IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2019
COM(2019) 271 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u għall-Investiment
1 ta' Jannar 2018 - 31 ta' Diċembru 2018
INTRODUZZJONI
Id-disa’ edizzjoni tar-Rapport dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment janalizza l-ostakli l-ġodda li n-negozji tal-UE ħabbtu wiċċhom magħhom fl-2018, kif ukoll dawk li tneħħew għall-kumpaniji tagħna bis-saħħa tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tal-UE, li tgħaqqad flimkien lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji Ewropej
. Din is-Sħubija hija motivata mill-partijiet ikkonċernati u fl-interess tagħhom. Hija tidentifika l-ostakli li l-kumpaniji tal-UE jaffaċċjaw f’pajjiżi terzi, tiddefinixxi strateġija komuni biex jitneħħew — u timplimentaha.
Biex tirrispondi għaż-żieda fil-protezzjoniżmu, il-Kummissjoni għamlet l-infurzar — flimkien ma’ enfasi aktar ċara fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali — prijorità ewlenija. Dan isegwi l-fil tal-komunikazzjoni tagħna “Kummerċ għal Kulħadd”
, li żewġet approċċ aktar robust għat-tneħħija tradizzjonali tal-ostakli ma’ sforzi aktar definiti biex jiġu implimentati l-impenji importanti miksuba fil-firxa wiesgħa tagħna ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles.
Fir-rigward tal-element tradizzjonali tal-aċċess għas-suq, ħdimna fi tliet direzzjonijiet. L-ewwel, saħħaħna l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati (fi Brussell, fl-Istati Membri, u fin-netwerk kbir tagħna ta’ missjonijiet diplomatiċi). It-tieni, il-Kummissjoni tejbet l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha biex tispjega, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif jistgħu jirrapportaw ostakli ġodda li jistgħu jkun li qed jaffaċċjaw barra l-UE, u kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jfasslu u jimplimentaw strateġija apposta biex issolvihom. Ta’ benefiċċju għal dan kienet l-inizjattiva tal-Ġranet għall-Aċċess għas-Suq, li fiha, sessjonijiet adattati għall-ħtiġijiet tan-negozji lokali saru fl-Istati Membri tagħna — diġà saru attivitajiet fid-Danimarka, fi Spanja, fin-Netherlands, il-Litwanja, il-Portugall u Franza. It-tielet, għamilna prijoritizzazzjoni aktar għaqlija tal-ostakli — li ppermettitilna niffukaw ir-riżorsi b’mod aktar effettiv biex ikollna r-riżultati.
Dan ir-rapport preżenti joffri titjib ġdid f’dan ir-rigward, sabiex jidentifika u jiddeskrivi f’aktar dettall l-ostakli li l-aktar iħallu impatt sinifikanti fuq il-kumpaniji tal-UE. Filwaqt li r-rapporti preċedenti tradizzjonalment iffukaw fuq is-sħab bl-ogħla għadd ta’ ostakli ġodda u solvuti, ir-rapport ta’ din is-sena jixħet enfasi wkoll fuq l-ostakli li l-aktar kienu ta’ influwenza fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, u jitfa’ dawl ġdid fuq is-sinifikanza relattiva tagħhom.
L-ewwel taqsima tar-rapport tippreżenta analiżi kwantitattiva u kwalitattiva, skont il-pajjiż, skont it-tip ta’ ostaklu u skont is-settur, tal-ammont totali ta’ 425 ostaklu għall-kummerċ u għall-investiment attivi
u l-45 ostaklu ġdid irreġistrat fl-2018, kif irrapportat lill-Kummissjoni u rreġistrat fil-Bażi ta’ Data tal-Aċċess għas-Suq tal-UE.
It-tieni taqsima tipprovdi analiżi aktar dettaljata tal-ostakli rrappurtati fl-2018 (l-1 ta’ Jannar – il-31 ta’ Diċembru 2018), fejn tiddeskrivi xejriet speċifiċi f’diversi pajjiżi u setturi u tivvaluta l-flussi kummerċjali potenzjalment affettwati.
It-tielet taqsima tidentifika l-għodod użati fl-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq tagħna biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli, u teżamina l-35 ostaklu li ġew riżolti b’suċċess fl-2018. Tanalizza wkoll f’aktar dettall xi wħud mill-aktar ostakli li kellhom impatt sinifikanti li ġew riżolti. Finalment, telabora wkoll fuq il-kisbiet ekonomiċi li ġew ġenerati mis-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq mill-bidu ta’ din il-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ mmudellar ekonomiku.
I.
ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT
L-approċċ tagħna, immexxi mill-partijiet ikkonċernati, jimplika li r-rapport jiffoka esklussivament fuq l-ostakli li jkunu ġew sinjalati min-negozju. Dan il-kapitlu janalizza tali ostakli għall-kummerċ li l-kumpaniji tal-UE jaffaċċjaw f’pajjiżi terzi, u x-xejriet u l-azzjonijiet relatati biex dawn jitneħħew, fil-qafas tas-Sħubija tagħna għall-Aċċess għas-Swieq. Filwaqt li l-bażi tad-data u dan ir-rapport ma jippreġudikawx il-legalità/l-illegalità tal-miżuri rreġistrati, dawn l-ostakli kollha ġew identifikati bħala problematiċi għall-kumpaniji tal-UE u ġew prijoritizzati għal azzjoni ulterjuri fil-ħidma tagħna rigward l-aċċess għas-suq, billi jistgħu jkunu diskriminatorji, sproporzjonati jew inkella restrittivi għall-kummerċ. Dawn huma kollha inklużi fil-Bażi ta’ Data tagħna dwar l-Aċċess għas-Suq.
A.
L-GĦADD TOTALI TA’ OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT
Fi tmiem l-2018, kien hemm 425 ostaklu għall-kummerċ u għall-investiment f’59 pajjiż terz
fil-Bażi ta’ Data tal-UE dwar l-Aċċess għas-Suq.
Din iċ-ċifra rekord tikkonferma l-kontinwazzjoni tal-protezzjoniżmu li jaffettwa lill-partijiet ikkonċernati tal-UE. Fl-istess waqt, juri wkoll li s-suċċess li qed jikber tas-Sħubija tagħna għall-Aċċess għas-Swieq bħala l-forum li jirrikorru għalih il-partijiet ikkonċernati tagħna biex jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ. Il-bażi tad-data tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-ostakli għall-kummerċ irreġistrati għal kull pajjiż terz, skont it-tip ta’ miżura u għal kull settur. Dan ir-rapport isegwi din ir-ripartizzjoni.
1.
Ostakli għal kull pajjiż terz
F’paragun mal-2017, l-ewwel għaxar pajjiżi bl-akbar għadd ta’ ostakli baqgħu l-istess, iżda f’ordni kemxejn differenti. L-aktar fatt notevoli huwa li għall-ewwel darba, iċ-Ċina issa hija l-pajjiż bl-ogħla livell ta’ ostakli rreġistrati, b’37 ostaklu li qed ixekklu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni u ta’ investiment għall-UE. Ir-Russja ġiet ftit wara fit-tieni post, b’34 ostaklu preżenti, segwita mill-Indja (25), mill-Indoneżja (25) u l-Istati Uniti bi 23 ostaklu.
Pajjiżi terzi oħrajn bi preżenza ta’ għaxar ostakli għall-kummerċ jew aktar jinkludu t-Turkija (20), il-Brażil (18), il-Korea t’Isfel (17), l-Awstralja (15), it-Tajlandja (12), il-Messiku (11) u l-Alġerija (10). Il-Figura 1 tagħti diżaggregazzjoni aktar iddettaljata tal-ostakli madwar id-dinja.
Figura 1: Diżaggregazzjoni ġeografika tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fil-bażi ta’ data
2.
Ostakli għal kull tip ta’ miżura
Il-Figura 2 turi li hemm aktar miżuri ta’ wara l-fruntiera (234) milli miżuri tradizzjonali fil-fruntieri (191), u din issegwi l-evoluzzjoni li diġà kienet osservata s-sena li għaddiet.
Il-miżuri ta’ wara il-fruntiera huma restrizzjonijiet relatati mas-servizzi, l-investimenti, l-akkwist pubbliku, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew ostakli tekniċi mhux ġustifikati għall-kummerċ li jirrigwardaw il-kummerċ tal-merkanzija. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri ġew irreġistrati fiċ-Ċina (25), fir-Russja (18), u fil-Brażil (15).
Miżuri fil-fruntieri huma restrizzjonijiet li jaffettwaw direttament lill-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, tipikament permezz ta’ żidiet fit-tariffi, restrizzjonijiet kwantitattivi, ċerti miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), liċenzjar għall-importazzjoni jew saħansitra permezz ta’ projbizzjonijiet kummerċjali assoluti. Ir-Russja (16) hija l-pajjiż li rreġistra l-ogħla għadd ta’ tali miżuri, segwita mill-Indoneżja (13) u l-Istati Uniti (13).
Figura 2: Ripartizzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment irreġistrati fil-MADB għal kull tip (għadd ta’ miżuri)
B.
OSTAKLI ĠODDA GĦALL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT IRRAPPURTATI FL-2018
B’kollox fl-2018 ġew irreġistrati 45 ostaklu ġdid fi 23 pajjiż terz
, madwar terz anqas mis-67 ostaklu ġdid irrapportati fl-2017. Madankollu, kif deskritt hawn taħt f’aktar dettall, l-impatt ekonomiku stmat tal-ostakli rrappurtati fl-2018 huwa ogħla b’mod sinifikanti minn dawk tas-sena l-oħra.L-esportaturi tal-UE qed jiffaċċjaw ostakli dejjem aktar kumplessi u aktar sistemiċi fi swieq sinifikanti, li jikkonferma mill-ġdid ix-xejra ta’ protezzjoniżmu dejjem jiżdied enfasizzat fiż-żewġ rapporti preċedenti.
Il-flussi tal-kummerċ affettwati mill-ostakli l-ġodda fl-2018 ammontaw għal esportazzjonijiet tal-EU-28 ta’ valur sa’ EUR 51,4 biljun, ċifra li aktar milli rduppjat meta mqabbel mal-2017 (EUR 23,1 biljun). Minħabba li din iċ-ċifra ma tinkludix ostakli għas-servizzi jew dawk li fihom il-kopertura tal-prodott mhijiex identifikabbli faċilment, il-flussi tal-kummerċ potenzjalment affettwati aktarx li jkunu ġew sottovalutati.
1.
