Brussell, 3.7.2019

COM(2019) 315 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Riċerka u ta' Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea u l-Monitoraġġ ta' Orizzont 2020 fl-2018


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku tal-UE u l-monitoraġġ ta’ Orizzont 2020 fl-2018

1.    Sfond

Dan ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku tal-UE u d-disseminazzjoni tar-riżultati tħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali konċiża u mhux eżawrjenti tal-miżuri ewlenin meħuda fl-2018.

2.    Il-kuntest politiku

Il-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mġedda - l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha 1 , li l-Kummissjoni ħejjiet għall-Kunsill Ewropew informali f’Sofija fis-16 ta’ Mejju 2018, poġġiet ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) fil-qalba tal-aġenda għall-impjiegi, it-tkabbir, il-ġustizzja u l-bidla demokratika, u tat-tħejjijiet għall-futur tal-UE. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi għall-programmi ta’ nfiq skont il-baġit tal-UE 2021-2027, li issa huma s-suġġett ta’ negozjati interistituzzjonali.

Fl-2018, l-ekonomija tal-UE baqgħet tespandi għall-ħames sena konsekuttiva, iżda qed jitfaċċaw inċertezzi globali. L-indikaturi makroekonomiċi bħall-impjieg u l-investiment irritornaw għax-xejriet ta’ qabel il-kriżi finanzjarja 2 , iżda titjib minimu fil-produttività jibqa’ jżomm lura t-tkabbir ekonomiku 3 . Sa Novembru, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi appoġġja proġetti fl-Istati Membri kollha għal valur ta’ investiment totali ta’ EUR 360 biljun, li minnhom żewġ terzi ġejjin minn riżorsi privati 4 . L-Orizzont 2020 ikkontribwixxa direttament għal dawn l-iżviluppi pożittivi, filwaqt li ħoloq 592,000 impjieg ġdid bejn l-2014 u l-2018 5 .

L-UE żammet kwistjonijiet relatati mas-suq uniku diġitali fuq quddiem fl-aġenda. Minbarra li jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data l-ġdid (li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018 6 ) se jappoġġja wkoll ir-R&I. Il-Kummissjoni appoġġjat il-mutwalizzazzjoni ta’ sforzi nazzjonali fl-intelliġenza artifiċjali 7 . Għal darb’oħra, l-Orizzont 2020 kellu rwol ewlieni, b’mod partikolari billi appoġġja l-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida dwar computing ta' prestazzjoni għolja li għandha tiżgura l-awtonomija strateġika tal-Ewropa f’dan il-qasam 8 .

L-enerġija u l-klima baqgħu fil-quċċata tal-aġenda globali u Ewropea. Rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) lil dawk li jfasslu lpolitika enfasizza b’mod drammatiku l-urġenza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima 9 . Il-Kummissjoni baqgħet timplimenta l-impenji tal-UE b’rabta mal-enerġija u l-klima f’konformità mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima tal-2015 u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) 10 . Għalhekk, il-Kummissjoni implimentat il-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex tilħaq il-kontribuzzjoni tal-UE ddeterminata b’mod nazzjonali sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’40 % sal-2030 (meta mqabbel mal-1990). Barra minn hekk, f’Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-viżjoni tagħha li tikseb emissjonijiet ta’ gassijiet serra nett żero sal-2050 11 . L-istrateġija fit-tul tiddeskrivi t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjetali meħtieġa biex tinkiseb newtralità f'termini ta' impatt fuq il-klima, u tiżgura tranżizzjoni soċjalment ġusta. Dan il-livell ta’ impenn għandu jsostni t-tmexxija globali tal-UE f’dan il-qasam, b’mod konsistenti mar-rwol influwenti tal-President Juncker fid-diskors tiegħu tal-2018 dwar “l-istat tal-Unjoni”.

3.    Qafas ta’ politika

Orizzont Ewropa

Fis-7 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni adottat il-proposti tagħha għall-Orizzont Ewropa, il-qafas ta’ politika għar-R&I għall-2021-2027 (il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss). Il-pakkett leġiżlattiv jikkonsisti fi proposti għal:

·Regolament li jistabbilixxi Orizzont Ewropa u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni;

·Deċiżjoni għal programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa; kif ukoll

·Regolament li jistabbilixxi l-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għall-2021-2025.

Il-pakkett ifittex li jissimplifika aktar ir-regoli, filwaqt li jiżgura kontinwità, pereżempju l-prinċipji ewlenin tal-programmi qafas tar-R&I tal-UE (eċċellenza, impatt u aċċess miftuħ) se jibqgħu japplikaw. Dan tfassal fuq il-bażi ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati u ma’ figuri pubbliċi, u input importanti ieħor, bħal-LAB FAB APP – Investing in the European future we want 12 (LAB FAB APP – Ninvestu fil-futur Ewropew li rridu), ir-rapport mill-grupp ta’ livell għoli indipendenti dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-programmi tar-R&I tal-UE (ippresedut minn Pascal Lamy).

