Brussell, 29.5.2019

COM(2019) 261 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea

{SWD(2019) 222 final}


comprehen

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea

A.Introduzzjoni

a) Applikazzjoni għal sħubija

Il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija mal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Frar 2016. Sussegwentement, fl-20 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni. Dan huwa konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li “Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista’ japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b’din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta’ eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew”.

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.

Dan huwa l-qafas legali li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tippreżenta l-Opinjoni tagħha.

Il-Kunsill Ewropew f’Feira f’Ġunju 2000 irrikonoxxa li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jipparteċipaw fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni huma “kandidati potenzjali” għas-sħubija mal-UE. Il-perspettiva Ewropea ta’ dawn il-pajjiżi ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew f’Tessalonika f’Ġunju 2003 li approva l-“Aġenda ta’ Tessalonika għall-Balkani tal-Punent”. L-aġenda għadha l-pedament tal-politika tal-UE għar-reġjun.

Il-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2006 ġedded l-impenn tal-UE “li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea” u tenna li “l-progress ta’ kull pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-isforzi individwali tiegħu li jikkonforma mal-Kriterji ta’ Kopenhagen u l-kondizzjonalità tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Passat sodisfaċenti ta’ pajjiż fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), inklużi d-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ, huwa element essenzjali għall-UE biex tikkunsidra kwalunkwe applikazzjoni għal sħubija”.

Fl-istrateġija tal-Balkani tal-Punent ta’ Frar 2018 1 , il-Kummissjoni stqarret li “bi sforz u involviment sostnuti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ ssir kandidat għall-adeżjoni”. Fis-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li sar f’Sofija f’Mejju 2018, il-mexxejja tal-UE kkonfermaw mill-ġdid l-appoġġ ċar għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent, u s-sħab tal-Balkani tal-Punent impenjaw ruħhom mill-ġdid favur din il-perspettiva bħala l-għażla strateġika soda tagħhom. Il-mexxejja tal-UE ftiehmu dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Sofija u l-Aġenda Prijoritarja ta’ Sofija 2 , li jiddeskrivu miżuri ġodda għal kooperazzjoni msaħħa mar-reġjun f’oqsma ewlenin bħas-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-migrazzjoni.

F’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina abbażi tal-kapaċità tal-pajjiż li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Copenhagen fl-1993, kif ukoll f’Madrid fl-1995, prinċipalment dwar il-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż u l-kundizzjonijiet tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni. L-Opinjoni tqis ukoll ir-rekord tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (FSA) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015.

F’Ġunju 1993, f’Copenhagen il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li:

“L-adeżjoni se sseħħ minnufih hekk kif pajjiż ikun jista’ jassumi l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi meħtieġa.

Is-sħubija tirrikjedi:

li l-pajjiż kandidat ikun kiseb istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-protezzjoni tal-minoranzi;

– l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif ukoll il-kapaċità li jlaħħaq ma’ pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni;

il-kapaċità li jassumi l-obbligi tas-sħubija fosthom li jaderixxi mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja”.

F’Diċembru 1995, il-Kunsill Ewropew f’Madrid irrefera għall-ħtieġa “li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi [applikanti], partikolarment permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, l-aġġustament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom u l-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku u monetarju stabbli”.

F’Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew ftiehem li “l-istrateġija tat-tkabbir ibbażata fuq il-konsolidazzjoni, il-kondizzjonalità u l-komunikazzjoni, flimkien mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal konsensus imġedded dwar it-tkabbir. L-UE żżomm l-impenji tagħha lejn il-pajjiżi li huma fil-proċess tat-tkabbir”.

Fil-31 ta’ Mejju 1999, il-Kunsill iddefinixxa l-kundizzjonijiet speċifiċi taħt il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA) għall-Balkani tal-Punent. Fosthom hemm il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja u l-kooperazzjoni reġjonali. Dawn il-kundizzjonijiet huma integrati bħala element fundamentali tal-FSA.

Din l-Opinjoni tħejjiet skont metodoloġija simili għal dik li ntużat f’Opinjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Bħala parti minn kwestjonarju u l-mistoqsijiet ta’ segwitu tiegħu, il-Bożnija-Ħerzegovina rċeviet total ta’ 3 897 mistoqsija li jkopru l-politiki tal-UE. Il-pajjiż dam 14-il xahar biex iwieġeb it-3 242 mistoqsija inizjali u 8 xhur biex iwieġeb is-655 mistoqsija ta’ segwitu. Minkejja l-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet ma setgħux jaqblu dwar it-tweġibiet għal 22 mistoqsija: mistoqsija waħda dwar il-kriterji politiċi, erbgħa dwar il-politika reġjonali, u 17-il mistoqsija dwar il-politiki tal-edukazzjoni.

Il-Kummissjoni organizzat għadd kbir ta’ missjonijiet ta’ esperti fil-Bożnija-Ħerzegovina b’enfasi speċjali fuq l-oqsma koperti mill-kriterji politiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll il-kontribuzzjonijiet li rċeviet minn konsultazzjonijiet li saru ma’ partijiet ikkonċernati bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Istati Membri tal-UE. Dan l-approċċ ippermetta lill-Kummissjoni tivvaluta l-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-mod kif qiegħda timplimenta l-leġiżlazzjoni. Għenet ukoll biex jiġu identifikati aħjar l-isfidi u l-prijoritajiet għal azzjoni fil-futur. F’din l-Opinjoni u fir-rapport analitiku li jakkumpanjaha l-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni ta’ bħalissa u tat gwida biex jiġu indirizzati kwistjonijiet f’qasir żmien kif ukoll fuq perjodu aktar fit-tul.

L-analiżi dettaljata li din l-Opinjoni tibbaża fuqha tinsab fir-Rapport Analitiku li jakkumpanja l-Opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija mal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport analitiku jipprovdi stimi inizjali dwar l-impatt tal-adeżjoni ġejjiena tal-Bożnija-Ħerzegovina f’uħud mill-oqsma ta’ politika ewlenin. Il-Kummissjoni se tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt aktar dettaljati għal dawn l-oqsma ta’ politika fi stadji aktar tard tal-proċess ta’ qabel l-adeżjoni. Barra minn hekk, trattat ta’ adeżjoni mal-UE għall-Bożnija-Ħerzegovina jkun jinvolvi l-adattament tekniku tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-dawl tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

b) Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina

Minn mindu ġie ffirmat tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi f’Dayton/Pariġi fl-1995 ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina żviluppaw b’impenn u momentum akbar.

Il-Bożnija-Ħerzegovina tipparteċipa fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u mill-2010 ċ-ċittadini tal-pajjiż jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn il-pajjiżi ta’ Schengen. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni daħal fis-seħħ fl-2015. Fl-2016 il-pajjiż applika għal sħubija mal-UE.

Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE ġie ffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2008 fil-Lussemburgu flimkien ma’ Ftehim Interim, li ilu jirregola kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ sa mill-1 ta’ Lulju 2008. 