Ostakli ġodda rrappurtati fl-2018 skont il-pajjiż terz
It-Tabella I u l-Figura 3 jagħtu ħarsa ġenerali lejn id-diżaggregazzjoni ġeografika tal-ostakli ġodda rreġistrati fl-2018. Dan juri li l-ogħla għadd ta’ ostakli ġodda ġew irrapportati fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħna mal-Alġerija u l-Indja, li t-tnejn irreġistraw ħames ostakli ġodda. Iċ-Ċina u l-Istati Uniti qegħdin qrib, minħabba li huma rreġistraw erba’ ostakli ġodda kull wieħed. Tliet ostakli ġew irrapportati fl-Indoneżja, fl-Iran u fl-Emirati Għarab Magħquda, rispettivament. Il-Brażil u t-Turkija, barra minn hekk, introduċew żewġ ostakli ġodda, filwaqt li l-14-il ostaklu li fadal ġew irreġistrati għal pajjiżi terzi oħrajn. Meta nħarsu lejn it-tendenzi reġjonali, nosservaw li l-maġġoranza l-kbira tal-ostakli l-ġodda fl-2018 ġew imposti fl-Asja (17), u fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani (17).
Meta nqabblu dawn iċ-ċifri mar-riżultati tal-2017, il-preżenza kontinwa taċ-Ċina (10 ostakli ġodda s-sena l-oħra) u l-Indja (tliet ostakli ġodda s-sena l-oħra) jindikaw xejra negattiva. Ta’ min jissemma wkoll li l-Alġerija ssemmiet ukoll fir-rapport tas-sena l-oħra bħala parti minn effett ta’ kontaġju li kien qed jitfaċċa fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran; il-ħames l-ostakli ġodda fl-2018 jidhru li jikkonfermaw din it-tendenza.
Tabella I: Tqassim ġeografika tal-ostakli rrappurtati fl-2018
Figura 3: Tqassim ġeografiku tal-ostakli ġodda rrappurtati fl-2018, skont ir-reġjun
Kif indikat aktar kmieni, dan ir-rapport iqiegħed enfasi aktar b’saħħitha fuq il-piż ekonomiku tal-ostakli l-ġodda. Il-Figura 4 turi l-flussi tal-kummerċ stmati affettwati fil-konfront tal-għadd ta’ ostakli rreġistrati fl-2018 għal sħab u reġjuni speċifiċi. Turi li l-ostakli ġodda rreġistrati fiċ-Ċina (4) għandhom ħafna aktar impatt fuq il-flussi tal-kummerċ affettwati (EUR 25.7 biljun) meta mqabblin mal-ostakli rreġistrati f’pajjiżi terzi oħrajn. Ta’ min insemmu wkoll li din iċ-ċifra sostanzjali ta’ kummerċ li ġie potenzjalment affettwat hija kkawżata b’mod partikolari minn ostaklu ġdid fis-settur tal-ICT li jista’ jkollu impatt ekonomiku qawwi fuq l-esportazzjonijiet tal-operaturi tal-UE lejn iċ-Ċina — dan l-ostaklu huwa deskritt f’aktar dettall fil-Kapitolu II.
Il-Figura 4 turi wkoll li ċ-Ċina, l-Istati Uniti, l-Indja u l-Alġerija qegħdin fl-ogħla klassifikazzjoni — minkejja li f’ordni differenti — rigward kemm l-għadd ta’ ostakli ġodda rreġistrati fl-2018 u d-daqs tal-flussi tal-kummerċ tal-EU-28 affettwati minn dawn l-ostakli l-ġodda. Dawn l-erba’ sħab jirrappreżentaw 81 fil-mija (€41.8 biljun) tal-kummerċ kollu tal-EU-28 affettwat fl-2018, u 40 fil-mija tal-ostakli ġodda rrapportati (18).
Figura 4: Għadd ta’ ostakli ġodda rrapportati u kummerċ affettwat għall-EU28 (biljuni ta’ €), pajjiżi u reġjuni sħab magħżula
It-Tabella II tirrapporta dwar il-flussi kummerċjali affettwati għat-23 pajjiż sieħeb li introduċew ostakli ġodda fl-2018. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-ostakli ġodda għall-aċċess għas-suq jista’ jkun li mhux dejjem jirriflettu għalkollox l-impatt reali tal-ostakli. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tal-ostakli fis-servizzi jew dawk ta’ natura orizzontali, li diffiċli jiġu kkwantifikati, jew f’dak li jirrigwarda restrizzjonijiet li jkunu jikkoinċidu u jkopru l-istess prodotti.
Tabella II: Flussi kummerċjali tal-EU-28 affettwati mill-ostakli l-ġodda rrapportati fl-2018 minn pajjiżi sħab, (biljuni ta’ EUR)
2.
Ostakli ġodda rrappurtati fl-2018 skont it-tip ta’ miżura
Meta nqassmu l-ostakli l-ġodda skont it-tip ta’ miżura naraw firxa simili ta’ miżuri ġodda ta’ wara l-fruntiera (23) u miżuri fil-fruntiera (22), u dan jissottolinja li l-pajjiżi terzi għadhom qed jirrikorru għaż-żewġ settijiet ta’ restrizzjonijiet.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fil-fruntiera jirreferu għal rekwiżiti ta’ tikkettar, miżuri fiskali u rekwiżiti regolatorji ġodda li ġew introdotti minn bosta pajjiżi terzi. Il-maġġoranza tal-miżuri fil-fruntiera huma restrizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji, u miżuri marbutin ma’ dazji doganali, tariffi u kwoti li ġew miżjudin. Din is-sena, ġew irrapportati wkoll żewġ ostakli ġodda fil-qasam tas-servizzi.
Figura 5: Tqassim tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment ġodda irrappurtati fl-2018 skont it-tip (għadd ta’ miżuri)
3.
Ostakli rrapportati fl-2018 skont is-settur
L-ostakli l-ġodda rrapportati fl-2018 affettwaw il-kummerċ tal-UE fi 13-il settur ta’ attività ekonomika speċifiċi, kif ukoll fil-forma ta’ ostakli orizzontali jew trażversali li affettwaw bosta oqsma.
L-ogħla għadd ta’ ostakli ġodda ġie rrapportat fis-settur tal-inbejjed u l-ispirti (9) u u tal-agrikoltura u s-sajd (8). Ġie rreġistrat ukoll total ta’ għaxar ostakli li kienu restrizzjonijiet jew totalment orizzontali (5) inkella trażversali li jaffettwaw diversi industriji (5). Is-setturi tal-kożmetika u tal-karozzi kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ erba’ u tliet ostakli ġodda rispettivament, filwaqt li l-industriji tal-farmaċewtika u tat-tessuti u l-ġilda tfaċċawlhom żewġ ostakli ġodda kull wieħed fl-2018. Finalment, bosta setturi oħra ġew affettwati minn ostaklu ġdid wieħed għall-kummerċ: ICT; iċ-ċeramika u l-ħġieġ; ħadid, azzar u metalli mhux ferrużi; prodotti minerali; karti, injam u polpa; plastik u metalli prezzjużi.
Figura 6: Tqassim settorjali tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment irrappurtati fl-2018 (għadd ta’ ostakli)
Filwaqt li l-għadd ta’ miżuri identifikati huwa indikatur importanti, l-analiżi tal-kummerċ affettwat tixħet aktar dawl fuq il-piż veru ta’ kull ostaklu. Kif jidher fil-Figura 7, is-setturi industrijali ammontaw għal madwar 97 fil-mija tal-kummerċ affettwat, b’ostakli fi tliet setturi biss (l-ICT; ħadid, azzar u metalli mhux ferrużi; metalli prezzjużi) li jikkorrespondu għal 72 fil-mija 72 fil-mija tal-esportazzjonijiet kollha tal-EU-28 affettwati minn ostakli ġodda rrapportati.
Figura 7: Flussi kummerċjali tal-EU-28 affettwati minn ostakli rrapportati fl-2018, skont is-settur (perċentwal tal-flussi kummerċjali affettwati)
II.
L-OSTAKLI ĠODDA PRINĊIPALI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT FL-2018
Dan il-kapitlu jipprovdi analiżi tal-ostakli ġodda rrapportati fis-sħab kummerċjali li għalihom ġew irreġistrati erba’ ostakli jew aktar fl-2018 u li jirrappreżentaw il-maġġor parti tal-flussi kummerċjali tal-UE potenzjalment affettwati (81 fil-mija), jiġifieri ċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Indja u l-Alġerija.
A.
ANALIŻI KWALITATTIVA TAL-OSTAKLI L-ĠODDA
1.
Iċ-Ċina
Ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina hija fost l-aktar kumplessi. Filwaqt li ċ-Ċina għadha suq importanti għall-kumpaniji tal-UE, viżibilju distorsjonijiet kummerċjali u ostakli għall-aċċess għas-suq affettwaw sew ir-relazzjoni kummerċjali bilaterali tagħna għal bosta snin, inkluż bosta tħassib sistemiku bħal sussidjar fuq skala kbira, obbligi għat-trasferiment tat-teknoloġija, kapaċità żejda f’setturi tradizzjonali — bħall-azzar u l-aluminju — iżda wkoll f’oqsma ta’ teknoloġija avvanzata (Made in China 2025), jew regolamenti ta’ ċibersigurtà u kriptaġġ mhux ġustifikabbli.
F’dan il-kuntest, iċ-Ċina rrikkorriet għal erba’ ostakli ġodda fl-2018: konferma tax-xejra osservata s-sena l-oħra, fejn ġie rrapportat ammont rekord ta’ għaxar ostakli ġodda — dawn l-iżviluppi issa wasslu biex iċ-Ċina stabbiliet ruħha bħala l-aktar sieħeb li jirrestrinġi l-kummerċ għall-UE, b’37 ostaklu b’kollox. Meta jingħaddu flimkien, dawn l-erba’ ostakli ġodda jistgħu jaffettwaw sa EUR 25,7 biljun f’esportazzjonijiet tal-UE.
