Brussell, 4.7.2019

COM(2019) 318 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-progress tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni lejn l-implimentazzjoni tat-tnaqqis gradwali tad-deroga tal-lingwa Irlandiża


I.Introduzzjoni

Meta ngħaqdet mal-Komunitajiet Ewropej fl-1973, l-Irlanda ma talbitx li l-Irlandiż ikun waħda mil-lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet, iżda biss li t-Trattati jiġu tradotti bl-Irlandiż u li ċ-ċittadini tagħha jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet bl-Irlandiż. Għaldaqstant, l-Irlandiż ma ġiex miżjud fil-lista ta’ lingwi uffiċjali u ta’ ħidma fir-Regolament Nru 1 1 u l-istituzzjonijiet ma abbozzawx jew ma ppubblikawx leġiżlazzjonijiet bl-Irlandiż.

Fl-2005, l-Irlanda talbet li l-Irlandiż isir lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-Unjoni, fejn ipproponiet reġim ristrett li permezz tiegħu r-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew (PE) u mill-Kunsill b’mod konġunt biss jiġu abbozzati bl-Irlandiż. Il-Kunsill ta dak l-istatus mill-1 ta’ Jannar 2007 permezz tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 2 , b’deroga li tistipula li r-Regolamenti tal-PE u tal-Kunsill kellhom jiġu abbozzati bl-Irlandiż. Id-deroga ġiet adottata għal ħames snin u, wara rieżami fl-2010, ġiet estiża għal ħames snin oħra sal-31 ta’ Diċembru 2016 3 . Fl-2015, bħala parti mill-politika tiegħu li jħeġġeġ l-użu u l-għarfien tal-Irlandiż, il-Gvern Irlandiż talab lill-Kunsill sabiex bil-mod il-mod inaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga bl-għan li titneħħa gradwalment sal-1 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264 4 f’Diċembru 2015. Dan ħoloq sitwazzjoni bla preċedent li fiha l-istituzzjonijiet kellhom jibnu reġim lingwistiku ġdid ma’ Stat Membru eżistenti.

L-Anness tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264 jistabbilixxi skeda ta’ żmien għat-tnaqqis gradwali tad-deroga, kif ġej:

-l-ewwel inkriment (mill-1 ta’ Jannar 2017) – id-Direttivi tal-PE u tal-Kunsill;

-it-tieni inkriment (mill-1 ta’ Jannar 2018) – id-Deċiżjonijiet tal-PE u tal-Kunsill;

-it-tielet inkriment (mill-1 ta’ Jannar 2020) – ir-Regolamenti u d-Direttivi tal-Kunsill, u Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati; kif ukoll

-ir-raba’ inkriment (mill-1 ta’ Jannar 2021) – ir-Regolamenti u d-Direttivi tal-Kummissjoni, u Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati.

Ir-Regolament jeżiġi li l-Kummissjoni tirrapporta darbtejn lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tiegħu qabel ma d-deroga tieqaf tapplika. Sa mhux aktar tard minn Ottubru 2019, il-Kummissjoni trid tirrapporta dwar il-progress tal-istituzzjonijiet fl-implimentazzjoni tat-tnaqqis gradwali. Wara li jqis dan ir-rapport, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jirrevedi l-iskeda ta’ żmien stabbilita fl-Anness.

Il-Kummissjoni trid tirrapporta mill-ġdid, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2021, “dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhomx biżżejjed kapaċità disponibbli, meta mqabbla mal-lingwi uffiċjali l-oħra, li japplikaw ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, u r-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mingħajr deroga mill-1 ta’ Jannar 2022”. Fin-nuqqas ta’ Regolament tal-Kunsill li jipprevedi mod ieħor, id-deroga se tieqaf tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni jqis il-progress bejn Jannar 2016 u nofs l-2019.

II.Progress fl-implimentazzjoni tat-tnaqqis gradwali tad-deroga

a.Kooperazzjoni mal-Irlanda

L-istituzzjonijiet u l-Irlanda qegħdin jaħdmu flimkien biex jimplimentaw ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament “L-awtoritajiet Irlandiżi u l-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, għandhom jiltaqgħu regolarment biex jimmonitorjaw ir-reklutaġġ ta’ għadd suffiċjenti ta’ persunal tal-lingwa Irlandiża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi ttrattat b’suċċess it-tnaqqis gradwali tad-deroga (…), u biex jimmonitorjaw il-kapaċità u l-użu ta’ fornituri esterni tas-servizzi sabiex jipprovdu għar-rekwiżiti tal-lingwa Irlandiża tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”.

