IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.6.2019
COM(2019) 285 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY
Ningħaqdu flimkien biex inwettqu l-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika - Nistabbilixxu l-pedamenti għal tranżizzjoni b'suċċess lejn l-enerġija nadifa
{SWD(2019) 212 final} - {SWD(2019) 213 final}
1.INTRODUZZJONI – IR-RWOL TAL-PJANIJIET NAZZJONALI INTEGRATI GĦALL-ENERĠIJA U L-KLIMA
L-Unjoni Ewropea hija determinata li twettaq l-impenji tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u li tipprovdi enerġija sigura, affordabbli u sostenibbli għaċ-ċittadini tagħha. Aħna l-ewwel ekonomija ewlenija li qed indaħħlu fis-seħħ qafas legalment vinkolanti biex inwasslu u mmorru lil hinn minn dak li wegħidna taħt il-Ftehim ta’ Pariġi. Abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, aħna adottajna qafas leġiżlattiv ambizzjuż għall-2030, u implimentajna l-Unjoni tal-Enerġija b’azzjoni klimatika li tħares ’il quddiem. Stabbilixxejna miri ambizzjużi għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, li se jeħtieġu li jintlaħqu sforzi sostnuti u konġunti. Dan jirrappreżenta pass importanti fit-tranżizzjoni fit-tul lejn enerġija nadifa fil-perspettiva tal-2050, kif ippreżentata fl-istrateġija fit-tul. Dawn il-miri mhumiex limiti iżda pjuttost livelli minimi u bl-inċentivi t-tajba jistgħu saħansitra jinqabżu.
Ir-Regolament tal-UE dwar il-Governanza ħoloq sistema unika ta’ governanza tal-enerġija u tal-klima li tiżgura li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jippjanaw flimkien u jissodisfaw kollettivament dawn il-miri tal-2030, kif ukoll jiżguraw tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima li hija ġusta u kosteffikaċi għal kulħadd. Id-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu affermat mill-ġdid fl-ogħla livell l-impenn tal-Unjoni li tkun mexxejja globali responsabbli għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tipproteġi liċ-ċittadini tagħna, tippreserva l-ambjent tagħna u żżomm mal-prinċipju tal-ġustizzja.
Illustrazzjoni 1: Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030
Għall-ewwel darba, l-Istati Membri kollha ħejjew abbozzi ta’ Pjanijiet Nazzjonali integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs). Huma ħadmu biex jeqirdu l-ostakoli – bejn il-politiki u s-setturi, bejn id-dipartimenti tal-gvern, mal-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku, u bejn il-fruntieri – biex jiddefinixxu triq għall-għanijiet tal-2030. Għad hemm diskrepanzi, imma dan huwa biss l-ewwel pass minn ħafna qabel l-2030 u se nitgħallmu minnu. Filwaqt li tibni fuq l-ispirtu eċċellenti ta’ kooperazzjoni matul l-aħħar tliet snin, il-Kummissjoni se tkompli taħdem b’mod kostruttiv u intensiv mal-Istati Membri biex tiffinalizza u mbagħad timplimenta l-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Ir-Rakkomandazzjonijiet għall-pjanijiet finali li jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni se jiggwidaw din il-ħidma fi spirtu kontinwu ta’ kollaborazzjoni. Fir-rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija għall-2020 il-Kummissjoni se tanalizza l-pjanijiet finali u tikkonferma jekk humiex konsistenti mal-miri tal-Unjoni għall-2030 jew jekk hemmx bżonn ta’ aktar sforzi. Il-proċess ta’ governanza jipprovdi wkoll opportunità biex jiġu aġġornati l-pjanijiet fl-2024 biex jirriflettu l-esperjenza u biex jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda għall-bqija tad-deċennju.
L-NECPs għandhom rwol ewlieni fis-sistema ta’ governanza tagħna biex jiżguraw li ningħaqdu u nwettqu l-għanijiet tagħna flimkien. Dawn għandhom jipprovdu kemm jista’ jkun ċarezza u prevedibbiltà għas-settur tan-negozju u finanzjarju biex jistimulaw l-investimenti privati meħtieġa. Se jiffaċilitaw ukoll l-ipprogrammar tal-fondi u tal-investimenti tal-Istati Membri fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-2021-2027.
Din il-Komunikazzjoni tanalizza l-abbozzi tal-NECPs u tħares lejn l-effetti aggregati tagħhom biex jilħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u l-miri tal-2030. Tikkomplementa l-analiżijiet iddettaljati fuq il-livell nazzjonali u Ewropew, u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lil kull Stat Membru. Flimkien dawn se jgħinu lill-Istati Membri jiffinalizzaw l-NECPs tagħhom sal-aħħar tal-2019. L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet se tinvolvi djalogu iterattiv kontinwu li jwassal għall-finalizzazzjoni tal-NECPs. Fl-aħħar mill-aħħar il-proċess għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-ekonomija tal-Unjoni f’konformità mal-għan fit-tul tan-newtralità tal-klima.
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tgħinhom iqisu kif xieraq ir-Rakkomandazzjonijiet fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-Unjoni iżda wkoll fost l-Istati Membri.
2.VALUTAZZJONI TAL-ABBOZZ TA’ PJANIJIET NAZZJONALI INTEGRATI GĦALL-ENERĠIJA U L-KLIMA
2.1.Valutazzjoni fl-UE kollha tal-miri għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-gassijiet b’effett ta’ serra u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku
Il-miri tal-Unjoni għall-2030 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika ġew espressi u miftiehma fil-livell tal-UE mingħajr il-miri vinkolanti fil-livelli nazzjonali li fuqhom għandhom ikunu bbażati. Minflok, ġew stabbiliti metodi ta’ ħidma ġodda u strumenti ġodda biex jippermettu l-ilħuq kollettiv tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Bħala l-ewwel pass f’dan il-proċess, ir-Regolament dwar il-Governanza jirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu fl-abbozzi tal-NECPs tagħhom kontributi nazzjonali li huma biżżejjed għall-ilħuq kollettiv tal-miri tal-Unjoni għall-2030. Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tippromwovi livell suffiċjenti ta’ “ambizzjoni” kollettiva fid-dawl ta’ dawk il-miri tal-Unjoni.
2.1.1.Enerġija rinnovabbli
L-Unjoni għandha żżomm u ssaħħaħ it-tmexxija dinjija tagħha fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Din mhix biss kwistjoni ta’ sigurtà ta’ provvista u politika responsabbli dwar it-tibdil fil-klima. Hija wkoll imperattiva tal-politika industrijali li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir ekoloġiku.
Kważi l-Istati Membri kollha ssottomettew il-kontributi tagħhom għall-mira tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli. Madwar terz tal-Istati Membri ssottomettew kontributi ambizzjużi, bid-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Litwanja u l-Portugall jippreżentaw kontributi għoljin b’mod sinifikanti.
Madankollu, għad hemm diskrepanza għall-EU28. Skont l-abbozzi tal-pjanijiet attwali, minflok tal-inqas 32 %, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli jilħaq bejn 30,4 % u 31,9 % fl-2030 fil-livell tal-Unjoni.
Konsegwentement, ir-Rakkomandazzjonijiet jistiednu bosta Stati Membri biex jerġgħu jikkunsidraw il-livell tal-ambizzjoni tagħhom biex jiżguraw li din id-diskrepanza ta’ “ambizzjoni” identifikata tal-UE tingħalaq bis-sottomissjoni tal-NECPs finali. Iż-żieda fil-kontributi nazzjonali kif xieraq - filwaqt li Stati Membri ambizzjużi jżommu l-kontributi tagħhom kif inklużi fl-abbozzi tal-NECPs - hija kruċjali biex tippermetti l-ilħuq ibbilanċjat u kosteffikaċi tal-mira fil-livell tal-Unjoni, li twitti t-triq għall-ħolqien ta’ suq Ewropew veru għall-enerġija rinnovabbli. Dan jippermetti lill-Unjoni kollha biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tagħha għall-użu kosteffikaċi tal-enerġija rinnovabbli, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tad-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili, u tibbenefika minn pożizzjoni ta’ tmexxija fil-proċess ta’ tranżizzjoni tal-enerġija.
Illustrazzjoni 2: Kontributi nazzjonali għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni tal-UE bbażati fuq informazzjoni mill-abbozzi tal-NECPs).
2.1.2.Effiċjenza enerġetika
L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija hija bbażata fuq il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Madankollu, il-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 huma f’riskju bħala riżultat ta’ żieda fil-konsum tal-enerġija fis-snin riċenti. Abbażi tal-kontributi nazzjonali mressqa fl-abbozzi tal-NECPs, ftit Stati Membri biss ipproponew livell suffiċjenti ta’ kontributi għall-2030. Dawk huma partikolarment l-Italja, il-Lussemburgu u Spanja (kemm il-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll il-konsum tal-enerġija finali), in-Netherlands (għall-konsum tal-enerġija primarja) u Franza (għall-konsum tal-enerġija finali). Xi Stati Membri għad iridu jissottomettu l-kontribut nazzjonali.
Bħala konsegwenza, il-valutazzjoni aggregata turi diskrepanza sostanzjali mal-livelli fil-mira tal-Unjoni tal-konsum tal-enerġija primarja u finali ta’ mill-inqas 32,5 % sal-2030. Għall-konsum tal-enerġija primarja, id-diskrepanza tvarja minn 118 sa 43 Mtoe (bil-firxa konsiderevoli tiddependi fuq jekk isirux suppożizzjonijiet aktar konservattivi jew aktar ambizzjużi għall-pajjiżi li ma ssottomettewx il-kontribut nazzjonali), li tikkorrispondi għall-kisba ta’ 26,3 % sa 30,2%, filwaqt li għall-konsum tal-enerġija finali d-diskrepanza tvarja minn 85 sa 26 Mtoe, li tikkorrispondi għall-kisba ta’ 26,5 % sa 30,7 %.
Illustrazzjoni 3: Diskrepanza kollettiva fil-kontributi għall-effiċjenza enerġetika fil-konsum tal-enerġija primarja u finali. (Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni tal-UE bbażati fuq informazzjoni mill-abbozzi tal-NECPs).
F’dan l-isfond, l-Istati Membri kollha li l-kontributi tagħhom huma vvalutati bħala mhux biżżejjed f’dan l-istadju huma rrakkomandati biex jirrieżaminawhom u jikkunsidraw li jżidu l-livell ta’ ambizzjoni, sabiex id-“diskrepanza fl-ambizzjoni” identifikata tingħalaq bis-sottomissjoni tal-NECPs finali.