Kif diġà ġie enfasizzat fir-rapport tas-sena l-oħra, iċ-Ċina qed tintroduċi bosta miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ fil-qasam tal-industriji ta’ teknoloġija avvanzata, li ġew ukoll komplementati minn kunsiderazzjonijiet tal-politika industrijali ġenerali u bosta distorsjonijiet tal-kummerċ li saru taħt l-istrateġija “Made in China 2025”. Fl-2018, iċ-Ċina kompliet iżżid mat-tużżani ta’ miżuri ta' implimentazzjoni fil-qasam tal-ICT għall-operazzjoni tal-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2017. Bħala parti minn dan l-iżvilupp, l-abbozz tar-Regolament dwar il-Protezzjoni taċ-Ċibersigurtà Klassifikata, magħruf ukoll bħala l-Iskema tal-Protezzjoni fuq Bosta Livelli Ċibernetika (jew Cyber-MLPS), inħareġ mill-Ministeru għas-Sigurtà għall-konsultazzjoni pubblika f’Ġunju 2018 u jista’ jieħu post l-iskema ta’ protezzjoni oriġinali fuq bosta livelli (multi-level protection scheme - MLPS) tal-2007. L-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jikklassifikaw is-sistemi tal-informazzjoni kollha skont il-livell ta’ sigurtà tagħhom. Abbażi tal-livell perċepit ta’ sensittività, il-kumpaniji barranin jistgħu jiġu esklużi minn ċerti segmenti tas-suq. Ġeneralment, hija problematika li l-abbozz iħalli spazju konsiderevoli għall-interpretazzjoni ġaladarba hemm kunċetti ewlenin li mhumiex definiti. Barra minn hekk, l-oneru tal-provi għall-kumpaniji jista’ jiżdied saħansitra f’applikazzjonijiet b’riskju iżgħar, aktar applikazzjonijiet jistgħu jidħlu taħt kategoriji ta’ riskju ogħla mingħajr ġustifikazzjoni, u jistgħu japplikaw rekwiżiti tal-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni mhux meħtieġa għall-applikazzjonijiet kriptografiċi. Il-miżuri huma wkoll ta’ tħassib mill-perspettiva tal-proprjetà intellettwali. Finalment, il-kwistjoni li ilha pendenti tan-nuqqas ta’ aċċess għall-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni Ċiniżi (il-Grupp ta’ Ħidma 3 TC 260, il-Kumitat Tekniku għall-Istandardizzazzjoni taċ-Ċibersigurtà) saret saħansitra aktar urġenti flimkien ma’ dan is-Cyber-MLPS, minħabba r-rabta li dawn il-korpi jiżviluppaw mal-istandards. Dan l-ostaklu waħdu jaffettwa l-esportazzjonijiet tal-UE b’mod konsiderevoli: il-flussi kummerċjali affettwati fis-settur tal-ICT u tal-elettronika ġew ivvalutati li huma vvalutati EUR 24,9 biljun — filwaqt li ninnutaw li din il-miżura jista’ fil-fatt ikollha wkoll implikazzjonijiet konsiderevoli fuq l-investimenti tal-UE fiċ-Ċina, u li tmur lil hinn mis-settur tal-ICT għal bosta industriji oħrajn li għandhom x’jaqsmu mat-teknoloġija avvanzata.
Barra minn hekk, id-distributuri ta’ whippers u chargers kulinarji mimlijin bil-gass għas-suq tas-servizzi tal-ikel iltaqgħu ma’ diffikultajiet maħluqa minn rekwiżit li ma kienx ċar biex ikollhom liċenzja għall-ħżin u d-distribuzzjoni ta’ “oġġetti perikolużi” skont il-qafas regolatorju attwali taċ-Ċina. Dan jolqot esportazzjonijiet sa €383 miljun.
It-tielet, l-istandards fir-regolamentazzjoni tal-ikel stabbilixxew parametri tal-ħmira restrittivi li pprevenew l-esportazzjoni tal-UE ta’ ċerti ġobnijiet u ħolqu dewmien fil-proċeduri tal-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tal-ħalib sterilizzat . Dan jista’ jolqot esportazzjonijiet sa EUR 469 miljun.
Finalment, iċ-Ċina rrevediet ir-regoli tagħha dwar il-monopolju tal-melħ permezz ta’ miżuri ppubblikati f’Diċembru 2017 u f’Mejju 2018. B’riżultat, l-importazzjonijiet kollha tal-melħ ġew effettivament imwaqqfin mid-dwana Ċiniża u r-regoli jiddisponu li l-kumpaniji tal-bejgħ tal-melħ bl-ingrossa deżinjati jistgħu jbigħu l-melħ fiċ-Ċina. Mhuwiex ċar jistgħux jiġu deżinjati kumpaniji barranin.
Filwaqt li l-UE użat il-mogħdijiet kollha biex tindirizza l-isfidi li qed taffaċċja maċ-Ċina, inkluż djalogi bilaterali (Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Ekonomija u l-Kummerċ, Djalogu tal-ICT, is-Cyber Task Force, id-Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli dwar il-Politika Kummerċjali u tal-Investiment u s-Summit) u fora multilaterali (bosta Kumitati tad-WTO), l-iżviluppi riċenti jeħtieġu sforzi addizzjonali, ikkoordinati tajjeb biex jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet tal-aċċess għas-suq fir-rigward taċ-Ċina.
B’mod parallel, f’sitwazzjonijiet fejn id-djalogi ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti, il-Kummissjoni ma qagħditx lura milli tieħu azzjoni soda biex tinforza r-regoli tal-kummerċ internazzjonali: fl-1 ta’ Ġunju 2018 l-UE nediet proċedimenti legali fid-WTO kontra l-miżuri Ċiniżi dwar it-trasferiment tat-teknoloġija (DS549) li jimminaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji Ewropej. Fl-istess waqt, qed jidher ċar li ċerti distorsjonijiet fil-kummerċ issa huma riskju ta’ theddida għall-integrità tas-sistema kummerċjali globali. Filwaqt li l-UE se tkompli tuża l-għodod kollha disponibbli għaliha biex tindirizza l-prattiki ta' distorsjoni tal-kummerċ skont ir-regoli internazzjonali eżistenti, qed isir evidenti wkoll li r-regoli tad-WTO jridu jiġu mmodernizzati biex jinstabu rimedji ġenwini u li jdumu. F’dan il-Kuntest, ġie varat Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Riforma tad-WTO fis-Summit UE-Ċina tal-2018.
Għaddejjin ukoll negozjati għal Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment (CAI) biex jiffaċilita l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq tal-investiment iffaċċjati mill-Kumpaniji tal-UE fiċ-Ċina. Wara s-Summit UE-Ċina tal-2018, iż-żewġ naħat skambjaw offerti għall-aċċess għas-suq.
2.
l-Istati Uniti tal-Amerka
L-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka għandhom l-akbar relazzjoni ekonomika fid-dinja. Minħabba li l-ekonomija trans-Atlantika ssostni 15-il miljun impjieg fl-UE u l-Istati Uniti, il-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija essenzjali għall-istabbiltà ta’ flussi kummerċjali sinifikanti u s-sistema kummerċjali multilaterali.
It-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti żdiedu fl-2018 wara li l-Istati Uniti imponew erba’ ostakli ġodda għall-kummerċ, biex issa hemm 23 ostaklu b’kollox. Filwaqt li waħda minn dawn il-kwistjonijiet diġà ġiet riżolta b’suċċess fl-2018, it-tliet ostakli li fadal jolqtu esportazzjonijiet tal-UE li jiswew sa EUR 6,8 biljun.
It-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti żdiedu b’mod konsiderevoli b’riżultat tal-impożizzjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2018 tal-hekk imsejħa dazji tat-"Taqsima 232" addizzjonali fuq l-importazzjonijiet tal-azzar (25 %) u l-aluminju (10 %) mill-UE, fuq raġunijiet allegati ta’ sigurtà nazzjonali. L-UE rreaġġiet minnufih u proporzjonalment għal dawn il-miżuri billi talbet li jsiru konsultazzjonijiet skont il-Qbil dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, billi implimentat riekwilibriju permezz ta’ tariffi addizzjonali fuq oġġetti magħżula importati mill-Istati Uniti fuq EUR 2,8 miljun f’esportazzjonijiet mill-Istati Uniti; u billi introduċiet miżuri ta’ salvagwardja tagħha stess għad-difiża kontra devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali potenzjali u tħares lill-kumpaniji Ewropej minn effetti negattivi indiretti tal-miżuri Amerikani.
Barra minn hekk, it-tnedija f’Mejju 2018 ta’ investigazzjoni separata tad-dimensjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-importazzjonijiet Amerikani tal-karozzi u l-partijiet tal-karozzi hija ta’ tħassib serju għall-UE minħabba li kwalunkwe miżuri avversi jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kummerċ trans-Atlantiku fiż-żewġ direzzjonijiet.
Kien f’dan il-kuntest li l-President Juncker u l-President Trump iltaqgħu fil-25 ta’ Lulju 2018. Id-diskussjonijiet bejniethom irnexxew u l-presidenti laħqu ftehim li jvaraw fażi ġdida fir-relazzjoni kummerċjali bil-ħsieb li l-kummerċ jiġi ffaċilitat u li t-tensjonijiet kummerċjali jiġu deeskalati. Id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2018 iddefiniet sett ta’ flussi ta’ ħidma biex dan l-għan jinkiseb. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti qablu li joqogħdu lura milli jieħdu miżuri li jmorru kontra l-ispirtu tal-ftehim tagħhom filwaqt li tkun għaddejja l-ħidma fuq din l-aġenda konġunta.
Ostakli kummerċjali riċenti oħrajn imposti mill-Istati Uniti, barra mill-ambitu tad-dikjarazzjoni konġunta, huma marbutin ma’ żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-US Tax Cuts and Jobs Act 2017, jiġifieri l-Base Erosion and Anti-abuse Tax (BEAT), li għandu xi elementi diskriminatorji, u Deduction for Foreign Derived Intangible Income (FDII), li jista’ jikkonfigura sussidju pprojbit. L-UE għandha tħassib li ż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jħallu impatt negattiv fuq in-negozji Ewropej (b’mod partikolari l-banek u l-assiguraturi) u ressqet dan it-tħassib fil-livell politiku u tekniku mal-kontropartijiet Amerikani.
It-tieni, ċerti diskrepanzi doganali, jiġifieri l-fatt li l-Amministrazzjoni Doganali tal-istati Uniti ma ssegwix il-klassifikazzjoni tad-WTO tal-parquet b’ħafna saffi għall-finijiet doganali, jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ dazju ta’ importazzjoni ta’ 5 % minflok 0 %, jew saħansitra ta’ 8 % meta l-parquet b’ħafna saffi jitqies bħala plywood.
Finalment, ostaklu introdott fl-2018 taħt il-“Formaldehyde Act”, li jistabbilixxi l-istandards tal-emissjonijiet għall-formaldeid għal prodotti tal-injam kompost manifatturati domestikament u importati, ġiet riżolt. Din il-kwistjoni kienet ġiet ikkawżata minn data ta’ konformità li ġiet qabel dik li tħabbret oriġinalment (Ġunju 2018 minflok Diċembru 2018). B’riżultat, xi kumpaniji mill-UE kienu mħassba dwar din l-iskadenza qasira, partikolarment għall-konsenji li diġà kienu fi triqithom lejn l-Istati Uniti. Wara démarches tal-UE quddiem l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti (inkluża ittra lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent) u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati ġie kkonfermat li l-kwistjoni kienet ġiet riżolta minħabba li l-ebda konsenji ma nżammu mid-dwana tal-Istati Uniti.
Il-kwistjoni li ilha għaddejja ta’ dewmien mhux dovut fil-pubblikazzjoni tar-regola finali li tippermetti lil tmien Stati Membri tal-UE (il-Belġju, in-Netherlands, Franza, l-Italja, Spanja, il-Ġermanja, il-Portugall u l-Polonja) jesportaw it-tuffieħ u l-lanġas għall-Istati Uniti għadha ma ġietx solvuta u ħaqqha attenzjoni partikolari. Din l-applikazzjoni ilha pendenti mill-2008 u l-pubblikazzjoni tar-regola finali li tippermetti l-kummerċ ġiet posposta mingħajr raġuni, minkejja n-nuqqas ta’ raġunijiet Sanitarji/Fitosanitarji.