F’Diċembru 2014, il-Kunsill ftiehem dwar approċċ imġedded għall-Bożnija-Ħerzegovina, u stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President u l-Kummissarju għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir biex jimpenjaw ruħhom mal-mexxejja politiċi biex jiggarantixxu l-wegħda irrevokabbli tagħhom li jwettqu riformi għall-adeżjoni mal-UE. Wara l-ftehim dwar impenn bil-miktub min-naħa tal-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, l-iffirmar tiegħu min-naħa tal-mexxejja tal-14-il partit parlamentari u l-approvazzjoni tiegħu mill-Assemblea Parlamentari, il-Kunsill qabel mad-dħul fis-seħħ tal-FSA, li beda fl-1 ta’ Ġunju 2015. Bid-dħul fis-seħħ tal-FSA il-Bożnija-Ħerzegovina fetħet kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u kkonfermat l-impenn tagħha li tissokta bl-adeżjoni tal-UE. L-FSA jipprevedi qafas ta’ impenji reċiproċi fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet politiċi, kummerċjali u ekonomiċi kif ukoll il-bażi legali għal djalogu ta’ politika formalizzat.

L-UE tipprovdi gwida lill-pajjiż dwar il-prijoritajiet ta’ riforma matul il-proċess għal sħubija mal-UE. Id-djalogu ta’ politika bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina ilu għaddej mill-2009 taħt il-Ftehim Interim, u mill-2015 taħt l-FSA 3 . Id-djalogu ta’ politika dwar l-istat tad-dritt ilu għaddej mill-2011 fil-kuntest tad-“djalogu strutturat dwar il-ġustizzja”, u mill-2016 fil-qafas tas-sottokumitat tal-FSA dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Mill-2017 bdew isiru wkoll laqgħat ta’ grupp speċjali dwar l-amministrazzjoni pubblika.

Il-Bożnija-Ħerzegovina żviluppat il-kapaċitajiet amministrattivi xierqa li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FSA, partikolarment fir-rigward tal-operat bla xkiel tal-Kunsill, tal-Kumitat u tas-sottokumitati settorjali ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni. Il-protokoll li jadatta l-FSA iqis l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2017, wara li kien ġie applikat fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Frar 2017.

Madankollu, biex tissodisfa l-obbligi legali skont il-Ftehim, jeħtieġ li l-Bożnija-Ħerzegovina tiżgura l-funzjonament tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni u tiżviluppa programm għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE.

Id-dimensjoni parlamentari tal-FSA mhijiex taħdem sew. Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni nħoloq f’Novembru 2015 bħala parti mill-korpi tal-FSA, iżda ma rnexxilux jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu minħabba l-insistenza ta’ uħud mid-delegati mill-Bożnija-Ħerzegovina fuq l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-votazzjoni abbażi ta’ linji etniċi li ma humiex konformi mal-istandards Ewropej. Minkejja dan, il-Parlament Ewropew regolarment jiddiskuti u jadotta riżoluzzjonijiet dwar is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fid-dawl tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE.

Il-Bożnija-Ħerzegovina tipparteċipa fi djalogu ekonomiku mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri tal-UE. Kull sena l-pajjiż jippreżenta Programm ta’ Riforma Ekonomika (PRE) lill-Kummissjoni li jispjega l-pjanijiet għat-tisħiħ tal-istabbiltà makrofiskali u li jindirizza l-ostakli għat-tkabbir. Abbażi tal-PRE, kull sena l-Bożnija-Ħerzegovina tiltaqa’ mal-Kummissjoni, mal-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi l-oħrajn kollha tat-tkabbir fil-kuntest ta’ Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju. Id-djalogu dwar il-governanza ekonomika għandu l-għan li jħejji lill-pajjiż għall-parteċipazzjoni futura tiegħu fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE, fosthom fil-proċess tas-Semestru Ewropew. 

Bejn l-2015 u l-2018 il-Bożnija-Ħerzegovina bdiet “aġenda ta’ riforma” ambizzjuża biex treġġa’ lura t-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet tax-xogħol. Filwaqt li għad fadal sfidi sinifikanti, ir-riformi li saru kkontribwew għat-titjib tal-indikaturi ekonomiċi u tas-sitwazzjoni makroekonomika, fosthom finanzi pubbliċi bilanċjati u tkabbir ekonomiku stabbli. Jenħtieġ li jiġi miftiehem sett ta’ miżuri għar-riforma ekonomika li mbagħad jiġi implimentat mill-gvernijiet fil-livelli kollha tal-pajjiż, f’allinjament sħiħ mal-PRE u mal-gwida ta’ politika miftiehma b’mod konġunt.

Wara deċiżjoni tal-Kunsill, minn Novembru 2010 ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina bdew igawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta’ Schengen. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-progress sostanzjali li sar fl-oqsma kollha tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-issodisfar tal-174 kundizzjoni speċifika stabbiliti fil-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, bħall-introduzzjoni ta’ passaporti bijometriċi. Il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ u tirrapporta b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport tagħha f’konformità mal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża f’Diċembru 2018 4 . B’mod ġenerali l-Bożnija-Ħerzegovina għadha tissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża. 

IL-Bożnija-Ħerzegovina rratifikat it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija f’Settembru 2006, il-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea f’Lulju 2007 u t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport f’April 2018.

L-FSA u l-Ftehim Interim, li ilhom japplikaw mill-2008, ippermettew il-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ bla dazju reċiproku fuq il-parti l-kbira tal-prodotti. Il-Bożnija-Ħerzegovina bdiet tibbenefika wkoll mill-“miżuri kummerċjali awtonomi” mis-sena 2000. Fl-2007 l-Bożnija-Ħerzegovina ssieħbet mal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). In-negozjati dwar l-adeżjoni tagħha mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jinsabu fl-aħħar stadju. L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Bożnija-Ħerzegovina, segwita mill-pajjiżi tas-CEFTA. L-integrazzjoni kummerċjali mal-UE tinsab f’livell għoli. Fl-2017, 61 % tal-importazzjonijiet tal-pajjiż, li kienu jiswew EUR 5,6 biljun kienu joriġinaw mill-UE (12 % mis-CEFTA). 71 % mill-esportazzjonijiet tal-pajjiż imorru lejn l-UE (15 % lejn is-CEFTA). Fl-2017, id-defiċit kummerċjali tal-pajjiż mal-UE kien jammonta għal EUR 1,7 biljun.

L-UE tiskjera ammont konsiderevoli ta’ riżorsi fil-Bożnija-Ħerzegovina fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni. Bejn l-2002 u l-2011 il-Kunsill ħatar Rappreżentant Għoli internazzjonali bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (RSUE). Mill-2011 il-preżenza msaħħa żgurata mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea u mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bożnija-Ħerzegovina kienet strumentali għall-komunikazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE liċ-ċittadini tal-pajjiż u għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-aġenda tal-UE fl-oqsma ewlenin. Minn Diċembru 2004 l-UE skjerat l-operazzjoni militari Althea tal-Forzi tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (EUFOR) fil-pajjiż, li ngħatat mandat eżekuttiv biex tiżgura ambjent sikur u mingħajr periklu fil-pajjiż.  Il-ftehim qafas dwar il-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tal-UE ilu fis-seħħ minn Settembru 2015.