2.1.3.Emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra
L-Unjoni kkomunikat kontribut iddeterminat nazzjonalment skont il-Ftehim ta’ Pariġi ta’ mill-inqas 40 % tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990. Bis-saħħa tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni tal-Enerġija proposta mill-Kummissjoni taħt il-mandat tal-President Juncker, l-Unjoni kienet l-ewwel ekonomija dinjija ewlenija li sarrfet il-kontribut tagħha tal-Ftehim ta’ Pariġi f’leġiżlazzjoni konkreta. L-implimentazzjoni effettiva tal-miri kollha tal-klima, l-enerġija u l-mobbiltà nadifa stipulati fid-dritt tal-Unjoni tista’ saħansitra twassal għal tnaqqis fil-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ madwar -45 % fl-2030 meta mqabbel mal-1990.
Abbażi tal-miżuri ppjanati jew tal-ambizzjonijiet ddikjarati għat-tnaqqis nazzjonali tal-gassijiet b’effett ta’ serra inklużi fl-abbozz tal-NECPs, u abbażi ta’ suppożizzjonijiet konservattivi għall-pajjiżi li ma ssottomettew l-ebda waħda mit-tnejn, huwa stmat li t-tnaqqis kumplessiv tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-Unjoni huwa diġà konformi mal-mira tat-tnaqqis ta’ -40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030 meta mqabbel mal-1990. Dan jirrappreżenta progress sinifikanti meta mqabbel mat-tnaqqis preċedenti li pproġettaw l-Istati Membri.
Ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jawtorizza tnaqqis fl-Unjoni kollha f’setturi mhux koperti mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) ta’ -30 % meta mqabbel mal-2005. Il-miri nazzjonali tal-Istati Membri jvarjaw minn 0 sa -40 %, u għandhom flessibbiltà sinifikanti dwar kif jinkisbu, eż. trasferimenti bejn l-Istati Membri jew bl-użu ta’ ċertu ammont ta’ assorbimenti addizzjonali ta’ emissjonijiet fis-settur tal-użu tal-art. Spanja, il-Lussemburgu u l-Iżvezja stabbilixxew miri nazzjonali aktar ambizzjużi fis-setturi barra l-EU ETS.
L-aggregazzjoni tal-miżuri nazzjonali attwalment ippjanati f’dawn is-setturi pprovduti fl-abbozzi tal-NECPs turi li l-Unjoni diġà tista’ tikseb tnaqqis ta’ -28 % tal-emissjonijiet fis-setturi mhux tal-ETS (ara Illustrazzjoni 4, bl-esklużjoni tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u s-settur tal-forestrija). Dan jirrappreżenta progress sinifikanti meta mqabbel mal-projezzjonijiet irrapportati fir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2018, jiġifieri tnaqqis ta’ -21 % bil-miżuri eżistenti, tnaqqis ta’ -23 % bil-miżuri ppjanati. Madankollu, biex jimlew id-distakk li fadal fl-Unjoni kollha ta’ 2 punti perċentwali, l-Istati Membri se jkollhom bżonn jidentifikaw miżuri addizzjonali fl-NECPs finali.
Illustrazzjoni 4: Miri għall-Kondiviżjoni tal-Isforzi għall-2030 tal-Istati Membri u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’miżuri eżistenti u ppjanati (Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni bbażati fuq informazzjoni mill-abbozzi tal-NECPs).
Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-Istati Membri kollha se jikkonformaw mar-regola “bla debitu” għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u s-settur tal-forestrija jiġifieri li l-emissjonijiet ma jaqbżux l-assorbimenti. Jekk dan is-settur joħloq emissjonijiet netti, dawn għandhom jiġu kkumpensati bl-użu ta’ allokazzjonijiet mis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi.
2.1.4.Interkonnessjonijiet tal-elettriku
L-interkonnessjonijiet bejn is-swieq nazzjonali jirrappreżentaw il-ħardwer biex jitlesta s-suq intern tal-elettriku tal-Unjoni, tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u jiġu ffaċilitati l-akkoppjament u l-integrazzjoni tas-setturi.
Ħames Stati Membri (iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja u l-Portugall) jirreferu b’mod ċar għal-livell ta’ interkonnettività tal-elettriku li qed jimmiraw għalih fl-2030 fl-abbozzi tal-NECPs tagħhom. Bosta Stati Membri oħra (il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja) jindikaw livell projettat ta’ interkonnettività tal-elettriku fl-2030. L-abbozzi tal-NECPs spiss jirriflettu l-proċess stabbilit mir-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) fl-identifikazzjoni u l-appoġġ fil-livell Ewropew tat-twettiq ta’ Proġetti ta’ infrastruttura ta’ Interess Komuni, li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interkonnettività tar-Regolament dwar il-Governanza. Ir-raba’ lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni – li għandha tiġi adottata f’Ottubru 2019 ibbażata fuq proċess oġġettiv u inklużiv fil-livell Ewropew – se timmira li tindirizza l-ostakoli li fadal fis-suq intern tal-enerġija, pereżempju bejn il-peniżola Iberika u l-bqija tal-Ewropa jew fix-Xlokk tal-Ewropa.
Meta jiffinalizzaw l-NECPs tagħhom, l-Istati Membri li bħalissa huma taħt il-15 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku għandhom jindikaw il-mira tagħhom għall-interkonnettività tal-elettriku fl-2030. L-Istati Membri li diġà qabżu dan il-limitu għandhom jikkunsidraw il-livell ta’ interkonnettività tagħhom previst sal-2030 fil-kuntest li jżommu l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku tagħhom vis-à-vis l-iżvilupp sinifikanti mistenni tal-enerġija rinnovabbli. L-NECPs finali għandhom jagħmlu r-rabta bejn l-iżviluppi fl-infrastruttura mistennija u l-passi meħtieġa biex jiżguraw li dawn l-interkonnetturi jkunu disponibbli għas-suq għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.
2.2.Is-sejbiet ewlenin għal kull waħda mill-ħames dimensjonijiet tal-abbozzi tal-NECPs
2.2.1 Id-dekarbonizzazzjoni (il-gassijiet b’effett ta’ serra u l-enerġija rinnovabbli)
A) L-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra
Bosta abbozzi tal-NECPs jibbenefikaw minn provvediment ta’ aktar dettalji dwar l-istrateġija li għandha tiġi segwita biex jintlaħqu l-miri mhux tal-ETS matul il-perjodu kollu tal-2021-2030, inklużi stimi għat-trajettorja għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ibbażati fuq l-aħħar data u l-użu intiż tal-flessibbiltajiet, kif diġà sar pereżempju mill-Irlanda u mil-Latvja. Permezz tal-possibbiltà li jiġu trasferiti l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri, bosta Stati Membri għandhom l-opportunità li jimmobilizzaw il-finanzjament minn Stati Membri oħra biex jimmodernizzaw l-ekonomija tagħhom eż. permezz ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika tal-bini jew billi jirrealizzaw bis-sħiħ il-potenzjal kosteffikaċi tagħhom ta’ enerġija rinnovabbli f’setturi mhux tal-ETS. Din il-kooperazzjoni bilaterali msaħħa fost l-Istati Membri se tippermetti lill-Unjoni tilħaq l-objettivi ambizzjużi tagħha għall-2030 b’mod kosteffikaċi.
It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni u huwa l-akbar settur skont l-emissjonijiet taħt il-miri mhux tal-ETS tal-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ li jkun fiċ-ċentru tal-NECPs. Ħafna mill-Istati Membri jistipulaw miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport. Xi Stati Membri diġà jikkombinaw objettivi kwantifikati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ma’ miżuri ppjanati. L-NECPs finali se jagħtu lill-Istati Membri l-opportunità li jiżviluppaw approċċ aktar integrat għas-settur tat-trasport. Fil-pjanijiet finali tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu aktar konkreti u numru minnhom għad iridu jikkwantifikaw l-impatti mistennija. L-elettromobbiltà hija ta’ spiss fost l-għanijiet segwiti, iżda l-miżuri ħafna drabi ma jiġux deskritti b’mod dettaljat ħafna. L-ippjanar u l-investiment fl-infrastruttura korrispondenti tal-karburanti alternattivi se jkunu kruċjali għall-manifatturi tal-karozzi, tal-vannijiet u tat-trakkijiet biex jiksbu l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-2025 u l-2030 u biex inaqqsu l-kontijiet tal-fjuwil tas-sewwieqa u tal-operaturi tat-trasport. Jeħtieġ li tiġi garantita koordinazzjoni effettiva dwar it-tnedija ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti. L-NECPs għandhom ikunu wkoll opportunità għal xi Stati Membri biex jispeċifikaw il-passi biex jirristrutturaw it-tassazzjoni sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika tagħna fis-settur tat-trasport.
|
Eżempji ta’ prattika tajba – politiki u miżuri fis-settur tat-trasport
L-abbozzi tal-NECPs Awstrijaċi u Spanjoli jipprovdu eżempji tajbin ta’ kif jiġu kkombinati l-objettivi kwantifikati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għas-settur tat-trasport mal-politiki u l-miżuri li fuqhom għandu jkun ibbażat l-ilħuq tagħhom. Pereżempju, l-Italja tipprovdi dettall konsiderevoli dwar il-miżuri ppjanati u tmur lil hinn mill-mira obbligatorja tar-rinnovabbli għat-trasport. Filwaqt li numru ta’ Stati Membri stabbilixxew miri indikattivi ta’ elettromobbiltà, is-Slovenja ssostni dan b’miżuri konkreti li jinkludu l-kwantifikazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar meħtieġa.
|
Il-bini Ewropew huwa responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija u madwar 15 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-abbozzi tal-NECPs ikopru dan is-settur prinċipalment fil-kuntest tar-rwol tiegħu fil-kisba tal-effiċjenza enerġetika u l-kontributi tal-enerġija rinnovabbli. Il-potenzjal ta’ miżuri ta’ effiċjenza li jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet kosteffiċjenti, filwaqt li jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija għad-djar u jiżdiedu l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni jista’ jiġi sfruttat aktar malajr f’xi Stati Membri.
Skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata f’Mejju 2018, l-Istati Membri tal-UE għandhom jiżguraw li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art jew mill-forestrija (LULUCF) jiġu kkumpensati mill-inqas bl-assorbiment ekwivalenti tas-CO₂ mill-atmosfera fil-perjodu 2021 sal-2030. B’potenzjal ta’ assorbiment addizzjonali f’termini meqjusa li jikkorrispondi għal 2 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-LULUCF se jkollu jagħti kontribut dejjem jiżdied biex jintlaħqu l-miri tal-klima tal-Unjoni fid-deċennji li ġejjin, eż. permezz ta’ sekwestru mtejjeb tas-CO2 mill-atmosfera filwaqt li tiżdied il-produzzjoni u l-użu effiċjenti tal-bijomassa għal firxa wiesgħa ta’ użi filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-bijodiversità u t-tħassib dwar il-kwalità tal-arja.Id-Danimarka u Franza huma eżempji ta’ Stati Membri li jipprovdu strateġija jew informazzjoni speċifika dwar il-politiki u l-miżuri, eż. biex jappoġġjaw l-afforestazzjoni privata fuq art agrikola, li tista’, b’mod sostenibbli, ittejjeb il-bjar ta’ karbonju filwaqt li tippromwovi l-bijoekonomija u li tista’ tipprovdi inċentivi addizzjonali għall-bdiewa u l-forestiera biex itejbu l-immaniġġjar tal-art u ż-żieda sostenibbli fil-produttività. Mill-bqija, l-informazzjoni relatata hija limitata fl-abbozzi tal-NECPs. Barra minn hekk, ikun possibbli biss li jiġi vvalutat bis-sħiħ jekk l-emissjonijiet jaqbżux l-assorbimenti jekk l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kontabbiltà tal-LULUCF u l-użu tal-flessibbiltajiet. Din l-informazzjoni hija pprovduta sa ċertu punt miċ-Ċekja, id-Danimarka u l-Irlanda.
Element ewlieni f’dan ir-rigward huwa l-istabbiliment ta’ Livelli ta’ Referenza tal-Foresti trasparenti u preċiżi biex jitqiesu sew l-emissjonijiet jew l-assorbimenti tas-CO2 mill-immaniġġjar tal-foresti. Il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Kontabbiltà tal-Forestrija huma l-għodda biex jagħmlu dan, u l-Istati Membri għandhom jirreveduhom sal-31 ta’ Diċembru 2019 abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi ppreżentati b’din il-Komunikazzjoni. Dan jippermettilhom li jintużaw bis-sħiħ u b’mod konsistenti fl-NECPs finali, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-ippjanar tal-flessibbiltà lejn setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi.
Ir-rilevanza ta’ setturi oħra bħall-agrikoltura, l-iskart u l-industrija, għall-emissjonijiet minn setturi mhux koperti mill-EU ETS, tvarja bejn l-Istati Membri. Dan għandu jkun rifless fl-ippjanar ta’ politiki u miżuri, bħalma tagħmel l-Irlanda, pereżempju, għall-agrikoltura. Għas-settur tal-agrikoltura, il-proposta tal-Kummissjoni għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2020 ittejjeb il-livell ta’ ambizzjoni klimatika u ambjentali, b’mill-inqas 40 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-PAK mistenni li jkun rilevanti għall-klima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet “skemi ekoloġiċi” li se jipprovdu lill-Istati Membri bl-opportunità li jappoġġjaw fuq skala wiesgħa l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament imfassla aħjar għall-ħtiġijiet lokali speċifiċi. Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll li l-Istati Membri, fit-tfassil tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, għandhom iqisu l-għodod nazzjonali għall-ippjanar ambjentali u klimatiku fl-istrumenti leġiżlattivi rilevanti tal-UE, inklużi l-NECPs. F’dan is-sens, ikun kruċjali għall-NECPs finali li jipprovdu indikazzjonijiet konkreti tal-miżuri ppjanati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija li l-PAK tista’ tappoġġja, eż. permezz ta’ appoġġ għall-ittestjar ta’ skemi ta’ karbonju agrikolu.
Għas-settur tal-enerġija, li huwa responsabbli għal madwar 25 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-politiki tad-dekarbonizzazzjoni tal-Istati Membri jiffukaw fuq l-użu akbar ta’ elettriku rinnovabbli u fuq it-tneħħija gradwali tal-faħam mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.
|
Lejn tneħħija gradwali tal-faħam fl-Ewropa?
Bosta Stati Membri jintroduċu jew jikkonfermaw objettivi u skedi ta’ żmien ambizzjużi biex il-faħam jitneħħa gradwalment għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Franza għandha l-ħsieb li tagħmel dan sal-2022. L-Italja u l-Irlanda sal-2025. Id-Danimarka, Spanja, in-Netherlands, il-Portugall u l-Finlandja, sal-2030. Il-Ġermanja indikat ukoll li se tistabbilixxi data ta’ tmiem għall-elettriku bbażat fuq il-faħam. L-Istati Membri li gradwalment qed ineħħu l-faħam huma mistiedna jipprovdu aktar indikazzjonijiet dwar kif biħsiebhom isegwu dawn l-għanijiet u jekk humiex qed jippjanaw li jużaw l-għażla li jikkanċellaw il-kwoti tal-EU ETS. Għandhom jiġu indirizzati wkoll miżuri biex jgħinu lill-ħaddiema u lill-familji affettwati mit-tneħħija gradwali tal-faħam.
|
Id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, li hija responsabbli għal madwar 15 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, hija ħafna inqas indirizzata fl-abbozzi tal-NECPs meta mqabbla mas-settur tal-enerġija. F’dawn is-setturi industrijali, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tat-teknoloġija se jkollhom jaċċelleraw matul id-deċennju li ġej biex inaqqsu l-marka tal-karbonju tal-industrija. Il-gvernijiet se jkollhom jaqdu rwol f’dan il-proċess, eż. billi japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif xieraq. L-Istati Membri ta’qabel jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħhom, l-industrija ta’ qabel tkun tista’ tuża l-aqwa tekniki disponibbli, għażliet ta’ elettrifikazzjoni u opportunitajiet teknoloġiċi ġodda li jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.
|
Ħafna Stati Membri b’għanijiet ta’ adattament għall-klima inkludewhom fl-abbozz tal-pjanijiet, u xi wħud indikaw għanijiet ġodda. Bosta Stati Membri jkopru l-għanijiet u l-miżuri ta’ adattament f’ċertu dettall. L-abbozzi tal-NECPs Irlandiżi, Litwani, Pollakki, Slovakki u Sloveni huma eżempji ta’ prattika tajba dwar kif jiġu koperti l-għanijiet u l-miżuri ta’ adattament. Ftit Stati Membri biss jipprovdu dettalji dwar l-adattament għall-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni.
|
B) L-enerġija rinnovabbli
L-Unjoni laħqet is-sehem tal-enerġija rinnovabbli ta’ 17,5 % fl-2017, iżda l-pass taż-żieda naqas mill-2014. Huwa kruċjali li l-isforzi jiġu rduppjati biex tintlaħaq il-mira tal-2030. L-NECPs iridu jissostanzjaw bis-sħiħ il-kontributi tal-Istati Membri għall-mira kollettiva tal-2030 u jsostnuhom b’politiki u miżuri robusti.
It-tisħin u t-tkessiħ bħalissa jammontaw għal 50 % tal-konsum annwali tal-enerġija tal-Unjoni. Is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’dan laħaq 19,5 % fl-2017, u żdied b’6 punti perċentwali biss fl-aħħar għaxar snin. L-NECPs għandhom jirriflettu ż-żieda annwali tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ previst fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u r-rwol tas-sħana u l-kesħa mitlufa biex is-settur jikkontribwixxi b’mod kosteffikaċi għas-sehem ġenerali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
L-istess japplika għas-settur tat-trasport, fejn l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-fornituri tal-fjuwil jipprovdu mill-inqas 14 % tal-enerġija kkunsmata fit-trasport bit-triq u bil-ferrovija sal-2030 bħala enerġija rinnovabbli. Dan jipprovdi lill-industrija b’ċertezza dwar id-domanda futura tas-suq.
|
L-identifikazzjoni tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli - eżempji ta’ metodoloġija tajba:
Meta wieħed iħares lejn it-taqsima tal-objettivi nazzjonali, l-abbozzi tal-NECPs Ċeki, Irlandiżi u Taljani jipprovdu eżempji tajbin tal-kompletezza tal-objettivi u t-trajettorji li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet finali. Iċ-Ċekja u l-Irlanda jinkludu l-kontributi ta’ kull settur u t-teknoloġiji rispettivi fuq bażi annwali u f’valuri assoluti. L-Irlanda hija waħda mill-ftit Stati Membri li tinkludi wkoll trajettorji għad-domanda għall-bijoenerġija u l-provvista tal-bijomassa mill-materja prima u tipprovdi sħana rinnovabbli permezz ta’ kontributi ta’ teknoloġija rinnovabbli maqsuma għall-industrija, residenzjali u s-settur terzjarju. Iċ-Ċekja tipprovdi analiżi tas-sensittività ta’ kif il-kontribut rinnovabbli ġenerali jista’ jvarja minħabba t-tkabbir ekonomiku u d-domanda għall-enerġija. L-Italja tinkludi analiżi dettaljata tal-mira tat-trasport billi tqis il-multiplikaturi applikabbli għal kull teknoloġija.
|
Il-pjanijiet finali għandhom jipprovdu informazzjoni robusta dwar politiki u miżuri li jappoġġjaw l-ilħuq f’waqtu tal-objettivi u l-kontributi proposti għall-enerġija rinnovabbli. Il-politiki u l-miżuri għandhom juru li l-objettivi u l-kontributi proposti jistgħu jinkisbu, partikolarment fid-dawl tal-ewwel punt ta’ referenza stabbilit għall-2022. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom inklużi skedi dettaljati tal-irkant għall-enerġija rinnovabbli u l-evoluzzjoni tagħhom matul il-perjodu 2021-2030. L-iskemi ta’ appoġġ għandhom jappoġġjaw il-kunfidenza tal-investitur u jnaqqsu l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq żmien twil. Biex jipprovdu gwida lill-atturi tas-suq u jattiraw investimenti ġodda fil-ġenerazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri għandhom jispjegaw f’aktar dettall fil-politiki u l-miżuri ewlenin, elementi bħal (i) ir-riżultati mistennija, (ii) l-iskeda ta’ żmien indikattiva, (iii) is-sors u l-ammont tal-baġit meħtieġ.