3.
L-Indja
Is-sena 2018 kienet ikkaratterizzata mit-tkomplija tax-xejra protezzjonista fl-Indja bil-persistenza, u sa ċertu punt l-amplifikazzjoni, ta’ ostakli għall-importazzjonijiet tal-UE. Dawn jinkludu dazji tal-importazzjoni projbittivi fuq oġġetti f'setturi ewlenin, restrizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS) fuq l-importazzjonijiet agrikoli, u għadd li qed jikber ta’ ostakli tekniċi għall-kummerċ f’bosta forom, inklużi devjazzjonijiet minn standards internazzjonali maqbula. Diffikultajiet oħrajn għall-operaturi mill-UE huma marbutin ma’ rekwiżiti lokali tal-kontenut fl-akkwist pubbliku mill-gvern u n-nuqqas ta’ qafas ta’ protezzjoni għall-investimenti barranin.
F’dan il-kuntest ġew irreġistrati ħames ostakli ġodda għall-kummerċ fl-2018, biex issa b’kollox hemm 25 ostaklu fl-Indja. Filwaqt li wieħed minn dawn l-ostakli diġà ġie riżolt parzjalment fl-2018, l-erba’ ostakli li fadal jikkonċernaw sa EUR 6,5 biljun f’esportazzjonijiet tal-UE.
Mill-ostakli l-ġodda, wieħed jikkonċerna l-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kożmetiċi, li għandu rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni diskriminatorji għall-importazzjonijiet u li jiddevja mill-istandards maqbula internazzjonalment, filwaqt li ieħor huwa marbut ma’ żieda ġdida fit-tariffi tal-importazzjoni fuq id-djamanti llustrati — ir-raba’ żieda bħal din f’sitt snin. Dawn l-ostakli l-ġodda, li għad iridu jkunu s-suġġett ta’ taħditiet estensivi mal-awtoritajiet Indjani, jikkonċernaw valur sostanzjali ta’ esportazzjonijiet tal-UE b’valur sa EUR 6,1 biljun u jistgħu jsiru xkiel serju għall-kummerċ tal-UE mal-Indja.
Barra minn hekk, minbarra dazji u taxxi għoljin li ilhom hemm fl-industrija tal-karozzi, l-Indja tul is-snin introduċiet aktar minn 1 000 standard speċifiċi għall-pajjiż, li għadd li qed jikber minnhom ma jikkorrespondux għal standards maqbula internazzjonalment. Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-miżuri jżommu lill-manifatturi Ewropej milli jikkompetu ma’ manifatturi lokali fuq l-istess livell, u jaffettwaw il-flussi kummerċjali li bħalissa jiswa sa EUR 144 miljun — ammont li huwa relattivament baxx f’settur li fih l-esportazzjonijiet mill-UE huma tradizzjonalment għoljin, li juri l-aċċess limitat għas-suq li bħalissa għandhom il-kumpaniji tal-UE f’dan is-settur importanti.
Barra minn hekk, f’April 2018, l-Awtorità għas-Sikurezza u l-Istandards Alimentari tal-Indja (FSSAI) ippubblikat regolament ġdid dwar is-sikurezza u l-istandards alimentari li tinkludi standards ġodda għax-xorb alkoħoliku distillat, l-inbid u l-birra. Minkejja xi elementi pożittivi, dan ir-regolament fih dispożizzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-importazzjonijiet tal-UE fl-Indja b’valur sa’ EUR 193 miljun. Bħala eżempju nsibu n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċifikazzjonijiet tekniċi li ma jimxux mal-istandards u l-prassi internazzjonali, jew rekwiżiti ta’ tikkettar eċċessivi.
Mil-lat pożittiv, wieħed mill-ostakli l-ġodda rrapportati fl-2018 rigward iċ-ċertifikati veterinarji obbligatorji mal-importazzjoni tal-oġġetti tal-ġilda diġà ġie parzjalment riżolt u huwa eżaminat fit-taqsima tal-ostakli riżolti ta’ dan ir-rapport.
Minbarra dawn l-ostakli l-ġodda, ta’ min ninnutaw ukoll aktar żviluppi negattivi li jikkonċernaw ostakli eżistenti minħabba li l-Indja kompliet bit-tendenza negattiva tagħha, li bdiet fl-2014, li żżid id-dazji doganali fuq il-prodotti tal-ICT. L-aktar żidiet reċenti fid-dazji ddaħħlu f’Ottubru 2018, u komplew itawlu l-lista ta’ prodotti u jżidu d-dazji applikati tagħhom. Ir-rati miżjuda jaffettwaw l-importazzjonijiet ta’ bosta ta’ bosta prodotti tal-ICT bħal stazzjonijiet bażi, mowbajls, kif ukoll il-komponenti u l-aċċessorji tagħhom, f’livell ta’ madwar EUR 800 miljun. Il-Kummissjoni nediet każ tad-WTO dwar dawn il-miżuri fit-2 ta’ April 2019.
Kif enfasizzat fl-“Istrateġija tal-UE dwar l-Indja”, l-UE tagħti valur lis-sħubija strateġika tagħha mal-Indja u hija konxja mill-potenzjal li għadu mhux sfruttat u l-benefiċċju reċiproku tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bilaterali. Għaldaqstant hija impenjata bis-sħiħ li taħdem b’mod kostruttiv mal-Indja favur ambjent tan-negozju mtejjeb, aċċess għas-suq imsaħħaħ u ġust, u l-protezzjoni tal-investiment. F’dan il-kuntest, l-UE ħadet azzjonijiet b’konsistenza u se tibqa’ għassa biex tindirizza l-ostakli kemm ġodda kif ukoll dawk li ilhom fl-Indja. L-UE u l-Indja għandhom djalogu kummerċjali bilaterali regolari mmirat li jindirizza l-ostakli kummerċjali fil-Kuntest tas-Sottokummissjoni dwar il-Kummerċ bejn l-UE u l-Indja u l-gruppi ta’ ħidma speċjalizzati tagħha, pereżempju dwar kwistjonijiet SPS u tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ. Madankollu, dan huwa proċess gradwali li s-sena l-oħra wassal biss għal riżultati limitati biex jindirizza t-tħassib tal-UE. Id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-esportaturi tal-UE u n-nuqqas ta’ progress biex jinstabu s-soluzzjonijiet jidhru li huma marbutin mal-prijorità ekonomika tal-gvern Indjan li l-Indja ssir ċentru tal-manifattura permezz tal-inizjattiva “Make in India”, li għandha l-għan li tattira l-investiment barrani iżda ma tagħtix prijorità lill-ftuħ tal-kummerċ.
4. L-Alġerija
Ix-xejra taż-żieda fil-protezzjoniżmu identifikata fir-reġjun tal-Mediterran fl-edizzjoni tal-2017 ta’ dan ir-rapport kompliet fl-2018. Fir-reġjun (l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Libanu, il-Marokk u t-Tuneżija) kien hemm għadd akbar ta’ 36 ostaklu għall-kummerċ u għall-investiment; issa l-Alġerija għandha l-akbar għadd ta’ ostakli (10), segwita mill-Eġittu (8) u Iżrael (6).
Flimkien ma’ sensiela ta’ ostakli li ilhom hemm li jxekklu l-esportazzjonijiet tal-UE u minkejja l-impenn tal-UE għal djalogu kostruttiv, l-Alġerija introduċiet ħames ostakli ġodda fl-2018, li flimkien mal-Indja kien l-ogħla ammont fost is-sħab kummerċjali tal-UE. Filwaqt li waħda minn dawn il-kwistjonijiet diġà ġiet riżolta b’suċċess fl-2018, l-impatt kumplessiv ta’ dawn l-ostakli għadu sinifikanti ħafna, minħabba li l-esportazzjonijiet tal-UE kkonċernati għandhom valur sa EUR 2,7 biljun.
L-ewwel, l-Alġerija introduċiet projbizzjoni temporanja fuq l-importazzjoni ta’ 851 prodott f’madwar 45 familja ta’ prodotti permezz tal-liġi tal-baġit u d-digriet ta’ implimentazzjoni relatat adottat fis-7 ta’ Jannar 2018 u mbagħad estendiet il-projbizzjoni għal 877 prodott aktar tard f’Mejju (il-miżura ġiet emendata aktar fl-2019). Il-liġi tal-baġit tal-2018 żiedet ukoll id-dazji doganali b’mod sinifikanti fuq lista ta’ 129 linja tariffarja. Il-lista tinkludi prodotti importanti għall-esportaturi Ewropej bħall-komponenti tat-telefowns, modems, kejbils u apparat elettrodomestiku, b’tariffi li jaslu sa 60 %.
Barra minn hekk, il-kumpaniji tat-trasport marittimu Ewropej ġew affettwati serjament minn żewġ miżuri ġodda li ddaħħlu fl-2018.
L-ewwel, ġie impost obbligu tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2018. Is-servizzi pprovduti mill-bastimenti tat-trasport marittimu u marbutin mal-merkanzija tagħhom issa huma soġġetti għal rata tal-VAT ta’ 19 fil-mija. B’kuntrast għall-kumpaniji tat-trasport marittimu Alġerini — li huma soġġetti għal rata żero tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE — il-kumpaniji tat-trasport marittimu Ewropej ma jistgħux jirkupraw il-VAT. It-tieni, mill-20 ta’ Mejju 2018, ċirkolari ġdida ħatret lill-awtoritajiet doganali Alġerini bħala l-awtorità kompetenti biex tidentifika, fuq bażi aleatorja, id-dry ports li fihom jintbagħtu l-bastimenti biex iħottu l-merkanzija fil-port tal-Alġier. Din iċ-ċirkolari qed toħloq kwistjonijiet operazzjonali, legali u finanzjarji serji lill-kumpaniji tat-trasport bil-baħar Ewropej.
L-UE qed kienet qed tindirizza l-bosta miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ eżistenti u implimentati riċentement fil-fora possibbli kollha mal-awtoritajiet Alġerini (pereżempju fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fis-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u sottokumitati rilevanti oħrajn); fl-2018 ġie stabbilit ukoll grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli biex jiddiskuti dawn il-kwistjonijiet biex tinstab soluzzjoni komuni fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija. Minkejja dawn l-isforzi, l-Alġerija baqgħet taġixxi unilateralment, billi timponi ostakli kummerċjali u ssir wieħed mill-aktar sħab kummerċjali diffiċli għall-UE mill-perspettiva tal-aċċess għas-suq. Il-Kummissjoni se taħdem bla heda biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni.