Sa tmiem l-2018, il-Kunsill Kompetittività qabel dwar approċċ ġenerali parzjali dwar ir-Regolament ewlieni 13 u, fil-plenarja, il-Parlament Ewropew 14 approva rapport dwar il-pakkett mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) tiegħu.

Il-proposti tal-Kummissjoni huma strutturati madwar tliet pilastri:

·xjenza miftuħa;

·sfidi globali u kompetittività industrijali; u

·innovazzjoni miftuħa.

Se jkun hemm parti addizzjonali dwar it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

Filwaqt li jirrifletti l-importanza li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-SDGs, Orizzont Ewropa għandu mira tal-integrazzjoni tal-klima ta’ mill-inqas 35 % tal-pakkett finanzjarju globali.

Fir-rigward tal-aċċess miftuħ tal-programmazzjoni, ġie propost proċess ta’ ppjanar strateġiku, li se jipprovdi orjentazzjoni strateġika pluriennali bbażata fuq approċċ ta’ kodisinn mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati. Dan il-proċess inklużiv se jiffavorixxi wkoll sinerġija ma’ programmi u politiki oħra tal-UE, u djalogu kontinwu mas-soċjetà ċivili.

It-tieni pilastru (“sfidi globali u kompetittività industrijali”) se jinvolvi t-tnedija ta’ numru limitat ta’ “missjonijiet” iddisinjati flimkien mal-utenti finali u bbażati fuq xejra transsettorjali, transdixxiplinarja u objettivi ċari mill-bidu. Ispirat mir-rapport Missions: Mission-oriented research & innovation in the European Union 15 (Missjonijiet: Riċerka u innovazzjoni orjentati lejn missjoni fl-Unjoni Ewropea), l-approċċ ta’ missjoni se jaċċentwa d-direzzjonalità tal-politika ta’ R&I.

Taħt it-tielet pilastru (“innovazzjoni miftuħa”), se jintużaw żewġ strumenti komplementari biex l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) jiġi indirizzat lil innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u li joħolqu sswieq flimkien mal-kontinwità mir-R&I għall-iskjerament fis-suq u l-espansjoni ta’ kumpaniji:

·il-pathfinder għal riċerka avvanzata se jappoġġja riċerka li twassal għal bidla ta’ trasformazzjoni u innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq potenzjali; u

·l-aċċelleratur se jipprovdi finanzjament imħallat magħmul apposta b’appoġġ għallinnovazzjoni li toħloq is-swieq u l-espansjoni ta’ kumpaniji innovattivi.

Is-Semestru Ewropew

Bħala parti miċ-ċiklu tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni ħarġet rapporti dwar kull Stat Membru 16 . Total ta’ tlettax-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jenfasizzaw l-isfidi relatati mal-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tar-R&I, b’fokus fuq:

·il-kisba ta’ kwalità xjentifika ogħla, bażi tax-xjenza aktar b’saħħitha u aktar impatt permezz tal-investimenti pubbliċi fir-R&I;

·titjib fir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju; u

·t-tneħħija tal-ostakli li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju u l-investimenti fl-innovazzjoni.

Innovazzjoni miftuħa

L-ewwel fażi ta’ proġett pilota tal-EIC (ara t-taqsima 4.2) rat appoġġ mogħti lil għadd sinifikanti ta’ innovaturi, b’1.276 proġett iffinanzjati għal total ta’ EUR 731,15-il miljun sa tmiem is-sena 17 .

Il-Kummissjoni ħadet passi sabiex tiżgura li n-negozji innovattivi Ewropej kellhom aċċess aħjar għall-finanzjament, li huwa xprunatur tal-produttività 18 . Hija nediet VentureEU 19 , li huwa fond panEwropew ta' kapital ta' riskju tal-programm tal-fondi li għandu l-għan li jirdoppja l-ammont tal-kapital ta' riskju disponibbli fl-Ewropa.

L-edizzjoni tal-2018 ta’ Science research and innovation performance of the EU 20 (Ir-riċerka xjentifika u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE) enfasizzat li l-prosperità ekonomika u l-mudell soċjali tal-UE jiddependu fuq il-kapaċità tagħha li toħloq u xxerred l-innovazzjoni. Jeħtieġ li l-UE tħaddan l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji emerġenti sabiex tegħleb problema ta’ produttività serja u ssostni t-tkabbir ekonomiku.

Xjenza miftuħa

Il-Kummissjoni stabbiliet arranġamenti ta’ governanza għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC), li tfittex li tisfrutta l-potenzjal tar-R&I tal-UE billi tgħaqqad “(persuni, data, servizzi u taħriġ, pubblikazzjonijiet […] minn naħa għal oħra tal-fruntiera u dixxiplini xjentifiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] 21 . Hija sejħet l-ewwel laqgħa tal-bord tal-EOSC, magħmul minn rappreżentanti tal-Istat Membru u ta’ pajjiżi assoċjati.

Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u istituzzjonali, il-Kummissjoni aġġornat ir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha 22 .

Sabiex jitħaffef ir-ritmu tat-tranżizzjoni għal aċċess miftuħ, din ħadmet ma’ aġenziji ta’ finanzjament nazzjonali biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjan S 23 .

Miftuħ għad-Dinja

Kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I saħħet l-influwenza tal-UE bħala attur globali, f’kuntest li fih qed tingħata attenzjoni dejjem akbar lid-diplomazija dwar ix-xjenza.

Orizzont 2020 baqa’ jappoġġja l-ħidma operattiva u xjentifika mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) u mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). Orizzont 2020 iddedikat jitlob li jingħata appoġġ lill-ħolqien ta’ għarfien xjentifiku addizzjonali 24 kif ukoll lill-funzjonament ta’ dawn il-korpi, biex b’hekk jiġi promoss il-multilateriżmu.

Flimkien mal-Ġermanja u mal-Finlandja, il-Kummissjoni organizzat it-tieni Laqgħa Ministerjali dwar ix-Xjenza tal-Artiku 25 , li wasslet għall-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-UE, 23 pajjiż u sitt organizzazzjonijiet ta’ popli indiġeni 26 .

F’konformità mal-impenn kostanti tal-UE għall-kooperazzjoni fir-R&I tal-Oċean Atlantiku, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Arġentina u ma’ Cape Verde biex issaħħaħ u ttejjeb il-kooperazzjoni fir-R&I dwar “it-tkabbir blu” u tindirizza l-isfidi marbuta mal-Atlantiku, inklużi l-osservazzjoni tal-oċean, is-sikurezza alimentari, ir-riċerka polari u l-varjabbiltà fil-klima.

Miżuri ta’ politika oħrajn

Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ Komunikazzjonijiet importanti dwar l-isfidi globali relatati marR&I:

·Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent 27 aġġornat l-istrateġija tal-bijoekonomija tal-UE. Ir-R&I se jibqa’ jkollhom rwol ewlieni fi tliet settijiet ta’ azzjonijiet li għandhom jitniedu mill-2019:

oit-tisħiħ u l-espansjoni tas-setturi bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi;

ol-iskjerament ta’ bijoekonomiji lokali madwar l-Ewropa; u

ofehim tal-konfini ekoloġiċi tal-bijoekonomija; u

·Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima 28 tistabbilixxi kif l-UE bdiet timplimenta t-trasformazzjoni meħtieġa sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għallklima u tenfasizza seba’ modi ta’ suċċess konkreti. Din tenfasizza wkoll l-importanza li jiġi sfruttat il-finanzjament u l-iskjerament tar-R&I biex tiġi appoġġjata firxa wiesgħa ta’ attivitajiet meħtieġa sabiex l-ekonomija newtrali għallklima ssir realtà.

Il-ħidma baqgħet timplimenta l-20 miżura ta’ politika stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa 29 , li jikkontribwixxu permezz tar-R&I sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-grupp ta’ strateġija ta’ livell għoli dwar teknoloġiji industrijali ppubblika l-approċċ politiku tiegħu għal teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs) 30 , li jivvalidaw is-sitt KETs identifikati fl-2009 u jissuġġerixxu l-inklużjoni ta’ żewġ KETs ġodda:

·l-intelliġenza artifiċjali; u

·s-sigurtà diġitali u l-konnettività.

Il-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin (GCSA – il-grupp suċċessur għall-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ilMekkaniżmu ta’ Konsulenza Xjentifika (SAM HLG) 31 ) ta opinjoni xjentifika importanti dwar Novel carbon capture and utilisation technologies 32 (Teknoloġiji ġodda għall-qbid tal-karbonju u l-użu tiegħu) u ħareġ gwida dwar sfidi regolatorji sensittivi, bħall-editjar talġeni 33 . Huwa interaġixxa wkoll direttament mal-pubbliku ġenerali.

Inizjattivi oħra ta’ livell għoli li jindirizzaw prijoritajiet politiċi trażversali importanti kienu jinkludu lBatterija Ewropea 34 u l-Komunikazzjonijiet Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur 35 u Interferenti endokrinali 36 . L-aspetti ta’ riċerka huma partikolarment rilevanti għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji proposti.

4.    Implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020

4.1    Tweġiba għas-sejħiet

Sa tmiem l-2018 37 , total ta’ 679 sejħa tal-Orizzont 2020 skadew, u ġew ippreżentati 191,731 proposta eliġibbli, li kienu jirrikjedu kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-UE ta’ EUR 290.3 biljun. Minn dawn il-proposti, 23,250 proposta ntgħażlu għal finanzjament, li wassal għar-rata globali ta’ suċċess ta’ proposti eliġibbli fl-ewwel ħames snin għal 12.13 %. Total ta’ 21,599 ftehim ta’ għotja ġew iffirmati sal-aħħar ta’ Diċembru, b’allokazzjoni tal-baġit ta’ EUR 38.97 biljun f’finanzjament mill-UE.