L-informazzjoni dwar miżuri biex jippromwovu l-awtokonsum u komunitajiet ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u rkantijiet ippjanati huma kruċjali biex jagħtu spinta lill-aċċettazzjoni miċ-ċittadini tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jattiraw l-investiment privat u jiffaċilitaw l-ilħuq kosteffikaċi tal-miri. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, bħal pereżempju l-iffaċilitar tal-introduzzjoni ta’ punti ta’ kuntatt jew li jkun hemm proċeduri rapidi fis-seħħ għar-repowering, se tkun kruċjali għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-għaxar snin li ġejjin.
Sal-2021, mekkaniżmu ġdid ta’ Finanzjament tal-Enerġija Rinnovabbli se jiġi stabbilit biex jappoġġja l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni kollha.
2.2.2. L-Effiċjenza Enerġetika
Il-pjanijiet finali jeħtieġ li jkunu aktar robusti u jindikaw trajettorji tal-konsum tal-enerġija aktar ċari. Definizzjoni aħjar tal-qafas ta’ politika nazzjonali ġenerali li fuqu huma bbażati l-kontributi nazzjonali hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-livell propost ta’ ambizzjoni, l-identifikazzjoni tad-diskrepanzi u l-aħjar prattika. Spjegazzjoni aktar dettaljata tal-iskala, il-qafas ta’ żmien u l-iffrankar tal-enerġija mistenni tal-politiki u l-miżuri ppjanati hija meħtieġa.
Dan japplika b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija u l-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul. L-Istati Membri kollha għandhom jinkludu fl-NECP finali tagħhom l-informazzjoni meħtieġa mill-Anness III tar-Regolament dwar il-Governanza (skemi ta’ obbligi tal-effiċjenza enerġetika u miżuri ta’ politika alternattivi taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika) peress li dan jgħin biex jikkonsolida l-qafas ta’ politika u jintegra l-komponenti kollha tiegħu. L-inklużjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni tal-bini fit-tul se tipprovdi stampa komprensiva tal-azzjonijiet ippjanati biex l-istokk nazzjonali tal-bini jiġi rinnovat fid-dawl tat-trasformazzjoni kosteffikaċi tal-bini eżistenti f’bini b’użu ta’ kważi żero enerġija.
Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment u tas-sorsi ta’ finanzjament hija meħtieġa għall-mobilizzazzjoni ta’ investimenti privati fl-iffrankar tal-enerġija u t-tkabbir tas-suq tas-servizzi tal-effiċjenza enerġetika. Il-pjanijiet finali għandhom jelaboraw aktar dwar ir-rwol tal-bini tal-korpi pubbliċi u jesploraw il-modi kif il-politiki tal-effiċjenza enerġetika jistgħu jindirizzaw il-faqar enerġetiku.
2.2.3 Is-sigurtà tal-enerġija
Is-sigurtà tal-enerġija hija dimensjoni importanti tal-Unjoni tal-Enerġija u għalhekk tal-NECPs. L-Unjoni xorta timporta aktar minn nofs l-enerġija primarja kollha li tikkonsma, b’riperkussjonijiet importanti f’termini ta’ kontijiet tal-importazzjoni u vulnerabbiltà għall-interruzzjonijiet fil-provvista u fil-prezzijiet.
Id-diversifikazzjoni tal-provvista, is-sorsi tal-importazzjoni u r-rotot huma aspetti ewlenin tas-sigurtà tal-enerġija. L-NECPs għandhom jinkoraġġixxu investimenti effiċjenti f’infrastruttura li tappoġġja l-għanijiet tas-sigurtà tal-enerġija nazzjonali, filwaqt li jqisu s-sinerġiji fid-dimensjonijiet differenti tal-pjanijiet. L-NECPs għandhom jappoġġjaw it-tlestija tal-proġetti tal-infrastruttura tal-gass meħtieġa biex jagħtu lir-reġjuni kollha l-aċċess għat-terminals tal-LNG, b’mod partikolari fil-Kroazja u l-Greċja, u biex jagħtu lill-Istati Membri kollha aċċess għal bosta rotot ta’ provvista, partikolarment il-Finlandja, l-Irlanda, ir-Rumanija u l-Bulgarija. L-NECPs għandhom jippromwovu wkoll l-iżvilupp ta’ sorsi domestiċi, essenzjalment, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll komponenti ewlenin u materja prima meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni ta’ industriji li jużaw ħafna enerġija. Aktar objettivi u miri konkreti bi skedi ta’ żmien konkreti jinfurmaw aħjar id-diskussjoni politika dwar l-NECPs finali.
Il-ġenerazzjoni dejjem tikber ta’ sorsi varjabbli ta’ enerġija rinnovabbli se toħloq sfidi dejjem jiżdiedu għas-sistema tal-enerġija. Filwaqt li primarjament għandu jkun is-suq li jiżgura bilanċ kontinwu bejn il-provvista u d-domanda (inkluż permezz ta’ akkoppjament akbar tas-setturi), ir-riskji residwi għandhom jiġu indirizzati b’mod ikkoordinat bejn l-Istati Membri. L-NECPs għandhom jirriflettu dan. L-indirizzar sew tal-isfida tas-sigurtà tal-enerġija jfisser li l-adegwatezza għandha tiġi evalwata, billi jitqiesu kif xieraq mhux biss id-domanda u l-ġenerazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll fit-territorju ta’ Stati Membri konnessi, kif ukoll l-objettivi klimatiċi fit-tul.
Ir-rwol tal-istrumenti tal-flessibbiltà, bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin, huwa kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. L-Istati Membri b’mekkaniżmi ta’ kapaċità eżistenti jew ippjanati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku se jkollhom iqisu r-regoli l-ġodda taħt ir-Regolament il-ġdid dwar l-Elettriku u jirriflettu, fl-NECPs finali kif qed jippjanaw li jagħmlu dan.
Għal dawk l-Istati Membri li għandhom l-enerġija nukleari bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tagħhom, l-NECPs jistgħu jintroduċu politiki biex iżommu kapaċitajiet adegwati fil-partijiet kollha tal-katina tal-provvista nukleari u biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-karburanti.
Sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru konnessjonijiet adegwati bejn l-NECPs finali u l-pjanijiet ta’ emerġenza għaż-żejt, il-gass u l-elettriku. Il-livelli għoljin ta’ diġitalizzazzjoni jżidu l-esponiment għall-attakki ċibernetiċi, li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista u/jew il-privatezza tad-data tal-konsumaturi. Is-sigurtà ċibernetika tirrappreżenta element ġdid emerġenti tas-sigurtà tal-enerġija li kemm il-pjanijiet finali kif ukoll il-pjanijiet meħtieġa skont ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass u r-Regolament dwar it-tħejjija għar-riskju tal-elettriku għandhom jindirizzaw. L-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw tipi oħra ta’ riskji, bħal dawk assoċjati mal-provvista tal-materja prima, l-impatti tat-tibdil fil-klima jew theddid aċċidentali, magħmul mill-bniedem, naturali jew terroristiku għall-infrastruttura kritika tal-enerġija fil-verżjoni finali tal-NECPs tagħhom.
2.2.4 Is-Suq Intern tal-Enerġija
Huwa meħtieġ suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ u li jaħdem sew biex jiġu żgurati prezzijiet tal-enerġija affordabbli, provvisti tal-enerġija siguri u biex tkun permessa integrazzjoni kosteffiċjenti ta’ sorsi rinnovabbli dejjem jiżdiedu. L-NECPs għandhom jiċċaraw li l-qafas regolatorju t-tajjeb huwa fis-seħħ biex jitgawdew il-benefiċċji ta’ swieq tal-enerġija aktar integrati.
Bit-tranżizzjoni fis-sistemi tal-enerġija tal-Unjoni, qegħdin jitfaċċaw sfidi komuni dwar il-flessibbiltà, id-deċentralizzazzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-inċentivi għall-investiment fl-infrastruttura, u l-kompetizzjoni. L-NECPs għandhom jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar l-istat attwali tas-swieq nazzjonali tal-elettriku u tal-gass u kif se jiġu indirizzati l-isfidi. L-objettivi nazzjonali konkreti u li jistgħu jitkejlu għall-iżvilupp futur tas-suq, appoġġjati minn politiki u miżuri xierqa, għandhom jiġu inklużi.
|
L-objettivi tas-suq intern tal-enerġija – prattika tajba: Il-ħolqien ta’ suq reġjonali konġunt tal-gass bejn l-Istati Baltiċi u l-Finlandja huwa eżempju ta’ integrazzjoni tas-suq deskritt fl-abbozzi tal-pjanijiet rispettivi, fejn il-komponent tal-ħardwer – il-kostruzzjoni tal-pipeline Balticconnector – huwa ssupplimentat b’regoli tas-suq armonizzati. Il-pajjiżi li implimentaw il-leġiżlazzjoni tas-suq tal-gass tal-UE bl-aktar mod sħiħ għandhom ukoll l-aktar swieq likwidi u jibbenefikaw l-aktar mis-suq intern tal-enerġija. L-NECPs għandhom jipprovdu rendikont utli dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tar-regoli applikabbli tas-suq tal-gass.
|
L-objettivi, il-programmi u l-iskedi ta’ żmien għar-riformi tas-suq tal-enerġija li l-Istati Membri stabbilixxew fl-NECPs għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni adottata taħt il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha u mal-kodiċi u linji gwida eżistenti tan-netwerk. Minħabba l-importanza tagħha għas-sigurtà Ewropea tal-provvista, l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u l-funzjonament tas-suq, hemm il-ħtieġa li jkun hemm aċċess affidabbli għal kapaċità ta’ interkonnessjoni adegwata għall-kummerċ tal-elettriku u l-gass bejn il-fruntieri. L-NECPs u l-“Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni” meħtieġa mir-Regolament dwar l-Elettriku għandhom ikunu kompletament koerenti. L-NECPs jeħtieġ li jqisu wkoll ir-rapporti ta’ monitoraġġ tar-regolaturi nazzjonali u tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).