L-UE tipprovdi assistenza finanzjarja sinifikanti lill-Bożnija-Ħerzegovina, li matul is-snin ippermettiet lill-pajjiż jirkupra mill-qerda ta’ żmien il-gwerra u jistabbilixxi ruħu mill-ġdid bħala ekonomija li qed issib saqajha. Bejn l-1996 u l-2000 il-Bożnija-Ħerzegovina bbenefikat minn assistenza finanzjarja tal-UE taħt il-programmi Phare u OBNOVA. Bejn l-2000 u l-2007 ir-regolament CARDS ippreveda appoġġ finanzjarju mfassal apposta għall-prijoritajiet tal-PSA 5 . Mill-2007 l-Bożnija-Ħerzegovina bbenefikat minn assistenza tal-UE l-aktar taħt l-Istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA). Bejn l-2007 u l-2018, il-Bożnija-Ħerzegovina rċeviet EUR 1,5 biljun mill-UE, li minnhom ammont stmat ta’ EUR 433 miljun kien minn programmi reġjonali. Mill-2000 il-Bank Ewropew tal-Investiment ta EUR 2,4 biljun f’self bħala appoġġ għal proġetti fil-Bożnija-Ħerzegovina. Id-Delegazzjoni tal-UE għall-Bożnija-Ħerzegovina hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-UE permezz ta’ ġestjoni diretta, kif ukoll mill-iżgurar tal-koordinazzjoni ta’ assistenza mal-Istati Membri tal-UE. L-implimentazzjoni tal-programmi IPA I u IPA II tinsab għaddejja. Id-dokument ta’ strateġija indikattiv għall-Bożnija-Ħerzegovina għall-2014-2017 ġie rivedut fl-2018 sabiex jinkludi diversi setturi addizzjonali u biex jiġi estiż sal-2020 6 . L-istrateġiji settorjali għall-ambjent, l-enerġija, it-trasport u l-iżvilupp rurali jinsabu fis-seħħ, li jippermetti appoġġ tal-IPA f’dawn is-setturi. L-adozzjoni ta’ strateġiji għall-pajjiż kollu bħal fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u dwar l-impjiegi għadhom rekwiżit ewlieni sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tista’ tibbenefika bis-sħiħ mill-finanzjament tal-IPA fil-perjodu 2018-2020.

Il-Bożnija-Ħerzegovina estendiet b’mod progressiv il-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-UE, li parti minnhom ġew kofinanzjati minn fondi tal-IPA. Bħalissa l-Bożnija-Ħerzegovina qiegħda tipparteċipa fil-COSME, fl-Ewropa Kreattiva, fi Dwana 2020, fl-Ewropa għaċ-Ċittadini, fl-Erasmus+, f’Fiscalis 2020, fl-Orizzont 2020 u fit-Tielet Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa. Il-Bożnija-Ħerzegovina tieħu sehem ukoll fil-programm INTERREG.

B.Kriterji għas-Sħubija

1. Kriterji politiċi

Din il-valutazzjoni hija msejsa fuq il-kriterji ta’ Copenhagen dwar l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

Il-gwerra li kissret lill-Bożnija-Ħerzegovina bejn l-1992 u l-1995 ħalliet qerda materjali u umana kbira li l-pajjiż kellu jirkupra minnha. Minn dakinhar il-pajjiż reġa’ bena l-istituzzjonijiet u l-infrastruttura ekonomika tiegħu u tħejja biex jaqbad it-triq tal-adeżjoni mal-UE. Il-Bożnija-Ħerzegovina hija impenjata favur l-objettiv tagħha ta’ sħubija mal-Unjoni Ewropea, kif ġie mtenni f’diversi deċiżjonijiet tal-Presidenza, u żiedet l-enfasi tagħha fuq l-isforzi leġiżlattivi tagħha li tadotta riformi fid-dawl tal-adeżjoni mal-UE.

Kif inhu stabbilit mill-Kostituzzjoni tagħha, li hija parti integrali (Anness IV) tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi ta’ Dayton/Pariġi tal-1995 (GFAP), il-Bożnija-Ħerzegovina hija demokrazija parlamentari fejn is-setgħat eżekuttivi huma eżerċitati mill-Presidenza u mill-Kunsill tal-Ministri, filwaqt li s-setgħat leġiżlattivi huma f’idejn l-Assemblea Parlamentari. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi l-prinċipji fundamentali għal stat demokratiku, fosthom l-istat tad-dritt, elezzjonijiet ħielsa u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-istruttura interna tal-pajjiż bħala stat magħmul minn żewġ entitajiet, il-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina (li hija magħmula minn 10 kwartieri) u r-Republika Srpska, kif ukoll id-Distrett ta’ Brčko. Il-Preambolu tal-Kostituzzjoni telenka l-“Bożnijaċi, il-Kroati u s-Serbi, bħala l-popli kostitwenti (flimkien ma’ Oħrajn), u ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina bħala dawk li jiddeterminaw il-Kostituzzjoni. Il-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma’ kwistjonijiet strutturali li joħorġu mill-għamla istituzzjonali kumplessa flimkien ma’ proċeduri relatati mal-etniċità li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu b’mod negattiv.

Il-kompetenzi fil-livell tal-Istat huma mniżżla fil-Kostituzzjoni, li tagħti s-setgħat kollha lill-entitajiet. Il-kompetenzi fil-livell tal-Istat jinkludu setgħat li ngħataw gradwalment jew ittieħdu mill-Istat abbażi ta’ ftehimiet ta’ trasferiment, setgħat impliċiti u annessi għall-ftehimiet ta’ paċi, kif inhu previst fil-Kostituzzjoni u kkonfermat mill-Qorti Kostituzzjonali. It-tilwim frekwenti dwar id-distribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istat u l-entitajiet jaffettwa l-eżerċitar effettiv tagħhom u għaldaqstant l-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-acquis u l-implimentazzjoni tiegħu f’għadd ta’ kapitoli. Il-Bożnija-Ħerzegovina teħtieġ li tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt dwar id-distribuzzjoni ta’ kompetenzi fost il-livell tal-gvern biex tevita tali tilwim sistematiku u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis. Ma hemm l-ebda miżura sabiex il-livell tal-istat ikun jista’ jipprevjeni u jirrimedja ksur serju tad-dritt tal-UE minn livelli oħrajn tal-gvern li l-Bożnija-Ħerzegovina nnifisha tinżamm responsabbli għalihom.

Il-Kostituzzjoni fiha dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-etniċità u r-residenza li mhumiex konformi mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn jikkonċernaw il-ħatra, l-għamla u l-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mill-kap tal-Istat u mill-korpi eżekuttivi u leġiżlattivi għaliex ċerti drittijiet elettorali huma riżervati biss għaċ-ċittadini li huma affiljati mal-“popli kostitwenti” – il-Bożnijaċi, il-Kroati u s-Serbi. Għaldaqstant huma meħtieġa riformi inkrementali li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom b’mod effettiv, b’konformità mal-każistika Sejdić-Finci tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-QEBD). 

L-għamla u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ diversi korpi amministrattivi huma msejsa fuq kriterji etniċi, li jirriskjaw li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE. Id-dritt ta’ veto fuq bażi etnika jista’ jaffettwa wkoll il-ħidma tal-Parlament u tal-assemblej leġiżlattivi tal-entitajiet.

Il-Qorti Kostituzzjonali hija l-interpretu tal-Kostituzzjoni u l-awtorità aħħarija dwar il-kunflitti ta’ kompetenza bejn id-diversi livelli tal-gvern. Tinkludi tliet imħallfin internazzjonali minn disgħa. Diversi deċiżjonijiet tagħha għadhom ma ġewx infurzati. Il-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali jeħtieġ li jissaħħu, l-ewwel u qabel kollox it-titjib tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċeduri tal-ħatra. Il-kwistjoni tal-imħallfin internazzjonali fil-Qorti Kostituzzjonali jeħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li l-Qorti Kostituzzjonali jkollha rwol proattiv u indipendenti biex tindirizza l-kunflitti ta’ kompetenza. Il-leġittimità tagħha trid tiġi rikonoxxuta mill-awtoritajiet kollha biex tiżgura konformità sostnuta mad-deċiżjonijiet tagħha.