Finalment, kif issemma qabel, wieħed mill-ostakli l-ġodda introdotti fl-2018 ġie riżolt. L-awtoritajiet Alġerini kienu rrekjedew li l-importaturi juru ċertifikat uffiċjali li jixhed il-moviment liberu maħruġ fil-pajjiż ta’ oriġini. Din il-miżura ma kinitx tispeċifika liema awtorità kellha toħroġ iċ-ċertifikat u l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ din il-miżura ma kinitx dejjem konsistenti, u għalhekk ħolqot inċertezza tad-dritt fost l-operaturi u kellha l-potenzjal li tolqot l-importazzjonijiet kollha mill-Istati Membri kollha tal-UE. F’April 2018, f’laqgħa tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ bejn l-UE u l-Alġerija stabbilit riċentement, u bis-saħħa tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qafas tas-Sħubija tagħna għall-Aċċess għas-Swieq, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Alġerija formola mudell li tista’ tinħareġ mill-Kmamar tal-Kummerċ tal-Istati Membri tal-UE kollha. F’Mejju 2018, l-awtoritajiet Alġerini kkonfermaw uffiċjalment li l-formola proposta ġiet aċċettata, u b’hekk l-esportaturi mill-UE setgħu jimxu mar-rekwiżit. Filwaqt li dan kien żvilupp pożittiv, is-sitwazzjoni ġenerali tal-aċċess għas-suq għall-kumpaniji mill-UE minħabba l-għadd u l-impatt tal-ostakli li għad fadal, kif spjegat qabel, għadha ta’ tħassib serju.
III.
L-OSTAKLI PRINĊIPALI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT LI ĠEW RIŻOLTI FL-2018
Dan il-kapitolu janalizza l-35 ostaklu li ġew riżolti totalment jew parzjalment f’25 pajjiż terz differenti fl-2018 u jindika l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment.
A.
L-ISTRATEĠIJA TAL-UE BIEX JIĠU INDIRIZZATI L-OSTAKLI GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-INVESTIMENT
It-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ f’dinja fejn il-protezzjoniżmu qed jiżdied saret kompitu essenzjali fil-ħidma tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Aċċess għas-Suq ġiet rinforzata, il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati ssaħħet, ittejbet il-prijoritizzazzjoni tal-ostakli u ġew imtejbin il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. Dawn l-isforzi wasslu biex fl-2015 ġew indirizzati 23 ostaklu, fl-2016 ġew riżolti 20 ostaklu, fl-2017 ġew indirizzati b’suċċess 45 ostaklu u fl-2018 tneħħew 35 ostaklu. Kollox ma’ kollox, taħt il-mandat tal-Kummissjoni attwali, ġew riżolti 123 ostaklu; riżultat li jirrifletti l-prijorità akbar li ngħatat lill-implimentazzjoni u l-infurzar fl-ambjent kummerċjali globali attwali li huwa aktar tranżazzjonali. Barra minn hekk, il-kanali varji tal-Istrateġija tagħna għall-Aċċess għas-Suq iservu wkoll bħala sistema ta’ twissija bikrija biex l-ostakli jiġu pprevenuti qabel biss dawn jitfaċċaw.
Il-kumpaniji tal-UE jistgħu jużaw mezzi differenti biex jirrapportaw ostakli għall-kummerċ u l-investiment lill-Kummissjoni Ewropea. Ladarba dawn jiġu identifikati, il-Kummissjoni tuża l-ħażna kbira ta’ għodda tagħha biex tindirizza l-ostakli għall-kummerċ.
Għodda 1: Azzjonijiet diplomatiċi. Hemm ħidma diplomatika li fiha l-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Istati Membri tal-UE u l-industrija jikkollaboraw mill-qrib permezz tan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi. Din tiġbor fiha firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, li jmorru minn proġetti tekniċi dwar il-kummerċ, bħal djalogi u kumitati, għal démarches formali, bħal missjonijiet ta’ livell għoli tal-kummissarji u azzjonijiet ministerjali u presidenzjali. Kull fejn issaħħaħ l-effettività tal-ħidma tagħna, l-azzjoni hija kkoordinata ma’ sħab li jaħsbuha bħalna. F’dan il-kuntest, ta’ min jiġi nnutat ukoll li l-Kummissjoni kompliet tavvanza fl-inizjattiva tad-Diplomazija Ekonomika Ewropea, u issa għalqet l-ewwel ċiklu ta’ identifikazzjoni ta’ prijoritajiet tad-diplomazija ekonomika li kopriet 107 pajjiż. Tista’ tgħid li f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, l-aċċess għas-suq huwa mniżżel bħala prijorità ewlenija, u għalhekk jibbenefika mill-isforzi kkoordinati tal-atturi kollha fil-post — jiġifieri l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi u d-delegazzjonijiet tal-UE — biex navvanzaw f’dan il-qasam u biex isir kontribut biex jitneħħew l-ostakli.
Għodda 2: Soluzzjoni tat-Tilwim Il-ħidma regolari tal-kumitati tad-WTO hija kkomplementata mill-attività robusta tal-Kummissjoni fil-kuntest tas-soluzzjoni tat-tilwim. Fl-2018, l-UE varat żewġ tilwimiet ġodda fid-WTO: tilwima kontra l-miżuri tal-Istati Uniti rigward l-azzar u l-aluminju (DS548) u tilwima kontra ċ-Ċina dwar il-miżuri tagħha relatati mat-trasferiment tat-teknoloġija (DS549). L-UE bdiet ukoll proċedimenti dwar il-konformità fir-rigward tal-miżuri tar-Russja relatati mal-importazzjoni tal-majjal (f’DS475). L-UE żgurat ukoll li l-pajjiżi terzi jimplimentaw korrettament id-deċiżjonijiet tad-WTO: pereżempju mir-Russja fit-tilwimiet relatati mat-tariffi (DS485) u mal-miżuri anti-dumping dwar vetturi kummerċjali ħfief (DS479), u miċ-Ċina fit-tielet tilwima dwar il-materja prima (“Materja prima III”, DS509). Id-WTO ħarġet ukoll id-deċiżjonijiet finali tagħha fit-tilwima tal-UE kontra l-Brażil dwar miżuri wesgħin għas-sostituzzjoni tal-importazzjoni, li tikkonferma l-pożizzjoni tal-UE li dawn il-miżuri jiksru r-regoli tad-WTO. Hawn ukoll, l-UE qed timmonitorja b’viġilanza s-sitwazzjoni biex tiżgura li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati kif xieraq.
Barra minn hekk, l-UE, għall-ewwel darba, talbet konsultazzjonijiet relatati mal-impenji għall-iżvilupp sostenibbli fi ftehim ta' kummerċ ħieles bilaterali, mar-Repubblika tal-Korea. Il-każ bit-tnedija riċenti tal-proċedimenti mal-Ukrajna taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-injam) — li proprjament hija żvilupp tal-2019 — juri li, meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni ma toqgħodx lura milli tirrikorri għal soluzzjoni bilaterali għat-tilwim kif previst fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tagħha.
Finalment, bħala għodda addizzjonali, il-Kummissjoni tista’ tuża wkoll, fuq talba tal-esportaturi, il-proċedura prevista mir-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ (TBR), kif pereżempju sar fil-każ tat-Turkija fl-2017 rigward prodotti tal-karta. Dan il-mekkaniżmu jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni biex tikkonsidra tirrikorri għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. L-investigazzjonijiet TBR jistgħu jwasslu wkoll għal soluzzjoni nnegozjata mal-pajjiż terz ikkonċernat qabel ma jiġi mniedi każ formali tad-WTO, u dan jikkontribwixxi għar-riżolviment aktar malajr tal-ostakli, għall-benefiċċju tal-kumpaniji u l-konsumaturi tagħna.
Għodda 3: Ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE. L-ostakli identifikati permezz tal-ħidma tagħna dwar l-aċċess għas-suq jiġu indirizzati direttament fin-negozjati kummerċjali — jew, fejn jeżistu ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, fil-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni rilevanti — biex jiġi żgurat li l-prijoritajiet tal-aċċess għas-suq jiġu indirizzati effettivament. Il-Kummissjoni attwali kompliet l-aġenda ambizzjuża tagħha li tespandi l-firxa wiesgħa tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali u tal-investiment ibbilanċjati tajjeb. Dan wassal għall-implimentazzjoni ta’ tmien ftehimiet ma’ 15-il pajjiż, li wassal biex issa l-UE għandha 40 ftehim kummerċjali ma’ 72 sieħeb madwar id-dinja. L-aġenda intensiva tagħna ta’ negozjati għadha għaddejja b’pass tajjeb. Barra minn hekk, il-ftehimiet jiġu rieżaminati, mhux l-anqas biex jiġu riżolti ostakli ġodda li ma jkunux koperti mill-qafas eżistenti.
Il-Kummissjoni rrinforzat ukoll l-isforzi ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar tagħha sabiex tiżgura li n-negozji, inklużi l-SMEs, jistgħu jieħdu vantaġġ mill-impenji eżistenti. L-UE għandha l-għodda u tużaha effettivament biex telimina l-ostakli kummerċjali, biex ittejjeb il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), biex tieħu azzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim, u biex timponi miżuri tad-difiża tal-kummerċ f’każijiet ta’ kummerċ inġust — u saħħet il-koordinazzjoni ta’ dawn il-pilastri tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħha. F’dan ir-rigward, fl-2018, il-Kummissjoni adottat it-tieni Rapport tagħha dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE, ippubblikat ir-rapport tagħha dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi u ppubblikat is-36 rapport annwali dwar l-attività anti-dumping, antisussidji u ta’ salvagwardja tal-UE.
B.
ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OSTAKLI RIŻOLTI FL-2018
Bis-saħħa tal-isforzi kkombinati tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-sħubija tagħna tal-aċċess għas-suq, b’kollox ġew solvuti totalment jew parzjalment 35 ostaklu fl-2018 f’25 pajjiż terz differenti, u fi tmien setturi ta’ attività ekonomika, kif ukoll orizzontalment. Meta jitqiesu l-ostakli kwantifikabbli kollha, l-esportazzjonijiet tal-UE kkonċernati mill-ostakli għall-kummerċ li tneħħew fl-2018 laħqu EUR 7,8 biljun għall-EU-28.
1.
Ostakli riżolti fl-2018 għal kull pajjiż terz
Il-Figura 8 turi l-pajjiżi terzi li fihom l-ostakli tneħħew b’suċċess. L-Eġittu qiegħed fuq quddiem bi tliet ostakli riżolti fl-2018, segwiti mill-Brażil, it-Turkija, l-Arġentina, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, l-Indja, l-Alġerija, u r-Russja (tnejn kull wieħed). Tneħħew ukoll fl-2018 16-il ostaklu addizzjonali għall-kummerċ li kienu qed jaffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej f’16-il pajjiż terz ieħor.