L-NECPs għandhom jappoġġjaw ir-riformi tas-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa. L-NECPs huma opportunità għall-Istati Membri biex jinkludu kunċetti li jħarsu aktar ’il quddiem tal-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u tal-akkoppjament tas-setturi, inkluża l-integrazzjoni ulterjuri tas-setturi tal-enerġija, tal-gass u tat-tisħin, hekk kif isiru ċentrali għal sistema tal-enerġija dekarbonizzata.
|
Sussidji tal-enerġija. Huwa ta’ importanza kbira li r-riżorsi pubbliċi jintefqu b’mod koerenti u kosteffikaċi filwaqt li ma jfixklux is-suq tal-enerġija u ma jimpedixxux l-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-innovazzjoni. Huwa essenzjali li jkun hemm rendikont tajjeb tas-sussidji tal-enerġija espliċiti u impliċiti u tal-pjanijiet futuri biex jitneħħew gradwalment dawk li ma jikkontribwixxux għal objettivi fit-tul. Filwaqt li ħafna mill-abbozzi tal-NECPs indirizzaw parzjalment il-kwistjoni tas-sussidji tal-enerġija, il-pjanijiet finali għandhom jiddeskrivu u jikkwantifikaw b’mod sistematiku t-tipi kollha ta’ tali sussidji, minn għotjiet, skemi ta’ appoġġ, benefiċċji fiskali għal sussidji li jirriżultaw minn obbligi regolatorji, ibbażati fuq definizzjonijiet eżistenti użati internazzjonalment. L-abbozz tal-NECP ippreżentat mill-Italja huwa eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. Huwa importanti li l-Istati Membri kollha jindikaw fl-NECPs finali l-isforzi futuri tagħhom u l-iskedi ta’ żmien biex jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq il-karburanti fossili filwaqt li jqisu l-impatt li dawn jista’ jkollhom fuq gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi.
|
L-NECPs għandhom jappoġġjaw l-introduzzjoni ta’ politiki li jħarsu ’l quddiem immirati lejn l-iżvilupp ta’ swieq tal-bejgħ bl-imnut kompetittivi fl-Ewropa, li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu vantaġġ mill-infrastrutturi intelliġenti. Dwar il-flessibbiltà tas-sistema u l-parteċipazzjoni tal-konsumatur, numru konsiderevoli ta’ abbozzi tal-NECPs jirreferu għall-użu ta’ arloġġi intelliġenti b’mira konkreta u li tista’ titkejjel. Sal-aħħar tal-2017, madwar 37 % tad-djar tal-UE kienu mgħammra b’arloġġ intelliġenti tal-elettriku, filwaqt li 7 Stati Membri temmew l-introduzzjoni nazzjonali tagħhom. L-NECPs għandhom jirriflettu l-aġġornamenti għall-qafas eżistenti kif introdotti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha biex jiżguraw li l-konsumaturi finali jkollhom aċċess għal arloġġ intelliġenti. L-NECPs għandhom jirrapportaw miżuri ppjanati li jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji (b’mod partikolari l-SMEs) ikollhom kontroll akbar fuq il-konsum u l-ispejjeż tal-elettriku tagħhom, bħal kuntratti ta’ prezz dinamiku.
It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumatur, is-sensibilizzazzjoni u l-protezzjoni wkoll jeħtieġ li jiġu żgurati u promossi fl-NECPs, li jistgħu jintroduċu wkoll approċċ aktar strutturat biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-faqar enerġetiku (ara wkoll it-taqsima 2.3.5).
2.2.5 Riċerka, innovazzjoni u kompetittività
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-Unjoni biex tikseb l-objettivi ambizzjużi tal-enerġija u l-klima u biex tiżgura s-sigurtà, l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista tal-enerġija. Fl-istess ħin, l-UE għandha bżonn tiżgura ambjent kompetittiv għall-industrija tagħha. Iż-żewġ proċessi għandhom jimxu id f’id. Bħala parti mill-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) u l-Komunikazzjoni dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa identifikaw ir-riċerka strateġika u l-prijoritajiet u l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni meħtieġa fil-livell tal-UE biex iħaffu din it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’mod kosteffikaċi. L-NECPs huma maħsuba biex jistabbilixxu speċifikament liema minn dawn l-objettivi qed jiġu segwiti nazzjonalment, u b’hekk effettivament jittraduċu l-Pjan SET f’objettivi u miżuri nazzjonali.
L-Istati Membri għandhom bżonn jagħmlu sforzi addizzjonali biex jintegraw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-NECPs tagħhom. L-NECPs għandhom jistabbilixxu politiki li jiffukaw speċifikament fuq il-prijoritajiet tal-enerġija u tal-klima, inklużi programmi ta’ riċerka u innovazzjoni u miri ta’ finanzjament relatati u l-użu tal-fondi tal-Unjoni u ta’ strumenti ta’ finanzjament. L-NECPs għandhom jikkunsidraw kif l-investimenti pubbliċi nazzjonali ppjanati jistgħu jappoġġjaw l-adozzjoni mis-suq tat-teknoloġiji disponibbli u l-użu fuq skala kbira ta’ teknoloġiji ġodda innovattivi u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-enerġija. Hemm ukoll il-ħtieġa għal infrastruttura xierqa li tista’ tappoġġja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-klima għal setturi intensivi fl-enerġija, tal-karozzi u tal-bini. Għandu jiġi żviluppat ukoll il-kontribut tal-ekosistemi innovattivi/industrijali nazzjonali għall-bini ta’ katini ta’ valur strateġiċi, sostenibbli, Ewropej (eż. batteriji, idroġenu, prodotti bijoloġiċi emerġenti, sewqan nadif, konness u awtonomu, pompi tas-sħana, sistemi integrati ta’ ġestjoni tal-enerġija).
Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-Orizzont 2020, l-Orizzont Ewropa (2021-2027) se tissimplifika u tirrazzjonalizza l-finanzjament tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni biex iżżid ir-rilevanza u l-impatt tagħha għal aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, effiċjenza enerġetika u dekarbonizzazzjoni. Il-Fond ta’ Innovazzjoni se jappoġġja l-investimenti fl-Istati Membri kollha li jqiegħdu fis-suq teknoloġiji innovattivi nodfa.
|
Sforzi ta’ riċerka u innovazzjoni għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050
Il-viżjoni strateġika fit-tul tal-Kummissjoni għal ekonomija newtrali għall-klima - il-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għall-Kulħadd” - enfasizzat il-ħtieġa għal sforz ikkoordinat kbir ta’ riċerka u innovazzjoni. Ir-riċerka Ewropea għandha tiffoka fuq soluzzjonijiet trasformattivi newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’oqsma bħall-enerġija u t-trasport, ċelluli tal-idroġenu u tal-fjuwil, il-ħżin tal-enerġija, it-trasformazzjoni newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju ta’ industriji li jużaw ħafna enerġija, l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija, bliet intelliġenti u intensifikazzjoni sostenibbli tal-agrikoltura, l-akkwakultura u l-forestrija.
|
2.3.Ir-robustezza, il-konsistenza tal-abbozzi tal-NECPs u l-konsiderazzjoni tal-interazzjonijiet tal-politika
2.3.1 Il-qafas analitiku huwa adegwat?
Is-solidità, il-kredibbiltà u r-robustezza tal-NECPs finali se jiddeterminaw sa fejn huma jkunu jistgħu jappoġġjaw it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-kwalità u l-kredibbiltà tal-qafas analitiku jiddependu ħafna fuq l-approċċ tal-immudellar, is-sorsi tad-data użati, it-trasparenza tal-analiżi kif ukoll fuq il-valutazzjoni komprensiva tal-politiki u l-miżuri proposti. Dawk l-aspetti kollha huma kruċjali biex juru sa liema punt l-Istati Membri qiesu bir-reqqa l-fatturi ewlenin kollha fit-tfassil tal-objettivi u l-politiki tagħhom. Il-projezzjonijiet dettaljati li jirriżultaw minn immudellar solidu, u l-analiżi tal-impatt tal-politiki u l-miżuri ppjanati huma t-tnejn aspetti kruċjali.
Il-komparabbiltà tal-NECPs teħtieġ kemm jista’ jkun approċċ komuni tal-metriċi użati u allinjament taċ-ċifri tas-sena bażi mal-punti tad-data rrapportati. Filwaqt li l-maġġoranza tal-abbozzi tal-NECPs jiddokumentaw is-suppożizzjonijiet u s-sorsi ta’ data ewlenin, il-kompletezza tal-informazzjoni xorta tista’ titjieb. Il-Kummissjoni offriet għajnuna u mudelli komuni biex tiżgura l-konsistenza u l-kompletezza. L-Istati Membri għandhom jużaw l-istatistiċi uffiċjali tal-Eurostat sal-massimu possibbli. Dan l-eżerċizzju tal-ippjanar joffri l-possibbiltà li tkompli tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost il-korpi responsabbli mill-istatistika dwar l-enerġija u l-klima.
2.3.2 Kif ġew ikkunsidrati l-interazzjonijiet bejn id-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija?
Biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jindirizzaw b’mod adegwat l-interazzjonijiet bejn id-dimensjonijiet differenti. L-NECPs għandhom jippermettu valutazzjoni strutturata tal-impatti tal-politiki nazzjonali u l-interazzjoni bejn il-miżuri Ewropej u nazzjonali fuq l-enerġija u l-klima. Tista’ tiġi pprovduta valutazzjoni aktar sistematika tal-interazzjonijiet bejn il-politiki fil-valutazzjonijiet tal-impatt, eż. bejn l-effiċjenza enerġetika u l-politiki tal-infrastruttura tal-enerġija jew l-impatti tal-politika fir-rigward tal-użu sostenibbli tal-bijoenerġija għal skopijiet differenti. L-implikazzjonijiet politiċi tal-interazzjonijiet u s-sinerġiji evalwati bejn politiki u objettivi differenti tal-enerġija u l-klima għandhom madankollu jiġu esplorati aktar, partikolarment bejn l-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tas-suq intern tal-enerġija u l-politiki dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.
