Brussell, 29.7.2019

COM(2019) 349 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji


Deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza adottati minn Jannar2018

Minn Jannar 2018, il-Kummisjoni adottat id-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza jew il-valutazzjonijiet finalizzati li ġejjin fl-oqsma segwenti:

·Il-Kummissjoni għamlet valutazzjonijiet ġodda skont ir-regoli settorjali applikabbli:

oDeċiżjoni dwar l-ekwivalenza dwar ir-rekwiżiti tal-marġini tal-EMIR għall-Ġappun 1 ;

oDeċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital 2 (CRR) għall-Arġentina 3 għal ponderazzjoni tar-riskju tal-kreditu skont ir-rekwiżiti tas-CRR;

oDeċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont il-MiFIR dwar l-Obbligu tan-Negozjar tad-Derivattivi għal Singapore 4 ;

oDeċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont il-MiFIR dwar l-Obbligu tan-Negozjar tad-Derivattivi għall-Iżvizzera ta’ Diċembru 2018 li skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2019 5 ;

oŻewġ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza skont ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji għal Singapore u l-Awstralja 6 ;

oIl-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tadotta deċiżjoni ta’ adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Awditjar Statutorju għaċ-Ċina. Din id-Deċiżjoni ppjanata ġiet ippubblikata f’forma ta’ abbozz biex tilqa’ l-feedback pubblika sat-2 ta’ Lulju 2019;

·Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza biex tevita riskju ta’ stabbiltà finanzjarja relatat mal-possibbiltà ta’ Brexit ta’ ebda ftehim. F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza strettament limitati biż-żmien 7 , li se jidħlu fis-seħħ biss jekk ikun hemm Brexit ta’ ebda ftehim:

oEkwivalenza sat-30 ta’ Marzu 2020 għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) tar-Renju Unit;

oEkwivalenza sat-30 ta’ Marzu 2021 għad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) tar-Renju Unit;

·Il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid deċiżjonijiet eżistenti dwar l-ekwivalenza bħala riżultat tal-bidliet fil-qafas leġiżlattiv tal-UE:

oSkont ir-Regolament dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu, serje ta’ deċiżjonijiet li jġeddu jew iħassru deċiżjonijiet eżistenti dwar l-ekwivalenza għal total ta’ disa’ pajjiżi 8 .

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/684 tal-25 ta’ April 2019, ĠU L 115, 2.5.2019, p. 11-15. Abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew. Din id-Deċiżjoni tippermetti li l-parteċipanti fis-suq jikkonformaw ma’ sett wieħed biss ta’ regoli u għaldaqstant tevita regoli doppji jew konfliġġenti meta jidħlu f’kuntratt tad-derivattivi barra l-Borża mhux ikklerjati.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/536 tad-29 ta’ Marzu 2019, ĠU L 92, 1.4.2019, p. 3-8. Din id-Deċiżjoni tippermetti trattament tal-kapital favorevoli għall-iskoperturi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti entitajiet tas-settur pubbliku li jinsabu fl-Arġentina.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/541 tal-1 ta’ April 2019, ĠU L 93, 2.4.2019, p. 18-24. Id-Deċiżjoni tirrikonoxxi ċerti swieq stabbiliti f’Singapore bħala eliġibbli għal ċentri tan-negozjar tad-derivattivi fl-UE. Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi ċerti ċentri tan-negozjar awtorizzati u ssorveljati f’Singapore bħala konformi mal-eżekuzzjoni tad-derivattivi b’mandat tal-G20 skont l-Artikolu 28 tar-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti finanzjarji. Min-naħa l-oħra, bħala parti minn approċċ komuni, l-awtoritajiet Singaporjani eżentaw ċerti ċentri tan-negozjar tal-UE kif innotifikat mill-Kummissjoni mill-obbligu li jirreġistraw bħala operaturi rikonoxxuti tas-suq.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2047 tal-20 ta’ Diċembru 2018, ĠU L 327, 21.12.2018, p. 77-83. Id-Deċiżjoni rrikonoxxiet ċerti swieq stabbiliti fl-Iżvizzera bħala ekwivalenti għas-swieq regolati skont ir-regoli tal-UE għan-negozjar tal-ishma.

(6)

Żewġ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. (Abbozzi ppubblikati għal feedback pubblika bejn id-19 ta’ Marzu 2019 u s-16 ta’ April 2019 - Ares(2019)1806355; Ares(2019)1806384). Dawn id-Deċiżjonijiet jippermettu li l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE li jirreferu għall-parametri referenzjarji msemmija fid-Deċiżjoni jkomplu jagħmlu dan fil-futur.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 tad-19 ta’ Diċembru 2018, ĠU L 325, 20.12.2018, p. 47-49 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta’ Diċembru 2018. Id-Deċiżjonijiet jippermettu li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq temporanjament tirrikonoxxi kontropartijiet ċentrali (rispettivament depożitarji ċentrali tat-titoli) li attwalment huma stabbiliti fir-Renju Unit biex l-entitajiet tal-UE jkunu jistgħu jużaw is-servizzi rispettivi mogħtija minn dawk l-infrastrutturi bbażati fir-Renju Unit. Fit-3 ta’ April 2019, id-Deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza temporanji ġew emendati biex japplikaw fid-data wara Brexit ta’ ebda ftehim (ara d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/544 u (UE) 2019/545 u għall-kontropartijiet ċentrali u d-depożitorji ċentrali tat-titoli). Id-dati tat-tmiem tagħhom baqgħu l-istess.

(8)

Disa’ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, inkluż erba’ tiġdidiet: Hong Kong, il-Ġappun, il-Messiku; l-Istati Uniti u ħames tħassiriet: l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, Singapore. Ġew ippubblikati abbozzi għal feedback pubblika bejn il-11 ta’ Ġunju 2019 u d-9 ta’ Lulju 2019 (pereżempju Ares(2019)3678306 għall-Istati Uniti).