Għaldaqstant, ġie stabbilit grupp ta’ monitoraġġ tad-deroga tal-lingwa Irlandiża, li jikkonsisti f’rappreżentanti tas-servizzi lingwistiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Irlanda. Il-grupp beda l-ħidma tiegħu fl-2016 u se jkompli sakemm jieqaf japplika r-Regolament. Għandu struttura fuq żewġ livelli:

-fil-livell ta’ tmexxija, il-Kummissjoni (irrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni), f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħrajn u l-Irlanda (irrappreżentata mid-Dipartiment tal-Kultura, il-Wirt u l-Gaeltacht), jiltaqgħu kull sena sabiex jimmonitorjaw il-progress u jadottaw prijoritajiet annwali fl-oqsma li ġejjin:

oir-reklutaġġ rilevanti fl-istituzzjonijiet;

oil-kapaċità ta’ fornituri esterni tas-servizzi;

okollaborazzjoni akbar fir-riżorsi lingwistiċi; kif ukoll

okwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-acquis; kif ukoll

-fil-livell operattiv, rappreżentanti tas-servizzi lingwistiċi tal-istituzzjonijiet u tad-Dipartiment tal-Kultura, il-Wirt u l-Gaeltacht jiltaqgħu tal-anqas darbtejn fis-sena, ikomplu l-ħidma fuq il-prijoritajiet annwali u jirrapportaw lil-livell ta’ tmexxija dwar il-progress.

Sa minn meta ġie adottat ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Irlanda organizzaw b’mod konġunt tliet konferenzi annwali f’Dublin dwar il-lingwa Irlandiża.

L-istat tal-progress fl-oqsma ewlenin huwa spjegat fil-paġna li jmiss.



b.    It-traduzzjoni għall-Irlandiż

Id-domanda tal-istituzzjonijiet għat-traduzzjoni tikkonsisti prinċipalment f’leġiżlazzjoni, segwita minn dokumenti oħrajn mhux leġiżlattivi skont ir-rekwiżiti politiċi u rekwiżiti oħrajn ta’ komunikazzjoni. Bit-twettiq tal-ewwel żewġ inkrimenti fl-2017 u fl-2018 (iż-żieda tad-Direttivi u tad-Deċiżjonijiet adottati mill-PE u mill-Kunsill), l-istituzzjonijiet bdew iżidu l-firxa ta’ leġiżlazzjoni tradotta għall-Irlandiż. L-ewwel żewġ inkrimenti ġew implimentati bis-sħiħ.

F’konformità mal-premessa 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264, l-istituzzjonijiet ittraduċew ukoll kontenut ieħor sabiex iżidu d-disponibbiltà tal-informazzjoni bil-lingwa Irlandiża dwar l-attivitajiet tal-Unjoni. Bil-materjal regolatorju u dan il-kontenut addizzjonali f’daqqa, l-istituzzjonijiet 5 irnexxielhom aktar milli jirduppjaw il-volum tat-traduzzjoni fl-Irlandiż mill-2016 ’l hawn.

Sabiex tħejji għat-twettiq taż-żidiet inkrimentali li jmiss u li huma ppjanati għall-2020 u l-2021, il-Kummissjoni analizzat il-previżjonijiet tad-domanda skont it-tip ta’ dokument. Il-previżjonijiet jindikaw li l-inkrimenti tal-2020 u tal-2021 jistgħu jwasslu għal irduppjar ieħor tal-volum għal ċerti istituzzjonijiet bejn l-aħħar tal-2018 u l-2021. Ladarba d-deroga tiskadi fl-2022, is-segment tad-domanda li jifdal (jiġifieri, komunikazzjonijiet, konsultazzjonijiet u materjal ta’ rapportar) huwa stmat li se joħloq żieda oħra ta’ 40 % fid-domanda globali għat-traduzzjoni fl-Irlandiż fil-Kummissjoni 6 . B’riżultat ta’ dan, id-domanda għall-Irlandiż fis-servizzi lingwistiċi l-oħrajn kollha wkoll hija mistennija li tiżdied b’mod sostanzjali. 

c.    Reklutaġġ ta’ persunal għal-lingwa Irlandiża

Il-komponent ewlieni tal-kapaċità għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264 huwa għadd suffiċjenti ta’ persunal tal-lingwa Irlandiża. Fl-2015, l-istituzzjonijiet u l-Irlanda identifikaw l-akbar sfida li se jkollhom meta tintemm id-deroga: jiġifieri l-grupp żgħir ta’ esperti fil-lingwa Irlandiża. Għalhekk, biex iżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni sal-1 ta’ Jannar 2022, l-istituzzjonijiet ippjanaw sensiela ta’ kompetizzjonijiet tal-EPSO għall-2016, l-2018 u l-2020.