Fl-2014-2018, il-parteċipanti fl-Istati Membri tal-UE rċevew 91.5 % tal-finanzjament, bil-bqija tal-finanzjament imur għand dawk li ġejjin minn pajjiżi assoċjati (7.2 %) u minn pajjiżi mhux tal-UE (1.3 %). Filwaqt li s-sehem tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi assoċjati (7.2 %) huwa konformi mal-finanzjament irċevut, dak tal-pajjiżi mhux tal-UE huwa konsiderevolment ogħla (3.9 %), li jindika interess fl-aċċess miftuħ internazzjonali, diżakkoppjat mill-finanzjament.

L-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HES) jibqgħu fl-ewwel post f’termini ta’ finanzjament irċevut (39.8 %), filwaqt li 25.9 % tal-finanzjament mill-UE taħt il-pilastri 2 u 3 imur għall-SMEs.

4.2    Karatteristiċi ewlenin tal-Orizzont 2020

L-ewwel fażi ta’ proġett pilota tal-EIC

IlGrupp ta' Livell Għoli ta’ Innovaturi (HLGI), li nħatar biex jgħin lill-Kummissarju Moedas jistabbilixxi l-EIC, ħareġ rapport, Funding-Awareness-Scale-Talent (FAST) 38 (Finanzjament-Sensibilizzazzjoni-Skala-Talent), li enfasizza l-modi biex jitjieb l-appoġġ għall-innovazzjoni li toħloq isswieq fl-UE. Fuq il-bażi tar-rapport u l-passi ta’ politika bikrija mill-Kulleġġ tal-Kummissarji 39 , proġett pilota għall-EIC ġie inkluż fil-programm ta’ ħidma tal-2018-2020.

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-HLGI 40 , il-proġett pilota jinkorpora l-finanzjament innovattiv tal-Orizzont 2020 rilevanti kollu fi skema unika li tinkorpora l-istrument għall-SMEs, ir-Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni, FET Miftuħin u l-premji tal-Orizzont.

Din il-parti tal-programm ta’ ħidma għandha tappoġġja sa 1,000 proġett, b’baġit globali ta’ EUR 2.7 biljun. L-impatt tiegħu se jiġi vvalutat skont l-indikaturi li ġejjin:

-swieq ġodda żviluppati;

-investiment privat attirat; u

-tkabbir tan-negozji appoġġjat.

Il-Kunsill tal-Ewropa ta’ Ġunju 2018 talab lill-Kummissjoni tiżviluppa t-tieni fażi tal-inizjattiva 41 , li tkun immirata lejn l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji mħallta u l-esperimentazzjoni b’arranġamenti ġodda għall-ġestjoni tal-programm.

Kooperazzjoni internazzjonali

Il-kooperazzjoni xjentifika tibqa’ pilastru ewlieni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE. Il-Kummissjoni aġġornat il-pjanijiet direzzjonali fir-R&I mas-sħab ewlenin, kemm fil-livell tal-pajjiżi kif ukoll f’dak reġjonali. Dawn jikkombinaw djalogu ta’ politika ma’ kooperazzjoni fil-livell tal-proġett, integrat fl-attivitajiet tal-programm ta’ ħidma tal-Orizzont 2020.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni aġġornat il-pjanijiet direzzjonali tax-xjenza u tat-teknoloġija għal kooperazzjoni ma’:

·fil-livell (bilaterali) tal-pajjiżi 42 – l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, il-Messiku, New Zealand, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel u l-Istati Uniti; u

·fil-livell reġjonali 43 – l-Unjoni Afrikana, l-Asja taxXlokk, is-Sħubija tal-Lvant, il-Komunità tal-Amerika Latina u l-Istati tal-Karibew, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani, u l-Balkani tal-Punent.

Fil-livell ta’ proġetti, l-attivitajiet taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jibqgħu jammontaw għal aktar minn nofs il-parteċipazzjonijiet kollha tal-pajjiżi terzi fl-Orizzont 2020.

Żieda fil-parteċipazzjoni

Il-Kummissjoni ppubblikat valutazzjoni estensiva tax-xejriet tal-parteċipazzjoni u tal-prestazzjoni tar-R&I tal-pajjiżi eleġibbli fi Spreading excellence & widening participation in Horizon 2020 44 (It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-Orizzont 2020). B’mod ġenerali, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi hija konformi mal-investiment nazzjonali fir-R&I.

Total ta’ 44 għotja ġew iffirmati biex jiġu implimentati proġetti ta’ “tixrid ta’ eċċellenza”, għal ammont ta’ EUR 62.38 miljun. Minn dawn, 13 se jgħinu biex jiġu stabbiliti presidenti taż-ŻER fiċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovakkja u s-Slovenja.

