Brussell, 8.10.2019

COM(2019) 463 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Ir-rapport tal-2019 dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Għawdex (Malta)


Ir-rapport tal-2019 dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex (Malta)

Mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027, u f’konformità mad-Dikjarazzjoni 36 dwar ir-reġjun insulari ta’ Għawdex annessa mat-Trattat tal-Adeżjoni ta’ Malta, fi Frar 2019 il-Gvern ta’ Malta talab lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex u, b’mod partikolari, dwar id-disparitajiet fil-livelli tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta u biex tipproponi miżuri xierqa biex tkun possibbli l-integrazzjoni ulterjuri ta’ Għawdex fis-suq intern.

Dan ir-rapport jivvaluta l-istat tal-iżvilupp ta’ Għawdex u l-evoluzzjoni tad-disparitajiet f’Malta. Huwa jipprovdi valutazzjoni billi jeżamina xejriet reċenti fuq serje ta’ dimensjonijiet u indikaturi rilevanti għall-iżvilupp ta’ Għawdex, jiġifieri d-demografija u s-suq tax-xogħol, l-istruttura tal-ekonomija u t-tkabbir ekonomiku, il-ġeografija u l-aċċessibbiltà. Id-dokument jipprovdi wkoll paragun ta’ Għawdex mal-bqija ta’ Malta u ma’ reġjuni oħra Ewropej. Fl-aħħar nett, huwa janalizza kif il-politika ta’ koeżjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-iżvilupp għal Għawdex.

Dan ir-rapport juża l-istatistika reġjonali prodotta mill-Eurostat u mill-Uffiċċju tal-Istatistika Malti.

1.Analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali f’Għawdex

1.1.Ġeografija u użu tal-art

Għawdex huwa t-tieni l-aktar gżira importanti fl-arċipelagu Malti f’termini ta’ daqs u popolazzjoni. Jinsab 5 km fil-majjistral tal-gżira ta’ Malta. Il-gżira ta’ Kemmuna tinsab bejn Malta u Għawdex, anqas minn kilometru bogħod minn Għawdex u kważi mhix abitata 1 . F’termini tal-użu tal-art u tal-kopertura tal-art 2 , iż-żona urbana tammonta għal 21 % tad-daqs ta’ Għawdex u Kemmuna, filwaqt li l-agrikoltura, iż-żoni naturali u l-foresti jammontaw għal 77.5 % tas-superfiċje. B’paragun ma’ dan, il-gżira ewlenija ta’ Malta għandha użu kemxejn ogħla ta’ art għall-użu urban (23 %) u għal unitajiet industrijali, kummerċjali u tat-trasport (5.7 %) milli għall-agrikoltura, iż-żoni naturali u l-foresti (66.7 %). L-użu tal-art jirrifletti d-densità ogħla tal-popolazzjoni u l-grad ta’ industrijalizzazzjoni f’Malta meta mqabbla ma’ Għawdex, u r-rwol prominenti tal-agrikoltura fl-ekonomija Għawdxija.

Rigward il-klassifikazzjoni statistika tagħha bħala reġjun, Malta hija pajjiż, reġjun NUTS1 u reġjun NUTS2. Fil-livell NUTS3, hija maqsuma f’żewġ reġjuni: il-gżira ta’ Malta, u l-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.

Mappa 1. L-użu tal-art u l-kopertura tal-art f’Malta, Għawdex u Kemmuna

Sors: Inventarju tal-Kopertura tal-Art ta’ CORINE, 2018.

1.2.Popolazzjoni

F’Jannar 2018, Għawdex kellu 32,723 abitant, li jirrappreżentaw madwar 6.9 % tal-popolazzjoni Maltija. Id-densità tal-popolazzjoni ta’ Għawdex fl-2018 kienet ta’ 474.5 abitant għal kull km2, madwar kwart tad-densità tal-gżira ta’ Malta (1,793.8 abitant kull km2 fl-istess sena). Madwar 21 % tal-popolazzjoni tgħix f’Victoria (magħrufa wkoll bħala r-Rabat), l-akbar belt tal-Gżira ta’ Għawdex.