Saret stima tal-ħtiġijiet kollha ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet fuq il-bażi taċ-ċifri tal-persunal tal-2014 7 . Minn dakinhar ’l hawn sar rieżami tar-riżorsi u qegħdin isiru aġġustamenti fit-taħlita ta’ riżorsi ta’ persunal intern, fil-kapaċità ta’ traduzzjoni indipendenti u fir-riżorsi teknoloġiċi tal-lingwa. Biex tiġi ssodisfata ż-żieda fit-traduzzjoni għall-Irlandiż, huwa essenzjali li dawn it-tliet aspetti ewlenin tal-kapaċità lingwistika Irlandiża jkomplu jinbnew u jingħaqdu sa punti differenti fl-istituzzjonijiet differenti.

L-istituzzjonijiet għadhom qegħdin jallokaw postijiet ġodda fid-dipartimenti tal-lingwa Irlandiża tagħhom. Minn tmiem l-2015 ’l hawn, in-numru ta’ persunal intern għal-lingwa Irlandiża żdied minn 58 għal 102.

Il-kompetizzjonijiet tal-EPSO għat-tradutturi u l-assistenti lingwistiċi GA 8 ġew imnedija fl-2016. Il-kompetizzjoni tat-tradutturi attirat 210 applikant u pproduċiet 10 kandidati magħżula, filwaqt li l-mira kienet ta’ 62. Madwar tmienja minn għaxra kienu diġà impjegati mill-istituzzjonijiet 9 b’kuntratti temporanji, u għalhekk iż-żieda netta fil-kapaċità kien ta’ tnejn. Għall-kompetizzjoni tal-assistenti lingwistiċi, il-mira ta’ reklutaġġ kienet ta’ 13; intgħażlu disgħa minn 118-il applikant, li sitta minnhom kienu impjegati mill-istituzzjonijiet 10 b’kuntratti temporanji, li jagħti żieda netta fil-kapaċità ta’ tlieta.

Fl-2017 tnediet kompetizzjoni tal-EPSO għall-ġuristi lingwisti. Din attirat 26 applikant li minnhom intgħażlu tliet kandidati.

Il-kompetizzjoni tal-EPSO għat-tradutturi fl-2018 attirat 190 applikant li minnhom intgħażlu 15-il kandidat. Sabiex jiġu massimizzati l-possibbiltajiet ta’ suċċess fil-proċedura tal-għażla, l-iskadenza tal-applikazzjoni ġiet estiża b’ġimagħtejn u s-sekwenza tal-ittestjar inbidlet b’mod li t-testijiet tat-traduzzjoni saru qabel it-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter.

Il-kompetizzjonijiet tal-EPSO għal-lingwisti Irlandiżi għadhom jattiraw livell raġonevoli ta’ interess, iżda għad hemm diffikultà biex jinkisbu r-rati ta’ suċċess skont il-ħtiġijiet proġettati.

Tabella 1:    Kompetizzjonijiet tal-EPSO, 2016-2018

Sena

Kompetizzjoni

Għadd ta’ applikanti

Aċċettati għat-testijiet tat-traduzzjoni

Mistiedna fiċ-ċentru tal-evalwazzjoni

Lista ta’ riserva tal-EPSO

Mira

2016

Tradutturi

210

43*

10

10

62

Assistenti

118

28

9

13

2017

Ġuristi lingwisti

26

8

5

3

8

2018

Tradutturi

190

114**

17***

15

72

*ammissjoni bbażata fuq testijiet ibbażati fuq il-kompjuter

**ammissjoni bbażata biss fuq l-applikazzjonijiet

***testijiet ibbażati fuq il-kompjuter integrati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni

Biex jikkompensaw għar-rendimenti baxxi mill-kompetizzjonijiet tal-EPSO, l-istituzzjonijiet investew ukoll b’mod intensiv fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ persunal temporanju sabiex jibnu kapaċità ta’ traduzzjoni. Bħala miżura alternattiva, nedew 14-il proċedura tal-għażla għal persunal temporanju 11 bejn l-2015 u nofs l-2019. L-opportunitajiet ta’ taħriġ addizzjonali maħluqa mill-Irlanda u t-taħriġ tal-istituzzjonijiet għal persunal temporanju pprovdew mod pragmatiku biex tiġi indirizzata r-rata baxxa ta’ suċċess fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO. Barra minn hekk, l-EPSO nieda proċedura tal-għażla għall-aġenti kuntrattwali tradutturi fil-bidu tal-2019.

