IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.5.2019
COM(2019) 233 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-evalwazzjoni tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni Ambjentali
{SWD(2019) 181 final}
Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali fil-qosor
L-UE tfassal Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAPs) sabiex tipprovdi gwida strateġika u biex tiżgura azzjoni prevedibbli u kkoordinata għall-politika Ewropea dwar l-ambjent u l-klima. Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (“is-Seba’ EAP”) daħal fis-seħħ fl-2014 u se jibqa’ għaddej sa tmiem l-2020. Dan jistabbilixxi viżjoni għall-2050
flimkien ma’ narrattiva ċara dwar politika ambjentali integrata li tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, għas-saħħa u għall-benesseri tal-bnedmin. Huwa kompletament konformi mal-ispirtu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-programm stabbilixxa disa’ għanijiet prijoritarji għall-azzjoni:
-
Tliet prijoritajiet tematiċi: li jiġi protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni; li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxx ta’ karbonju; li jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni mill-pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri.
-
Erba’ hekk imsejħa “faċilitaturi”: implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni; informazzjoni aħjar billi tittejjeb il-bażi ta’ għarfien; investiment aktar għaqli; integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali f’politiki oħrajn.
-
Żewġ għanijiet prijoritarji orizzontali: li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-bliet tal-Unjoni u li tingħata l-għajnuna lill-Unjoni fl-indirizzar ta’ sfidi internazzjonali relatati mal-ambjent u mal-klima.
Taħt dawn id-disa’ għanijiet prijoritarji, is-Seba’ EAP jelenka 36 għan sekondarju u 60 azzjoni konkreta li jridu jitwettqu mill-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll min-negozji, mill-gruppi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema u mill-individwi.
Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali jiġu miftiehma f’konformità mal-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u t-twettiq tagħhom huwa responsabbiltà kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni tqis ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-istat tal-ambjent u dwar konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati interessati.
I.Is-Seba’ EAP - għodda ta’ governanza moderna għall-isfidi ambjentali tal-lum
L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tas-Seba’ EAP turi li l-programm jipprovdi qafas strateġiku li rnexxielu jistabbilixxi n-narrattiva tal-politika ambjentali bħala motivatur għal tkabbir ekoloġiku, pjaneta b’saħħitha u benesseri mtejjeb għall-individwi. Il-partijiet ikkonċernati kollha ltaqgħu sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet u dan jippermetti lill-UE, lill-Istati Membri, u lill-atturi lokali u reġjonali kollha, inklużi n-negozji, sabiex jaħdmu b’mod effettiv u effiċjenti fil-qasam tat-tfassil tal-politika ambjentali. L-eżistenza ta’ dokument ta’ referenza fil-livell tal-UE li kulħadd ta sehmu fih, ikkontribwixxiet għal koerenza u impenn akbar ta’ politiki ambjentali u azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri mmirati biex itejbu l-istat tal-ambjent u tal-benesseri tal-individwi.
Taħt is-Seba’ EAP, żdiedet is-sensibilissazzjoni ġenerali li l-ħarsien ambjentali jmur id f’id ma’ mudell ekonomiku sostenibbli li joħloq impjiegi u prosperità. Il-politika ambjentali tal-UE evolviet minn interventi regolatorji mmirati għal fokus aktar b’saħħtu fuq l-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali f’politiki settorjali oħrajn b’perspettiva usa’ ta’ sostenibbiltà, bħall-pakkett tal-ekonomija ċirkolari, il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, l-istrateġija dwar il-bijoekonomija u l-pjan ta’ azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli. Il-kunsens li nbena madwar is-Seba’ EAP għen lill-Ewropa titkellem b’vuċi waħda fil-kuntest globali tal-kooperazzjoni multilaterali, pereżempju, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi kontra t-tibdil fil-klima.
Ir-rapportar regolari dwar l-istat tal-ambjent fl-Ewropa jindika xi titjib
. L-UE aktarx li tilħaq il-miri tagħha tal-gass serra u tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 u ddefinixxiet miri ambizzjużi għall-2030. Jeħtieġu aktar sforzi biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-viżjoni tagħha għal strateġija aġġornata tal-UE dwar il-bijoekonomija u għal ekonomija tal-UE newtrali għall-klima sal-2050 skont il-Ftehim ta’ Pariġi. In-negozju qed jibbenefika mill-ekonomija ċirkolari, il-finanzjament għall-klima u għall-ambjent mis-settur pubbliku u dak privat qed jiżdied, il-ġestjoni tal-foresti fl-Ewropa hija aktar sostenibbli u l-kwalità tal-ilma għall-għawm qed titjieb.