Figura 8: Tqassim ġeografika tal-ostakli riżolti fl-2018 (*-pajjiżi tal-G20)
Abbażi tal-valur tal-kummerċ affettwat (Tabella III) tal-ostakli mneħħija, l-aktar ostakli sinifikanti tneħħew fir-Russja, li jikkorrespondu għal sehem ta’ 23 fil-mija tal-flussi kummerċjali kollha affettwati, segwiti mill-Emirati Għarab Magħquda (16 fil-mija) u miċ-Ċina (15 fil-mija). 18 fil-mija tal-flussi kummerċjali affettwati minn ostakli riżolti kienu f’pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran.
Tabella III: Flussi kummerċjali tal-EU-28 affettwati minn ostakli riżolti fl-2018 minn pajjiżi sħab, (miljuni ta’ EUR)
2.
Ostakli riżolti fl-2018 għal kull tip ta’ miżura
L-isforzi tagħna permezz tas-sħubija għall-aċċess għas-swieq ikkontribwew b’mod aktar konsiderevoli għat-tneħħija tal-miżuri fil-fruntiera (26) meta mqabbel mar-restrizzjonijiet ta’ wara l-fruntiera (9). Dan huwa paragunabbli mal-konstatazzjonijiet tas-sena l-oħra li fiha ġew indirizzati 34 miżura fil-fruntiera u 11 ta’ wara l-fruntiera.
Kważi terz tal-miżuri fil-fruntiera li tneħħew fl-2018 kienu marbutin ma’ kwistjonijiet SPS fis-settur tal-agrikoltura u s-sajd. Ostakli oħra li ġew indirizzati kienu qed iħallu impatt fuq in-negozji tal-UE fil-forma ta’ dazji doganali, proċeduri amministrattivi doganali, taxxi fuq l-esportazzjoni jew projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni. Finalment, ostaklu wieħed fil-kummerċ tas-servizzi wkoll ġie riżolt b’suċċess fl-2018.
Għad-disa’ miżuri ta’ wara l-fruntiera, inkiseb suċċess fil-qasam tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-istandards, kif ukoll tal-miżuri ta’ tassazzjoni relatati mal-kummerċ.
Figura 9: Tqassim tal-ostakli riżolti fl-2018 skont it-tip (għadd ta’ miżuri)
3.
Ostakli riżolti fl-2018 għal kull settur
Il-figura 10 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ ostakli riżolti fid-diversi oqsma ta’ attività ekonomika. Is-settur tal-agrikoltura u s-sajd kien is-settur bl-aktar miżuri riżolti (10), segwit minn ħames ostakli indirizzati fis-settur tal-karozzi. Is-setturi tat-tessuti u l-ġilda kif ukoll is-setturi tal-inbejjed u l-ispirti akkontaw għal erba’ ostakli riżolti kull wieħed. Ġew ukoll indirizzati tmien ostakli li kienu jew kompletament orizzontali (4) jew li kienu jaffettwaw bosta industriji (4). Finalment, ġew riżolti ostakli individwali fis-setturi tal-kożmetika u tal-prodotti minerali, flimkien ma’ ostakli riżolti parzjalment relatati mal-partijiet tal-inġenji tal-ajru u s-settur tal-ICT, rispettivament.
Figura 10: Tqassim settorjali tal-ostakli riżolti fl-2018 kif irreġistrat fl-MADB (għadd ta’ ostakli)
Abbażi tal-kalkoli ta’ flussi kummerċjali affettwati, il-figura 11 turi l-piż ekonomiku tal-ostakli riżolti fis-setturi differenti, u tenfasizza li r-riżolviment tagħhom fl-2018 jista’ jaffettwa pożittivament l-esportazzjonijiet tal-UE l-ewwel u qabel kollox fis-settur tal-karozzi, li jikkorrespondi għal 32 fil-mija tal-flussi kummerċjali kumplessivi potenzjalment affettwati. Is-setturi tal-inbejjed u l-ispirti (17 fil-mija) u tal-kożmetika (16 fil-mija) ukoll ibbenefikaw konsiderevolment mit-tneħħija tal-ostakli. Kollox ma’ kollox, is-setturi industrijali kienu jirrappreżentaw 83 fil-mija tas-sinfikanza ekonomika tal-ostakli riżolti, filwaqt li l-agrikoltura u s-sajd rrappreżentaw 17 fil-mija.
Figura 11: Flussi kummerċjali tal-EU-28 affettwati minn ostakli riżolti fl-2018, skont is-settur (perċentwal tal-flussi kummerċjali affettwati)
C.
ANALIŻI KWALITATTIVA TAL-OSTAKLI RIŻOLTI FL-2018
Dan il-kapitolu jipprovdi analiżi aktar fil-fond ta’ għadd ta’ ostakli magħżula li s-Sħubija għall-Aċċess għas-Suq irnexxielha tindirizza. Bil-kuntrarju għas-sena li għaddiet, meta din l-analiżi kwalitattiva kkonċentrat fuq sħab bl-ogħla għadd ta’ ostakli riżolti
, din id-darba se niffukaw fuq il-pajjiżi bl-aktar flussi kummerċjali potenzjalment affettwati sinifikanti mill-miżuri riżolti. B’riżultat ta’ dan, se nanalizzaw kemm kienet effettiva l-UE biex tindirizza l-ostakli fil-pajjiżi sħab li ġejjin: Ir-Russja, iċ-Ċina, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu, il-Ġappun, l-Indja u l-Korea t’Isfel. Dawn is-seba’ sħab jikkorrespondu għal 93 fil-mija tal-flussi kummerċjali potenzjalment affettwati minn miżuri riżolti fl-2018.
1.
Ir-Russja
Kif spjegat fil-Kapitolu I, ix-xejriet fl-aċċess għas-suq kienu ġeneralment negattivi għar-Russja, minħabba li l-esportaturi tal-UE qed jaffaċċjaw 34 ostaklu fil-pajjiż — it-tieni l-ogħla għadd — li kompliet fit-triq ta’ politika ta’ sostituzzjoni tal-importazzjonijiet permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ mezzi. Pereżempju, l-ostakli rrapportati fi snin preċedenti, bħar-restrizzjonijiet għat-tbaħħir fl-Artiku u l-kwoti tal-esportazzjoni fuq iz-zkuk tal-betula fil-fatt bdew jaffettwaw lill-operaturi tal-UE fl-2018. Barra minn hekk, hemm bżonn li ninnutaw aktar żviluppi negattivi rigward ostaklu eżistenti rigward ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar, li ġew estiżi ulterjorment għal prodotti oħra bħal dawk elettroniċi.
Filwaqt li bosta miżuri huma dubjużi f’termini tal-kompatibbiltà mal-impenji internazzjonali tar-Russja — u l-UE użat il-fora rilevanti biex tikkontestahom — dawn ma kinux effiċjenti biex itejbu l-kompetittività tar-Russja u l-abbiltà tagħha li tattira l-investiment barrani. Minflok, dawn ikkontribwew, fost fatturi oħrajn, biex jipprevjenu li jiżdied il-kummerċ bejn l-UE u r-Russja.
Fl-isfond ta’ dan l-ambjent kummerċjali diffiċli, l-UE użat l-aktar għodod sodi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha u wasslet għal riżultati konsiderevoli fl-2018 billi żgurat l-implimentazzjoni korretta ta’ żewġ deċiżjonijiet tad-WTO fir-Russja, li kienu jikkonċernaw esportazzjonijiet tal-UE ta’ valur madwar EUR 1,8 biljun. Dan jikkorrespondi għal sehem ta’ 23 fil-mija ta’ esportazzjonijiet tal-UE affettwati mill-35 miżura riżolti b’kollox fl-2018.
Waħda minn dawn l-istanzi kienet ikkaratterizzata minn ostaklu li jaffettwa diversi industriji, li fir-rigward tiegħu r-Russja implimentat id-deċiżjoni tad-WTO kompletament f’tilwima relatata mat-tariffi (DS485). Barra minn hekk, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-panel f’DS485, lura fl-2017 ġiet imħejjija tilwima oħra kontra r-Russja dwar it-tariffi (linji tariffarji addizzjonali ta’ interess għall-UE). Madankollu, wara diskussjonijiet bilaterali mar-Russja fi tmiem l-2017 u fil-bidu tal-2018 ma kienx neċessarju li din it-tilwima tiġi varata minħabba li r-Russja neħħiet għalkollox l-inkonsistenzi fil-linji tariffarji kkonċernati. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ fejn l-azzjoni kkonċertata tal-Kummissjoni wasslet għal riżultati konkreti mingħajr ma kellha għalfejn fil-fatt iddur għal-litigazzjoni fid-WTO.
B’mod simili, it-tilwima li nediet l-UE fir-rispett tas-settur tal-karozzi rigward miżuri anti-dumping fuq vetturi kummerċjali ħfief (DS479) mill-Ġermanja u l-Italja wasslet għal eżitu pożittiv minħabba li l-miżuri li kienu jiskadu f’nofs l-2018 ma ġġeddux.
2.
Iċ-Ċina
Kif ġie enfasizzat fil-Kapitolu I, iċ-Ċina saret l-aktar sieħeb kummerċjali restrittiv tal-UE, b’37 ostaklu b’kollox u b’14-il ostaklu introdott mill-2017 ’l hawn. Madankollu, sar xi progress, minkejja li ħafna minnu kien inkrimentali, li juri li l-istrateġija tat-tneħħija tal-ostakli tal-UE tista’ twassal għar-riżultati saħansitra fl-aktar ambjenti diffiċli. Tali progress inkiseb fil-qasam tal-SPS, bit-tneħħija parzjali ta’ żewġ ostakli u titjib ulterjuri fuq kwistjoni oħra li kienet ilha għaddejja. Iż-żewġ ostakli riżolti parzjalment fis-settur tal-agrikoltura u s-sajd jikkorrespondu għal sehem ikkombinat ta’ 15 fil-mija tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE kkonċernati minn miżuri riżolti fl-2018.
L-ewwel, filwaqt li d-domanda għall-ġobon miċ-Ċina hija mistennija li tikber, l-istandards Ċiniżi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib mhumiex allinjati mal-istandards internazzjonali, u b’hekk inħoloq ostakolu kummerċjali inġustifikat għall-esportaturi mill-UE. Wara li l-UE qajmet din il-kwistjoni f’laqgħat bilaterali differenti, iċ-Ċina ddeċidiet li dawn l-istandards ma tinfurzahomx għal prodotti li kienu ilhom snin jiġu impurtati (prodotti tradizzjonali). Barra minn hekk, iċ-Ċina avżat ukoll li issa kienet se tirrieżamina l-istandards tagħha għall-ġobon f’termini aktar ġenerali, li l-UE laqgħat. Minkejja li l-kwistjoni sottostanti għadha pendenti u l-istandards għas-sikurezza alimentari hemm bżonn li jiġu riveduti biex isolvu għalkollox it-tħassib tal-UE, l-impatt fuq il-kummerċ diġà ġie ġestit b’riżultat tas-soluzzjoni misjuba rigward il-prodotti tradizzjonali, u tista’ taffettwa b’mod pożittiv l-esportazzjonijiet tal-UE sa EUR 1,2 biljun.