Brussell, 29.7.2019

COM(2019) 349 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji





Ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji

1.Introduzzjoni

L-UE konsistentement fittxet l-objettiv li ssaħħaħ is-suq intern fis-servizzi finanzjarji billi poġġiet fis-seħħ ġabra unika tar-regoli u arkitettura superviżorja komuni għall-Istati Membri kollha tagħha. F’dawn l-aħħar snin, l-UE kisbet progress tanġibbli f’dan ir-rigward billi stabbiliet l-Unjoni Bankarja u waqqfet il-pedamenti għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Sabiex iżżomm man-natura globali tas-swieq finanzjarji, l-UE tqis kif il-qafas domestiku tagħha għas-servizzi finanzjarji jkopri attivitajiet transfruntiera u skoperturi għar-riskji f’pajjiżi terzi u kif dak il-qafas jinteraġixxi ma’ reġimi regolatorji oħrajn. Fl-istess ħin, l-UE tissorvelja u, meta jkun meħtieġ, tirreaġixxi b’mod dinamiku għall-iżviluppi regolatorji u superviżorji esterni (jiġifieri t-titjib jew id-deterjorament tal-kooperazzjoni bilaterali/fiduċja reċiproka) li tista’ taffettwa l-ambjent regolatorju usa’ għall-parteċipanti fis-suq li huma attivi fl-UE. B’hekk, l-UE tistinka biex iżżomm qafas prudenzjali reżiljenti u effettiv li jindirizza r-riskji relatati mal-attività transfruntiera sa fejn dawn jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Mill-inqas, dan ifisser li għandha l-għan li tevita rekwiżiti konfliġġenti u tnaqqas l-opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju.

L-UE mhijiex l-unika żona regolatorja li qed tħabbat wiċċha ma’ din l-isfida. Id-dritt tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji kif ukoll is-sistemi regolatorji finanzjarji f’pajjiżi terzi jispiraw ruħhom minn standards internazzjonali, żviluppati b’mod konġunt f’korpi internazzjonali bħall-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-Kumitat ta’ Basel dwar is-superviżjoni bankarja, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, taħt id-direzzjoni politika tal-G20. L-istandards internazzjonali jgħinu lill-ġurisdizzjonijiet kollha jiżguraw li riskji simili jistgħu jiġu indirizzati b’mod simili u li jiġu evitati l-ġirjiet lejn l-iktar livell baxx li huma suxxettibbli għall-ħolqien ta’ instabbiltà finanzjarja u riskji ta’ kontaġju fis-swieq globali. Il-qafas globali tal-G20 huwa mirfud ukoll minn netwerk ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bilaterali, kemm fil-livell regolatorju kif ukoll f’dak superviżorju. Il-kooperazzjoni tikkontribwixxi għall-bini ta’ fehim reċiproku u fiduċja fost il-ġurisdizzjonijiet, u hija prerekwiżit għall-ġestjoni tar-riskji transfruntiera. L-impenn tal-UE għall-konverġenza regolatorja globali madwar l-istandards internazzjonali huwa sod. Fl-istess ħin, dawn l-oqfsa globali għandhom skop ġenerali ta’ ffissar ta’ standards u mhumiex dejjem adattati biex jindirizzaw kwistjonijiet konkreti li joħorġu f’kuntest bilaterali speċifiku.

Il-ġurisdizzjonijiet madwar id-dinja jużaw metodi differenti biex jimmaniġġjaw internament ir-riskji u l-isfidi differenti li jirriżultaw minn attivitajiet transfruntiera. Dawn il-metodi jvarjaw minn applikazzjoni tar-reġim domestiku f’sitwazzjonijiet transfruntiera, għal differiment għal regoli ta’ pajjiżi terzi u eżiti superviżorji, għal eżenzjoni sħiħa ta’ ċerti attivitajiet transfruntiera.

L-approċċ ewlieni tal-UE, imsemmi bħala ekwivalenza, jinvolvi valutazzjoni pożittiva tal-qafas ta’ pajjiż terz, li tippermetti li jkun hemm dipendenza fuq ir-regoli tal-pajjiżi terzi u fuq il-ħidma tas-superviżur tal-pajjiżi terzi.

Fil-prattika, l-UE tista’ tiddetermina li r-reġim regolatorju jew superviżorju ta’ pajjiż terz ikun ekwivalenti għar-reġim korrispondenti tal-UE u dan jippermetti li l-awtoritajiet fl-UE jiddependu fuq il-konformità tal-entitajiet taħt superviżjoni mar-regoli ta’ ekwivalenza f’dan il-pajjiż terz. Dan l-approċċ jinvolvi proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni, li jsegwu valutazzjoni li ssegwi kriterji stabbiliti fid-dritt tal-UE. Sa mill-bidu, jinvolvi wkoll djalogu mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi vvalutati.

Dan l-approċċ jirrikonċilja l-effettività tal-ġabra unika tar-regoli tal-UE u s-superviżjoni u l-infurzar mill-awtoritajiet tal-UE mal-offerta ta’ opportunitajiet adegwati għal attività transfruntiera f’servizzi u swieq finanzjarji. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jikkontribwixxu biex jitrawwem in-negozju transfruntier.

Illum, id-dritt tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji 1 jinkludi madwar 40 dispożizzjoni 2 li jippermettu li l-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza. Fuq din il-bażi, sal-lum, il-Kummissjoni ħadet ‘il fuq minn 280 deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għal aktar minn 30 pajjiż, minn partijiet differenti tal-industrija finanzjarja.

L-ekwivalenza tal-UE tjiebet f’għadd ta’ atti leġiżlattivi li dan l-aħħar il-leġiżlaturi tal-UE qablu dwarhom u rigward l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej 3 , l-infrastrutturi tas-swieq Ewropej 4 u t-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment 5 . Dan it-titjib enfasizza li l-ekwivalenza u d-deċiżjonijiet superviżorji sussegwenti jridu jkunu sensittivi għar-riskji, jirriflettu mill-qrib ir-reġim regolatorju u superviżorju tal-pajjiż terz ivvalutat u jqisu l-impatt tal-attivitajiet tal-pajjiż terz fuq is-swieq tal-UE. Dan it-titjib jistipula b’mod ċar ukoll li l-konformità mal-kriterji u mal-kundizzjonijiet li skonthom tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza trid tiġi żgurata mill-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

B’dan it-tibdil ġdid li dalwaqt jidħol fil-ġabra tar-regoli tal-UE, u fid-dawl tal-iżviluppi ta’ politika internazzjonali, wasal iż-żmien li jitqies l-approċċ ġenerali tal-UE għall-ekwivalenza u jiġu ppreżentati wħud mill-isfidi attwali li din il-politika tħabbat wiċċha magħhom illum. Fi Frar 2017, is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 6 , li pprovda l-ewwel valutazzjoni komprensiva ta’ ekwivalenza fis-servizzi finanzjarji. Din il-Komunikazzjoni, li tibni fuq dik il-ħidma teknika, tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ politika ta’ ekwivalenza attwali tal-Kummissjoni, tenfasizza titjib leġiżlattiv riċenti u tirreferi għal aspetti ewlenin tal-valutazzjoni u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Fl-aħħar nett, tippreżenta ħidma riċenti u kontinwa dwar il-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-ekwivalenza.