 Azzjoni pilota ġdida – Fellowships għal pajjiż li fih trid tiżdied il-parteċipazzjoni – ġiet introdotta fl-2018, imsejsa fuq il-Fellowships Individwali tal-MSCA. Dawn se jipprovdu opportunitajiet addizzjonali lil madwar 120 riċerkatur ta’ kwalunkwe nazzjonalità biex iwettqu fellowship f’pajjiż li fih trid tiżdied il-parteċipazzjoni.

Il-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki pprovdiet ukoll appoġġ għar-riformi ta’ politika fil-pajjiżi “li fihom trid tiżdied il-parteċipazzjoni”, pereżempju rieżami bejn il-pari tas-sistema tar-R&I tal-Estonja 45 fid-dawl tal-istrateġija ppjanata tagħha fir-R&I u l-intraprenditorija għall-2021-2027.

Il-proġett Futur tnieda bħala parti mill-istrateġija l-ġdida tal-UE għar-reġjuni ultraperiferiċi. Billi jgħaqqad istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati minn Azores, il-Gżejjer Kanarji, Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, La Réunion, il-Madeira, Martinique, Mayotte u Saint Martin, il-proġett se jinvolvi analiżi inizjali tal-ekosistemi tar-R&I u jiżviluppa strateġija komuni u pjanijiet ta’ azzjoni tematiċi.

Xjenzi soċjali u umanistiċi (SSH)

Total ta’ 136 suġġett fil-pilastri tat-“tmexxija industrijali” u tal-“isfidi soċjetali” kienu jeħtieġu b’mod espliċitu kontribuzzjonijiet mill-SSH.

It-tielet rapport ta’ monitoraġġ dwar l-integrazzjoni tal-SSH fl-Orizzont 2020 46 sab li 32 % tal-proġetti ffinanzjati taħt suġġetti talSSH identifikati huma kkoordinati minn sieħeb tal-SSH. Filwaqt li l-ekonomija u s-soċjoloġija huma rrappreżentati sew, għad hemm il-ħtieġa li titjieb l-integrazzjoni ta’ dixxiplini tal-SSH oħra bħal-liġi, l-istorja u l-antropoloġija.

Ġeneru

Diversi forom ta’ appoġġ ikkontribwixxew għal xejriet pożittivi f’dan il-qasam 47 ; pereżempju:

·netwerks ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali 48 organizzaw avvenimenti ta’ taħriġ speċifiċi dwar id-dimensjoni tal-ġeneri; u

·il-Kummissjoni u l-Grupp ta’ Helsinki ħarġu Guidance to facilitate the implementation of targets to promote gender equality in research and innovation 49  (Gwida biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miri sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni), li kopriet id-disinn ta’ oqfsa li jwasslu għall-introduzzjoni ta’ kwoti tal-ġeneri għal dawk li jieħdu ddeċiżjonijiet.

Azzjoni klimatika u żvilupp sostenibbli

Ir-Regolament dwar l-Orizzont 2020 50 stabbilixxa s-sehem tal-baġit mistenni għall-azzjoni klimatika u l-iżvilupp sostenibbli tul il-perjodu tal-programm għal 35 % u 60 % rispettivament. Sa u inkluż l-2018, l-infiq laħaq mill-inqas 30 % għall-ewwel wieħed 51 u 69 % għall-aħħar wieħed. Għadhom qed isiru sforzi addizzjonali, b’mod partikolari permezz tal-oqsma ta’ fokus iddedikati.

Sinerġiji ma’ programmi oħrajn

Ġie ppubblikat rapport dwar l-eżerċizzju ta’ tagħlim reċiproku dwar iż-żieda fil-parteċipazzjoni u l-iżgurar tas-sinerġiji bejn il-programmi tar-R&I u l-politika ta' koeżjoni tal-UE 52 , li fih ipparteċipaw 12-il Stat Membru u pajjiż assoċjat wieħed. Dan sab li, filwaqt li jista’ jkun hemm ostakli regolatorji fil-livell tal-proġett, sinerġiji effettivi se jiddependu fuq il-kapaċità biex jiġi promoss id-djalogu ta’ politika fil-livell tal-programm.

Rapport speċjali 28/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 53 ressaq il-każ għall-promozzjoni ta’ komunikazzjoni ulterjuri dwar is-siġill ta' eċċellenza (SoE). S’issa, 35 skema tal-SoE differenti ġew iddisinjati mill-awtoritajiet maniġerjali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fi 15-il Stat Membru.

5.    Euratom

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2018/1563 54 stabbilixxa l-qafas tal-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom għall-2019-2020.

Azzjonijiet indiretti

Sa tmiem l-2018, ġew konklużi tliet sejħiet, b’136 proposta eliġibbli, li kienu jirrikjedu kontribuzzjoni finanzjarja tal-Euratom totali ta’ EUR 500.8 miljun. Minn dawn, 47 intgħażlu għal finanzjament, b’kontribuzzjoni tal-Euratom ta’ EUR 196.9 miljun, li wasslet għar-rata ta’ suċċess globali ta’ proposti sħaħ eliġibbli sa mill-2014 għal 34.56 %.