Għalkemm id-deroga ma tirreferix għall-interpretazzjoni, din trid tiġi kkunsidrata, peress li l-interpreti għandhom it-tendenza li jifformaw parti mill-istess grupp ta’ reklutati potenzjali. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jiksbu numru suffiċjenti ta’ interpreti sabiex tiġi ssodisfata d-domanda għall-Irlandiż wara d-deroga. Huma kienu kapaċi jissodisfaw id-domanda, li hija limitata għall-interpretazzjoni mill-Irlandiż (“l-Irlandiż passiv”). Is-servizz tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, id-DĠ SCIC għamel dan billi uża tliet interpreti mill-persunal permanenti (tnejn bl-Irlandiż passiv u wieħed bl-Irlandiż attiv) u grupp suffiċjenti ta’ interpreti indipendenti akkreditati li jistgħu jissejħu biex jaqdu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-KESE u lill-KtR. It-talbiet għall-interpretazzjoni mill-Irlandiż fl-erba’ istituzzjonijiet moqdija mid-DĠ SCIC naqsu minn 20 fl-2011 għal erbgħa fl-2018 u tnejn sa issa fl-2019. Sal-lum, id-DĠ SCIC ma ntalabx jipprovdi interpretazzjoni fl-Irlandiż (“l-Irlandiż attiv”), fatt li ġie rikonoxxut b’mod espliċitu fi skambju ta’ ittri bejn id-DĠ SCIC u d-Dipartiment tal-Kultura, il-Wirt u l-Gaeltacht tal-Gvern Irlandiż. Fil-PE (bħal fil-Parlament Irlandiż), bħalissa l-interpretazzjoni hija pprovduta biss mill-Irlandiż, iżda mhux fl-Irlandiż, fis-sessjonijiet plenarji (inkluża s-sessjoni ta’ filgħaxija) u għal laqgħat oħrajn, jekk jingħata avviż bil-quddiem. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma għandhiex bżonn interpreti tal-lingwa Irlandiża, peress li qatt ma tressaq każ bl-Irlandiż quddiem il-Qorti.

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet (OP) jeħtieġ kapaċità tal-lingwa Irlandiża fil-livell ta’ assistenti sabiex iwettqu xogħol ta’ editjar u qari tal-provi tal-lingwa. Attwalment l-OP għandu aġent temporanju wieħed fil-lingwa Irlandiża u qed ifittex li jibni l-kapaċità tal-lingwa Irlandiża b’mod gradwali sabiex iġibha konformi ma’ dik tal-parti l-kbira tal-lingwi l-oħrajn. Minħabba l-għadd żgħir ta’ postijiet u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, mhuwiex kosteffettiv li tiġi organizzata kompetizzjoni tal-EPSO għall-OP waħdu.

L-Irlanda għamlet ukoll sforzi konsiderevoli sabiex tħejji lill-kandidati għall-karrieri fl-istituzzjonijiet u tinkoraġġixxi r-reklutaġġ. Hija żviluppat sensiela ta’ korsijiet fl-Irlandiż fil-livell universitarju u korsijiet li jużaw l-Irlandiż sa mill-2007, b’mod partikolari fil-qafas tal-Inizjattiva tal-Ħiliet Avvanzati fil-Lingwa Irlandiża (Advanced Irish Language Skills Initiative). Fl-2015, hija waqqfet Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Karrieri bil-lingwa Irlandiża fl-Unjoni Ewropea sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi terzjarji li ħadu sehem fl-Inizjattiva. Fl-2015 ukoll, hija warrbet baġit ta’ EUR 4.7 miljun sabiex tistabbilixxi 15-il kors ġdid speċjalizzat fl-istituzzjonijiet parteċipanti fuq perjodu ta’ tmien snin. Il-korsijiet kollha ffinanzjati taħt l-Inizjattiva, inklużi l-korsijiet tal-liġi, issa jipprovdu struzzjoni f’lingwa terza tal-UE u jinkludu moduli dwar il-ħiliet psikometriċi li jħejju lill-istudenti għall-kompetizzjonijiet tal-EPSO. Il-Kummissjoni għenet biex jiġi stabbilit kors ta’ master’s fl-Interpretazzjoni tal-Konferenzi fin-National University of Ireland, f’Galway, u għadha tappoġġjah.