F’termini assoluti, il-popolazzjoni f’Għawdex żdiedet mill-2006 għall-2018 b’madwar 1,700 abitant. F’termini relattivi, il-popolazzjoni ta’ Għawdex żdiedet b’rata medja ta’ 0.4 % fis-sena matul il-perjodu 2006-2018, meta mqabbla ma’ rata ta’ tkabbir ta’ 1.4 % (li twassal għal żieda fil-popolazzjoni ta’ 69,000) għall-popolazzjoni residenti fuq il-gżira ta’ Malta matul l-istess perjodu, xprunata wkoll minn żieda sinifikanti fil-migrazzjoni mill-2012 ’il quddiem. Din id-differenza fit-tkabbir wasslet għal tnaqqis fis-sehem tal-popolazzjoni Maltija li tgħix f’Għawdex minn 7.7 % fl-2006 għal 6.9 % fl-2018.

Wieħed mill-fatturi li wasslu għal din l-evoluzzjoni huwa t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Is-sehem tal-popolazzjoni fl-età ta’ 65-il sena u aktar li jgħixu f’Għawdex żdied bi 8 punti perċentwali bejn l-2006 u l-2018, meta mqabbel ma’ żieda ta’ 2 p.p. għall-gżira ta’ Malta. Għalkemm iż-żewġ reġjuni juru xejriet sinifikanti ta’ tixjiħ, is-sehem tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (età ta’ 15-64) għall-gżira ta’ Malta huwa ġeneralment 2 punt perċentwali (p.p.) ogħla mill-istess sehem għall-gżira ta’ Għawdex.

Grafika 1. L-evoluzzjoni tas-sehem tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (15-64 sena) mill-popolazzjoni residenti totali fir-reġjuni ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna, 2006-2018

Sors: Eurostat

1.3.Żvilupp Ekonomiku

Fl-2017, il-PDG per capita f’Għawdex, skont l-Istandards tal-Kapaċità tal-Akkwist (Purchasing Power Standards, PPS), kien jikkorrispondi għal 60 % tal-medja tal-EU-28, livell ferm aktar baxx minn dak ta’ Malta, li bejn wieħed u ieħor huwa ekwivalenti għall-medja tal-EU-28. Bejn l-2000 u l-2011, il-PDG per capita għall-gżira ta’ Malta baqa’ taħt il-medja tal-UE. Id-distakk beda jonqos mill-2012. B’paragun ma’ dan, il-PDG per capita f’Għawdex naqas meta mqabbel mal-medja tal-UE bejn l-2000 u l-2007. Mill-2008, din ix-xejra ‘l isfel twaqqfet. Ir-reġjun beda jikkonverġi mal-medja tal-UE mill-2013, għalkemm b’pass inqas mgħaġġel minn dak tal-gżira ewlenija.

Id-distakk fl-iżvilupp ekonomiku relattiv bejn iż-żewġ gżejjer kiber bejn l-2000 u l-2017, minn 26 għal 41 punti perċentwali. Madankollu, ta’ min jinnota li l-viċinanza relattiva bejn iż-żewġ gżejjer tippermetti lill-ħaddiema jivvjaġġaw lejn il-gżira ta’ Malta biex jaħdmu waqt li jgħixu f’Għawdex. Fil-fatt, aktar minn 20 % tal-ħaddiema residenti f’Għawdex jaħdmu fuq il-gżira ta’ Malta. Il-PDG per capita jkejjel l-attivitajiet ekonomiċi fuq in-naħa tal-produzzjoni u ma jqisx id-dħul tal-unitajiet domestiċi. Għalhekk, il-benesseri ekonomiku reali taċ-ċittadini Għawdxin huwa sottovalutat mill-PDG per capita.

Rigward il-kompożizzjoni settorjali tal-Valur Miżjud Gross bejn żewġ reġjuni, l-ekonomija ta’ Għawdex ġeneralment tiddependi aktar fuq l-agrikoltura u s-sajd (+ 3 p.p.) u s-setturi tal-kostruzzjoni (+ 5 p.p.) mill-gżira ta’ Malta, u inqas fuq is-servizzi finanzjarji, tal-assigurazzjoni, tal-proprjetà immobbli u servizzi oħra (- 4 p.p.)