Madankollu, għad fadal sfidi kbar u qegħdin jitfaċċaw oħrajn ġodda
. Qegħdin inħabbtu wiċċna ma’ kriżi ekoloġika globali hekk kif qed noqorbu biex naqbżu l-limiti tal-pjaneta, jew f’ċerti oqsma, diġà qegħdin naqbżuhom. Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 jirrikonoxxi li d-dejn ekoloġiku huwa l-aktar defiċit serju fis-sostenibbiltà tal-Ewropa
. Din il-kriżi ambjentali għandha impatt dirett fuq is-saħħa tal-bnedmin. Ħafna bliet fl-Ewropa ma jissodisfawx l-istandards miftiehma b’mod komuni u legalment vinkolanti dwar il-kwalità tal-arja
. L-UE mhijiex miexja tajjeb biex tilħaq l-għan li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità sal-2020 u biex tirrestawra l-potenzjal tal-ekosistemi biex jipprovdu servizzi. L-impatti ekoloġiċi tas-settur tal-mobilità u tas-sistema tal-ikel għadhom kbar wisq.
It-trażżin ta’ dawn it-tendenzi negattivi jirrikjedi fuq kollox sforz kontinwu biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni eżistenti
. Għalkemm l-azzjoni għandha l-prezz tagħha u tirrikjedi sforzi kollettivi qawwija, il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni u l-konsegwenzi soċjali assoċjati jkunu ferm ogħla.
F’dan il-kuntest, is-Seba’ EAP kellu rwol importanti fil-forniment ta’ għodda ta’ governanza għat-tfassil tal-politiki ambjentali fl-Ewropa. Din l-evalwazzjoni tenfasizza l-kisbiet u n-nuqqasijiet ewlenin tal-programm. Abbażi ta’ din l-analiżi, tidentifika t-tagħlimiet ewlenin meħuda. B’mod ġenerali, mhux l-azzjonijiet kollha twettqu f’dan l-istadju tal-implimentazzjoni. Għalkemm kien hemm progress ġenerali — f’ċerti oqsma aktar milli kien maħsub fis-Seba’ EAP — hemm ħtieġa ċara ta’ aktar impenn.
II.Tagħlimiet miksuba
Din l-evalwazzjoni tas-Seba’ EAP identifikat għadd ta’ tagħlimiet siewja għal kwalunkwe programm ta’ azzjoni ambjentali fil-ġejjieni.
·Strateġija fis-seħħ għat-tfassil tal-politiki ambjentali tipprovdi valur miżjud. Is-Seba’ EAP jitqies bħala strateġija solida b’rabtiet qawwija ma’ strateġiji ambjentali nazzjonali. Ħafna Stati Membri qiesu s-Seba’ EAP bħala pjan ta’ azzjoni fir-rigward tal-istrateġiji tagħhom stess għall-politika ambjentali jew għall-miżuri speċifiċi Minħabba f’hekk, is-Seba’ EAP għen biex jipprovdi azzjonijiet aktar prevedibbli, rapidi u kkoordinati fil-politika ambjentali. Il-prevedibbiltà għenet biex jitwettqu l-azzjonijiet.
·Is-Seba’ EAP huwa ġeneralment konformi mal-prattika ta’ governanza tajba. Il-programm għandu bażi analitika u impenn politiku sodi, għandu riżorsi adegwati, viżjoni, għanijiet u miri ċari; jipprovdi wkoll monitoraġġ, tagħlim kontinwu u titjib. Madankollu, is-Seba’ EAP seta’ bbenefika minn azzjonijiet aktar strateġiċi, li kienu kemm jista’ jkun konkreti biex jippermettu rendikont, u minn prijoritizzazzjoni aħjar b’sett limitat ta’ azzjonijiet minflok ma kopra firxa wiesgħa ta’ regoli ambjentali tal-UE. Is-Seba’ EAP kien jibbenefika wkoll minn mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jiżgura s-sjieda u t-twettiq tal-impenji kif ukoll indikaturi ċari u miftiehma li jkejlu l-progress fit-twettiq tal-azzjonijiet.
·Il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati hija kruċjali, kemm qabel jitnieda EAP kif ukoll sakemm idum għaddej. Din iżżid il-parteċipazzjoni fil-programm u l-miżuri ta’ segwitu. Is-Seba’ EAP kien ifformulat bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa u adottat bi proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni). Dan irriżulta f’parteċipazzjoni akbar minn diversi partijiet ikkonċernati u minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Madankollu, dan il-livell ta’ parteċipazzjoni attiva qabel tnieda l-programm seta’ nżamm tul kemm dam għaddej is-Seba’ EAP.