It-tieni, fil-bidu tal-2012,iċ-Ċina ħadet miżura restrittiva kummerċjali temporanja fuq l-importazzjonijiet tas-semen tal-bovini, embrijuni tal-bovini, semen tal-ovini, u embrijuni ovini li ġew prodotti wara l-1 ta’ Ġunju 2011 minn bosta Stati Membri. L-UE stiednet esperti Ċiniżi f’żewġ okkażjonijiet biex jiġu l-Ewropa, u xjenzati Ċiniżi żaru istituti veterinarji u ċentri ta’ riċerka ta’ bosta Stati Membri tal-UE. B’riżultat ta’ dan, iċ-Ċina ħabbret li tneħħew ir-restrizzjonijiet kummerċjali fuq l-esportazzjonijiet ta’ materjal bovin/ovin minn bosta Stati Membri.
Finalment, fir-rigward ta’ ostaklu riżolt parzjalment li diġà ġie rrapportat fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, ta’ min jissemma li sar progress ulterjuri fir-rigward tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-prodotti bovini u ċanga mill-UE, u issa l-Irlanda u n-Netherlands ingħataw aċċess għas-suq. Minħabba li l-proċess għall-Istati Membri l-oħrajn għadu ma ġiex iffinalizzat, il-Kummissjoni se tkompli tqajjem din il-kwistjoni f’kull okkażjoni possibbli.
3.
L-Emirati Għarab Magħquda
L-Emirati Għarab Magħquda huma sieħeb kummerċjali importanti. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar u solviet ostaklu importanti għall-aċċess għas-suq fl-2018 fis-settur tal-kożmetika, miżura li tikkorrispondi għal sehem ta’ 16 fil-mija tal-esportazzjonijiet tal-UE kkonċernati mill-miżuri kollha riżolti fl-2018.
Dan l-ostaklu kien jikkonċerna rekwiżiti ġodda għat-tikkettar, li kienu se jipprojbixxu l-użu ta’ stiker fuq l-imballaġġ oriġinali u jagħmlu obbligatorju l-istampar ta’ logo fuq l-imballaġġ kollu tal-prodotti kożmetiċi sa tmiem l-2018. Din il-miżura kienet tobbliga lill-kumpaniji joħolqu disinn speċifiku għas-suq tal-Emirati biss. Il-Kummissjoni ikkuntattjat lill-Emirati permezz tal-punt għall-informazzjoni u n-negozji tal-UE u d-delegazzjoni tal-UE qasmu t-tħassib mal-Ministru tal-Ekonomija u l-Awtorità tal-Emirati għall-Istandardizzazzjoni u l-Metroloġija (ESMA). B’riżultat ta’ dan, l-ESMA kkonfermat f’laqgħa mad-Delegazzjoni tal-UE li s-settur tal-kożmetika fl-aħħar mill-aħħar ġie eżentat minn dan ir-rekwiżit qabel daħal fis-seħħ, u dan ippermetta lill-kumpaniji mill-UE jkomplu jesportaw lejn is-suq tal-Emirati, u dan affettwa b’mod pożittiv l-esportazzjonijiet tal-UE sa EUR 1,2 biljun.
4.
L-Eġittu
Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Eġittu huma bbażati fuq Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. B’ostaklu ġdid fis-sena fl-2017 u fl-2018 li żdiedu ma’ lista ta’ kwistjonijiet li ilhom hemm, l-Eġittu issa b’kollox għandu tmien ostakli: dan jidher li jikkonferma x-xejriet għal miżuri protezzjonisti ġodda osservati fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Mediterran fir-rapport tas-sena l-oħra. B’din it-tendenza diffiċli quddiemha, l-istrateġija għall-aċċess għas-suq tal-UE kkontribwiet ukoll għat-tneħħija ta’ ostaklu wieħed fl-2018 fis-settur tal-karozzi, u żewġ ostakli fis-settur tat-tessuti u tal-ġilda. L-esportazzjonijiet tal-UE kkonċernati mit-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli jiswew sa EUR 1,2 biljun.
Rigward is-settur tal-karozzi, wara djalogu u skambju f’livell għoli, l-Eġittu elimina għalkollox id-dazji fuq karozzi li joriġinaw fl-UE, u issa qiegħed konformi mal-iskeda tat-tneħħija tat-tariffi miftiehma fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dan jista’ jħalli effett pożittiv fuq l-esportazzjonijiet tal-UE fil-medda ta’ EUR 1.1 biljun.
Barra minn hekk, is-settur tat-tessuti u tal-ġilda ffaċċja restrizzjoni sproporzjonata tal-kummerċ fil-prodotti tat-tessuti minħabba rekwiżiti obbligatorji tat-tikkettar li rriżultaw f’operazzjoni li tieħu ħafna ħin u tqum ħafna għall-produtturi, minħabba li trid issir bl-idejn. Il-forma tat-tikkettar u t-tip ta’ informazzjoni rikjesta fuq it-tikketta kienu eventwalment illaxkati wara diskussjonijiet bilaterali mal-UE.
Finalment, kwistjoni oħra li ilha għaddejja fis-settur tat-tessuti u tal-ġilda relatata mat-trattament mid-dwana Eġizzjana ta’ fatturi mħalltin li jkun fihom oġġetti preferenzjali u mhux preferenzjali ssolviet fl-aħħar fl-2018 wara li kienet ilha titqajjem mill-UE mal-awtoritajiet Eġizzjani.
5.
Il-Ġappun
Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun issa huma bbażati fuq il-ftehim ta' sħubija ekonomika li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019. B’mod parallel, ġie indirizzat b’suċċess ostaklu fis-settur tal-inbejjed u l-ispirti.
Fl-2018, il-Ministeru tas-Saħħa, tax-Xogħol u tal-Protezzjoni Soċjali tal-Ġappun ikkunsidra jneħħi xi addittivi għall-ikel u x-xorb mil-lista tal-addittivi awtorizzati fil-Ġappun. Kieku tneħħew mill-elenkar, ħafna kumpaniji mis-settur tal-inbejjed u l-ispirti fl-UE kienu jintlaqtu ħażin. Il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet kompetenti fil-Ġappun (April 2018) u pprovdiet kummenti dwar il-lista tal-addittivi maħsubin biex jitneħħew mill-elenkar (Settembru 2018). Il-Ġappun aċċetta l-kummenti li ngħataw, u b’riżultat ta’ dan, l-ebda wieħed mill-addittivi li ġew identifikati li jużawhom il-produtturi tal-UE mhuwa se jitneħħa mill-elenkar. Dan jista’ jiffaċilita esportazzjonijiet tal-UE fil-medda ta’ EUR 1.1 biljun.
6.
L-Indja
Kif deskritt fit-taqsima II, ix-xejra protezzjonista fl-Indja kompliet fl-2018. Minkejja dan il-kuntest diffiċli, l-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq ukoll tat xi riżultati pożittivi. Ġew parzjalment riżolti ostaklu fis-settur tal-ICT u fis-settur tat-tessuti u tal-ġilda, li kienu jirrappreżentaw 6 fil-mija tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE kkonċernati mill-miżuri riżolti fl-2018 (EUR 457 miljun).
L-awtoritajiet Indjani kienu qed jitolbu ċertifikati veterinarji obbligatorji mal-importazzjoni ta’ oġġetti tal-ġilda. B’konsegwenza, l-importazzjonijiet tal-prodotti lesti — li ma jkunx għad għandhom il-karatteristiki tal-prodott tal-annimal mhux ipproċessat — baqgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti sanitarji. Madankollu, skont l-istandards internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Ftehim SPS tad-WTO, tali rekwiżiti għandhom japplikaw biss għal prodotti mill-annimali mhux ipproċessati jew inkella jridu jiġu ġġustifikati xjentifikament mill-Indja. B'riżultat tal-isforzi tal-UE biex tqajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet rilevanti fl-Indja, dan l-ostaklu ġie riżolt għal prodotti finali magħżulin permezz tal-adozzjoni ta’ notifika ġdida mill-Indja. Minkejja dan is-suċċess parzjali, l-UE se tibqa’ tagħmel sforz biex din il-kwistjoni ssolviha għalkollox.
Rigward is-settur tal-ICT, l-Indja għadha qed tkun sieħeb diffiċli minħabba l-bosta restrizzjonijiet li qed ixekklu l-aċċess għas-suq ta’ kumpaniji tal-UE, bħat-tkomplija fiż-żieda fid-dazji (kif issemma fil-Kapitolu II), ittestjar u liċenzjar obbligatorji, kif ukoll rekwiżiti tar-reġistrazzjoni u tat-tikkettar obbligatorji. Madankollu, ostaklu wieħed rigward tagħmir tat-telekomunikazzjoni użat ġie solvut parzjalment minħabba li l-Indja llaxkat sostanzjalment in-normi għall-oġġetti esportati li jkollhom bżonn jiġu importati lura biex jissewwew. Skont in-notifika maħruġa mill-Bord Ċentrali tat-Taxxi Indiretti u d-Dwana (CBIC), dawn l-oġġetti jistgħu jiġu importati mingħajr dazju bil-kundizzjoni li jiġu esportati lura wara li jissewwew. L-oġġetti elettroniċi esportati issa jistgħu jiġu importati lura għat-tiswija fi żmien seba’ snin mill-esportazzjoni (qabel kienet tliet snin) u jridu jiġu esportati lura fi żmien sena tal-importazzjoni (qabel kienet sitt xhur). Jekk l-operaturi tal-UE jkomplu jaffaċċjaw id-diffikultajiet minkejja dawn il-passi pożittivi, il-Kummissjoni hija lesta li tkompli tindirizza din il-kwistjoni mal-Indja.
7.
Il-Korea t’Isfel
Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Korea t’Isfel huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Korea t’Isfel li kien qed jiġi applikat b’mod proviżorju minn Lulju 2011 u li ġie ratifikat formalment f’Diċembru 2015. Filwaqt li fadal 17-il ostaklu fil-Korea t’Isfel, wieħed ġie riżolt b’suċċess fis-settur tal-karozzi u ieħor ġie riżolt parzjalment fis-settur tal-partijiet tal-ajruplani.