Pereżempju, it-teknoloġiji diġitali qegħdin ibiddlu s-suq tal-enerġija b’mod fundamentali. Madankollu, jekk ma jiġux implimentati sew, l-effetti pożittivi tad-diġitalizzazzjoni fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jistgħu jiġu kkumpensati minn żieda drastika fil-konsum tal-elettriku, minn ċentri tad-data u netwerks tat-telekomunikazzjoni.
|
Il-Prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” jipprovdi eżempju ċar ta’ politika trasversali. Dan jimplika li l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw, qabel ma jintroduċu politiki ġodda dwar l-enerġija jew jiddeċiedu dwar l-investimenti, jekk l-istess objettivi jistgħux jinkisbu b’mod aktar kosteffiċjenti permezz tal-effiċjenza enerġetika. Xi abbozzi tal-NECPs jipprovdu eżempji konkreti, partikolarment dwar kif dan il-prinċipju ġie kkunsidrat biex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-evoluzzjonijiet proġettati tad-domanda għall-enerġija fit-tfassil tal-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija. L-NECPs finali għandhom jiżviluppaw aktar l-applikazzjoni tal-prinċipju.
|
2.3.3 Kif jistgħu l-abbozzi tal-NECPs jagħtu bidu għall-investimenti meħtieġa?
It-tranżizzjoni lejn in-newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima tfisser bidla profonda għall-ekonomiji tagħna. L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-iżgurar tal-fondi meħtieġa huma essenzjali biex jitwettaq l-investiment addizzjonali annwali ta’ madwar EUR 260 biljun meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija sal-2030. L-NECPs jistgħu jkunu għodda importanti biex jippjanaw investimenti nazzjonali fl-oqsma tal-enerġija u l-klima. Il-finanzjament pubbliku se jkun meħtieġ ukoll biex jittejbu l-ħiliet diġitali u sostenibbli, biex jissaħħu l-faċilitajiet tar-riċiklaġġ u r-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku u biex tinżamm u tiġi rinnovata l-infrastruttura. Il-koordinazzjoni ta’ investimenti ġodda bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-setturi privati u ċ-ċittadini se tintegra l-finanzjament, tevita assi mhux rekuperabbli u tindirizza ħtiġijiet ġodda għan-negozji u ċ-ċittadini.
Illustrazzjoni 5: Il-ħtieġa medja ta’ investiment annwali 2021-30 (Sors: L-immudellar tal-Kummissjoni).
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u inizjattivi oħra eżistenti rnexxew fl-appoġġ ta’ investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Filwaqt li jibnu fuq dawn, il-proposti tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss mill-2021-2027 jipprevedu li mill-inqas 25 % tal-fondi tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima. Biex jiġi mmobilizzat il-kapital privat f’investimenti sostenibbli, 30 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programm InvestEU huwa mistenni li jappoġġja l-objettivi klimatiċi. Taħt it-Tieqa tal-Infrastruttura Sostenibbli tagħha, il-kontribut għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u l-ambjent għandu jkun saħansitra ogħla (55 %). Bħala parti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ġie allokat proporzjon iddedikat ta’ fondi biex jappoġġja proġetti transkonfinali ta’ enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri kollha huma mħeġġa wkoll jużaw id-dħul mill-irkant tal-EU ETS għall-iffinanzjar ta’ investimenti fit-tnaqqis u l-assorbiment tal-emissjonijiet, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, ir-riċerka u l-innovazzjoni għal enerġija nadifa u teknoloġiji tal-industrija.
|
L-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment mistennija u s-sorsi potenzjali ta’ finanzjament huma parti essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Ħdax-il Stat Membru stmaw jew il-ħtiġijiet ta’ investiment globali biex jilħqu l-objettivi tagħhom, (Franza, l-Italja u Spanja) jew partijiet mill-ħtiġijiet ta’ investiment tagħhom (il-Greċja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u r-Rumanija), filwaqt li pprovdew livelli differenti ta’ dettall dwar is-sorsi ta’ finanzjament. Il-maġġoranza tal-Istati Membri inkludew fl-abbozzi tal-NECPs xi ċifri ta’ investiment konkreti.
|
B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat dan is-suġġett bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2018-2019, b’fokus qawwi fuq il-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Istati Membri, kemm fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2019 kif ukoll fil-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għas-Semestru 2019 maħruġa fil-5 ta’ Ġunju 2019, fejn il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet dwar l-importanza tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u/jew fl-azzjoni klimatika. Din il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-NECPs tqis dawn l-aħħar sejbiet u rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew.
Bosta Stati Membri diġà qegħdin jagħmlu r-rabta bejn l-NECPs u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż bħala parti mis-Semestru Ewropew u l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw din ir-rabta. B’mod aktar ġenerali, id-djalogu għandu jkompli jimmassimizza l-konsistenza u s-sinerġiji bejn il-politiki dwar l-enerġija u l-klima u s-Semestru Ewropew, bħala għodda ewlenija għall-promozzjoni tar-riformi strutturali. F’dan il-kuntest, il-valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri proposti fl-NECP finali hija importanti biex tifhem l-implikazzjonijiet ekonomiċi ġenerali tal-politiki ppjanati. Il-progress li sar lejn il-finalizzazzjoni tal-NECPs se jinforma r-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew tal-2020.
Il-Kummissjoni pproponiet li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jqisu l-ħtiġijiet nazzjonali u reġjonali li l-NECPs jidentifikaw. Il-prijoritajiet għall-investimenti identifikati fir-Rapporti tal-Pajjiżi taħt iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2019 u deskritti fl-abbozz tal-NECPs huma komplementarji. Partikolarment rilevanti se jkun l-appoġġ li jista’ jgħin biex tinbena l-kapaċità għall-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, jipprovdi assistenza teknika u kooperazzjoni transkonfinali. Għall-perjodu 2021-2027, se jkun hemm fokus qawwi fuq it-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u ġusta, R&I u tranżizzjoni industrijali bbażata fuq speċjalizzazzjoni intelliġenti, akkoppjament transsettorjali ta’ raggruppamenti industrijali u appoġġ għal kooperazzjoni interreġjonali f’attivitajiet ta’ innovazzjoni. Barra minn hekk, fil-proposti tal-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ NECP komplut hija “kundizzjoni tematika abilitanti” għall-aċċess għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-effiċjenza enerġetika u l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli b’mod partikolari.
2.3.4 Kif jistgħu l-abbozzi tal-NECPs jippromwovu l-kompetittività tal-Unjoni?
Bejn issa u l-2030, kull Stat Membru jeħtieġ li joħloq il-kundizzjonijiet ta’ qafas it-tajba biex jiżviluppa katini strateġiċi ta’ valur, biex ikun lest għaċ-ċiklu ta’ investiment li jmiss u biex jappoġġja n-newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2050. L-abbozzi tal-NECPs ġeneralment jistgħu jibbenefikaw minn ħarsa ġenerali aktar dettaljata tal-mod kif l-Istati Membri beħsiebhom jippromwovu dawn il-kundizzjonijiet, billi jikkoordinaw politiki u miżuri indirizzati biex jippromwovu b’mod kosteffikaċi t-trasformazzjoni industrijali lejn industrija newtrali għall-klima, ċirkolari u sostenibbli bejn issa u l-2030. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ qafas għandhom jaġixxu bħala muturi għall-bidla li jibbenefikaw minnha s-soċjetà u l-pjaneta mingħajr ma jitilfu l-vantaġġ kompetittiv tal-industrija Ewropea.
B’mod aktar ġenerali, l-NECPs għandhom jgħinu jidentifikaw u jiżviluppaw il-vantaġġi kompetittivi tal-Istati Membri waqt li jivvalutaw kif xieraq l-impatt tal-miżuri proposti. L-analiżi aktar ċara tal-impatti makroekonomiċi tal-politiki proposti u tal-isfidi tal-kompetittività ffaċċjati mill-industriji, hija kruċjali biex titmexxa b’suċċess it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-klima. L-approċċ propost minn bosta Stati Membri biex iniedu proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-industrija f’dan ir-rigward huwa prattika tajba.
Il-politika tal-kompetizzjoni tiżgura li l-infiq tal-gvern b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi u enerġija nadifa huwa effiċjenti u ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq intern tal-enerġija. Filwaqt li ma jissostitwixxux ir-rekwiżiti legali eżistenti f’termini ta’ notifika, l-NECPs jistgħu jkunu utli biex jidentifikaw il-ħtiġijiet futuri għal notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-politiki u l-miżuri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali, partikolarment fil-kuntest tal-Ftehimiet tad-WTO.
2.3.5 Kif jippromwovu tranżizzjoni ġusta l-abbozzi tal-NECPs?
It-trasformazzjoni prevista tal-ekonomiji tagħna se teħtieġ approċċ integrat biex jiġu vvalutati bir-reqqa l-impatti soċjali, territorjali u fuq l-impjiegi fuq medda qasira ta’ żmien u fit-tul. Din il-valutazzjoni hija l-bażi għal taħlita komprensiva ta’ politiki biex tiżgura tranżizzjoni ġusta. Il-finanzjament pubbliku għat-titjib tal-ħiliet, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali għandu jkun allinjat mal-ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà. Għas-suċċess tal-pjanijiet tal-UE għall-enerġija u l-klima, id-dimensjoni soċjali għandha tkun integrata mill-bidu. Dan jgħin biex tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta, inkluż fiż-żoni rurali, u, eventwalment, l-aċċettazzjoni soċjali u l-appoġġ pubbliku għar-riforma, b’mod partikolari għal proġetti fuq skala kbira u teknoloġiji innovattivi.
Fejn meħtieġ, il-miżuri ta’ mitigazzjoni jew kumpens, inkluż biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku, jeħtieġ li jkunu parti mir-riformi u l-NECPs għandhom jenfasizzawhom.
|
Il-faqar enerġetiku għadu jaffettwa kważi 50 miljun persuna fl-Unjoni kollha. L-NECPs għandhom jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod aktar strutturat, billi jibdew b’valutazzjoni tan-numru ta’ familji fil-faqar enerġetiku kif ukoll il-karatteristiċi ewlenin tagħhom (kompożizzjoni, livelli ta’ dħul, eċċ.) u l-konċentrazzjoni ġeografika potenzjali tagħhom. Fejn in-numru huwa sinifikanti jew fejn gruppi jew reġjuni speċifiċi huma esposti għal tbatija, għandu jiġi identifikat objettiv indikattiv biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku flimkien ma’ gruppi, politiki u miżuri fil-mira rilevanti kif ukoll sorsi ta’ finanzjament potenzjali. Diġà hemm xi elementi pożittivi f’numru ta’ abbozzi tal-NECPs. Pereżempju, il-Greċja tistabbilixxi objettivi speċifiċi, filwaqt li l-valutazzjonijiet mill-Italja, Malta u l-Finlandja jipprovdu livell tajjeb ta’ dettall.
|
Il-Fond Soċjali Ewropew (ESF+) u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa huma wkoll strumenti importanti biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju u tal-enerġija. Flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, huma jgħinu wkoll biex jiżguraw li n-nies jingħataw opportunitajiet indaqs u aċċess għal suq tax-xogħol soġġett għal bidliet fir-rekwiżiti tal-ħiliet u l-kompożizzjoni settorjali. B’mod partikolari, il-Pilastru jenfasizza d-dritt għat-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u l-protezzjoni soċjali – kollha elementi kruċjali ta’ tranżizzjoni ġusta.
