Brussell, 27.9.2019

COM(2019) 437 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati li ġiet ikkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008


Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008.

1.1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni dwar prodotti agrikoli u ċerti prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern jew f’pajjiżi terzi jistgħu jiġu ffinanzjati kompletament jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni.

L-Artikolu 5(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jissupplimentaw il-lista ta’ prodotti fl-Anness I billi jżidu prodotti tal-ikel sabiex iqisu l-iżviluppi tas-suq.

L-Artikolu 7(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom kull waħda mill-organizzazzjonijiet, mill-gruppi u mill-korpi proponenti jistgħu jissottomettu programm. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jiggarantixxu li dawk l-organizzazzjonijiet, il-gruppi u l-korpi jkunu rappreżentattivi u li l-programm ikun fuq skala sinifikanti.

 L-Artikolu 11(1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistipulaw il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-eliġibbiltà fir-rigward ta’ programmi sempliċi.

L-Artikolu 13(1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura kompetittiva għall-għażla tal-korpi ta' implimentazzjoni.

L-Artikolu 15(8) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom l-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, u, fejn meħtieġ, l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal, ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni.

L-Artikolu 29(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tiżgura tranżizzjoni bla xkiel bejn l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

1.2.Bażi ġuridika

Ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 22(2). Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 7(2), 11(1), 13(1), 15(8) u 29(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-24 ta’ Novembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

1.3.Eżerċizzju tad-delega

Il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed abbażi tal-Artikoli 7(2), 11(1), 13(1) u 15(8): Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 2 . Dan l-att delegat jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-proposta ta’ programmi sempliċi u multipli minn organizzazzjonijiet proponenti, inkluż ir-rekwiżit li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu rappreżentattivi tas-settur jew tal-prodott ikkonċernat. Hija meħtieġa skala sinifikanti tal-programmi sempliċi għall-eliġibbiltà ta’ programm sempliċi u ulterjorment speċifikat. Hija tispeċifika wkoll il-kriterji għall-għażla tal-korpi biex jiġu implimentati programmi sempliċi u tiddefinixxi l-ispejjeż eliġibbli.

F’konformità mal-fehim komuni dwar atti delegati 3 , l-esperti tal-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet orizzontali dwar il-PAK — simplifikazzjoni tas-sottogrupp. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1829 tat-13 ta’ April 2015 u r-Regolament ġie nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat. Wara l-iskadenza ta’ xahrejn, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 266 tat-13 ta’ Ottubru 2015 u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2015.

L-għoti tas-setgħat fl-Artikoli 5(2) u 29(2) ma ntużawx, minħabba li l-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jiżdiedu prodotti tal-ikel mal-lista ta’ prodotti tal-Anness I, u lanqas li tipprovdi għal regoli tranżitorji bejn ir-Regolament il-qadim u dak ġdid.

Il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li fil-futur qarib tuża s-setgħat, iżda ma jistax jiġi eskluż li dan se jkun meħtieġ.

1.4.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni eżerċitat b’mod korrett is-setgħat delegati tagħha. Ma jistax jiġi eskluż li s-setgħat se jkunu meħtieġa fil-futur.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.

(1)      Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008, ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56
(2)      Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 tat-23 ta’ April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi, ĠU L 266, 13.10.2015, p. 3
(3)      Fehim Komuni dwar l-atti delegati mill-2011 (mhux ippubblikat).