Azzjonijiet diretti implimentati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

L-azzjonijiet diretti tal-programm, implimentati mill-JRC koprew riċerka u taħriġ dwar l-oqsma li ġejjin:

   is-sikurezza nukleari, inkluża s-sikurezza tar-reatturi, tal-fjuwil u taċ-ċiklu tal-fjuwil, immaniġġjar tal-iskart nukleari, monitoraġġ ambjentali u t-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi;

   is-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni u s-sigurtà, inkluża l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-forensika nukleari.

   għarfien bażiku tax-xjenza u standards u materjali ta’ referenza essenzjali għas-sikurezza nukleari, is-sigurtà u s-salvagwardji, inkluża r-riċerka dwar l-applikazzjonijiet mhux tal-enerġija tax-xjenza nukleari bħall-applikazzjonijiet mediċi u spazjali.

Ir-riċerka mwettqa u l-esperjenza miksuba, b’mod partikolari fis-sikurezza nukleari u nnonproliferazzjoni jrawmu l-kapaċitajiet meħtieġa għall-ġestjoni tal-għarfien u sabiex jingħataw edukazzjoni u taħriġ avvanzat fl-oqsma nukleari. Dan jippermetti lill-JRC jissodisfa t-talba għal appoġġ xjentifiku u tekniku dwar politiki relatati malUE.

Programm ta’ riċerka u taħriġ

Appoġġ mill-programm ta’ riċerka u taħriġ wassal għall-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 800 artikolu f’ġurnali riveduti bejn ilpari u b’impatt qawwi u għal aktar minn 800 PhDs filfiżika tal-fużjoni u fit-teknoloġija. Aktar minn 900 riċerkatur ingħataw aċċess għal infrastrutturi ta’ riċerka.

6.    Azzjonijiet diretti mhux nukleari talJRC

Is-sena li għaddiet kienet sena rivoluzzjonarja għall-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-għarfien tal-JRC, bit-tnedija ta’ erba’ ċentri ta’ għarfien, b’hekk in-numru tagħhom żdied għal 6:

·bi tweġiba għat-tħassib tal-konsumaturi, iċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Frodi u għall-Kwalità Alimentari 55 jipprovdi aċċess għal għarfien xjentifiku aġġornat dwar kwistjonijiet tal-frodi alimentari u tal-kwalità tal-ikel;

·billi jagħmel disponibbli l-aħħar soluzzjonijiet innovattivi u l-għarfien tar-riċerka, iċ-Ċentru tal-Għarfien dwar is-Sigurtà Globali Alimentari u Nutrizzjonali 56 għandu l-għan li jtejjeb l-azzjoni sabiex inaqqas l-insigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni f’pajjiżi li m’għandhomx sigurtà talikel;

·iċ-Ċentru ta’ Kompetenza dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija 57 huwa pjattaforma primarja għal appoġġ għall-politika u lbini ta' kapaċità fit-trasferiment tat-teknoloġija fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; u

·iċ-Ċentru ta’ Kompetenza dwar Attivitajiet Prospettivi 58 jipprovdi input strateġiku dirett u orjentat lejn il-futur fit-tfassil talpolitika tal-UE.

Kisbiet ewlenin oħra kkonċernati:

-emissjonijiet tal-vetturi – il-JRC ħejja ruħu biex jaqdi r-rwol li jivverifika (f’isem il-Kummissjoni) il-konformità tal-vetturi mar-rekwiżiti ta’ “emissjonijiet f'sewqan reali”; u

-SDGs – il-JRC ikkontribwixxa għad-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropa Sostenibbli sal-2030 59 , b’mod partikolari permezz ta’ analiżi tat-tbassir kwalitattiva.

7.    Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

Matul l-2018, l-EIT baqa’ jipprovdi appoġġ finanzjarju lis-sitt KKI eżistenti 60 . Barra minn hekk, l-attivitajiet iffinanzjati mill-EIT li għandhom l-għan li jrawmu l-kollaborazzjoni fost il-KKI (attivitajiet bejn il-KKI) dwar l-aspetti ewlenin tal-operazzjonijiet tal-KKI sabiex iżidu l-impatti tagħhom fuq pereżempju l-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħiliet, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-EIT għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Negozju tal-KKI 2018 ammontat għal EUR 400M miljun.

Fil-bidu tas-sena, Forbes Magazine ħabbar il-lista tiegħu ta’ 30 minn 30 għall-2018, li kienet tinkludi disa’ imprendituri appoġġjati mill-Komunità tal-EIT 61 .