L-Anness X għall-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton jistabbilixxi l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli internazzjonali (“OHR” - Office of the international High Representative) bħala l-awtorità aħħarija dwar l-interpretazzjoni tal-aspetti ċivili tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ paċi. Minn dakinhar, l-OHR ingħata setgħat estensivi biex joħroġ digrieti leġiżlattivi u jkeċċi uffiċjali pubbliċi – magħrufa bħala s-“setgħat ta’ Bonn” – li ntużaw l-aħħar fl-2011. Fil-prinċipju din is-superviżjoni internazzjonali estensiva hija inkompatibbli mas-sovranità tal-Bożnija-Ħerzegovina u għaldaqstant mas-sħubija mal-UE. Fl-2008 inbeda proċess biex l-OHR jingħalaq. L-eżitu tiegħu jiddependi fuq għadd ta’ kundizzjonijiet.

Il-Parlament u l-assemblej leġiżlattivi l-oħrajn jadottaw il-leġiżlazzjoni u jeżerċitaw il-kontroll demokratiku u s-sorveljanza tal-eżekuttiv. Id-dritt li wieħed jikkontesta l-elezzjoni għall-Kamra Federali tal-Popli huwa ristrett abbażi tal-etniċità u r-residenza, li huwa ksur tal-istandards Ewropej. Il-veto eżerċitat fl-“interess vitali tal-pajjiż” u l-voti ta’ entitajiet ukoll jostakolaw il-funzjonament effettiv tal-parlamenti u jwasslu biex il-leġiżlazzjoni ddum biex tiġi adottata. L-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (l-ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (l-OSKE) u l-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta’ Venezja) taw rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-qafas elettorali u jiġi żgurat li l-elezzjonijiet isiru b’konformità mal-istandards Ewropej, fosthom dawk dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi. F’dak li għandu x’jaqsam mal-elezzjonijiet lokali, minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali ċ-ċittadini ta’ Mostar ilhom ma jeleġġu kunsill muniċipali mill-2008.

Hemm tendenzi li l-assemblej leġiżlattivi fil-livell statali u tal-entitajiet jgħaddu l-leġiżlazzjoni relatata mal-acquis permezz ta’ proċeduri urġenti, li jolqot il-kwalità tal-allinjament leġiżlattiv b’mod negattiv. Ħafna drabi ma tiġi żgurata l-ebda valutazzjoni tal-impatt dwar il-leġiżlazzjoni proposta u jeħtieġ li s-sorveljanza leġiżlattiva tal-eżekuttivi, fosthom il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tingħata spinta ’l quddiem. Il-kooperazzjoni bejn l-assemblej leġiżlattivi, kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom li jivvalutaw il-leġiżlazzjoni f’paragun mal-acquis tal-UE huma dgħajfa u jenħtieġ li jissaħħu sew, jekk neċessarju permezz tal-ippuljar ta’ riżorsi madwar il-pajjiż kollu.

Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha sistema ta’ setgħa eżekuttiva kumplessa, li fil-parti l-kbira tagħha qiegħda taħdem. Il-kumplessità tal-istituzzjonijiet tagħha tikkawża kwistjonijiet sinifikanti relatati mal-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-pajjiż dwar il-politika, prinċipalment fir-rigward tal-allinjament mal-leġiżlazzjoni li toħroġ mill-acquis tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha. Billi l-kompetenzi rigward l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE huma eżerċitati minn 14-il entità eżekuttiva, hemm bżonn li jew isir sforz konsiderevoli u li l-kapaċitajiet tal-pajjiż jissaħħu fil-livelli kollha, jew li jkun hemm xi ppuljar ta’ riżorsi u kapaċitajiet biex b’hekk il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tas-sħubija mal-UE. Notevolment dan jagħti l-każ fil-livell ta’ kwartieri li ma għandhomx biżżejjed kapaċità biex iwettqu l-obbligi tas-sħubija mal-UE. Il-gvernijiet ħadu xi passi biex jiżguraw il-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ integrazzjoni mal-UE, fosthom billi ħolqu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-UE, li għadu mhuwiex totalment operattiv. Il-kapaċitajiet tal-gvernijiet biex jippjanaw u jikkoordinaw il-politika fil-livell kollha tal-gvern għadhom insuffiċjenti.

Huma meħtieġa sforzi qawwija biex jiġi żgurat l-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-prinċipji tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (RAP) kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tagħha. Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet fil-livelli kollha jiżguraw l-appoġġ politiku tagħhom għall-istruttura ta’ koordinazzjoni tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, u li jallokaw riżorsi finanzjarji biżżejjed biex jippromwovu r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Servizz ċivili professjonali jista’ jiġi żgurat jekk titressaq leġiżlazzjoni konformi mal-prinċipju tal-mertu fir-rigward tar-reklutaġġ, tal-promozzjoni u tat-tkeċċija; l-implimentazzjoni prattika tagħha jenħtieġ li tkun ħielsa minn kull interferenza politika. Il-qafas regolatorju u l-metodoloġija dwar l-iżvilupp tal-politiki ċentrali u settorjali, tal-monitoraġġ u tal-ibbaġitjar fil-livelli kollha mhuwiex armonizzat; dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat approċċ ta’ tfassil ta’ politiki effettiv li jkun mifrux mal-pajjiż kollu. Il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri mhumiex armonizzati u s-sistemi ta’ ffirmar elettroniku għadhom mhumiex interoperabbli bejn partijiet differenti tal-pajjiż; dan huwa meħtieġ biex jingħataw is-servizzi jingħataw b’mod effettiv.

Maż-żmien saru riformi importanti fil-qasam tal-ġudikatura, notevolment permezz tal-ħolqien tal-Qorti tal-Bożnija-Ħerzegovina u ta’ korp tal-ġudikatura awtoregolatorju uniku, il-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli (“HJPC” - High Judicial and Prosecutorial Council). Il-ġudikatura hija organizzata f’erba’ sistemi u kull waħda minnhom għandhom l-ġuriżdizzjoni u l-istrutturi istituzzjonali interni tagħha stess. Il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv għadu ma tlestiex għalkollox u ma jiggarantix biżżejjed l-indipendenza, l-awtonomija, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-ġudikatura. L-HJPC u s-sistema ta’ qrati fil-livell tal-Istat jenħtieġ li jingħataw status kostituzzjonali espliċitu biex ikunu jistgħu jsaħħu l-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja u l-awtonomija tal-prosekuturi, fosthom mis-suriet kollha ta’ politiċizzazzjoni u pressjoni.

Il-Liġi dwar l-HJPC jenħtieġ li tiġi riveduta biex tkun tista’ tirregola aħjar il-proċeduri tal-ħatra, tal-valutazzjoni u tad-dixxiplina tal-membri tal-ġudikatura, u biex jinstabu rimedji legali xierqa fir-rigward tad-deċiżjonijiet finali tal-HJPC. Jenħtieġ li tiġi adottata Liġi dwar il-Qrati tal-Bożnija-Ħerzegovina li tipprevjeni l-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni u tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt meħtieġa fi kwistjonijiet kriminali.

