011 għal 320 000 fl-2018 47 . Sfortunatament, in-negozjati dwar ir-riforma proposta biex il-Karta Blu tal-UE ssir aktar attraenti u ttejjeb il-kompetittività tal-UE waqfu. B’mod parallel, il-qafas dwar il-migrazzjoni legali fil-livell tal-UE kollha kemm hi ġie vvalutat permezz ta’ evalwazzjoni komprensiva (“kontroll tal-idoneità”) 48 . Ir-riżultati se jkollhom effett fuq ir-riflessjoni li għaddejja fuq il-passi li jmiss.
B’mod parallel, ġie żgurat progress konkret f’dan il-qasam permezz tal-iżvilupp ta’ proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali, imfassla mill-Istati Membri flimkien mal-pajjiżi sħab ta’ oriġini u ta’ tranżitu ewlenin, u appoġġati mill-Kummissjoni. Dawn għandhom l-għan li jqabblu ħiliet ġodda għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ma’ ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol fl-UE. Bħalissa qed jiġu implimentati ħames proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali b’finanzjament mill-UE, biex jiġu implimentati skemi ta’ mobbiltà ċirkulari u fit-tul għall-gradwati żgħażagħ u għall-ħaddiema minn pajjiżi sħab partikulari (l-Eġittu, il-Marokk, in-Niġerja u t-Tuneżija). Lil hinn mill-benefiċċji li dawn il-proġetti pilota jistgħu jġibu direttament lill-pajjiż terzi u lill-migranti nfushom, dawn jistgħu wkoll ikomplu jinċentivaw l-impenn tal-pajjiżi sħab f’ġestjoni tal-migrazzjoni effettiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw il-proġetti pilota u jestendu l-enfasi ġeografika lil hinn mill-Afrika ta’ Fuq (li sa issa kien il-punt fokali ewlieni).
Il-Kummissjoni żiedet b’mod sinifikanti l-appoġġ tagħha għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-qasam tal-integrazzjoni permezz ta’ finanzjament, koordinazzjoni tal-politika u promozzjoni tal-iskambji ta’ esperjenzi u prattiki. Sa mit-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni fl-2016, tpoġġew fis-seħħ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet f’oqsma differenti: l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi bażiċi, u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni. Fil-qasam tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni żviluppat għodda li tfassal profili tal-ħiliet għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz 49 u ħadmet mill-qrib ma’ sħab soċjali u ekonomiċi biex timplimenta s-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni biex ittejjeb l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol 50 , b’diversi azzjonijiet u inizjattivi mnedija f’ħafna Stati Membri, kif ukoll mas-settur privat permezz tal-inizjattiva “L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni” 51 .
Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-appoġġ tagħha għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq quddiem nett tal-integrazzjoni tal-migranti fil-komunitajiet tagħna. Dan l-aħħar tnedew tmien netwerks kbar ta’ bliet u reġjuni biex jaħdmu fuq l-integrazzjoni. Il-Kummissjoni ngħaqdet ukoll mal-Kumitat tar-Reġjuni li nieda l-inizjattiva Bliet u Reġjuni għall-Integrazzjoni tal-Migranti , li hija pjattaforma għas-sindki u l-mexxejja reġjonali Ewropej biex jiskambjaw eżempji pożittivi. Żiedet ukoll l-appoġġ għall-Istati Membri permezz tan-Netwerk għall-Integrazzjoni Ewropea billi nediet tliet proġetti ta’ assistenza reċiproka, biex tħeġġeġ l-appoġġ reċiproku bejn l-Istati Membri biex tpoġġi fis-seħħ politika jew programm ġdid ta’ integrazzjoni.
7.KONLUŻJONI
Dan ir-rapport stabbilixxa l-isforzi kontinwi tal-UE biex tindirizza l-isfida tal-migrazzjoni sa mill-bidu tal-kriżi fl-2015. L-UE mhux biss irnexxielha ġġestixxi l-flussi, tnaqqas il-wasliet u ssalva l-ħajjiet, iżda l-approċċ komprensiv tagħha poġġa fis-seħħ għodod ġodda, kif ukoll huwa prova ta’ kemm hi lesta turi solidarjetà u tieħu responsabbiltà filwaqt li tagħti appoġġ prattiku fuq il-post. L-UE qed tkompli tagħti ħarsien lill-migranti u lir-refuġjati, tgħin lill-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni, tibni fruntiera esterna b’saħħitha, u taħdem mill-qrib mas-sħab madwar id-dinja. Din il-ħidma kollha għamlet il-bażi tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni ħafna aktar b’saħħitha minn meta faqqgħet il-kriżi fl-2015.
L-UE pprovdiet valur miżjud indispensabbli fl-indirizzar tal-isfida tal-migrazzjoni. L-appoġġ operazzjonali li ngħata lill-Istati Membri, b’mod partikulari mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u l-Europol, huwa integrali għas-sigurtà tal-fruntiera u għar-ritorn, għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Hija forma tanġibbli ta’ solidarjetà li tgħaqqad flimkien l-isforzi Ewropej u nazzjonali, tibni l-kunfidenza u l-fiduċja. Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-Istati Membri ma jippermettu l-ebda tnaqqis fil-provvediment ta’ esperti għall-ħidma tal-Aġenziji.