Matul l-2016 u l-2018, l-Irlanda u l-istituzzjonijiet infushom ippromwovew karrieri fl-istituzzjonijiet għal-lingwisti Irlandiżi, permezz ta’ kampanji pubbliċitarji, fieri tal-karrieri, żjarat f’universitajiet u żjarat mill-istudenti universitarji Irlandiżi fl-istituzzjonijiet, avvenimenti ta’ tnedija mmirati, artikli fil-ġurnali u intervisti fuq ir-radju. Il-konferenzi annwali f’Dublin ittrattaw suġġetti relatati mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-Irlandiż, u qajmu għarfien dwar l-opportunitajiet u l-profili tal-persunal fil-lingwa Irlandiża li jeħtieġu l-istituzzjonijiet. Biex iwessgħu s-sensibilizzazzjoni għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ li jitkellmu bl-Irlandiż, il-Kummissjoni u l-Irlanda nedew kompetizzjoni speċjali għat-Tradutturi Żgħażagħ fl-2017, immirata għall-istudenti tas-sekondarja (fil-klassijiet il-kbar) li jitkellmu bl-Irlandiż. Fl-2018, ipparteċipaw 21 skola.

Fi ftit kliem, minkejja għadd ta’ miżuri pragmatiċi u sui generis meħuda biex tingħata spinta lill-kapaċità tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fl-Irlandiż, l-esperjenza sal-lum turi li għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli fit-tliet snin li ġejjin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet proġettati.

d.    Il-kapaċità tal-fornituri esterni tas-servizzi

L-istituzzjonijiet jesternalizzaw diversi proporzjonijiet tax-xogħol ta’ traduzzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni hija l-akbar utent tal-esternalizzazzjoni f’termini ta’ volum. L-istituzzjonijiet qegħdin jistennew li se jużaw aktar is-suq indipendenti Irlandiż biex jikkomplementaw il-kapaċità interna tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-PE organizzaw sejħiet għal offerti għal servizzi ta’ traduzzjoni addizzjonali fil-perjodu ta’ rapportar biex jagħtu spinta lill-kapaċità u jtejbu l-interess u l-kwalità. Il-kuntratti l-ġodda tal-Kummissjoni daħlu fis-seħħ f’Lulju 2018. Ir-riżultati inizjali huma inkoraġġanti, għalkemm il-volum esternalizzat għadu frazzjoni ta’ dak li huwa meħtieġ biex tiġi ssodisfata d-domanda mingħajr deroga. F’Novembru 2018 il-PE nieda sejħa għall-offerti bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tal-KESE u tal-KtR. F’Marzu 2019, il-PE nieda sejħa għall-offerti oħra sabiex tiġi pprovduta traduzzjoni indipendenti, inkluż bl-Irlandiż. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ppublikat ukoll sejħa għall-offerti ġdida sabiex tiġi pprovduta traduzzjoni indipendenti, inkluż bl-Irlandiż. Dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin. Matul il-perjodu ta’ rapportar ġew organizzati avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni għall-fornituri esterni tas-servizzi dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol mal-Kummissjoni. Biex ikollhom l-akbar involviment possibbli, inkludew kemm webinars kif ukoll avvenimenti diretti. Il-ħtiġijiet attwali u futuri għat-traduzzjoni indipendenti kienu l-punt fokali tal-konferenza annwali tal-2018 f’Dublin.

Is-servizzi tal-interpretazzjoni fil-Kummissjoni (id-DĠ SCIC), fil-PE u fil-QĠUE għandhom aċċess għal 11-il interpretu indipendenti akkreditat mill-Irlandiż; ħamsa minnhom biss għandhom Irlandiż attiv. It-testijiet ta’ akkreditazzjoni ma pproduċewx kandidati li setgħu jintgħażlu fl-2016, fl-2017 jew fl-2019.