Grafika 2. L-evoluzzjoni tal-PDG per capita fl-Istandards tal-Kapaċità tal-Akkwist fir-reġjuni ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna, 2000-2017 (EU-28 = 100)

Sors: Eurostat

Grafika 3. Il-kompożizzjoni tal-Valur Miżjud Gross tal-2016 fir-reġjuni ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna

Sors: Eurostat

1.4.Is-Suq tax-Xogħol

L-evoluzzjoni tal-impjiegi kienet simili f’Malta u Għawdex matul il-perjodu 2015-2017, b’rati ta’ tkabbir annwali ta’ bejn il-5 % u s-6 %, u Għawdex irreġistra żieda ftit ogħla fl-impjiegi bejn l-2016 u l-2017 meta mqabbel ma’ Malta. Fiż-żewġ gżejjer, ir-rata tal-impjieg żdiedet matul l-istess perjodu, u Għawdex wera tkabbir aktar mgħaġġel (madwar + 4 p.p. kull sena) bejn l-2015 u l-2017 meta mqabbel ma’ Malta. Fl-2017, ir-rata tal-impjieg għal Għawdex (74 %) taqbeż kienet ogħla minn dik ta’ Malta (72 %).

Il-prossimità bejn iż-żewġ gżejjer u l-frekwenza tal-konnessjonijiet bil-vapur jippermettu l-ivvjaġġar regolari minn Għawdex lejn Malta: meta wieħed iqabbel l-impjieg skont il-post tar-residenza mal-impjieg skont il-post tax-xogħol, aktar minn 3,500 persuna residenti f’Għawdex fil-fatt jaħdmu fuq il-gżira ta’ Malta, u dawn jikkorrispondu għal madwar 22 % tal-forza tax-xogħol residenti.

Tabella 1. Impjieg skont il-post tar-residenza u skont il-post tax-xogħol f’Malta, Għawdex u Kemmuna, u r-rata tal-impjieg

Impjieg skont il-post tar-residenza

2015

2016

2017

Tkabbir 15/16

Tkabbir 16/17

Malta

194,329

205,002

216,492

5.5 %

5.6 %

Għawdex u Kemmuna

13,901

14,678

15,677

5.6 %

6.8 %

Impjieg skont il-post tax-xogħol

2015

2016

2017

Tkabbir 15/16

Tkabbir 16/17

Malta

197,403

208,423

219,998

5.6 %

5.6 %

Għawdex u Kemmuna

10,827

11,257

12,171

4.0 %

8.1 %

Differenza (dawk li jivvjaġġaw biex imorru għax-xogħol)

3,074

3,421

3,506

Rata tal-impjieg

2015

2016

2017

Malta

69 %

71 %

72 %

Għawdex u Kemmuna

66 %

70 %

74 %

Rata tal-impjieg ikkalkulata bil-popolazzjoni bejn il-15 u l-64 bħala denominatur.

Sors: L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Malta u l-Eurostat.

Il-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol fuq iż-żewġ gżejjer hija simili ħafna għall-kompożizzjoni tal-Valur Miżjud Gross: Għawdex jimpjega 4 p.p. aktar nies fl-agrikoltura u s-sajd, u 3 p.p. aktar fil-kostruzzjoni minn Malta, iżda 7 p.p. anqas fis-servizzi finanzjarji, tal-assigurazzjoni, tal-proprjetà immobbli u servizzi oħra.



Grafika 4. Il-kompożizzjoni tal-Valur Miżjud Gross tal-2016 fir-reġjuni ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna

Sors: Eurostat

1.5.Aċċessibilità u turiżmu

Għawdex huwa 5.3 km ‘il bogħod mill-gżira ewlenija. Il-ħin għall-ivvjaġġar bil-vapur bejn dawn iż-żewġ gżejjer huwa ta’ madwar 30 minuta f’temp tajjeb. Kif ġie rrimarkat hawn fuq, ħafna impjegati jivvjaġġaw minn Għawdex lejn il-gżira ewlenija ta’ Malta, b’mod partikolari l-belt kapitali, bl-użu tal-konnessjonijiet marittimi frekwenti bejn iż-żewġ gżejjer.

L-għadd ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-portijiet taċ-Ċirkewwa f’Malta u l-Imġarr f’Għawdex żdied bi kważi 60 % bejn l-2003 u l-2017 u bi kważi 34 % bejn l-2010 u l-2017. Dan jikkorrispondi għal żieda annwali medja fl-għadd ta’ passiġġieri bil-baħar bejn iż-żewġ portijiet ta’ 3.4 %, u bejn l-2013 l-2017 kien hemm żieda aktar notevoli, b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ kważi 6 %.