Fl-2018, l-EIT nieda żewġ sejħiet għall-ħolqien ta’ żewġ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) ġodda li b’hekk jirriżulta f’total ta’ tmien Komunitajiet ta’ Innovazzjoni:

·mobbiltà urbana – b’konsorzju ta’ 48 membru, Mobbiltà Urbana tal-EIT hija ddedikata għall-aċċellerazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jtejbu l-użu kollettiv tal-ispazji urbani, filwaqt li tiġi żgurata mobbiltà multimodali sostenibbli u aċċessibbli; u

·manifattura – b’konsorzju ta’ 50 sieħeb, il-missjoni ta’ Manifattura tal-EIT hija li tlaqqa’ flimkien l-atturi tal-manifattura Ewropej fl-ekosistemi tal-innovazzjoni biex tiġi appoġġjata l-manifattura sostenibbli u kompetittiva.

8.    Tixrid, sfruttament u komunikazzjoni

Il-Kummissjoni fetħet portal ġdid għall-finanzjament korporattiv u l-opportunitajiet ta’ offerti 62 . Dan issa huwa l-uniku punt ta’ dħul biex jinstabu u jiġu ġestiti l-għotjiet u l-kuntratti ta’ akkwist tal-UE; dan se jkopri l-programmi ġestiti ċentralment kollha mill-bidu tal-perjodu pluriennali li jmiss fl-2021.

It-tabella tal-indikaturi tal-Orizzont 2020 63 ħadmet b’suċċess, billi toffri funzjonijiet analitiċi ġodda b’saħħithom li se jinformaw ir-rapportar, l-analiżi tal-impatt u l-feedback tal-programm għat-tfassil talpolitika.

Is-sit web CORDIS 64 ġie ddisinjat mill-ġdid biex itejjeb l-esperjenza tal-utent u jsaħħaħ il-missjoni tiegħu bħala s-servizz pubbliku primarju tal-Kummissjoni Ewropea biex ixerred l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka kollha ffinanzjati mill-UE, permezz tar-repożitorju trasparenti u ta’ data miftuħa tiegħu tal-proġetti tal-UE mill-FP1 għall-Orizzont 2020 kif ukoll artikli u pubblikazzjonijiet multilingwi li jgħinu fit-trawwim ta’ esplojtazzjoni u ta’ innovazzjoni.

Billi bniet fuq is-suċċess ta’ skemi ta’ aċċess miftuħ u ta’ data miftuħa, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għal Turning FAIR into reality 65 (Nibdlu FAIR f’realtà), li huwa r-rapport finali mill-grupp ta’ esperti tagħha dwar data traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tkun tista' tintuża mill-ġdid (FAIR), li jistabbilixxi wkoll pjan ta’ azzjoni biex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-R&I xprunata middata.

Minn Jannar 2019, il-klawżola ta’ aċċess miftuħ tal-mudell ta’ ftehim ta' għotja tal-Orizzont 2020 se tiżgura d-disponibbiltà sħiħa tal-54.635 pubblikazzjoni xjentifika ġġenerati permezz tal-proġetti tal-Orizzont 2020 li għaddejjin bħalissa.

9.    Prospettiva

Fl-2019, se jkomplu n-negozjati interistituzzjonali dwar Orizzont Ewropa. Jekk ikun jista’ jintlaħaq ftehim politiku mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar elementi sostanzjali tal-pakkett leġiżlattiv, se jkun possibbli li jingħata bidu għat-tfassil b’mod konġunt tal-attivitajiet tal-programm u li jiġu implimentati fil-ħin. Dan se jiżgura l-kontinwità tal-appoġġ u d-direzzjoni effettiva tal-UE, abbażi ta’ djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati kollha.

Se jsiru sforzi sostanzjali sabiex titfassal politika ġenerali tal-UE li tippromwovi aktar u b’mod aħjar ir-R&I fl-Ewropa li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli u twettaq l-objettivi strateġiċi tal-UE, b’mod partikolari billi tfassal strateġija u qafas komprensivi sabiex jiġu investiti r-riżorsi tal-UE, jiġu xprunati r-riformi u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ qafas regolatorju.

(1)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/com-2018-306-a-renewed-european-agenda-_for_research-and-innovation_may_2018_en_0.pdf

(2)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/2019-european-semester-annual-growth-survey_en_1.pdf

(3)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/rec-17-015-srip-report2018_mep-web-20180228.pdf

(4)

     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/communication_investment_plan_for_europe_nov2018.pdf

(5)

     https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/h2020_evaluations/swd(2017)220-in-depth-interim_evaluation-h2020.pdf

(6)

     https://eur-lex.europa.eu/content/news/general-data-protection-regulation-GDPR-applies-from-25-May-2018.html?locale=mt

(7)

     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-artificial-intelligence .