Il-Bożnija-Ħerzegovina ma għandhiex qorti suprema fil-livell tal-Istat. Il-konsistenza tal-każistika bejn l-ordnijiet legali fil-pajjiż tiġi promossa permezz ta’ bordijiet ta’ armonizzazzjoni volontarji fost l-ogħla istanzi ġudizzjarji. Fl-aħħar mill-aħħar il-Bożnija-Ħerzegovina jenħtieġ li tistabbilixxi korp ġudizzjarju li jiżgura l-interpretazzjoni konsistenti tal-liġi u l-armonizzazzjoni tal-każistika, filwaqt li tiżgura bis-sħiħ il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin kollha.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija ostakolata minn nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni madwar il-pajjiż u minn kooperazzjoni u koordinazzjoni istituzzjonali dgħajfa. Il-korruzzjoni hija mifruxa u l-livelli kollha tal-gvern jixhdu sinjali ta’ korruzzjoni politika sistemika li tolqot il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, notevolment fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fil-kwistjonijiet ta’ akkwist pubbliku. Il-qafas tal-politika, tal-istituzzjonijiet u tal-liġijiet li jipprevjeni l-korruzzjoni huma frammentat u għandu nuqqasijiet sinifikanti. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi huma frammentati u vulnerabbli għal interferenza politika żejda. Il-prosekuturi mhumiex proattivi biżżejjed.  Fil-parti l-kbira tagħhom l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-qbid tal-assi mhumiex effettivi. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jenħtieġ li tingħata spinta ’l quddiem. Il-kundanni finali f’każi ta’ korruzzjoni f’livell għoli huma rari ferm u s-sanzjonijiet mhumiex deterrent biżżejjed.  Il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u tal-politiki u l-miżuri kontra t-terroriżmu jenħtieġ li jissaħħu. Il-koordinazzjoni tal-miżuri relatati mal-migrazzjoni fost l-istituzzjonijiet kompetenti fil-livelli kollha hija batuta. Dawk il-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ma għandhomx aċċess effettiv għall-proċeduri tal-ażil.

B’mod partikolari jeħtieġ li l-Bożnija-Ħerzegovina tadotta u timplimenta leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt tal-interess u l-protezzjoni tal-informaturi, tiżgura l-funzjonament u l-koordinazzjoni effettivi tal-korpi li jiġġieldu l-korruzzjoni, tallinja l-leġiżlazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet dwar l-akkwist pubbliku, tiżgura kooperazzjoni effettiva fost il-korpi tal-infurzar tal-liġi u mal-uffiċċji tal-prosekutur, tagħmel progress biex ittejjeb ir-rekord tagħha ta’ investigazzjonijiet proattivi, tal-konferma tal-kapi ta’ akkuża u tal-kundanni finali kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, fosthom f’livell għoli, id-depolitiċizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ intrapriżi pubbliċi u tiżgura t-trasparenza tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni.

Fil-parti l-kbira tagħhom il-leġiżlazzjoni u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet fundamentali jinsabu fis-seħħ; dawn jenħtieġ li jiġu implimentati u mtejba sostanzjalment, fosthom permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-pajjiż u l-allinjament tagħha ma’ standards Ewropew, it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-għoti ta’ biżżejjed riżorsi għall-infurzar effettiv tad-drittijiet fundamentali. Ma hemm l-ebda strateġija mifruxa mal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. L-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha mhijiex żgurata. Il-liġijiet dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jinsabu fis-seħħ iżda mhumiex infurzati biżżejjed, fosthom il-vjolenza sessista. Il-Kostituzzjoni tal-entità tar-Republika Srpska tinkludi dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards Ewropej, u l-pajjiż ma fassalx mekkaniżmu nazzjonali ta’ prevenzjoni kontra t-tortura u t-trattament ħażin. Il-vjolenza, it-theddid u l-pressjoni politika kontra l-ġurnalisti qegħdin jikkawżaw tħassib; il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-investigazzjoni u s-segwitu ġudizzjarju fir-rigward tat-theddid u l-attakki kontrihom mhumiex adegwati. Ix-xandara pubbliċi huma suġġetti għal influwenza politika; is-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom hija prekarja. Għad ma hemmx totalment fis-seħħ ambjent ta’ sostenn għas-soċjetà ċivili, fosthom dwar il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni. L-awtoritajiet iridu jiżviluppaw kooperazzjoni u konsultazzjonijiet regolari ma’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. Il-protezzjoni u l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli għadhom ma humiex adegwati biżżejjed, b’mod partikolari fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà, tat-tfal, tal-persuni LGBTI 7 , tal-membri tal-komunità Rom, tad-detenuti, tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu ażil. Hija meħtieġa edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità biex tingħeleb il-prattika ta’ “żewġt iskejjel taħt saqaf wieħed” u jridu jiġu implimentati s-sentenzi tal-qorti relatati ma’ dan.

L-ambjent politiku għadu ma jwassalx għar-rikonċiljazzjoni u biex jingħeleb il-wirt tal-imgħoddi. Ta’ sikwit il-fatti stabbiliti dwar l-avvenimenti ta’ matul il-gwerra jiġu kkontestati mill-mexxejja politiċi ta’ livell għoli, ħaġa li titfa’ dubji fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tat-tribunali internazzjonali. Jenħtieġ li l-atturi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina jikkoperaw bis-sħiħ mat-tribunali internazzjonali biex jirrikonoxxu u jirrispettaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Ir-reviżjoniżmu u ċ-ċaħda tal-ġenoċidju jmorru kontra l-biċċa l-kbira tal-valuri fundamentali Ewropej. 

Għad hemm każi pendenti b’rabta mad-delitti tal-gwerra u hija meħtieġa reviżjoni tal-istrateġija nazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra. Il-Bożnija-Ħerzegovina hija meħtieġa ttejjeb is-sistema ta’ rimedju għall-vittmi ċivili tal-gwerra b’mod sostanzjali. Għad hemm madwar 8 000 persuni nieqsa u l-pajjiż jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa dwar x’sar minnhom. Il-Bożnija-Ħerzegovina trid issib soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni durabbli u miżuri ta’ integrazzjoni għall-madwar 100 000refuġjati u persuni spostati f’pajjiżha mill-kunflitt tad-disgħinijiet (1990s), biex tiffinalizza l-proċess tar-ritorn u tippermetti l-għeluq tal-Anness VIII tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton. Il-Bożnija-Ħerzegovina tieħu sehem fil-Programm ta’ Akkomodazzjoni Reġjonali bil-għan li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni durabbli lil madwar 74 000 refuġjat u persuna spostata.

Il-Bożnija-Ħerzegovina tikkonforma b’mod ġenerali mal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, notevolment billi tkun attiva f’inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u tagħmel l-almu tagħha biex ikollha relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien. Ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi oħrajn fil-fażi tat-tkabbir huma fil-biċċa kbira tagħhom tajbin. Fl-istess waqt, il-Bożnija-Ħerzegovina ma tirrikonoxxix lill-Kosovo, u għandha sistema tal-viżi stretta ħafna, u liċ-ċittadini tal-Kosovo tagħtihom biss viżi individwali għal soġġorni qosra sakemm ikollhom stedina minn missjoni diplomatika barranija jew minn organizzazzjoni internazzjonali akkreditata fil-Bożnija-Ħerzegovina, jew għal raġunijiet umanitarji. L-emenda li tinnormalizza l-proċedura tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-Kosovo għadha pendenti. Barra minn hekk, il-pajjiż għandu ftehim bilaterali ta’ immunità mal-Istati Uniti tal-Amerka, li tagħti eżenzjonijiet liċ-ċittadini tal-Istati Uniti mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Minħabba f’hekk, il-Bożnija-Ħerzegovina mhijiex konformi mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma u mal-prinċipju gwida relatat tal-UE dwar il-ftehimiet bilaterali ta’ immunità. Il-pajjiż jeħtieġlu jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-UE.