2. Il-fini tal-ekwivalenza

L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tippromwovi swieq finanzjarji miftuħa, ġusti u effiċjenti li joperaw f’oqfsa prudenzjali u ta’ mġiba rigorużi. L-ekwivalenza hija waħda mill-istrumenti ewlenin għad-dispożizzjoni tal-UE biex tmexxi ‘l quddiem dak l-għan fid-dimensjoni esterna tas-suq intern. Dan għaliex trawwem il-koerenza u l-kompatibbiltà reċiproka bejn il-partijiet rilevanti tal-qafas tal-UE u r-regoli korrispondenti fil-pajjiżi terzi. B’riżultat ta’ dan, il-politika tal-UE dwar l-ekwivalenza tissodisfa tliet objettivi:

·tirrikonċilja l-ħtieġa għal stabbiltà finanzjarja u protezzjoni tal-investituri fl-UE, minn naħa, mal-benefiċċji li jinżamm suq finanzjarju tal-UE miftuħ u globalment integrat min-naħa l-oħra;

·hija kruċjali għall-promozzjoni ta’ konverġenza regolatorja madwar l-istandards internazzjonali;

·hija skattatur ewlieni għall-istabbiliment jew l-aġġornament tal-kooperazzjoni superviżorja mas-sħab rilevanti tal-pajjiżi terzi.

Din il-perspettiva ta’ politika ġenerali trid tissodisfa wkoll l-interessi tal-parteċipanti fis-suq li jiffukaw b’mod naturali fuq vantaġġi aktar immedjati ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, jiġifieri l-awtoritajiet fl-UE jitħallew jiddependu fuq il-konformità tal-entitajiet taħt superviżjoni mar-regoli ekwivalenti f’pajjiż terz, bħal:

·it-tnaqqis (jew saħansitra l-eliminazzjoni) ta’ trikkib fir-rekwiżiti ta’ konformità kemm għal atturi fis-suq tal-UE kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi terzi;

·li ċerti servizzi, prodotti u attivitajiet ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jsiru aċċettabbli għal finijiet regolatorji fl-UE u b’hekk tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà tagħhom fis-suq tal-UE;

·f’ċerti każijiet, li reġim prudenzjali koerenti japplika għal banek tal-UE u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li joperaw barra mill-UE, b’hekk tonqos l-ispiża tal-investimenti/skoperturi tad-ditti tal-UE fil-pajjiżi terzi billi tiġi ffaċilitata l-ġestjoni kapitali b’mod partikulari.

Essenzjalment, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jġibu benefiċċji f’termini ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju transfruntier u ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda, b’hekk jikkontribwixxu għal kummerċ ġust u miftuħ bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Fi ftit każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jżidu wkoll il-possibbiltajiet ta’ aċċess għas-suq. Qabel ma tagħmel valutazzjonijiet tal-ekwivalenza tal-pajjiżi terzi, kull darba l-Kummissjoni tiżen dawn il-benefiċċji potenzjali għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji tal-UE f’eżerċizzju speċifiku.

Fl-istess ħin, il-proċess tal-ekwivalenza huwa primarjament eżerċizzju ta’ ġestjoni tar-riskju. Dejjem jinvolvi l-ġestjoni ta’ kwalunkwe riskju assoċjat mal-attività transfruntiera tal-parteċipanti fis-suq (jiġifieri l-impatti fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern tal-UE), filwaqt li jisfrutta l-benefiċċji ta’ suq finanzjarju tal-UE miftuħ u globalment integrat.

Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li – kull meta titqies deċiżjoni ġdida ta’ dipendenza fuq regoli jew superviżjoni tal-pajjiżi terzi – il-benefiċċji prospettivi ma jkunux ta’ riskju (u spiża) eċċessiv għas-swieq finanzjarji tal-UE u jistgħu jiġu introdotti b’mod prudenzjalment solidu li jirrispetta l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, kull deċiżjoni ġdida dwar l-ekwivalenza trid tipprovdi qafas prudenti u sostenibbli li jservi ta’ pont bejn ir-regoli tas-suq intern tal-UE u l-oqfsa prudenzjali tal-pajjiżi terzi.

Filwaqt li l-ekwivalenza hija vvalutata skont il-kriterji stabbiliti fid-dritt tal-UE, il-Kummissjoni trid tqis ukoll jekk dawn id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jkunux kompatibbli mal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE f’oqsma bħas-sanzjonijiet internazzjonali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa f’livell globali jew prijoritajiet oħra rilevanti ta’ politika esterna, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali. Dawn il-fatturi kollha jindikaw l-ammont ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja jew il-ħtieġa għal protezzjoni adegwata tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u ta’ persuni oħra fl-UE. Għaldaqstant, huwa importanti li jitqiesu dawn l-aspetti biex tinżamm ir-reputazzjoni u l-istabbiltà fit-tul tas-settur finanzjarju tal-UE.

Filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza huma atti unilaterali u diskrezzjonarji tal-UE, dawn iġibu benefiċċji kemm għall-UE kif ukoll għas-sħab tal-pajjiżi terzi tagħha. Dan l-eżitu ta’ benefiċċju reċiproku jiddependi fuq l-ekwità u l-ġustizzja fit-trattament tal-atturi tal-UE li huma attivi f’pajjiżi terzi u soġġetti għal regoli u superviżjoni lokali. F’dan ir-rigward, xi kategoriji ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jittieħdu wara li jitqies kif dovut it-trattament li l-pajjiż terz jaffordja għall-qafas regolatorju tal-UE, għall-ħidma superviżorja mwettqa mill-awtoritajiet tal-UE u għall-preżenza lokali tal-parteċipanti fis-suq tal-UE. F’għadd ta’ każijiet, it-tfassil tal-qafas tal-ekwivalenza tal-UE jħeġġeġ l-iskoperta ta’ eżiti li jakkomodaw b’mod reċiproku l-eżiti b’pajjiżi terzi, pereżempju, ipoġġu fis-seħħ arranġamenti ta’ kooperazzjoni superviżorja. ‘Il quddiem, il-Kummissjoni se tkompli tqis u, fejn xieraq, tiddiskuti mal-pajjiżi terzi liema trattament prudenzjali jagħtu lill-parteċipanti fis-suq tal-UE meta jiddeċiedu dwar id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ma’ dak il-pajjiż terz.