Il-finanzjament kien wieħed mill-għodod ewlenin biex jitwasslu mhux biss il-politiki tal-UE, iżda anke s-solidarjetà tal-UE. Dan huwa rifless ukoll fil-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Ġie propost li kważi jittrippla l-finanzjament iddedikat għall-migrazzjoni u għall-ġestjoni tal-fruntieri fl-UE u strument kombinat ġdid ta’ finanzjament estern li jimmira għaxra fil-mija tal-infiq għal skopijiet ta’ migrazzjoni, u jinkludi wkoll riżerva flessibbli li tiġi mobilizzata f’każ ta’ ħtiġijiet emerġenti. Se jibqa’ essenzjali li jkun hemm biżżejjed finanzjament mill-UE, kemm biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet umanitarji immedjati kif ukoll biex tinbena infrastruttura għall-migrazzjoni b’saħħitha fit-tul. Hekk kif l-UE timxi minn perjodu ta’ finanzjament pluriennali għal ieħor, il-kontinwità fit-twassil fuq il-post ukoll se jkun essenzjali, biex il-progress li sar sa issa ma jintilifx, speċjalment fil-qafas tal-programmi kruċjali taħt il-Fondi Fiduċjarji. Għaldaqstant, se jkun essenzjali li l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jiġi rikostitwit fl-2020.
Iżda, fl-istess ħin, għadhom jintilfu l-ħajjiet fil-baħar u huwa ċar li s-soluzzjonijiet ad hoc mhumiex sostenibbli. Għad hemm ir-riskju ta’ żieda fil-pressjoni migratorja, kemm minn instabbiltà fuq terminu qasir kif ukoll minn xejriet fuq terminu itwal bħad-demografija u t-tibdil fil-klima. Ir-rotot legali xierqa u l-integrazzjoni għadhom problematiċi. Ir-ritorni, ir-riammissjoni u r-reintergrazzjoni ta’ dawk li ma jeħtiġux ħarsien ukoll jirrikjedu aktar ħidma. Dan jagħmilha importanti aktar minn qatt qabel li titlesta l-mixja lejn sistema sostenibbli fit-tul tal-UE biex iġġestixxi aħjar il-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha. Dan jirrikjedi li l-ħidma li saret sa issa timxi ‘l quddiem f’termini tal-appoġġ operazzjonali u finanzjarju, jitlesta u jiġi implimentat il-qafas leġiżlattiv, u jissaħħu s-sħubijiet mal-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-mixja ’l quddiem, speċjalment rigward ir-riforma leġiżlattiva, tkun ibbażata fuq aktar solidarjetà u rieda li jintlaħaq kompromess minn kulħadd.
Filwaqt li huwa kruċjali li jitpoġġew fis-seħħ arranġamenti temporanji dwar l-iżbark bl-appoġġ ta’ massa kritika tal-Istati Membri, jenħtieġ ukoll li titħaffef il-ħidma biex jiġi żgurat qafas legali komplet u sostenibbli tal-UE għall-migrazzjoni u għall-ażil. Filwaqt li sar xi progress, ir-riforma komprensiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil għadha pendenti. Se jkun meħtieġ approċċ komuni li jiżgura sistema ġusta u durabbli għall-ażil biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tirreaġixxi għad-domandi futuri b’mod li jiżgura l-effiċjenza u jirrifletti l-valuri tagħna.
Il-migrazzjoni għoliet fil-prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE ma’ sħabna billi żiedet fl-importanza tagħha għaċ-ċittadini tal-UE. Issa jeħtieġ li din tiġi integrata bis-sħiħ fl-approfondiment tas-sħubiji mal-pajjiżi terzi, biex issir parti sħiħa mir-relazzjonijiet dejjiema li tista’ tinkludi oqsma bħalma huma l-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u r-riammissjoni.
Barra minn hekk, sistema ta’ Schengen li tiffunzjona kompletament hija essenzjali għall-UE u għall-ekonomija tal-UE. Jenħtieġ li nkomplu nsaħħu s-sistema u nibnu l-fiduċja sabiex nirritornaw għal żona Schengen mingħajr fruntieri interni.
Dawn l-aħħar erba’ snin ta’ twettiq ta’ politika wrew li l-UE kienet kapaċi tirreaġixxi għal ċirkustanzi imprevisti, issib soluzzjonijiet komuni u taħdem fi grupp biex twassal riżultati reali. Għad baqa’ xogħol xi jsir. Is-sitwazzjoni għadha fraġli kif jidher miż-żieda riċenti fil-wasliet mill-Mediterran tal-Lvant u ostilitajiet armati mġedda fil-Grigal tas-Sirja li jheddu li jkomplu jimminaw l-istabbiltà tar-reġjun kollu, u ma jagħtux lok għal serħan il-moħħ. Iżda issa hemm fis-seħħ il-bażi t-tajba sabiex inlestu l-ħidma li npoġġu fis-seħħ sistema Ewropea b’saħħitha u effettiva għall-migrazzjoni u għall-ażil li tirrispetta s-solidarjetà u r-responsabbiltà u tagħti riżultati.
Bastimenti tal-għassa offshore, 18-il bastiment/dgħajsa tal-għassa tal-kosta, ħames inġenji tal-ajru; erba’ ħelikopters, 103 karozzi tal-pattulja, 14-il uffiċċju mobbli u tagħmir ħafif ieħor.