82. Kriterji ekonomiċi

Din il-valutazzjoni qiegħda ssir skont il-kriterji ta’ Copenhagen relatati mal-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif ukoll il-kapaċità li pajjiż ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni. Il-Bożnija-Ħerzegovina għadha fi stadju bikri fir-rigward tal-ħolqien ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona u biex issir kompetittiva fis-suq komuni.

Il-governanza ekonomika hija ostakolata minn livell għoli ta’ politiċizzazzjoni u minn nuqqas ta’ kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin. Dan iwassal għal staġnar politiku u dewmien twil fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rwol ta’ koordinazzjoni f’livell għoli tal-Kunsill Fiskali jenħtieġ li jissaħħaħ. Barra minn hekk, il-governanza ekonomika qiegħda tipprijoritizza ż-żamma tal-istatus quo, li jkompli jnaqqas ir-ritmu tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li messhom ilhom li saru. Minħabba f’hekk, ir-rwol tal-istat għadu sproporzjonat, u jassorbi riżorsi sostanzjali biex jiffinanzja impjiegi ġenerużi fis-settur pubbliku, intrapriżi pubbliċi ineffiċjenti u sistema tas-sigurtà soċjali ineffiċjenti. L-istaġnar politiku frekwenti u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà li jirriżulta għall-investituri jħallu effett negattiv fuq l-ambjent tan-negozju. Dan huwa ostakolat aktar mil-livell dgħajjef tal-istat tad-dritt, il-burokrazija żejda sostanzjali, il-korruzzjoni u l-proċeduri amministrattivi twal u kumplessi, li huwa parzjalment ir-riżultat ta’ livell għoli ta’ frammentazzjoni tas-suq intern tal-pajjiż. Minħabba l-ambjent batut għan-negozji u fid-dgħufijiet fis-sistema edukattiva tal-pajjiż, il-livell għoli tal-qgħad strutturali huwa inkwetanti, partikolarment fost iż-żgħażagħ u l-gruppi vulnerabbli. Barra minn hekk, l-ekonomija informali għadha kbira sew, u dan joħloq kompetizzjoni inġusta u jwassal għal piż tat-taxxa ogħla milli hu meħtieġ.

Il-kwalità tal-edukazzjoni mhijiex adegwata. In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp hija baxxa. Il-kwalità tal-kapital fiżiku tal-pajjiż huwa milqut minn nuqqas ta’ investiment kroniku u minn implimentazzjoni ineffiċjenti. L-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija mhijiex żviluppata biżżejjed. Ir-ritmu tal-aġġustament strutturali qed isir bil-mod, li parzjalment jirrifletti d-diffikultajiet u l-kumplessitajiet tal-ħolqien u l-ħarsien ta’ intrapriżi ġodda f’ekonomija frammentata u politiċizzata ħafna, minkejja d-diversifikazzjoni li seħħet dan l-aħħar fl-istruttura kummerċjali reġjonali tal-pajjiż.

L-“aġenda ta’ riforma” ta’ miżuri soċjoekonomiċi, ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika u tal-istat tad-dritt li ġew implimentati mill-Bożnija-Ħerzegovina mill-2015 ppermettew, fost l-oħrajn, li jinħoloq suq tax-xogħol aktar flessibbli u jsir allinjament aħjar tar-regolamenti tas-settur finanzjarju mal-istandards internazzjonali. Grazzi għal tkabbir ekonomiku aktar qawwi u ġbir effiċjenti tat-taxxi, il-finanzi pubbliċi tal-pajjiż huma ġeneralment f’bilanċ, li joffri opportunità kbira biex isir investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż li tħalliet taqa’ lura, jew li titnaqqas it-tassazzjoni għolja fuq ix-xogħol bħala appoġġ għal impjiegi ġodda. L-ekonomija ilha tikber bi 3 % mill-2015, u b’politika ekonomika tajba t-tkabbir fil-ftit snin li ġejjin jista’ jlaħħaq l-4 %. Madanakollu, it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż għadu aktar baxx mill-potenzjal tiegħu u l-impatt tat-titjib makroekonomiku għad irid jinħass mill-maġġoranza tal-popolazzjoni. L-emigrazzjoni taż-żgħażagħ u tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija fost l-aktar sfidi urġenti.

Il-gwida ta’ politika li nftiehmet b’mod konġunt fi ħdan il-proċess tal-Programm ta’ Riforma Ekonomika għandha l-għan li ssaħħaħ l-istabbiltà makrofinanzjarja u tindirizza l-ostakli strutturali fuq it-tkabbir. Madankollu, il-kwalità tal-programm li ġie żviluppat mill-Bożnija-Ħerzegovina mhijiex daqstant tajba u l-gwida ta’ politika li nftiehmet b’mod konġunt, li hija parti ċentrali ta’ dan il-proċess, ftit li xejn ġie implimentat, l-aktar minħabba kooperazzjoni batuta bejn il-ministeri u l-korpi ewlenin fid-diversi livelli fil-pajjiż innifsu. Wara li l-“aġenda ta’ riforma” għal-2015-2018 skadiet, jenħtieġ li l-gvernijiet fil-livelli kollha tal-pajjiż jilħqu ftehim dwar sett ġdid ta’ riformi soċjoekonomiċi u jimplimentawh, b’konformità sħiħa mal-gwida ta’ politika stipulata fil-konklużjonijiet konġunti tad-djalogu ekonomiku u finanzjarju msejjes fil-Programm ta’ Riforma Ekonomika tal-Bożnija-Ħerzegovina.

3. Kapaċità li jiġu assunti l-obbligi tas-sħubija

Il-kapaċità tal-Bożnija-Ħerzegovina li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġiet evalwata abbażi tal-indikaturi li ġejjin:

- l-obbligi stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni;

- il-livell tal-progress fl-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis tal-UE.

B’mod ġenerali, il-Bożnija-Ħerzegovina bniet rekord tajjeb rigward l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fl-istess waqt, il-pajjiż ma ssodisfax għadd ta’ obbligi taħt il-Ftehim u jeħtieġ li jindirizzahom b’urġenza. Dan jinkludi l-funzjonament xieraq tal-Kumitat Parlamentari tal-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni.

Il-Bożnija-Ħerzegovina ma għandhiex programm nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE. Il-programm huwa obbligatorju skont l-FSA u huwa essenzjali biex il-proċess ta’ approssimazzjoni legali mal-UE fil-pajjiż jiġi ppjanat u ssimplifikat. Il-kapaċità amministrattiva hija dgħajfa u jonqosha l-istrutturi ta’ koordinazzjoni effettivi għall-ġestjoni tal-14-il gvern tal-pajjiż. Minħabba f’hekk, il-Bożnija-Ħerzegovina qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfidi sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li jirriżultaw mill-għanijiet ta’ integrazzjoni fl-UE. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli u sostnuti biex il-pajjiż ikun jista’ jassumi l-obbligi tas-sħubija mal-UE.