3.Titjib riċenti għat-tfassil tar-reġimi tal-ekwivalenza tal-UE

Il-possibbiltajiet li tingħata ekwivalenza huma stabbiliti f’dispożizzjonijiet ta’ ekwivalenza ddedikati inklużi f’għadd ta’ atti leġiżlattivi dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE. Id-dispożizzjonijiet ta’ ekwivalenza huma mfassla għall-ħtiġijiet ta’ kull att speċifiku u jenħtieġ li jinqraw fid-dawl tal-objettivi mfittxija minn dak l-att, b’mod partikulari l-kontribuzzjoni tiegħu għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u, b’mod usa’, il-kontribuzzjoni tiegħu għall-istabbiltà finanzjarja. L-atti legali jistabbilixxu l-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-punt sa fejn l-UE tista’ tqis il-qafas regolatorju u superviżorju ta’ pajjiż terz meta jirregolaw u jissorveljaw is-swieq finanzjarji tal-UE f’sitwazzjonijiet li jinvolvu element transfruntier. B’riżultat ta’ dan, hemm differenzi konsiderevoli fil-mod kif il-mekkaniżmi tal-ekwivalenza jinbnew u jiġu inklużi fid-dritt tas-servizzi finanzjarji tal-UE, kemm f’termini tal-proċess li għandu jiġi segwit, il-kontenut tal-valutazzjoni meħtieġa kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ sejba pożittiva ta’ ekwivalenza 7 .

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogu sod mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar it-titjib meħtieġ għall-approċċ tal-UE biex tiddetermina u żżomm l-ekwivalenza 8 . Il-konklużjoni tal-Kummissjoni minn dawk id-diskussjonijiet u r-riflessjonijiet konġunti hija li issa huwa ġeneralment aċċettat li jkun diffiċli ħafna li tiġi implimentata valutazzjoni uniformi u proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jinkludi diversi oqsma ta’ ekwivalenza. Dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra issa jaċċettaw il-ħtieġa għall-eteroġeneità fl-approċċ tal-UE lejn l-ekwivalenza sakemm taħt kull tip speċifiku ta’ ekwivalenza jiġu rispettati xi prinċipji komuni: proporzjonalità fil-valutazzjonijiet, approċċ sensittiv għar-riskju biex jiġu ddeterminati eżiti ekwivalenti, kif ukoll trasparenza mtejba kemm lejn il-pajjiż terz interessat kif ukoll lejn il-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li jitpoġġew fis-seħħ arranġamenti għall-monitoraġġ tal-issodisfar kontinwu mill-pajjiżi terzi tal-kundizzjonijiet sottostanti għal kwalunkwe deċiżjoni pożittiva dwar l-ekwivalenza.

Il-Kummissjoni diġà wieġbet b’mod attiv għas-sejħiet għal titjib li ma kienx jeħtieġ azzjoni leġiżlattiva, speċjalment fil-qasam tat-trasparenza pubblika, ir-responsabbiltà u fid-djalogi mhux pubbliċi ma’ pajjiżi terzi individwali. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-ekwivalenza spjega fid-dettall il-proċess li wassal għal deċiżjoni dwar l-ekwivalenza u l-kunsiderazzjonijiet u r-restrizzjonijiet differenti involuti. Il-Kummissjoni tat ukoll ħarsa ġenerali disponibbli għall-pubbliku tal-awtorizzazzjonijiet tal-ekwivalenza li jeżistu fid-dritt tal-UE u d-deċiżjonijiet li ttieħdu sa issa. Aktar reċentement, il-Kummissjoni adattat ukoll il-proċessi interni tagħha u issa ġeneralment tippreżenta, għal konsultazzjoni pubblika, abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza li huma previsti għall-adozzjoni (perjodu ta’ 30 jum ta’ feedback).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fuq għadd ta’ proposti leġiżlattivi ta’ rilevanza għall-approċċ ta’ ekwivalenza tal-UE. B’riżultat ta’ dan, dan l-aħħar ġew introdotti bidliet sinifikanti għar-reġimi tal-ekwivalenza f’għadd ta’ emendi leġiżlattivi marbuta mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mal-infrastrutturi tas-swieq Ewropej u mat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment.

L-emenda tar-Regolamenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej issaħħaħ ir-rwol ta’ dawk l-awtoritajiet fil-monitoraġġ tal-pajjiżi terzi ekwivalenti. Kull Awtorità Superviżorja Ewropea trid twettaq ħidma ta’ monitoraġġ fuq pajjiżi terzi ekwivalenti u tippreżenta rapport kunfidenzjali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u liż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħrajn “li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tagħha tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha” fuq bażi annwali. Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ma jistgħux jidħlu f’arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi li jidhru fuq il-lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli minn perspettiva ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

L-emenda tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew issaħħaħ il-qafas superviżorju għall-kontropartijiet ċentrali li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar għad-ditti tal-UE, speċjalment billi tintroduċi approċċ aktar sensittiv għar-riskju u proporzjonat għar-reġim tal-pajjiż terz. Il-kontropartijiet ċentrali tal-pajjiżi terzi li huma, jew li aktarx isiru, sistemiċi u rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE se jkunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u proporzjonati li jirriflettu l-livell ta’ riskju sistemiku involut. Bħala l-aħħar istanza, jekk dawn ir-rekwiżiti ma jkunux biżżejjed biex jittaffew ir-riskji potenzjali għall-istabbiltà tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, kontroparti ċentrali ta’ pajjiż terz tista’ tintalab tagħti s-servizzi lid-ditti tal-UE minn entità awtorizzata fl-UE.