F’April 2019, l-OP ħareġ sejħa għall-offerti għall-fornituri esterni tas-servizzi; peress li ma daħlet l-ebda offerta, is-sejħa għall-offerti se titnieda mill-ġdid.

e.    Riżorsi tal-lingwa Irlandiża

Il-kapaċità tat-traduzzjoni tinkludi wkoll ir-riżorsi tal-lingwa. L-istituzzjonijiet u l-Irlanda komplew il-proġett tat-terminoloġija GA IATE 12 , li issa ilu jaħdem għal 11-il sena u li għalih l-Irlanda approvat fondi sa tmiem l-2021. Il-proġett ipproduċa 65 592 terminu (meta mqabbla ma’ 56 860 terminu fl-2015). L-istituzzjonijiet bdew jaħdmu mal-Irlanda sabiex jibnu netwerk ta’ esperti fit-terminoloġija settorjali li jitkellmu bl-Irlandiż fl-Irlanda.

L-għodod ta’ traduzzjoni bl-għajnuna tal-kompjuter u t-traduzzjoni awtomatika huma kruċjali għall-effiċjenza tas-servizzi tat-traduzzjoni. Dawn jiġu alimentati minn korpori bilingwi jew multilingwi, spiss fil-forma ta’ memorji tat-traduzzjoni bbażati fuq traduzzjonijiet preċedenti. Euramis, il-memorja tat-traduzzjoni interistituzzjonali, bħalissa tinkludi madwar 5.8 miljun segment mill-Irlandiż jew fl-Irlandiż (meta mqabbla ma’ 3.5 miljuni fl-2015). Dan huwa madwar wieħed minn kull għaxra mit-30 sa 50 miljun segment li jeżistu għall-parti l-kbira tal-pari tal-lingwi l-oħrajn.

L-Irlanda impenjat ruħha li tipprovdi lill-istituzzjonijiet memorji ta’ traduzzjoni li fihom allinjamenti ta’ testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Tħejja ftehim bejn l-istituzzjonijiet u l-Irlanda; dan għadu jrid jiġi finalizzat.

F’Marzu 2018 inħolqot magna tat-traduzzjoni awtomatika Irlandiża bbażata fuq teknoloġija ta’ traduzzjoni bil-magna newrali bħala parti mis-sistema eTranslation tal-Kummissjoni 13 u din hija disponibbli għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-awtoritajiet Irlandiżi. Madankollu, peress li t-traduzzjoni awtomatika hija mħaddma bid-data, u d-data ġejja minn Euramis, l-ammont komparattivament żgħir ta’ data użat biex jitħarrġu l-magni Irlandiżi jfisser li r-riżultati għat-traduzzjoni awtomatika fl-Irlandiż mhumiex tajbin daqs ir-riżultati prodotti għal lingwi oħrajn. L-inizjattiva tal-Koordinazzjoni tar-Riżorsi Lingwistiċi fl-Ewropa (European Language Resource Coordination) qiegħda tipprova tiġbor aktar data lingwistika sabiex ittejjeb il-magni.

L-OP ħadem mal-Gvern Irlandiż u mal-grupp lingwistiku interistituzzjonali Irlandiż sabiex jallinja l-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali mal-istandard uffiċjali l-ġdid għall-Irlandiż. L-OP għandu wkoll għodod ta’ qari tal-prova bl-għajnuna tal-kompjuters li huma adattati biex jintużaw b’testi tal-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwa Irlandiża. Dawn qed jiġu estiżi biex ikopru wkoll il-każistika bl-Irlandiż.

f.    Kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-acquis

L-Irlandiż huwa l-ewwel lingwa uffiċjali u ta’ ħidma li fiha l-ġabra tal-liġijiet tal-UE (l-acquis) ma ġietx tradotta qabel. L-acquis attwalment jinkludi madwar 160 000 paġna (il-Ġurnal Uffiċjali) ta’ testi legali u jirrappreżenta parti importanti mill-memorji tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet u huwa sors għani ta’ terminoloġija. Biex jindirizza n-nuqqas ta’ verżjoni bl-Irlandiż, is-Servizz Legali tal-Kummissjoni fassal lista ta’ prijorità ta’ madwar 11 000 paġna ta’ atti bażiċi u verżjonijiet konsolidati ta’ atti li t-traduzzjoni tagħhom bl-Irlandiż tkun tal-ogħla valur. L-istituzzjonijiet qegħdin jittraduċuhom b’mod konġunt safejn jippermettu r-riżorsi; sal-lum, dawn ittraduċew madwar 4 697 paġna. Madankollu, it-traduzzjonijiet mhumiex awtentikati u jservu biss biex itejbu l-memorji tat-traduzzjoni u biex jgħinu l-effiċjenza operattiva. Il-QĠUE qiegħda tittraduċi każistika u segmenti/frażijiet ta’ testi li jirrikorru ta’ spiss fit-testi tagħha.