Għawdex mhuwiex biss post fejn jgħixu nies li jivvjaġġaw biex imorru għax-xogħol; huwa jattira wkoll it-turisti. Bl-istess mod bħal Malta, Għawdex irreġistra xejra dejjem tiżdied fl-għadd ta’ turisti matul il-perjodu 2012-2017, għalkemm din kienet ftit iżgħar (+ 33 % imqabbla ma’ + 36 %). In-numru ta’ turisti li jżuru Għawdex u Kemmuna u li joqogħdu hemm mill-inqas lejl wieħed huwa ċertament inqas mill-għadd ta’ turisti li jżuru l-gżira ta’ Malta. Madankollu, fl-2017, dawn xorta kienu kważi tliet darbiet daqs il-popolazzjoni residenti ta’ Għawdex. Rigward l-offerta, l-għadd ta’ postijiet tas-sodod f’Għawdex żdied b’rata aktar mgħaġġla milli f’Malta, minn 1,756 għal 2,165 unità bejn l-2012 u l-2017 (+ 23 %), meta mqabbel ma’ madwar 40,000 unità disponibbli f’Malta (+ 7 %). Madankollu, it-tul ta’ żmien tas-soġġorn huwa ġeneralment iqsar: bħala medja, it-turisti jqattgħu ħamest iljieli f’Malta mqabbla ma’ tlitt iljieli f’Għawdex u Kemmuna.



Grafika 5. Evoluzzjoni tal-għadd ta’ passiġġieri bejn il-portijiet taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr (f’eluf)

Sors: Eurostat

Tabella 2. Għadd ta’ viżitaturi u postijiet tas-sodod f’Malta u f’Għawdex

Għadd ta’ viżitaturi

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Tkabbir 12/17

Tkabbir Annwali Medju

Malta

1,274,123

1,377,594

1,464,903

1,499,117

1,532,666

1,731,687

36 %

6.3 %

Għawdex u Kemmuna

73,585

83,051

86,644

86,951

86,866

97,781

33 %

5.9 %

Numru ta’ postijiet tas-sodod

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Tkabbir 12/17

Tkabbir Annwali Medju

Malta

38,187

40,895

39,473

40,217

39,163

40,762

7 %

1.3 %

Għawdex u Kemmuna

1,756

1,800

1,855

1,948

2,074

2,165

23 %

4.3 %

Sors: L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika; Malta.

1.6.Tqabbil ma’ gżejjer Ewropej oħra

Meta mqabbel ma’ dak ta’ reġjuni insulari oħra ta’ daqs simili (f’termini ta’ popolazzjoni), il-PDG per capita f’Għawdex u Kemmuna f’PPS fl-2016 kien ġeneralment aktar baxx milli kien fi gżejjer oħra, bl-eċċezzjoni tar-reġjuni insulari Griegi ta’ Lesvos, Limnos, Ikaria, Samos u Chios. Madankollu, Għawdex u Kemmuna huma wieħed mill-ftit reġjuni insulari fejn il-PDG per capita żdied, speċjalment fil-perjodu ta’ wara l-kriżi finanzjarja (2009-2016).

Tabella 3. L-evoluzzjoni tal-PDG per capita fl-Istandards tal-Kapaċità tal-Akkwist f’reġjuni insulari magħżula (EU-28 = 100)

Pajjiż tal-UE

Reġjun NUTS 3

2002

2009

2016

Rata tat-tkabbir annwali 2002-2016

Rata tat-tkabbir annwali 2009-2016

DK

Bornholm

88

87

89

0.1 %

0.3 %

ES

Fuerteventura

132

88

85

-3.1 %

-0.5 %

ES

Menorca

103

85

75

-2.2 %

-1.8 %

ES

El Hierro

72

87

65

-0.7 %

-4.1 %

ES

La Gomera

85

87

70

-1.4 %

-3.1 %

ES

La Palma

66

80

68

0.2 %

-2.3 %

FI

Åland

151

144

129

-1.1 %

-1.6 %

EL

Chios

66

73

50

-2.0 %

-5.3 %

EL

Zakynthos

104

104

75

-2.3 %

-4.6 %

EL

Ikaria, Samos

65

79

51

-1.7 %

-6.1 %

EL

Ithaki, Kefallinia

89

94

60

-2.8 %

-6.2 %

EL

Lesvos, Limnos

64

74

51

-1.6 %

-5.2 %

MT

Għawdex u Kemmuna

55

51

56

0.1 %

1.3 %

SE

Gotlands län

98

93

92

-0.5 %

-0.2 %

UK

Western Isles

88

88

76

-1.0 %

-2.1 %

UK

Shetland Islands

135

127

133

-0.1 %

0.7 %

UK

Orkney Islands

95

95

95

0.0 %

0.0 %

Sors: Eurostat.