Ir-Regolament dwar id-Ditti tal-Investiment jintroduċi kriterji ġodda ta’ valutazzjoni kif ukoll salvagwardji addizzjonali u obbligi ta’ rappurtar għad-ditti ta’ pajjiżi terzi stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet ekwivalenti fil-qafas eżistenti tal-ekwivalenza għall-għoti transfruntier ta’ servizzi tal-investiment lill-klijenti professjonali skont ir-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR) 9 . Skont ir-reġim ġdid tal-ekwivalenza, jinħolqu kategoriji differenti ta’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi; b’mod partikulari għall-ġurisdizzjonijiet fejn l-iskala u l-ambitu tas-servizzi pprovduti aktarx se jkunu ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, l-ekwivalenza tista’ tingħata biss wara valutazzjoni dettaljata u granulari mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jissaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fil-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ dawn id-ditti fl-Unjoni.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-parametri referenzjarji finanzjarji, sal-2022 il-parametri referenzjarji amministrati barra mill-UE se jkunu eżentati milli jiġu kkunsidrati ekwivalenti, rikonoxxuti jew approvati sabiex jintużaw fl-UE 10 . Barra minn hekk, mill-2022 l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq se jkollha s-setgħa tirrikonoxxi l-amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-pajjiż terz.

4.Valutazzjonijiet u teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza

Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza hija att unilaterali u diskrezzjonali tal-UE, immexxi u konkluż mill-Kummissjoni, skont il-prijoritajiet tal-Unjoni u l-interessi tas-swieq finanzjarji tal-UE. Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza mhumiex imħejjija u meħuda f’iżolament: bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Kummissjoni dejjem se tfittex li tistabbilixxi djalogu tekniku u effettiv mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiżgura s-sodezza u l-preċiżjoni tal-valutazzjonijiet tekniċi sottostanti tagħha u, fejn rilevanti, tinvolvi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. L-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi huma mistiedna jikkontribwixxu għal eżerċizzji ta’ tiftix tal-fatti relatati mal-mod kif l-oqfsa regolatorji u superviżorji tagħhom jagħtu riżultati kif stabbilit fil-qafas korrispondenti tal-UE.

Il-Kummissjoni tfittex li tistabbilixxi kuntatti tekniċi mal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex tiżviluppa l-fehim tagħha tal-qafas tal-pajjiż terz u mbagħad tikkonferma s-sejbiet tagħha dwar l-ekwivalenza. Fi stadju aktar tard, dawn il-kuntatti tekniċi jistgħu jgħinu biex jindirizzaw il-lakuni potenzjali identifikati fil-qafas regolatorju jew superviżorju tiegħu fi proċess ta’ monitoraġġ ex post. F’dak ir-rigward, id-djalogi regolatorji jew reġjonali tal-UE li huma diġà fis-seħħ ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi mhumiex biss sors ta’ informazzjoni, iżda wkoll opportunità biex jiġu rfinuti l-valutazzjonijiet tekniċi għad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, jiġu diskussi s-sejbiet tal-monitoraġġ tal-ekwivalenza jew il-ħtieġa għal rieżami ta’ deċiżjoni eżistenti, jekk ikunu ġew identifikati nuqqasijiet materjali.

Id-determinazzjoni tal-ekwivalenza ta’ reġim ta’ pajjiż terz tirriżulta minn valutazzjoni rigoruża ta’ każ b’każ tar-regoli ta’ pajjiż terz u s-superviżjoni tiegħu mill-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni hija mmexxija minn żewġ aspetti: il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-ħtieġa li jiġu ġestiti r-riskji relatati mal-attività transfruntiera mirfuda bl-ekwivalenza.

Il-Kummissjoni tagħti l-akbar importanza li jkun hemm opinjoni proporzjonata dwar ir-riskji implikati mill-oqfsa vvalutati tal-pajjiż terz. Il-ġurisdizzjonijiet eżaminati jistgħu jinvolvu skoperturi għar-riskju differenti għas-swieq finanzjarji tal-UE, skont, fost affarijiet oħra, l-interkonnessjoni tas-suq ivvalutat mas-swieq finanzjarji tal-UE u b’hekk anke s-sehem mis-suq tal-pajjiż terz rilevanti. L-enfasi fuq ir-riskji f’dan il-proċess timplika li, bħala regola, pajjiżi terzi “b’impatt għoli”, li għalihom aktarx tittieħed deċiżjoni dwar l-ekwivalenza b’mod intensiv mill-parteċipanti fis-suq, se jirrappreżentaw sett aktar sinifikanti ta’ riskji li l-Kummissjoni se jkollha tindirizza fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji dwar l-ekwivalenza u fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha. Li kieku kellu jkun hemm nuqqasijiet jew lakuni fil-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta’ dawn il-pajjiżi terzi, dawn aktarx ikollhom impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja jew l-integrità tas-suq fl-UE.

Taħt dan l-approċċ, il-Kummissjoni tidentifika riskji għas-sistema finanzjarja tal-UE li jistgħu jkunu riżultat ta’ żieda fl-iskopertura għal qafas ta’ pajjiż terz speċifiku. Tħares b’mod speċifiku lejn dawn ir-riskji meta tivverifika l-konformità tal-pajjiżi terzi ma’ sett ta’ kriterji dwar l-ekwivalenza, u tapplika l-kriterji b’mod proporzjonat għar-riskji identifikati. Il-valutazzjoni teknika - li tista’ tinkludi aktar kriterji rilevanti fejn meħtieġ - tista’ tinvolvi kontribuzzjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) - jiġifieri, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) jew, fejn rilevanti, korpi oħrajn fil-livell tal-UE bħall-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB).

Il-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza tal-oqfsa tal-pajjiżi terzi jħarsu lejn l-eżiti tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-pajjiżi terzi, filwaqt li jqisu r-riskji relatati mas-sistema finanzjarja tal-pajjiż terz. Ir-reġimi tal-pajjiżi terzi ma għandhomx għalfejn ikunu identiċi għall-qafas tal-UE, iżda jridu jiżguraw b’mod sħiħ ir-riżultati kif stabbiliti f’dak il-qafas. F’dak ir-rigward, l-approċċ sensittiv għar-riskju jista’ jwassal lill-Kummissjoni biex tqis kwistjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi terzi vvalutati, pereżempju l-fatt li d-ditti tal-UE jiddependu b’mod estensiv fuq operaturi rregolati u ssorveljati f’pajjiż terz ivvalutat. Il-proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-kriterji tista’ twassal lill-UE biex tistenna assigurazzjonijiet aktar b’saħħithom minn pajjiżi b’impatt għoli li jkunu kapaċi jagħtu l-eżitu meħtieġ. Dawn l-elementi flimkien jikkontribwixxu għal qafas ta’ ekwivalenza effettiv u sigur li min-naħa tal-UE jappoġġja l-attività transfruntiera fis-swieq finanzjarji.