Xi korpi amministrattivi li ġew fdati bl-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE, fosthom il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-Kunsill tal-Għajnuna mill-Istat, jiffunzjonaw abbażi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq bażi etnika, fejn mill-anqas rappreżentant wieħed minn kull poplu kostitwenti jeħtieġ li jappoġġa d-deċiżjoni biex din issir valida. Dan la huwa kompatibbli mal-FSA u lanqas mal-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija mal-UE.

Huma meħtieġa attenzjoni partikolari u sforzi sinifikanti fl-oqsma fejn il-Bożnija-Ħerzegovina għadha fi stadju bikri tat-tħejjijiet:

-Il-moviment liberu tal-merkanzija

-Id-dritt ta’ stabiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

-Is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja

-L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

-Is-sajd

-Il-politika tat-trasport

-L-enerġija

-Il-politika ekonomika u monetarja

-L-istatistika

-Il-politika soċjali u l-impjiegi

-Il-politika tal-intrapriżi u dik industrijali

-Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali

-L-edukazzjoni u l-kultura

-Il-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa

-Il-kontroll finanzjarju

Huma meħtieġa sforzi konsiderevoli fl-oqsma fejn il-Bożnija-Ħerzegovina bdiet it-tħejjija tagħha:

-Il-moviment liberu tal-ħaddiema

-L-akkwist pubbliku

-Il-liġi tal-kumpaniji

-Il-politika tal-kompetizzjoni

-Is-servizzi finanzjarji

-Is-sikurezza alimentari u l-politika veterinarja u fitosanitarja

-It-tassazzjoni

-In-netwerk trans-Ewropew

-Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali

-Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

-Ix-xjenza u r-riċerka

-L-ambjent u t-tibdil fil-klima

-L-Unjoni Doganali

-Ir-relazzjonijiet esterni

-Il-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża

-Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji

Il-Bożnija-Ħerzegovina jenħtieġ li tissokta bl-isforzi tagħha fl-oqsma fejn il-pajjiż huwa mħejji moderatament:

-Il-moviment liberu tal-kapital

-Il-liġi tal-proprjetà intellettwali

IL-Bożnija-Ħerzegovina ma għandha l-ebda qasam ta’ politika fejn il-pajjiż jinsab imħejji tajjeb jew avvanzat sew rigward il-kapaċità li jassumi l-obbligi tas-sħubija mal-UE.

B’mod ġenerali, huma meħtieġa aġġustamenti konsiderevoli tal-qafas legali u istituzzjonali u tal-kapaċità amministrattiva u implimentattiva madwar l-oqsma ta’ politika kollha għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni mal-acquis tal-UE u għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

C.Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Il-Bożnija-Ħerzegovina għad mhijiex qiegħda tissodisfa biżżejjed il-kriterji relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-minoranzi u l-ħarsien tagħhom, stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen fl-1993. F’dan ir-rigward jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel sforzi konsiderevoli biex jissodisfa biżżejjed dawn il-kriterji billi jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu u b’hekk jiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-ħarsien tagħhom. Jeħtieġ li l-Bożnija-Ħerzegovina tqarreb il-qafas kostituzzjonali tagħha mal-istandards Ewropej u tiżgura l-funzjonalità tal-istituzzjonijiet tagħha biex tkun tista’ tassumi l-obbligi tal-UE. Filwaqt li stat bi struttura deċentralizzata huwa kompatibbli mas-sħubija mal-UE, il-Bożnija-Ħerzegovina se jeħtiġilha tirriforma l-istituzzjonijiet tagħha biex tkun tista’ tipparteċipa b’mod effettiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u biex timplimenta u tinforza l-acquis bis-sħiħ.

Il-Bożnija-Ħerzegovina jeħtiġilha ttejjeb il-qafas elettorali tagħha u l-funzjonament tal-ġudikatura tagħha. Jenħtieġ ukoll li ssaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fosthom il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu, kif ukoll tiżgura l-funzjonament effettiv tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-migrazzjoni u tas-sistemi tal-ażil. Għandha bżonn tagħti spinta lill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, fosthom billi tiżgura ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili u r-rikonċiljazzjoni u l-protezzjoni u l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli. Għandha bżonn ukoll tiffinalizza l-passi essenzjali tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, il-Bożnija-Ħerzegovina kisbet ċertu livell ta’ stabbiltà makroekonomika. Madankollu, sabiex issir ekonomija tas-suq li tiffunzjona, li huwa kriterju stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen fl-1993, il-Bożnija-Ħerzegovina jeħtiġilha tagħti attenzjoni speċjali biex tħaffef il-proċeduri tagħha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ttejjeb l-ambjent tan-negozju kif ukoll l-effiċjenza u t-trasparenza tas-settur pubbliku, partikolarment tal-intrapriżi pubbliċi. Il-pajjiż jenħtieġ li jindirizza t-tfixkil għall-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmi tas-suq, bħall-istat tad-dritt li bħalissa huwa dgħajjef, il-burokrazija żejda sostanzjali, il-korruzzjoni, il-proċeduri amministrattivi twal u kumplessi żżejjed u l-frammentazzjoni kbira tas-suq intern fil-pajjiż. Sabiex fuq terminu medju tkun tista’ tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha bżonn tagħti attenzjoni speċjali għall-kwalità baxxa tal-edukazzjoni u l-orjentazzjoni dgħajfa tagħha lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, il-kwalità tal-kapital fiżiku, bħall-iżvilupp insuffiċjenti tal-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija u l-aġġustament kajman tal-istruttura ekonomika tal-pajjiż.

Ir-rekord tal-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jeħtieġ li jittejjeb, prinċipalment fir-rigward tal-istabbiliment tad-dimensjoni parlamentari tal-Ftehim u billi tadotta pjan nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE.

Kumplessivament il-Bożnija-Ħerzegovina tinsab f’livell bikri fir-rigward tal-livell ta’ tħejjija tagħha biex tassumi l-obbligi tas-sħubija mal-UE u jeħtiġilha tħaffef b’mod sinifikanti l-proċess tal-allinjament tagħha mal-acquis tal-UE u timplimenta u tinforza l-leġiżlazzjoni relatata. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd, il-politika tat-trasport, l-enerġija, il-politika ekonomika u monetarja, l-istatistika, il-politika soċjali u l-impjiegi, il-politika intraprenditorjali u industrijali, il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrument strutturali, l-edukazzjoni u l-kultura, il-ħarsien tal-konsumaturi u tas-saħħa u l-kontroll finanzjarju.

L-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina jkollha impatt limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u ma taffettwax il-kapaċità tal-Unjoni li tħares u ssaħħaħ l-iżvilupp tagħha stess. Fl-istess waqt, il-kwistjonijiet ta’ funzjonalità fil-Bożnija-Ħerzegovina, marbuta notevolment mal-proċess intern ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll l-inċertezza u t-trikkib bejn id-diversi livelli tal-gvern fil-pajjiż dwar għadd ta’ kompetenzi jistgħu jaffettwaw il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE b’mod negattiv, partikolarment dwar kwistjonijiet li jkunu jirrikjedu l-unanimità fost l-Istati Membri tal-UE. Għaldaqstant, il-Bożnija-Ħerzegovina jenħtieġ li timpenja ruħha fi proċess li jindirizza l-kwistjonijiet ta’ funzjonalità sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sħubija mal-UE u tassumi l-obbligi relatati tagħha.