Biex tikkontribwixxi għall-isforzi tal-istituzzjonijiet, l-Irlanda ilha minn Settembru tal-2018 tiffinanzja programm ta’ internship għat-traduzzjoni tal-acquis. Ġie adottat baġit allokat sal-2021 biex jiffinanzja 12-il kandidat fis-sena biex iqattgħu ħames xhur f’kollokament fis-servizzi tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet ewlenin (tnejn fil-PE, tnejn fil-Kunsill u tnejn fil-Kummissjoni, darbtejn fis-sena). Erbgħa biss mis-sitt interns bdew fl-ewwel grupp (tnejn fil-PE, wieħed fil-Kunsill u wieħed fil-Kummissjoni) f’Settembru/Ottubru 2018, filwaqt li tlieta ġew fit-tieni grupp f’Marzu 2019 (tnejn fil-Kummissjoni u wieħed fil-Kunsill). L-Irlanda qablet li tinkludi lill-KESE u lill-KtR fil-programm u intern beda fil-Kumitati Konġunti f’Marzu 2019. F’April 2019, l-Irlanda żiedet l-għotja 14 biex tkopri 10 interns b’kollox biex iqattgħu 10 xhur f’kollokament minn Ottubru 2019 (żewġ interns għall-Kummissjoni, tliet interns inkluż qarrej tal-provi għall-PE, żewġ interns għall-Kunsill, żewġ interns għall-KESE u għall-KtR u qarrej tal-provi għall-OP).



III.Konklużjonijiet

L-istituzzjonijiet huma impenjati bis-sħiħ biex jimplimentaw ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264. Il-kooperazzjoni tagħhom mal-Irlanda ffaċilitat il-progress fl-oqsma kollha stabbiliti fir-Regolament. Huma rnexxielhom jimplimentaw l-ewwel żewġ żidiet inkrimentali (li jkopru d-Direttivi u d-Deċiżjonijiet adottati mill-PE u mill-Kunsill) u aktar milli rduppjaw il-volum tat-traduzzjoni għall-Irlandiż sa mill-2016.

Biex tinbena kapaċità interna stabbli u suffiċjenti, ġew organizzati erba’ kompetizzjonijiet tal-EPSO matul il-perjodu ta’ rapportar, li pproduċew 10 tradutturi u disa’ assistenti fl-2017, u 15-il traduttur u tliet ġuristi lingwisti fl-2019. Sa minn tmiem l-2015, l-istituzzjonijiet żiedu l-għadd ta’ persunal intern tal-lingwa Irlandiża minn 58 għal 102. Minkejja dan l-isforz konsiderevoli u konġunt, il-progress huwa aktar kajman minn dak mistenni minħabba l-grupp żgħir ta’ lingwisti fl-Irlandiż u r-rata baxxa ta’ suċċess fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO. Sabiex ipattu għan-nuqqas ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet tal-EPSO, ġew organizzati madwar 14-il proċedura tal-għażla għal persunal temporanju li joffru pożizzjonijiet temporanji li matulhom ilpersunal jingħata taħriġ intern.

Biex jikkomplementaw il-kapaċità interna u jestendu l-grupp ta’ fornituri esterni li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet, il-Kummissjoni u l-PE organizzaw sejħiet għall-offerti addizzjonali għas-servizzi ta’ traduzzjoni indipendenti bl-Irlandiż, u testijiet ta’ akkreditazzjoni għall-interpreti indipendenti.

Sar progress fil-bini tar-riżorsi teknoloġiċi fil-lingwa Irlandiża u nbniet magna ġdida tat-traduzzjoni bil-magni newrali mill-Ingliż għall-Irlandiż bħala parti mis-sistema ta’ Traduzzjoni elettronika, għalkemm il-korpora u l-memorji attwali għadhom relattivament modesti. Biex jiżdiedu r-riżorsi tad-data lingwistika disponibbli, tħejja ftehim bejn l-istituzzjonijiet u l-Irlanda dwar il-kondiviżjoni tal-korpori bilingwi tal-liġi nazzjonali Irlandiża; dan għadu jrid jiġi finalizzat. L-istituzzjonijiet u l-Irlanda komplew jaħdmu wkoll fuq il-proġett tat-terminoloġija tal-IATE.