Bħala parti mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li formalment tadotta, tissospendi jew tirtira deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, kif meħtieġ. Skont iċ-ċirkustanzi, din id-deċiżjoni tista’ ssir effettiva wara perjodu ta’ tranżizzjoni possibbli, li jkun applikabbli għad-deċiżjoni sħiħa jew għal partijiet minnha. Jekk tiġi rtirata, l-ekwivalenza tista’ tiġi restawrata f’xi żmien sussegwenti jekk u meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ tagħti wkoll ekwivalenza limitata fiż-żmien jew tistabbilixxi kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza. Pereżempju, tista’ tagħti ekwivalenza parzjali, jew tagħti ekwivalenza għall-qafas sħiħ ta’ pajjiż terz għal entitajiet, prodotti jew servizzi koperti speċifiċi jew għal kategoriji minnhom jew għal xi wħud mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biss. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel użu minn dik il-flessibbiltà b’mod partikulari meta xi aspetti mill-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta’ pajjiż terz ma jagħtux riżultat konsistentement soddisfaċenti, meta tkun meħtieġa aktar esperjenza biex jiġi vvalutat kif il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fl-UE u l-pajjiż terz jiżviluppaw, jew meta reġim ġdid fil-pajjiż terz ikun mistenni li jwassal bis-sħiħ għar-riżultati meħtieġa. Apparti li tivvaluta jekk il-kriterji tal-ekwivalenza fid-dritt tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji humiex issodisfati, il-Kummissjoni se tqis il-kooperazzjoni effettiva ma’ ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz f’oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE kif stabbilit fit-Taqsima 2 hawn fuq.

Il-pajjiżi terzi jistgħu jesprimu interess li jiġu vvalutati, u l-Kummissjoni tqis dan kif debitu. Ta’ min jinnota li l-awtorizzazzjonijiet tal-ekwivalenza ma jikkonferux dritt fuq il-pajjiżi terzi biex il-qafas tagħhom jiġi vvalutat jew biex jirċievu determinazzjoni ta’ ekwivalenza, anke jekk dawn il-pajjiżi terzi jkunu jistgħu juru li l-qafas tagħhom jissodisfa l-kriterji rilevanti. Bl-istess mod, filwaqt li f’ħafna każijiet l-UE taderixxi mal-istandards internazzjonali, u l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-istandards internazzjonali se tkun fattur importanti, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni awtomatikament issib li dak il-pajjiż huwa ekwivalenti għall-UE f’qasam speċifiku.

5.Deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza adottati minn Jannar 2018

Minn Jannar 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza fl-oqsma tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew dwar rekwiżiti tal-marġni (il-Ġappun) 11 , ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (l-Arġentina) 12 , ir-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji dwar l-Obbligu tan-Negozjar tad-Direttivi (Singapore) 13 , ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji fl-UE (Singapore u l-Awstralja) 14 , ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew dwar kontropartijiet ċentrali u r-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli dwar id-depożitorji ċentrali tat-titoli (it-tnejn li huma għar-Renju Unit f’każ ta’ Brexit ta’ ebda ftehim) 15 . Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll mal-pubbliku dwar deċiżjoni ta’ adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Awditjar Statutorju (iċ-Ċina) 16 . F’Diċembru 2018 ġiet adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza fil-qasam tar-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji dwar l-Obbligu ta’ Negozjar tal-Ishma (l-Iżvizzera) 17 u skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2019. Fl-aħħar nett, fil-qasam tar-Regolament dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu 18 (disa’ pajjiżi terzi 19 ), minn naħa waħda l-Kummissjoni estendiet xi deċiżjonijiet eżistenti għal ċerti pajjiżi terzi, u min-naħa l-oħra għall-ewwel darba ħassret id-deċiżjonijiet eżistenti għal ċerti pajjiżi terzi. Fil-fatt, xi ġurisdizzjonjiet ma setgħux jibqgħu jissodisfaw l-istandards stabbiliti mir-Regolament tal-UE dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu wara l-emenda tiegħu fl-2013, u ddeċidew li ma jimplimentawx l-aġġustamenti leġiżlattivi meħtieġa minħabba l-iskala ta’ attività li trid tiġi koperta. Il-Kummissjoni infurmat direttament lill-ġurisdizzjonijiet affettwati bl-intenzjoni tagħha li tħassar ir-reġim tal-ekwivalenza tagħhom u tat opportunità lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati biex jerġgħu lura fuq dan is-suġġett. Dan juri kif il-monitoraġġ jista’ jirriżulta fir-rieżami ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tħassir ta’ dawn id-deċiżjonijiet jekk ikun ġustifikat (Ara l-Anness għal aktar dettalji u l-fatturi li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet).

6.Monitoraġġ u rieżamijiet tal-ekwivalenza

Monitoraġġ tad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza

Evoluzzjoni kostanti tal-oqfsa regolatorji u superviżorji taċ-ċentri finanzjarji ewlenin u kuntest tas-suq dinamiku jimplikaw li l-fatti u s-suppożizzjonijiet li fuqhom inizjalment ittieħdu xi deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jista’ jkun ma għadhomx korretti. Dipendenza fuq sejba ta’ ekwivalenza skaduta tista’ ġġib magħha riskji ġodda għas-sistema finanzjarja tal-UE.

Il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej iridu jassiguraw monitoraġġ xieraq tal-ekwivalenza, u jaġixxu f’kooperazzjoni skont il-mandati rispettivi tagħhom. Kif rifless fl-emendi riċenti għar-reġimi tal-ekwivalenza, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinvolvu ruħhom u jieħdu rwol ta’ tmexxija f’kompiti speċifiċi ta’ monitoraġġ (wara żviluppi regolatorji f’pajjiż terz u r-rekord superviżorju tiegħu, il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fl-UE u f’pajjiż terz). Pereżempju, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet valutazzjoni fuq il-post tas-sitwazzjoni f’Bermuda, biex tissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza dwar l-assigurazzjoni. Monitoraġġ effettiv huwa possibbli biss jekk ikunu tpoġġew fis-seħħ arranġamenti ta’ kooperazzjoni tajba bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fuq naħa, u l-awtoritajiet u s-superviżuri tal-pajjiżi terzi fuq in-naħa l-oħra 20 . Għal dan l-iskop, huwa kruċjali li jkun hemm djalogi regolatorji u forums ma’ pajjiżi terzi.