1.7.Disparitajiet interni

Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, id-differenzi reġjonali fir-reġjuni NUTS2 jitkejlu bl-użu tal-PDG per capita fil-livell NUTS3. Fil-każ ta’ Malta, il-gżejjer ta’ Malta u ta’ Għawdex u Kemmuna huma żewġ reġjuni NUTS3 li huma parti minn reġjun NUTS2 wieħed, li jikkoinċidi wkoll mal-pajjiż.

Id-disparitajiet interni ovvjament ma jistgħux jiġu vvalutati għar-reġjuni NUTS2 bl-ebda suddiviżjoni ta’ NUTS3. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ kejl tad-disparitajiet reġjonali ġeneralment huma sensittivi għan-numru ta’ żoni NUTS3 f’kull reġjun NUTS2.

Għal din ir-raġuni, dan ir-rapport juża erba’ sistemi ta’ kejl tad-disparità interna, u jqis tliet settijiet differenti ta’ reġjuni NUTS2: 1) ir-reġjuni NUTS2 kollha tal-UE; 2) ir-reġjuni NUTS2 fi tranżizzjoni (fejn il-PDG per capita huwa bejn 75 % u 90 % tal-medja tal-UE); 3) ir-reġjuni NUTS2 b’belt kapitali, esklużi r-reġjuni li mhumiex suddiviżi ulterjorment f’żoni NUTS3.

L-erba’ indikaturi huma dawn li ġejjin:

·Il-Koeffiċjent tal-Varjazzjoni: il-proporzjon bejn id-devjazzjoni standard tan-NUTS3 kollha mal-medja tal-PDG per capita tan-NUTS2 . Mill-erba’ sistemi ta’ kejl, dan l-indikatur huwa l-inqas wieħed dipendenti fuq in-numru ta’ reġjuni NUTS3 fir-reġjun NUTS2 li jkun qed jiġi kkunsidrat.

·L-indiċi Gini: indiċi bejn 0 u 1, fejn 0 jikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ ugwaljanza perfetta fir-reġjuni NUTS 3, u 1 għal sitwazzjoni fejn il-PDG kollu huwa kkonċentrat f’reġjun wieħed NUTS3.

·L-indiċi Theil: indiċi li jagħti valuri aktar qrib iż-żero iktar ma jonqsu d-differenzi interni.

·Il-propozjon Min/Max: proporzjon sempliċi bejn il-PDG per capita fir-reġjun NUTS3 bl-anqas valur u r-reġjun NUTS3 bl-ogħla valur, fl-istess reġjun NUTS2. Minn dawn l-erba’ sistemi ta’ kejl, dan l-indikatur huwa l-aktar sensittiv għan-numru ta’ reġjuni NUTS3 f’kull żona NUTS2.

L-ogħla klassifikazzjonijiet jikkorrispondu għal reġjuni b’livelli baxxi ta’ diskrepanzi interni: il-klassifikazzjonijiet huma kkalkulati f’ordni miż-żgħir sal-kbir għall-koeffiċjent ta’ varjazzjoni, l-indiċi Gini u l-indiċi Theil u f’ordni mill-kbir saż-żgħir għall-proporzjon Min/Max.

Ir-riżultati għal Malta huma murija fit-tabella 4.

Meta ssir il-klassifikazzjoni fost il-237 reġjun NUTS2 li għandhom suddiviżjonijiet NUTS3, l-indiċi Theil u l-koeffiċjent tal-varjazzjoni jagħtu bejn wieħed u ieħor riżultati simili għal Malta (99/237 u 86/237 rispettivament). L-indiċi Gini jidher li jissottovaluta d-differenzi ekonomiċi f’Malta (33/237), filwaqt li l-proporzjon Min/Max jidher li jissopravalutahom (164/237).

Il-klassifikazzjonijiet fost is-46 NUTS2 fi tranżizzjoni juru stampa kemxejn aktar ċara. Għal darb’ oħra, l-indiċi Theil u l-koeffiċjent tal-varjazzjoni jagħtu klassifikazzjonijiet għal Malta li huma qrib ħafna ta’ xulxin (26/46 u 24/46 rispettivament), l-indiċi Gini jpoġġi lil Malta fil-11-il post, filwaqt li l-proporzjon Min/Max ipoġġiha fid-39 post.