B’mod parallel, il-Fond għall-Modernizzazzjoni ffinanzjat mill-EU ETS huwa ddedikat għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija tal-għaxar Stati Membri bl-aktar dħul baxx u se jgħin ukoll biex iħeġġeġ it-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima filwaqt li jippromwovi l-konverġenza ’l fuq.
Il-Kummissjoni se tesplora aktar is-sinerġiji possibbli ma’ inizjattivi oħra mmirati biex jindirizzaw l-isfidi u l-potenzjal tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa f’territorji speċifiċi Ewropej, bħalma huma l-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija, l-Inizjattiva tal-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, l-istrateġija tal-Kummissjoni lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u l-Inizjattiva tat-Tranżizzjoni tar-Reġjun tal-Faħam.
2.3.6 Kif jirrelataw mal-politiki ambjentali l-abbozzi tal-NECPs?
L-azzjonijiet klimatiċi u tal-enerġija jistgħu jġibu benefiċċji għall-kwalità tal-arja. L-indirizzar tat-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima huma politiki li għandhom jimxu id f’id. Il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari għad-dekarbonizzazzjoni huma rikonoxxuti sew.
Xi Stati Membri diġà integraw dawn l-elementi fl-abbozzi tal-NECPs tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza bejn l-NECPs tagħhom u l-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja (NAPCPs), inklużi l-aspetti kwantitattivi tagħhom, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rispettiva. Ir-rabtiet bejn l-istrateġiji tal-enerġija u tal-klima u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija u l-effiċjenza tar-riżorsi għandhom isiru espliċiti, jiġu identifikati miżuri konkreti, jiġu vvalutati l-impatti tagħhom u jiġu stabbiliti azzjonijiet korrettivi meta jkun xieraq. Pereżempju, aktar użu mill-ġdid ta’ prodotti u riċiklaġġ aħjar ta’ ċerta materja prima sekondarja jistgħu jnaqqsu d-domanda għall-enerġija.
Il-Kummissjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri biex jinkorporaw dawn l-aspetti fl-NECPs tagħhom, permezz ta’ djalogi ta’ politika u kondiviżjoni tal-aħjar prattika, billi tuża strumenti bħal Djalogi dwar l-Arja Nadifa, Missjonijiet ta’ Ċirku Virtuż, TAIEX (Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni) peer2peer, pjanijiet ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, LIFE, gwida dwar Natura 2000 u l-enerġija rinnovabbli u l-klima, jew l-appoġġ ipprovdut mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.
3.IL-PASSI LI JMISS – LEJN IL-PJANIJIET NAZZJONALI FINALI
3.1. Proċess iterattiv kontinwu
L-analiżi f’din il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar l-abbozzi tal-NECPs imsejsa mid-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal speċifiċi għall-pajjiż huma l-ewwel stadji importanti tal-proċess iterattiv għall-finalizzazzjoni tal-NECPs.
Mill-2015, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ilhom jaħdmu id f’id dwar it-tħejjija u s-sottomissjoni tal-ewwel abbozzi tal-NECPs. Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tkompli u tintensifika l-iskambji tekniċi mal-Istati Membri, inkluż permezz ta’ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma Tekniku u laqgħat bilaterali.
Il-miri miftiehma dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 huma ambizzjużi ħafna u jeħtieġu sforzi konkreti fl-ekonomija kollha. L-abbozzi tal-NECPs joffru pjattaforma komuni, solida u komparabbli biex fl-Unjoni kollha jiġu involuti s-soċjetà ċivili, in-negozju, is-sħab soċjali u l-gvernijiet lokali u jiġu diskussi magħhom l-isfidi komuni tal-Unjoni u l-prijoritajiet fit-tul fil-qasam tal-enerġija u l-klima. Bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tagħhom fiż-żmien tas-sottomissjoni, dawn id-diskussjonijiet diġà bdew b’mod trasparenti. Dawn l-interazzjonijiet għandhom jgħinu biex iżidu l-livell ta’ ambizzjoni tal-NECPs finali, kif ukoll jipprovdu eżempji tanġibbli ta’ proġetti u politiki li għandhom jiġu implimentati fl-għaxar snin li ġejjin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkollu opportunitajiet bikrija u effettivi biex jipparteċipa fit-tħejjija tal-pjanijiet finali, li mbagħad għandhom jinkludu sommarju tal-opinjonijiet tal-pubbliku.
B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura l-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tas-soċjetà b’mod sistematiku, filwaqt li ssaħħaħ sinerġiji aktar b’saħħithom bejn l-isforzi Ewropej, nazzjonali, u lokali permezz tal-NECPs. Fit-tieni nofs tal-2019 u lil hinn, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tippromwovi d-dibattitu inklużiv dwar l-NECPs.
3.2. Il-prijoritajiet għas-sitt xhur li jmiss
Is-sitt xhur li ġejjin – sal-aħħar tal-2019 – se jkunu kruċjali għall-Istati Membri biex jiżviluppaw l-NECPs solidi, robusti, kompluti u affidabbli finali tagħhom. Biex timmassimizza l-impatt tal-iskambji li ġejjin, il-Kummissjoni tixtieq tmexxi dawk l-iterazzjonijiet madwar seba’ prijoritajiet ewlenin.
Fir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, il-Kummissjoni enfasizzat it-twettiq tad-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija nfushom, iżda wkoll il-kwistjonijiet ta’ importanza speċifika, b’mod partikolari l-investiment, it-tranżizzjoni soċjalment ġusta, u l-kwalità tal-arja.
Fil-finalizzazzjoni tal-NECPs, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-prijoritajiet li ġejjin flimkien mar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
3.2.1 Jingħalqu d-diskrepanzi kollha ta’ “ambizzjoni” u ta’ politika tal-2030
Għad hemm lok biex jingħalqu bosta diskrepanzi meta jiġu ffinalizzati l-NECPs. Rigward il-kontributi dwar l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, xi Stati Membri qed jintalbu jisfruttaw aħjar il-potenzjal nazzjonali tagħhom filwaqt li oħrajn jeħtieġ li jikkonfermaw l-objettivi tagħhom li huma diġà ambizzjużi. Fil-finalizzazzjoni tal-NECPs, l-Istati Membri għandhom kollettivament iżidu l-isforzi biex jiksbu l-għanijiet tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima, billi l-kontinwazzjoni tal-politiki eżistenti fl-istess skala ma tkunx biżżejjed biex jintlaħqu dawn il-miri.
Ħafna Stati Membri huma wkoll mitluba biex jissostanzjaw aktar l-ilħuq tal-miri u l-kontributi nazzjonali tagħhom lejn il-miri fil-livell Ewropew b’politiki u miżuri addizzjonali aktar konkreti, ibbażati fejn rilevanti fuq sorsi ta’ finanzjament, u biex jaħdmu aktar fuq il-pedament analitiku tan-NECPs tagħhom. L-NECPs finali għandhom ikunu kompluti u komprensivi biex jippermettu li l-isforzi u l-progress jiġu mmonitorjati u riveduti b’mod adegwat kif meħtieġ. Il-Kummissjoni qabel ippubblikat gwida li tista’ tintuża biex jiġu stabbiliti objettivi li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, realistiċi u marbuta mal-ħin fil-ħames dimensjonijiet kollha.
Jekk l-ambizzjoni tal-NECPs finali tibqa’ insuffiċjenti għall-ilħuq kollettiv tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u, b’mod partikolari l-miri tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni se jkollha tikkunsidra miżuri addizzjonali fil-livell tal-Unjoni sabiex tiżgura li dawn jintlaħqu.
3.2.2 Jiġu involuti l-ministeri rilevanti kollha fil-livell nazzjonali
L-abbozzi tal-NECPs jirrappreżentaw opportunità bla preċedent għall-Istati Membri biex jesploraw aħjar is-sinerġiji bejn l-oqsma tal-politika u biex jadottaw approċċ ta’ “gvern sħiħ” veru.
Filwaqt li bosta Stati Membri diġà żviluppaw struttura istituzzjonali ġdida li tippermetti koordinazzjoni aħjar f’oqsma ta’ politika differenti, għad irid isir aktar xogħol bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati u implimentati l-NECPs. Dan huwa partikolarment il-każ għal sinerġiji u kooperazzjoni mal-ministeri tal-finanzi u l-ekonomija. Is-sinerġiji deskritti tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima ma’ oqsma bħall-politika reġjonali, industrijali, tat-trasport, diġitali, soċjali, agrikola u ambjentali jistgħu jiġu esplorati aħjar. Dan jinkludi koerenza sħiħa bejn l-aspetti tal-fjuwil alternattiv fil-pjanijiet finali u l-Qafas ta’ Politika Nazzjonali li kull Stat Membru għandu jissottometti sa Novembru 2019 taħt id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi.
3.2.3 Joħroġ l-aħjar mill-kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien
Sforzi kontinwi dwar il-kooperazzjoni reġjonali għandhom jinġiebu għal-livell li jmiss biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-suq u politiki u miżuri kosteffiċjenti. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll ikomplu bil-kooperazzjoni, mhux biss mal-Istati Membri ġirien tagħhom, iżda wkoll ma’ firmatarji tal-Komunità tal-Enerġija u ma’ membri ta’ pajjiżi terzi taż-Żona Ekonomika Ewropea.
|
Kooperazzjoni reġjonali – prattika tajba:
Biex tgħin fit-tħejjija tal-abbozzi tal-NECPs, ir-Riċerka tal-Enerġija Nordika kkoordinat analiżi tas-sistema tal-enerġija bbażata fuq xenarji li tesplora l-bidliet fis-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi Baltiċi. Fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-Benelux, ġiet iffirmata dikjarazzjoni fil-marġini tal-Kunsill tal-Enerġija tal-11 ta’ Ġunju 2018 biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fit-tħejjija tal-abbozzi tal-NECPs. Il-membri tal-Forum dwar l-Enerġija Pentalaterali ffirmaw, fil-marġini tal-Kunsill tal-Enerġija tal-4 ta’ Marzu 2019, dikjarazzjoni politika li tikkonferma l-intenzjoni tagħhom li jżommu u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-NECPs b’fokus speċifiku fuq kwistjonijiet b’rilevanza transkonfinali għolja. Fi ħdan il-Kooperazzjoni fl-Enerġija tal-Ibħra tat-Tramuntana, bosta Stati Membri impenjaw ruħhom li jiżviluppaw elementi kkoordinati għall-NECPs tagħhom biex jiffaċilitaw l-użu kosteffettiv tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, partikolarment l-enerġija mir-riħ. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa kooperazzjoni simili f’baċiri oħra tal-baħar filwaqt li jitqies li l-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 se teħtieġ li parti sostanzjali mill-elettriku tal-Ewropa tiġi ġġenerata lil hinn mill-kosta.
|
B’mod aktar ġenerali, mingħajr it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, se jkun diffiċli li jintlaħaq l-objettiv li titħaffef it-tranżizzjoni dinjija tal-enerġija u l-klima. Fl-istess ħin, l-isforzi tal-Unjoni se jkollhom ftit impatt fuq skala globali jekk il-pajjiżi terzi ma jsegwux l-istess triq. F’dan l-isfond, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkomplementaw l-NECPs tagħhom b’politiki prattiċi, potenzjalment trasferibbli u skalabbli li jistgħu jiġu kondiviżi lil hinn mill-Ewropa bħala parti mill-isforzi tal-Unjoni biex tmexxi t-tranżizzjoni globali lejn enerġija nadifa. Jekk jitqies xieraq, l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkonsultaw ma’ pajjiżi terzi li esprimew interess.