(8)

     https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/eurohpc-joint-undertaking

(9)

     https://www.ipcc.ch/site/assets/uploads/sites/2/2018/07/SR15_SPM_High_Res.pdf

(10)

     https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_en.pdf

(11)

https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_en.pdf

(12)

     https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/hlg_2017_report.pd f

(13)

     https://www.consilium.europa.eu/media/37219/st14406-en18.pdf

(14)

     http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2018-0509+0+DOC+XML+V0//MT&language=MT

(15)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/mazzucato_report_2018.pdf

(16)

     https://ec.europa.eu/info/publications/2018-european-semester-country-reports_mt

(17)

     https://ec.europa.eu/info/news/eic-pilot-eu1734-million-top-class-innovators-bring-their-innovations-faster-market-2018-dec-20_en

(18)

     https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/0635b07f-07bb-11e7-8a35-01aa75ed71a1/language-en

(19)

     http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-2763_mt.htm

(20)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/rec-17-015-srip-report2018_mep-web-20180228.pdf

(21)

     https://publications.europa.eu/en/web/eu-law-and-publications/publication-detail/-/publication/5253a1af-ee10-11e8-b690-01aa75ed71a1

(22)

     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32018H0790&from=MT

(23)

     https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2014-2019/moedas/announcements/plan-s-and-coalition-s-accelerating-transition-full-and-immediate-open-access-scientific_en

(24)

     https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/topic-details/lc-cla-01-2018 .

(25)

     https://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=events&eventcode=187D5765-E38F-9AFC-958DA987ECDD0613 .

(26)

     https://www.arcticscienceministerial.org/files/ASM2_Joint_Statement.pdf

(27)

     https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/pdf/ec_bioeconomy_strategy_2018.pdf

(28)

     https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_en.pdf

(29)

     https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/1_en_act_part1_v6_0.pdf

(30)

      https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/28e1c485-476a-11e8-be1d-01aa75ed71a1

(31)

     https://ec.europa.eu/research/sam/pdf/c_2018_1919_ec_decision_consolidated.pdf

(32)

     https://ec.europa.eu/research/sam/pdf/sam_ccu_report.pdf

(33)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2018_11_gcsa_statement_gene_editing_1.pdf

(34)

https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/european-battery-alliance_mt

(35)

     https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/3rd-mobility-pack/com20180283_en.pdf

(36)

https://ec.europa.eu/commission/news/endocrine-disruptors-strategy-and-european-citizens-initiative-2018-nov-07_en

(37)

     Is-sitwazzjoni mill-11 ta’ Frar 2019 (estrazzjoni mit-tabella tal-indikaturi tal-Orizzont 2020).

(38)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/eic_hlg_bz_web.pdf

(39)

     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2016:733:FIN

(40)

     http://ec.europa.eu/research/eic/pdf/eic_recommendations_set-1_2017.pdf

(41)

     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/06/29/20180628-euco-conclusions-final/

(42)

     http://ec.europa.eu/research/iscp/index.cfm?pg=countries

(43)

     http://ec.europa.eu/research/iscp/index.cfm?pg=regions

(44)

     https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/news/widening-participation-horizon-2020-report-analysis-fp-participation-patterns-and-ri

(45)

     https://rio.jrc.ec.europa.eu/en/library/peer-review-estonian-research-and-innovation-system-factsheet

(46)

     https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4365f75a-5efe-11e8-ab9c-01aa75ed71a1/language-en

(47)

     https://ec.europa.eu/research/swafs/pdf/pub_gender_equality/interim_evaluation_gender_long_final.pdf

(48)

     http://www.ncpacademy.eu/wp-content/uploads/2018/09/20180222_Gender-Equality-in-H2020.pdf

(49)

     http://ec.europa.eu/research/swafs/pdf/pub_gender_equality/KI-07-17-199-EN-N.pdf

(50)

     Ara b'mod partikolari l-premessa (10);    
http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/legal_basis/fp/h2020-eu-establact_mt.pdf

(51)

Dan ma jinkludix l-infiq barra mill-objettivi speċifiċi, bħall-infiq amministrattiv.

(52)

     https://rio.jrc.ec.europa.eu/en/policy-support-facility/mle-national-practices-widening-participation-and-strengthening-synergies

(53)

     https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=47542

(54)

S

(55)

     https://ec.europa.eu/knowledge4policy/food-fraud_en

(56)

     https://ec.europa.eu/knowledge4policy/global-food-nutrition-security_en

(57)

     https://ec.europa.eu/jrc/en/event/conference/technology-transfer-competence-centre

(58)

     https://ec.europa.eu/jrc/communities/en/community/jrc-alumni-network/article/ec-competence-centre-foresight

(59)

     https://ec.europa.eu/commission/publications/reflection-paper-towards-sustainable-europe-2030_mt

(60)

EIT InnoEnergy, EIT Climate-KIC, EIT Digital, EIT RawMaterials, EIT Health, EIT Food.

(61)

https://www.forbes.com/consent/?toURL=https://www.forbes.com/30-under-30/2018/

(62)

https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/home

(63)

https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/horizon-dashboard

(64)

https://cordis.europa.eu

(65)

     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/turning_fair_into_reality_1.pdf