Fl-aħħar nett, Malta hija wkoll reġjun kapitali, għalhekk it-tielet għażla ta’ reġjuni tikklassifikaha fost il-15-il reġjun kapitali l-oħra fl-Ewropa b’aktar minn reġjun NUTS3 wieħed. Malta tikklassifika fl-1 post skont il-koeffiċjent ta’ varjazzjoni, l-indiċi Gini u l-indiċi Theil, u fit-tieni post skont il-proporzjon Min/Max, u għalhekk ġeneralment għandha prestazzjoni aħjar mir-reġjuni kapitali l-oħra kollha fl-UE f’dak li għandu x’jaqsam mad-diskrepanzi interni.



Tabella 4. Analiżi komparattiva tad-differenzi reġjonali f’termini tal-PDG per capita tal-2016 għal Malta, abbażi ta’ erba’ indikaturi differenti u tliet għażliet ta’ klassifikazzjoni differenti

Il-valuri tal-erba’ indikaturi biex jitkejlu l-inugwaljanzi reġjonali – Malta

Koeffiċjent ta’ varjazzjoni

Indiċi Gini

Indiċi Theil

Propozjon Min/Max

0,11

0,03

0,01

0,57

Il-klassifikazzjoni ta’ Malta fost ir-reġjuni NUTS2 kollha fl-UE b’aktar minn reġjun NUTS3 wieħed (237 reġjun)

Koeffiċjent ta’ varjazzjoni

Indiċi Gini

Indiċi Theil

Propozjon Min/Max

86

33

99

164

Il-klassifikazzjoni ta’ Malta fost ir-reġjuni NUTS2 kollha fl-UE b’aktar minn reġjun NUTS3 wieħed (46 reġjun)

Koeffiċjent ta’ varjazzjoni

Indiċi Gini

Indiċi Theil

Propozjon Min/Max

24

11

26

39

Il-klassifikazzjoni ta’ Malta fost ir-reġjuni NUTS2 kollha fl-UE b’aktar minn reġjun NUTS3 wieħed (15-il reġjun)*

Koeffiċjent ta’ varjazzjoni

Indiċi Gini

Indiċi Theil

Propozjon Min/Max

1

1

1

2

*Ir-reġjuni kapitali għall-pajjiżi li ġejjin: BG, DK, EE, EL, FR, HR, IE, IT, LV, MT, NL, PL, RO, SI u UK.

Sors: Kalkolu tad-DĠ REGIO bbażat fuq id-data tal-Eurostat.

2.L-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni f’Għawdex

Għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2007/2013 u 2014/2020, 11 % u 10 % rispettivament tal-baġit totali disponibbli taħt il-FEŻR, il-FSE u l-FK iffukaw fuq investimenti territorjali f’Għawdex. Dan huwa kemxejn ogħla mill-proporzjon tal-popolazzjoni Għawdxija (madwar 7 %), bl-objettiv ewlieni jkun li jitnaqqsu d-disparitajiet ma’ Malta, kif irrapportat fil-Kapitolu 1.

L-oqsma ta’ investiment ewlenin għall-2007-2013 kienu Investiment fil-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja aħjar u l-Abilitazzjoni tal-persuni għal aktar impjiegi u għal kwalità tal-ħajja aħjar, li b’kollox kienu jammontaw għal EUR 107.3 miljun. Għall-perjodu 2014/2020, l-ammont imħallas mill-1 ta’ Mejju 2019 kien ta’ EUR 95.6 miljun.

L-interventi f’Għawdex ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma, u baġits sinifikanti qed jiġu investiti fuq, pereżempju, l-infrastruttura tat-toroq, tat-trasport, tal-ilma u tal-enerġija rinnovabbli, il-faċilitajiet tal-ġestjoni tal-iskart u r-riabilitazzjoni ta’ siti storiċi, b’mod partikolari ċ-Ċittadella, li ġew iddedikati għaliha EUR 12-il miljun f’fondi tal-UE. Għawdex ibbenefika wkoll minn finanzjament mill-FEMS b’appoġġ għall-industrija tas-sajd, biex jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tas-sajjieda li jinsabu fil-portijiet tas-sajd magħżula tal-Imġarr u x-Xlendi, flimkien mal-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda relatati.