3.2.4 Jintużaw l-NECPs biex jappoġġjaw l-industrija, il-kompetittività u l-innovazzjoni
Se tkun meħtieġa firxa wiesgħa ta’ riformi biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija. L-NECPs jeħtieġ li jgħinu jidentifikaw u jiżviluppaw il-vantaġġi kompetittivi tal-Istati Membri billi jistabbilixxu r-riformi t-tajba kif ukoll is-sinjali u l-inċentivi ta’ investiment korretti, inkluż billi jiżviluppaw aktar it-tassazzjoni. L-NECPs għandhom jistabbilixxu l-objettivi meħtieġa filwaqt li jappoġġjaw ir-riformi strutturali nazzjonali u l-użu ta’ strateġiji industrijali integrati li jagħtu prijorità lill-kompetittività, is-sostenibbiltà, l-investimenti, l-infrastruttura tal-kummerċ u l-innovazzjoni. Strateġiji aktar ċari f’termini ta’ prijoritajiet ta’ riċerka u innovazzjoni jistgħu jsaħħu wkoll il-prijoritajiet Ewropej fit-tul filwaqt li jsostnu l-esportazzjonijiet tal-UE f’setturi l-aktar avvanzati.
L-NECPs jistgħu jsiru pjattaformi utli biex jiżviluppaw mas-settur bankarju, programmi ġodda għall-finanzjament ta’ investiment fit-tul u biex jistimulaw il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi privati jew biex jappoġġjaw inizjattivi ġodda bejn l-atturi tal-industrija f’setturi u ktajjen ta’ valur differenti, u jtejbu dawk diġà mnedija mill-Kummissjoni fl-2017, bħal dik dwar il-batteriji u l-plastiks (Alleanza Ewropea tal-Batteriji u Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik).
3.2.5 Jiġi attirat l-investiment u jiġu identifikati opportunitajiet ta’ finanzjament
Il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti ġodda u finanzjament privat se tkun parti ewlenija fl-implimentazzjoni tal-NECPs fis-snin li ġejjin. Iċ-ċarezza dwar l-objettivi u l-istrumenti tal-politika se tkun essenzjali għall-identifikazzjoni kemm tal-ambitu kif ukoll tal-iskala tal-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali, biex b’hekk ikun aktar faċli li jiġu ppjanati u mobilizzati sorsi differenti ta’ finanzjament. Fix-xhur li ġejjin l-Istati Membri għandhom għalhekk jiċċaraw l-istrumenti u jsaħħu l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment ipproġettati, l-ostakoli eżistenti u s-sorsi possibbli ta’ finanzjament, filwaqt li jqisu wkoll is-sinerġiji mal-proċess tas-Semestru Ewropew.
Din il-valutazzjoni dettaljata hija essenzjali biex tiżgura infiq effiċjenti u aktar immirat tar-riżorsi tal-Istat, biex tinforma lill-industrija aħjar dwar id-direzzjoni tal-politiki, u biex tattira investimenti ġodda, b’riperkussjonijiet pożittivi f’termini ta’ impjiegi u tkabbir. Ix-xogħol attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar finanzjament sostenibbli, bil-għan li torjenta mill-ġdid il-flussi tal-kapital minn investituri privati għal investimenti ambjentalment sostenibbli, jista’ jgħin biex jiġu identifikati opportunitajiet ta’ investiment u jiġi mmobilizzat il-finanzjament privat.
Għandhom jiġu sfruttati s-sinerġiji ma’ politiki eżistenti u futuri tal-Unjoni u ma’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fil-finalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-NECPs tagħhom billi twettaq numru ta’ miżuri abilitanti kif deskritt hawn fuq.
3.2.6. Tiġi integrata bis-sħiħ id-dimensjoni soċjali
L-indirizzar tal-aspetti soċjali se jkun essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni b’suċċess lejn enerġija nadifa. Fl-NECPs finali tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jindirizzaw bis-sħiħ il-kwistjoni li tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta.
Dan jinkludi b’mod partikolari aspetti tal-impjiegi, inkluż it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata għall-persuni kkonċernati mit-tranżizzjoni tal-enerġija. L-indirizzar kif suppost tad-dimensjoni tal-faqar enerġetiku huwa meħtieġ ukoll, inkluż billi jiġi vvalutat in-numru ta’ familji fil-faqar enerġetiku u fejn meħtieġ jiġi ddefinit objettiv indikattiv biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku.
Finalment, dawk l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw l-impatt tat-tranżizzjoni fuq il-popolazzjonijiet li jgħixu f’reġjuni li jużaw ħafna faħam jew karbonju u jagħmlu r-rabta ma’ azzjonijiet eżistenti, ippjanati jew meħtieġa f’dan ir-rigward.
3.2.7 Jittieħdu inkonsiderazzjoni l-objettivi fit-tul u l-viżjoni fit-tul
Fl-istess waqt li jiffinalizzaw l-NECPs tagħhom, ir-Regolament dwar il-Governanza jirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali fit-tul tagħhom ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’perspettiva ta’ mill-inqas 30 sena. Aktar minn nofs l-abbozzi tal-NECPs diġà jinkludu objettivi jew viżjonijiet għall-2050, għalkemm b’livelli differenti ta’ dettall. Kemm l-NECPs kif ukoll l-istrateġiji fit-tul għandhom jiġu żviluppati b’mod komplementarju, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-ħidma li għaddejja biex tiġi ffinalizzata l-istrateġija Ewropea fit-tul li l-Unjoni Ewropea se jkollha tissottometti sal-2020 taħt il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. Waqt li jiffokaw fuq l-orizzont tal-2030, l-orizzont tal-2050 għandu jiġi inkluż fl-NECPs, inkluża riflessjoni tal-konsistenza tal-miri u tal-objettivi mal-mira ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul u sforzi ulterjuri biex jikkwalifikaw aħjar l-objettivi fit-tul fil-ħames dimensjonijiet kollha.
Fit-tieni nofs tal-2019, il-formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill għandhom ikunu jistgħu jiffinalizzaw id-dibattiti ta’ politika tagħhom li għaddejjin dwar il-viżjoni Ewropea għal Ewropa newtrali għall-klima sal-2050 b’riflessjoni dwar dan l-aspett fl-NECPs finali.
|
Aktar minn nofs l-abbozzi tal-NECPs jinkludu objettivi jew viżjonijiet għall-2050, għalkemm b’livell differenti ta’ dettall. Id-Danimarka, Spanja, Franza, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja jimmiraw għan-newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima sa mhux aktar tard mill-2050. Franza u r-Renju Unit stabbilixxew miri legalment vinkolanti għall-2050 fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom u jużaw il-baġits tal-karbonju bħala mekkaniżmu biex jiżguraw il-konsistenza tal-objettivi fuq żmien medju u twil. In-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja żiedu l-miri nazzjonali tagħhom għall-2030 tal-gassijiet b’effett ta’ serra biex ikunu konsistenti mal-miri tagħhom fit-tul. L-Istati Membri l-oħra b’objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni għall-2050 jinkludu ċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Finlandja.
|
4.KONKLUŻJONIJIET
It-twettiq tal-impenji tal-Unjoni tal-Enerġija jeħtieġ aktar kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-setturi kollha tas-soċjetà, inklużi l-partijiet ikkonċernati, is-sħab soċjali u l-pubbliku ġenerali. Dan huwa proċess konġunt li fih is-sottomissjoni fil-ħin mill-Istati Membri tal-NECPs integrati finali għall-perjodu ta’ wara l-2020 hija stadju importanti ewlieni.
Sabiex jiġi żgurat li l-NECPs finali sottomessi sal-aħħar tal-2019 jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u jilħqu l-miri ambizzjużi tal-UE għall-2030, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jiftaħ dibattitu dwar il-prijoritajiet ewlenin identifikati minn din il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-NECPs finali jkun fihom livell adegwat ta’ ambizzjoni biex jissodisfaw, b’mod partikolari, il-miri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika fuq livell Ewropew. Il-Kummissjoni se żżomm djalogu mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-progress miksub mill-Unjoni tal-Enerġija dwar id-dimensjonijiet kollha tal-politiki tal-enerġija u tal-klima.
B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġja lill-Istati Membri fil-finalizzazzjoni tal-NECPs tagħhom sal-aħħar tal-2019, billi tibni fuq il-proċess ta’ kooperazzjoni eċċellenti sal-lum.
L-NECPs solidi u komprensivi se jkunu kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, l-implimentazzjoni tagħhom u l-kontribut tal-Unjoni għall-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jiġġeneraw il-kunfidenza tal-investituri u ċ-ċertezza tal-investimenti.
Lil hinn mill-fruntieri tagħna, il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima se jkunu espressjoni tal-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima, inkluż it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Jistgħu jsiru l-aħjar prattika internazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ ppjanar sod tal-politika dwar l-enerġija u l-klima ta’ nofs it-terminu u jkunu għodda biex irawmu l-kooperazzjoni internazzjonali madwar dawk l-għanijiet.
It-twettiq ta’ dawn l-NECPs finali se jkun il-bidu, mhux punt ta’ tmiem – id-djalogu kontinwu, il-kooperazzjoni u r-rieżamijiet tal-livell ta’ ambizzjoni se jibqgħu kritiċi sal-2030 u lil hinn.