Il-Kummissjoni tqis li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jinfetħu ladarba l-pajjiż jikseb il-livell ta’ konformità meħtieġ mal-kriterji tas-sħubija, partikolarment il-kriterji politiċi ta’ Copenhagen li jirrikjedu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li notevolment jiggarantixxu id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-Bożnija-Ħerzegovina se jeħtiġilha ttejjeb il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali b’mod fundamentali biex tiżgura li tissodisfa l-prijoritajiet ewlenin li ġejjin:

Demokrazija / Funzjonalità

1.Tiżgura li l-elezzjonijiet ikunu konformi mal-istandards Ewropej billi timplimenta r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, tiżgura t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi u jsiru l-elezzjonijiet muniċipali f’Mostar.

2.Tiżgura rekord tajjeb tal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-UE fik-livelli kollha fosthom permezz tal-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE.

3.Tiżgura l-funzjonament xieraq tal-Kumitat Parlamentari tal-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni.

4.Ittejjeb b’mod fundamentali l-qafas istituzzjonali, inkluż fil-livell kostituzzjonali, sabiex:

a)Tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt dwar it-tqassim tal-kompetenzi madwar il-livelli tal-gvern;

b)Tintroduċi klawsola ta’ sostituzzjoni li tippermetti lill-Istat, ladarba dan jaderixxi mal-UE, li jeżerċita l-kompetenzi tal-livelli l-oħrajn tal-gvern fuq bażi temporanja biex jipprevjeni u jirrimedja l-ksur tad-dritt tal-UE;

c)Jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura, fosthom l-istituzzjoni tagħha ta’ awtogovernanza (HJPC);

d)Tirriforma l-Qorti Kostituzzjonali, fosthom l-indirizzar tal-kwistjoni tal-imħallfin internazzjonali, u tiżgura l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha;

e)Tiggarantixxi ċ-ċertezza tad-dritt, fosthom permezz tal-ħolqien ta’ korp ġudizzjarji fdat bl-iżgurar tal-interpretazzjoni konsistenti tal-liġi madwar il-Bożnija-Ħerzegovina;

f)Tiżgura l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni taċ-ċittadini, notevolment billi tindirizza l-każistika Sejdić-Finci tal-QEDB;

g)Tiżgura li l-korpi amministrattivi fdati bl-implimentazzjoni tal-acquis jkunu bbażati biss fuq il-professjonaliżmu u telimina d-dritt ta’ veto fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, f’konformità mal-acquis.

5.Tieħu passi konkreti biex tippromwovi ambjent li jwassal għar-rikonċiljazzjoni sabiex jingħelbu l-konsegwenzi tal-gwerra.

Stat tad-Dritt

6.Ittejjeb il-funzjonament tal-ġudikatura billi tadotta leġiżlazzjoni ġdida dwar il-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Prosekuzzjoni Għoli u tal-Qrati tal-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mal-Istandards Ewropej.

7.Issaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fosthom il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu, notevolment billi:

a)tadotta u timplimenta leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi;

b)tiżgura l-funzjonament u l-koordinazzjoni effettivi tal-korpi li jiġġieldu l-korruzzjoni;

c)tallinja l-leġiżlazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet dwar l-akkwist pubbliku;

d)tiżgura l-kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi u mal-uffiċċji tal-prosekuturi;

e)tagħmel progress lejn il-ħolqien ta’ rekord tajjeb ta’ investigazzjonijiet proattivi, kapi ta’ akkuża kkonfermati, prosekuzzjonijiet u kundanni finali kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, fosthom f’livell għoli;

f)id-depolitiċizzazzjoni u r-ristrutturar tal-intrapriżi pubbliċi u tiżgura t-trasparenza tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni.

8.Tiżgura koordinazzjoni effettiva fil-livelli kollha tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, kif ukoll tiżgura l-funzjonament tas-sistema tal-ażil.

Drittijiet Fundamentali

9.Issaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, prinċipalment billi tiżgura l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

10.Tiżgura d-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni tat-tortura, notevolment billi (a) tabolixxi r-referenza għall-piena tal-mewt fil-Kostituzzjoni tal-entità tar-Republika Srpska u (b) tagħżel mekkaniżmu nazzjonali ta’ prevenzjoni kontra t-tortura u t-trattament ħażin.

11.Tiżgura ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili, notevolment billi tirrispetta l-istandards Ewropej dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-għaqda.

12.Tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni u tal-midja u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, notevolment billi (a) tiżgura s-segwitu ġudizzjarju xieraq fil-każi ta’ theddid u vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiem tal-midja, u (b) tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tax-xandir pubbliku.

13.Ittejjeb il-protezzjoni u l-inklużjoni ta’ grupp vulnerabbli, partikolarment il-persuni b’diżabbiltà, it-tfal, il-persuni LGBTI, il-membri tal-komunità Rom, id-detenuti, il-migranti, li dawk li jfittxu ażil, kif ukoll il-persuni spustati u r-refuġjati f’konformità mal-objettiv tal-għeluq tal-Anness VII tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton.

Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika

14.Tiffinalizza l-passi essenzjali tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika biex jittejjeb il-funzjonament ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika billi tiżgura servizz ċivili professjonali u depolitiċizzat u approċċ koordinat mal-pajjiż kollu rigward it-tfassil tal-politika.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tiftiehem dwar il-miżuri soċjoekonomiċi u timplimentahom fil-livelli kollha tal-gvern, f’konformità mal-gwida ta’ politika tal-PRE.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tkompli timpenja ruħha fil-kooperazzjoni reġjonali u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien, fosthom billi tikkonkludi ftehim dwar il-fruntiera u tistinka favur ir-rikonċiljazzjoni dejjiema fil-Balkani tal-Punent.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill jiddiskuti din l-Opinjoni u s-segwitu tal-prijoritajiet ewlenin imsemmija hawn fuq wara l-formazzjoni tal-gvernijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina.

Il-Kummissjoni ser issegwi l-progress tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u se tkompli tgħin lill-pajjiż finanzjarjament taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-Bożnija-Ħerzegovina bħala parti mill-pakkett tat-Tkabbir għall-2020 li se jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin ta’ hawn fuq fid-dawl tal-passi li jmiss fil-proċess tal-adeżjoni tal-pajjiż.

(1)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52018DC0065

(2)

  https://www.consilium.europa.eu/media/34776/sofia-declaration_en.pdf

(3)

Id-djalogu ta’ politika bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina jsir fi ħdan is-sottokumitati settorjali dwar: il-kummerċ, l-industrija, id-dwana u t-tassazzjoni; l-agrikoltura u s-sajd; is-suq intern u l-kompetizzjoni; kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u l-istatistika; l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika soċjali; it-trasport, l-ambjent, l-enerġija u l-iżvilupp reġjonali; il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

(4)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1558535963503&uri=CELEX:52018DC0856

(5)

Il-programmi Phare, OBNOVA u CARDS kienu strumenti finanzjarji li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija u ekonomija orjentata lejn is-suq fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fil-Balkani tal-Punent.

(6)

  https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/sites/near/files/20180817-revised-indicative-strategy-paper-2014-2020-for-bosnia-and-herzegovina.pdf

(7)

Persuni leżbjani, gay, bisesswali, transesswali u intersesswali

(8)

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.