Permezz ta’ 79 proġett li kienu jammontaw għal EUR 12.4-il miljun, il-FSE pprovda wkoll appoġġ biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità u tas-suq tax-xogħol, il-gwida għall-karrieri, it-titjib tal-impjegabbiltà u l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2021/2027, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-UE tal-FEŻR, tal-FSE+ u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-arċipelagu kollu Malti 3 tammonta għal EUR 672.8 miljun, tnaqqis ta’ 5 % meta mqabbla ma’ EUR 708 miljun għall-2014/2020. Dan jirrifletti l-proċess ta’ suċċess ta’ progress lejn il-medja tal-UE f’dawn l-aħħar snin. Id-diskussjonijiet rigward il-prijoritajiet tal-investiment għall-programmi għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 se jibnu fuq ir-Rapport tal-Pajjiż għal Malta 2019 4 tas-27 ta’ Frar 2019, u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019. Huwa ma jantiċipax il-kwistjoni importanti tas-sehem tal-fondi li se jiġu allokati għal Għawdex/Kemmuna.

3.Konklużjonijiet

L-analiżi statistika ta’ dan ir-rapport turi li d-differenzi fil-PDG per capita bejn Għawdex u l-gżira ewlenija ta’ Malta żdiedu ftit maż-żmien. Elementi varji jistgħu jispjegaw din ix-xejra. Huwa fattur importanti li l-gżira ta’ Malta għandha ekonomija aktar orjentata lejn is-servizz mill-gżira ta’ Għawdex, li tiddependi aktar fuq l-agrikoltura, is-sajd u l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni. B’din l-orjentazzjoni ekonomika differenti, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta qabeż lil dak ta’ Għawdex.

F’dawn l-aħħar snin, Għawdex kien kapaċi jnaqqas id-distakk mill-medja tal-UE aktar malajr minn reġjuni insulari oħra fl-UE. Dan jista’ jkun dovut għall-effetti konsegwenzjali tal-qrubija mal-gżira ewlenija ta’ Malta, b’mod partikolari l-ivvjaġġar għax-xogħol u ż-żieda fit-turiżmu fir-reġjun.

Meta titqabbel is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta ma’ reġjuni oħra fi tranżizzjoni fl-UE, id-differenzi interni huma medji meta Malta titqabbel ma’ reġjuni oħra fi tranżizzjoni.

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-PDG per capita bħala indikatur jissottovaluta l-benesseri ekonomiku reali tar-residenti ta’ Għawdex, minħabba l-proporzjon sinifikanti ta’ ħaddiema li jivvjaġġaw lejn il-gżira ta’ Malta għax-xogħol.

Sar progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà, għall-benefiċċju kemm tat-turiżmu kif ukoll tal-ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw lejn Malta għax-xogħol. Il-politika ta’ koeżjoni kkontribwixxiet għal dan is-suċċess, permezz ta’ investimenti sinifikanti li saru fl-infrastrutturi tat-trasport bit-triq u marittimu, il-faċilitajiet tal-enerġija u tas-saħħa, u l-appoġġ għar-rinnovazzjoni tal-wirt kulturali.

Fil-qafas tal-preparazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija u l-programmi operattivi tal-2021/2027, l-awtoritajiet Maltin huma mistiedna jqisu l-investimenti u l-miżuri strutturali possibbli meħtieġa, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Għawdxi, biex jitnaqqas id-distakk tal-PDG per capita. Aktar suċċess fl-appoġġ tal-proċess tat-tnaqqis tad-distakk ta’ Għawdex se jiddependi fuq li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ Għawdex, inkluż it-tixjiħ rapidu tal-popolazzjoni.

(1)      Meta jirreferi għar-reġjun NUTS3, ir-rapport juża t-terminu “Għawdex u Kemmuna”, iżda peress li Kemmuna fil-biċċa l-kbira tagħha mhijiex abitata, ir-rapport jirreferi għal Għawdex biex jiddeskrivi x-xejriet statistiċi.
(2)      Iċ-ċifri huma meħuda mill-Inventarju tal-Kopertura tal-Art ta’ CORINE, 2018. Dawn ma jammontawx għal 100 % minħabba li xi klassijiet residwi bħas-siti tar-rimi, is-siti tal-kostruzzjoni eċċ. ma ġewx ikkunsidrati.
(3)      L-Anness XXIII tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament - COM (2018) 375 final.
(4)      SWD(2019) 1017 final.