Il-monitoraġġ tal-ekwivalenza jikkonsisti f’ħidma teknika li teżamina l-effetti ta’ deċiżjoni eżistenti dwar l-ekwivalenza. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni trid iżżomm taħt skrutinju jekk deċiżjoni dwar l-ekwivalenza:

·tkomplix tissodisfa l-objettivi tal-UE li tkun ittieħdet għalihom, u dan jista’ jkun jiddependi, pereżempju, fuq tibdil fil-qafas regolatorju tal-pajjiż terz;

·tistax twassal għal riskji ġodda għall-istabbiltà finanzjarja, għall-integrità tas-suq jew għall-protezzjoni tal-investituri u jekk l-attivitajiet tad-ditti jew is-servizzi koperti mid-deċiżjoni jirrispettawx l-integrità tas-suq intern tal-UE għas-servizzi finanzjarji u jippreservawx il-kundizzjonijiet ekwi fl-UE;

·tiġix affettwata, fejn rilevanti, mill-elenkar tal-pajjiż terz fil-listi tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx 21 jew tal-pajjiżi terzi b’riskju għoli li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/tal-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu 22 . 

Il-monitoraġġ jikkontribwixxi għall-fehim tal-iżviluppi tas-suq u dawk regolatorji, għall-valutazzjoni ta’ kif pajjiż terz jew istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE jużaw deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u għall-eżaminazzjoni ta’ prattiki superviżorji ta’ pajjiżi terzi. B’riżultat ta’ dan, ir-riżultati tal-monitoraġġ jikkontribwixxu għal rieżami potenzjali ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza. Speċifikament, jista’ jitwettaq rieżami b’reazzjoni għal sejba sinifikanti li tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. F’dak ir-rigward, monitoraġġ effettiv jippermetti li diverġenzi potenzjalment serji jiġu identifikati kmieni u indirizzati kif xieraq, u b’hekk jiġi minimizzat ir-riskju ta’ rtirar possibbli aktar tard. Għaldaqstant, jenħtieġ li jitqies bħala mezz utli biex tiġi żgurata l-istabbiltà fl-arranġamenti ta’ ekwivalenza u mhux bħala sors ta’ inċertezza f’dawk l-arranġamenti.

Rieżamijiet tad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza

Rieżami dwar l-ekwivalenza jinvolvi analiżi aktar strutturata u definita aktar strettament. Dan ir-rieżami jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-ekwivalenza rilevanti għall-Kummissjoni fid-dritt tal-UE jew mandat speċifiku għall-Kummissjoni f’deċiżjoni dwar l-ekwivalenza stess. Essenzjalment, rieżami jeżamina l-kriterji kollha tal-ekwivalenza u kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu f'deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, sabiex jiġi aċċertat li dawn ikomplu jiġu rispettati (pereżempju wara li jkun inbidel il-qafas tal-UE f’settur partikulari). Jista’ jitwettaq fuq bażi ad hoc jew regolari u jista’ jirriżulta fil-Kummissjoni li unilateralment tirtira l-ekwivalenza. Jinvolvi djalogu kawt mal-awtoritajiet ikkonċernati tal-pajjiż terz li jistgħu jkomplu juru li r-reġim tagħhom iwassal għar-riżultati kif stabbilit fil-qafas korrispondenti tal-UE.

Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex iżidu l-kooperazzjoni dwar il-monitoraġġ, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u l-bidliet implikati mid-dħul fis-seħħ tat-titjib leġiżlattiv riċenti msemmi hawn fuq.

7.Deskrizzjoni tal-prijoritajiet għall-2019–2020

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq valutazzjonijiet tal-ekwivalenza jew proposti ta’ deċiżjonijiet f’għadd ta’ oqsma. F’dak ir-rigward, il-ħidma attwali fl-oqsma tal-awditjar statutorju (l-adegwatezza) 23 u l-parametri referenzjarji huma l-aktar avvanzati. F’dan l-aħħar qasam, għadd ta’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi oħrajn qed iħejju jew jadottaw oqfsa regolatorji ġodda għall-amministrazzjoni u għall-użu ta’ parametri referenzjarji, xi kultant ispirati ħafna mir-Regolament tal-UE dwar il-Parametri Referenzjarji.

Barra minn hekk, hemm għadd ta’ prijoritajiet li fuqhom jenħtieġ li jkun iffukat il-monitoraġġ:

·Bidliet fil-qafas leġiżlattiv tal-UE: oqsma li fihom ġie rieżaminat il-qafas leġiżlattiv tal-UE li fuqu kienu bbażati valutazzjonijiet tal-ekwivalenza preċedenti – dan jirriżulta fit-tħassir ta’ deċiżjonijiet eżistenti fejn il-qafas tal-pajjiż terz ma jibqax jagħti r-riżultati kif stabbilit fil-qafas il-ġdid tal-UE 24 ;

·Oqsma jew pajjiżi terzi ta’ impatt għoli: oqsma u pajjiżi koperti b’deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza li għandhom impatt għoli fuq l-UE f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja, attività tas-suq u protezzjoni tal-investituri 25 ;

·Rieżami imminenti jew skadenza ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza: oqsma fejn id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jinkludu skadenza ta’ rieżami jew meta jkun qed joqrob limitu ta’ żmien 26 ;

·Żviluppi tas-suq: segmenti tas-suq li għaddejjin minn tibdil dinamiku jew strutturali, jew evoluzzjoni fl-użu ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza minn parteċipanti fis-suq finanzjarju tal-UE 27 .

Fix-xhur li ġejjin, ekwivalenza ulterjuri jew oqsma ta’ monitoraġġ jistgħu jkunu jeħtieġu azzjoni speċifika mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni, fejn xieraq, mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti.

8.Konklużjoni

Il-politika tal-UE dwar l-ekwivalenza tal-UE llum toħroġ bħala strument regolatorju flessibbli li kapaċi jibni pontijiet fuq kwistjonijiet diviżivi ġurisdizzjonali. L-approċċ tal-UE għall-ekwivalenza, li jinkludi kemm il-mekkaniżmi ta’ valutazzjoni inizjali kif ukoll il-monitoraġġ ex post tagħha, se jkomplu jagħtu valur miżjud ġenwin lill-arkitettura regolatorja u superviżorja u lis-swieq finanzjarji siguri u effiċjenti kemm fl-UE kif ukoll globalment.

Fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali, l-ekwivalenza se ġġib benefiċċji tanġibbli għall-ġurisdizzjonijiet tal-UE u tal-pajjiżi terzi f’termini ta’ tnaqqis tad-diverġenzi u l-inkompatibilitajiet transfruntiera u se tikkontribwixxi biex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq globali. Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza se jagħmlu dan l-aħjar billi jiżguraw standards b’saħħithom ta’ stabbiltà finanzjarja, integrità tas-suq u protezzjoni tal-investituri, jappoġġjaw u jsaħħu l-kooperazzjoni regolatorja u superviżorja bejn l-awtoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi terzi b’mod sinifikanti, filwaqt li fl-istess ħin iżommu swieq finanzjarji tal-UE miftuħa u integrati globalment.

(1)

 Il-leġiżlazzjoni tal-UE fiha 17-il biċċa li jinkludu “dispożizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi” li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-ekwivalenza tar-regoli u s-superviżjoni barranin għal finijiet regolatorji tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ħolqot tipi differenti ta’ ekwivalenza, b’differenzi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE jew fl-effetti ta’ deċiżjoni (pereżempju “adegwatezza tal-awditi”, “ekwivalenza tal-awditi”. eċċ.). Dawn id-“dispożizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi” huma elenkati hawn: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/overview-table-equivalence-decisions_mt.pdf .

(2)

Sa issa ma ntużawx id-dispożizzjonijiet kollha.

(3)

COM(2018)0646. Il-Ftehim tas-16 ta’ April 2019 bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-proposta dwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u s-swieq finanzjarji [2017/0230(COD)].

(4)

COM(2017)0331. Il-Ftehim tat-18 ta’ April 2019 bejn il-Parlament u l-Kunsill tat-18 ta’ April 2019 dwar l-Awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi [2017/0136 (COD)].

(5)

COM(2017)0791. Il-Ftehim tas-16 ta’ April 2019 bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment (Direttiva) [2017/0358(COD)].

(6)

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ Frar 2017 dwar id-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-ekwivalenza fil-politika tas-servizzi finanzjarji: valutazzjoni. (SWD(2017) 102 final).

(7)

Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-2017 dwar l-ekwivalenza, p. 10.

(8)

Ara r-Rapport tas-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rigward ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji (2017/2253(INI)), ir-relatur B. Hayes, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Parlament Ewropew.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(10)

COM(2018)0355. Il-Ftehim tas-26 ta’ Marzu 2019 bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar Parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju b’impatt pożittiv [2018/0180 (COD)].

(11)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/684 tal-25 ta’ April 2019, ĠU L 115, 2.5.2019, p. 11-15.

(12)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/536 tad-29 ta’ Marzu 2019, ĠU L 92, 1.4.2019, p. 3-8.

(13)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/541 tal-1 ta’ April 2019, ĠU L 93, 2.4.2019, p. 18-24.

(14)

Żewġ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni adottati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5476 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5477). Ġew ippubblikati abbozzi għall-feedback pubblika bejn id-19 ta’ Marzu 2019 u s-16 ta’ April 2019.

(15)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2030 tad-19 ta’ Diċembru 2018, ĠU L 325, 20.12.2018, p. 47-49 b’emendi; id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta’ Diċembru 2018.

ĠU L 325, 20.12.2018, p. 50-52 b’emendi.

(16)

Abbozz ippubblikat għall-feedback pubblika bejn l-4 ta’ Ġunju 2019 u t-2 ta’ Lulju 2019 - Ares(2019)3590761.

(17)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2047 tal-20 ta’ Diċembru 2018, ĠU L 327, 21.12.2018, p. 77-83.

(18)

ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1–33.

(19)

Disa’ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, inklużi erba’ tiġdidiet: Hong Kong (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5808), il-Ġappun (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5807), il-Messiku (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5804), l-Istati Uniti (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5803), u ħames tħassiriet: l-Arġentina (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5806), l-Awstralja (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5800), il-Brażil (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5805), il-Kanada (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5801), Singapore (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)5802). Ġew ippubblikati abbozzi għall-feedback pubblika bejn il-11 ta’ Ġunju 2019 u d-9 ta’ Lulju 2019.

(20)

Nuqqas ta’ kooperazzjoni f’waqtha mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-iżviluppi leġiżlattivi, jew il-prassi superviżorja jew il-politiki dwar l-implimentazzjoni jista’ jkun il-bażi biex jinbeda rieżami ad hoc ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza.

(21)

Lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet tat-taxxa, kif inkluż fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017, b’emendi sussegwenti.

(22)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73-117).

(23)

Skont id-Direttiva (KE) 2006/43 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87-107).

(24)

Pereżempju, ara t-tiġdid jew it-tħassir ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza wara d-dħul fis-seħħ tal-qafas il-ġdid tal-UE tal-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu.

(25)

Pereżempju, ara d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza dwar kontropartijiet ċentrali (l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq trid tissorvelja żviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiżi terzi.

(26)

Pereżempju, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, f’Diċembru 2014 ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għal għadd ta’ ġurisdizzjonijiet li tipprevedi li l-lista tal-pajjiżi tiġi rieżaminata kull ħames snin. Minn dakinhar, għadd ta’ deċiżjonijiet żiedu pajjiżi mal-lista ta’ ġurisdizzjonijiet ekwivalenti. Il-ħidma trid tkompli, inkluż il-monitoraġġ tal-pajjiżi terzi fuq il-lista.

(27)

Pereżempju, skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 — l-Artikoli 23 u 28 (l-obbligu tan-negozjar għall-ishma u d-derivattivi), is-sitwazzjoni dinamika fis-segment taċ-ċentri tan-negozjar tiġġustifika l-monitoraġġ tal-iżviluppi rilevanti għall-emittenti u l-investituri tal-UE li jużaw dawk l-infrastrutturi li tqiesu bħala ekwivalenti mill-UE. Jenħtieġ li l-monitoraġġ fir-rigward tad-derivattivi jivvaluta wkoll jekk iċ-ċentri tal-UE jingħatawx trattament ekwivalenti mill-pajjiżi terzi.