Rigward is-settur tal-karozzi, il-Korea t'Isfel kienet qed titlob li l-karozzi mhux mgħobbija jkunu maqtugħin aktar minn 12cm mill-art. Minħabba li l-UE ma kellhiex regolament ekwivalenti, minkejja li kien jitqies bħala kriterju tas-sikurezza li m’għadux rilevanti, dan wassal għal diffikultajiet għal kategoriji speċifiċi ta’ vetturi (dawk sportivi) biex jidħlu fis-suq. Wara l-interventi tad-Delegazzjoni tal-UE, il-Korea t'Isfel qieset b’mod pożittiv l-emenda tal-miżura biex tirrifletti r-rekwiżiti tal-UE. Għaldaqstant, il-qtugħ mill-art ġie emendata minn 12 għal 10 cm u xi vetturi sportivi issa jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Korea t’Isfel mingħajr il-ħtieġa li jsiru adattamenti għaljin f’dan ir-rigward. L-UE se tkompli tuża l-mezzi kollha biex tkompli tindirizza l-ostakli għas-settur tal-karozzi fil-Korea t’Isfel, bħaċ-ċertifikazzjoni tal-partijiet tal-karozzi, tratturi trakkijiet jew proċeduri doganali u amministrattivi ingombranti.
Minħabba li l-FTA ma għandu l-ebda dispożizzjoni li teżenta lill-prodotti msewwija mid-dazji doganali huma u jidħlu lura fil-Korea t’Isfel wara li jissewwew fl-UE, ċerti oġġetti bħall-partijiet tal-inġenji tal-ajru msewwija fl-UE setgħu kienu soġġetti għad-dazji doganali (3 % sa 8 %) meta jidħlu lura l-Korea t’Isfel. Lura fl-2016, wara l-interventi frekwenti tal-Kummissjoni, il-Korea t'Isfel estendiet l-eżenzjonijiet doganali għal dawn il-prodotti sa tmiem l-2018 — li issa kienu waslu biex jiskadu. Wara bosta interventi mid-Delegazzjoni tal-UE u diskussjoni
fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fi Prodotti u fil-Kumitat Doganali tal-FTA bejn l-UE u l-Korea fl-2018, l-Assemblea Nazzjonali issa estendiet ulterjorment l-eżenzjoni għal partijiet ta’ inġenji tal-ajru msewwija għal tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 2021. Minkejja din is-soluzzjoni temporanja pożittiva, l-UE se tkompli tfittex soluzzjoni permanenti għal din il-kwistjoni.
D.
IMPATT TAL-OSTAKLI RIŻOLTI
Fil-kapitli preċedenti ta’ dan ir-rapport, analizzajna l-flussi kummerċjali marbutin mal-ostakli riżolti fl-2018. Dik il-metodoloġija hija bbażata fuq ċifri tal-esportazzjoni tal-UE bilaterali għall-kodiċijiet tariffarji rilevanti tas-Sistema Armonizzata (SA) u tikkwantifika l-kummerċ li jsir minkejja l-ostaklu.
Barra minn hekk, mis-sena l-oħra, dan ir-rapport jinkludi analiżi rraffinata bbażata fuq mudell ekonometriku li huwa kapaċi jivvaluta kemm inbidlu l-flussi kummerċjali mal-pajjiżi sħab wara li tneħħa ostaklu li kienu imponew. Sabiex isir dan, intużat analiżi ta’ rigressjoni biex jiġi kkwantifikat l-impatt tat-tneħħija tal-ostakli fuq l-esportazzjonijiet tal-UE.
Ir-riżultat ta’ din l-analiżi ekonometrika jista’ jkun li ma jurix l-impatt sħiħ tal-Istrateġija dwar l-Aċċess għas-Suq minħabba li ffukajna biss fuq l-ostakli li tneħħew għalkollox, u minħabba li l-analiżi ma tkoprix ostakli orizzontali aktar kumplessi li pereżempju jaffettwaw l-investiment jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Analizzajna l-effetti ta’ dan is-sett imċekken ta’ ostakli li tneħħew bejn l-2014 u l-2017.
Ir-riżultati juru li t-tneħħija ta’ dan is-subsett ta’ ostakli ġġenera benefiċċji tanġibbli għall-esportaturi tal-UE. L-istimi jindikaw żieda medja ta’ madwar 57 % fil-kummerċ wara t-tneħħija tal-ostakli. Dan jimplika, f'termini ta’ valur, li r-riżolviment ta’ dawn l-ostakli ġġenera EUR 6,1 biljun f’esportazzjonijiet addizzjonali għall-kumpaniji tagħna fl-2018. Dan huwa fl-ordni ta’ kobor tal-benefiċċji ta’ ħafna mill-ftehimiet kummerċjali tagħna. Pereżempju, dan huwa aktar mill-impatt ikkombinat tal-ftehimiet tagħna mal-Kolombja u mal-Perù.
Is-sena l-oħra, l-analiżi bl-użu tal-istess metodoloġija wasslet għal ċifra ta’ EUR 4,8 biljun.
IV. KONKLUŻJONI
Dan ir-rapport jagħti ħarsa kumplessiva lejn l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment li jaffettwaw direttament lin-negozji tal-UE, kif irrapportati u indirizzati permezz tas-Sħubija msaħħa tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-negozji Ewropej.
Fl-2018, ġew irrapportati 45 ostaklu ġdid lill-Kummissjoni, biex wasalna għal għadd rekord ta’ 425 miżura restrittiva għall-kummerċ. Għall-ewwel darba, iċ-Ċina saret il-pajjiż bl-ogħla għadd kumplessiv ta’ ostakli (37) għall-kumpaniji tagħna, segwita mir-Russja (34), l-Indja (25), l-Indoneżja (25) u l-Istati Uniti (23).
Fir-rigward tal-45 ostaklu ġdid irrapportat fl-2018, iċ-Ċina, l-Istati Uniti, l-Indja u l-Alġerija qegħdin fl-ogħla post rigward kemm l-għadd ta’ ostakli ġodda rreġistrati fl-2018 (18) kif ukoll id-daqs tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-flussi kummerċjali (EUR 41,8 biljun) - 81 % tat-total. Mill-perspettiva reġjonali, ir-reġjuni tal-Asja u tan-nofsinhar tal-Mediterran huma dawk li l-aktar li daħħlu miżuri restrittivi għall-kummerċ fl-2018, billi applikaw 26 ostaklu ġdid u kkonfermaw ix-xejra negattiva tal-2017.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri speċifiċi għas-settur kienu mmirati għall-industriji tal-inbejjed u l-ispirti, tal-agrikoltura u s-sajd, tal-prodotti kożmetiċi u tal-karozzi. F’termini tal-impatt possibbli tagħhom, l-ostakli fis-setturi industrijali bħall-ICT; metalli prezzjużi; fis-setturi tal-metalli tal-ħadid, tal-azzar u dawk tal-metalli li ma fihomx ħadid, kien hemm kombinazzjoni għal 73 fil-mija tal-esportazzjonijiet affettwati, li b’mod ġenerali kienu jammontaw għal EUR 51,4 biljun (aktar mid-doppju mis-sena li għaddiet: EUR 23,1 biljun).
Dan jikkonferma li l-protezzjoniżmu qed jiżdied u li l-ostakli għall-kummerċ kulma jmur qed jaffettwaw lill-partijiet ikkonċernati tal-UE. B’risposta, l-UE għamlet l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha prijorità ewlenija. Tabilħaqq, il-Kummissjoni rrinforzat l-Istrateġija tagħha għall-Aċċess għas-Swieq, b’koordinazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati, tejbet il-prijoritizzazzjoni tal-ostakli u tejbet il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (permezz, pereżempju, tal-inizjattiva tal-Jiem għall-Aċċess għas-Swieq). L-UE mhux talli kompliet tagħmel użu sħiħ tal-għodda tagħha, iżda kompliet iżżidhom biex telimina l-ostakli kummerċjali effettivament; dawn imorru minn azzjoni ta’ soluzzjoni tat-tilwim bilaterali u multilaterali għal aġenda ambizzjuża għan-negozjati kummerċjali, implimentazzjoni tal-FTA, démarches diplomatiċi, kif ukoll it-tnedija tal-inizjattiva ġenerali għad-Diplomazija Ekonomika Ewropea.
Bi 23 ostaklu indirizzat fl-2015, 20 ostaklu riżolt fl-2016, għadd rekord ta’ 45 ostaklu indirizzat b’suċċess fl-2017 u 35 ostaklu addizzjonali mneħħi fl-2018, l-għadd totali ta’ ostakli riżolti taħt il-Kummissjoni attwali laħaq il-123. Dan ir-rekord ta’ infurzar robust jirrifletti r-risposta soda tal-UE għal ambjent kummerċjali globali aktar tranżazzjonali.
Fl-2018, il-35 ostaklu eliminat għenu b’mod partikolari lil tmien setturi differenti tal-attività ekonomika — fost l-oħrajn l-agrikoltura u s-sajd, l-industrija tal-karozzi, it-tessuti u l-ġilda, l-inbejjed u l-ispirti, il-prodotti kożmetiċi, il-prodotti minerali, il-partijiet tal-inġenji tal-ajru, u l-ICT. F’termini ta’ kummerċ ikkonċernat, 17 fil-mija tal-benefiċċji potenzjali huma marbuta maż-żona agrikola u tas-sajd u 83 fil-mija mas-setturi industrijali, fejn is-setturi tal-karozzi (32 fil-mija), tal-inbejjed u tal-ispirti (17 fil-mija) u l-kożmetiċi (16 fil-mija) jibbenefikaw bl-aktar mod sinifikanti. B’kollox, is-sħubija tagħna għall-aċċess għas-swieq tista’ taffettwa daqs EUR 7,8 biljun f’esportazzjonijiet tal-EU-28.
Mis-sena l-oħra, dawn ir-rapporti kien fihom ukoll analiżi ta’ rigressjoni rfinata biex tikkwantifika b’mod aktar preċiż l-impatt reali tat-tneħħija tal-ostakli fuq l-esportazzjonijiet tal-UE. L-istimi jindikaw li t-tneħħija tal-ostakli tul il-perjodu 2014–2017 iġġeneraw esportazzjonijiet addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 6,1 biljun għall-kumpaniji tagħna fl-2018. Dan huwa fl-ordni ta’ kobor ta’ ħafna mill-ftehimiet kummerċjali tagħna. Is-sena l-oħra, l-analiżi bl-użu tal-istess metodoloġija wasslet għal ċifra ta’ EUR 4,8 biljun.
Dan jissottolinja li, huwa u jiżdied il-protezzjoniżmu barra minn xtutna, hekk żdiedu l-isforzi tagħna biex inneħħu l-ostakli. L-implimentazzjoni u l-infurzar huma aktar importanti minn qatt qabel biex inwasslu għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività għall-benefiċċju tal-kumpaniji u taċ-ċittadini tagħna.
Bl-iktar kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tkompli ssaħħaħ is-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq biex tindirizza l-ostakli effettivament u ssaħħaħ l-opportunitajiet għall-operaturi tal-UE li jaħdmu fid-dinja kollha.