Il-previżjonijiet tad-domanda għat-traduzzjoni jindikaw li t-twettiq tal-inkrimenti tal-2020 u tal-2021 se jeħtieġ kapaċità aktar sostanzjali. Id-domanda globali mingħajr deroga mir-Regolament Nru 1 tkopri mhux biss it-traduzzjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda wkoll ta’ materjal politiku, komunikazzjonijiet, konsultazzjonijiet u rapporti. L-interpretazzjoni trid tiġi kkunsidrata wkoll. Se jkunu meħtieġa sforzi kbar mill-istituzzjonijiet, waqt li jaħdmu f’sinerġija mal-Irlanda, sabiex jibnu kapaċità suffiċjenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet proġettati. Sar rieżami tar-riżorsi minn mindu l-ħtiġijiet ġew stmati fl-2015; għadhom għaddejjin l-aġġustamenti fit-taħlita ta’ riżorsi u l-ħtiġijiet preċiżi ta’ persunal huma rieżaminati kontinwament. Biex tiġi ssodisfata ż-żieda fit-traduzzjoni għall-Irlandiż, huwa essenzjali li jkomplu jinbnew u jingħaqdu sa punti differenti fl-istituzzjonijiet differenti, it-tliet aspetti ewlenin kollha tal-kapaċità: il-persunal intern, it-traduzzjoni indipendenti u r-riżorsi teknoloġiċi tal-lingwa.

Il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2021 dwar jekk l-istituzzjonijiet għandhomx kapaċità suffiċjenti, meta mqabbla mal-lingwi uffiċjali l-oħrajn, sabiex japplikaw ir-Regolament Nru 1 mingħajr deroga mill-1 ta’ Jannar 2022.

(1)

     Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385) u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 17, 6.10.1958, p. 401).

(2)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 184).

(3)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 li jestendi l-miżuri derogatorji temporanji għar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 5).

(4)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264 li jestendi u li jelimina gradwalment il-miżuri derogatorji temporanji tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 1).

(5)

     L-istituzzjonijiet tal-UE bl-akbar servizzi ta’ traduzzjoni, jiġifieri, il-Kummissjoni, il-PE u l-Kunsill.

(6)

   Għall-Kummissjoni waħedha, iż-żieda kienet madwar 8 000 u 19 000 bejn l-2016 u l-2018, prevista li se titla’ minn 19 000 għal madwar 50 000 bejn l-2018 u l-2021, u minn 50 000 għal madwar 83 000 mill-2022 ’il quddiem.

(7)

     Dikjarazzjoni Finanzjarja mħejjija mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2264.

(8)

     GA hija l-kodiċi tal-lingwa tal-ISO għall-Irlandiż.

(9)

     Erbgħa fil-PE, tnejn fil-Kunsill u tnejn fil-Kummissjoni.

(10)

     Tnejn fil-PE, tlieta fil-Kunsill u wieħed fil-Kummissjoni (Servizz Legali).

(11)

     Il-PE: waħda għat-tradutturi fl-2016 u fl-2019 rispettivament, u waħda għall-assistenti fl-2017; waħda għall-ġuristi lingwisti fl-2017; Il-Kunsill: waħda għat-tradutturi fl-2016, fl-2017 u fl-2018 rispettivament, u waħda għall-assistenti fl-2017; waħda għall-ġuristi-lingwisti fl-2017; Il-Kummissjoni: waħda għat-tradutturi fl-2017; fl2018 u fl2019, rispettivament; Il-QĠUE: waħda għall-ġuristi lingwisti għal-lingwa Irlandiża fl-2017 u waħda għall-qarrejja tal-provi fl-2018.

(12)

     Il-bażi tad-data tat-terminoloġija użata mill-istituzzjonijiet kollha, li parti minnha hija disponibbli wkoll għall-pubbliku.

(13)

     L-eTranslation (li qabel kienet l-MT@EC) tipprovdi traduzzjoni awtomatika għad-DĠ tal-Kummissjoni, iżda wkoll għal istituzzjonijiet oħrajn u għall-Istati Membri (korpi pubbliċi).

(14)

Minn EUR 120 000 għal EUR 200 000.