·Is-Seba’ EAP huwa fil-biċċa l-kbira koerenti mal-aġenda politika kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment. Madankollu, seta’ jsir aktar biex it-tħassib ambjentali jiġi integrat f’oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-EAPs għandhom ikunu kompletament koerenti mal-prijoritajiet politiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE, u b’hekk jiżguraw is-sjieda politika tagħhom. Dan seta’ nkiseb b’mod aħjar kieku t-tul ta’ żmien tal-EAP intrabat maċ-ċiklu tal-elezzjonijiet parlamentari tal-UE u ma’ oqfsa strateġiċi ewlwnin oħrajn fit-tul bħall-Ftehim ta’ Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
III.Metodoloġija għall-evalwazzjoni
Din l-evalwazzjoni tesplora sa fejn l-istruttura, l-għamla u r-rwol strateġiku tal-qafas għall-azzjoni miftiehem għenu biex jiżguraw politika aħjar għall-ambjent u għall-klima fl-Ewropa. Biex għamilna hekk, eżaminajna x’jikkostitwixxi strateġija tajba u sa fejn is-Seba’ EAP jissodisfa dawn il-kriterji ta’ suċċess. Il-konklużjonijiet ġenerali huma bbażati fuq din l-analiżi flimkien ma’ valutazzjoni tal-għanijiet miksuba u l-azzjonijiet implimentati, filwaqt li kkunsidrajna l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni.
Sa fejn huwa possibbli, l-evalwazzjoni tikkunsidra l-progress li sar fil-prattika fil-forma ta’ arja u ilma aktar nodfa, ġestjoni mtejba tal-iskart, inqas espożizzjoni għal sustanzi kimiċi tossiċi, eċċ. – b’mod partikolari permezz ta’ rapportar mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Madankollu, peress li l-progress ambjentali ġeneralment jieħu aktar minn ħames snin biex iseħħ, u minħabba d-diffikultà biex jiġi attribwit progress lil EAP partikolari, l-għan ta’ din l-evalwazzjoni huwa li jiġi eżaminat il-valur miżjud ta’ qafas strateġiku u prijoritajiet miftiehma b’mod komuni biex jiggwidaw it-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE.
Barra minn hekk, is-Seba’ EAP huwa wieħed minn għadd ta’ xprunaturi tal-politika ambjentali; mhuwiex faċli li wieħed jaċċerta kemm ikkontribwixxa kull wieħed minnhom. L-approċċ ta’ din l-evalwazzjoni kien li ssir sensiela ta’ mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni b’linja bażi ta’ ebda EAP. L-evalwazzjoni tas-Seba’ EAP tkopri l-kisbiet mill-2014 sal-2018 u hija bbażata fuq għadd ta’ studji, konsultazzjonijiet u rieżamijiet li kkunsidraw il-progress tal-programm sal-lum.
Dawn jinkludu:
-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (konsultazzjoni pubblika online, sessjonijiet ta’ ħidma pubbliċi u konsultazzjoni mmirata);
-ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-Kummissjoni;
-ir-rapporti annwali dwar l-indikaturi ambjentali mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2016-2018);
-ir-rapporti tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni; inkluż il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Seba’ EAP tal-Parlament Ewropew (Novembru 2017).
IV.Sommarju tal-analiżi
Wara analiżi dettaljata, nistgħu naslu għal dawn il-konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni tas-Seba’ EAP fir-rigward tal-kriterji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar
għal governanza tajba.
1.Effikaċja: Għamilna xi progress lejn il-kisba tal-għanijiet tas-Seba’ EAP. Is-Seba’ EAP għen biex jipprovdi azzjoni aktar prevedibbli, rapidi u kkoordinati fil-politika ambjentali. Il-prevedibbiltà għenet fil-kisba ta’ riżultati.
F’analiżi tal-implimentazzjoni tas-60 azzjoni elenkati fis-Seba’ EAP, il-Kummissjoni tikkonkludi li sar xi progress lejn il-kisba tal-għanijiet (b’punteġġ ta’ 3 fuq skala minn 1 sa 5
). L-akbar progress jidher fl-azzjonijiet marbuta mat-tieni għan prijoritarju, lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b’livell baxx ta’ karbonju. Għall-kuntrarju, l-inqas progress sa issa huwa f’azzjonijiet relatati mal-ħarsien tan-natura, tall-ambjent u tas-saħħa, u l-integrazzjoni. Il-valutazzjonijiet indipendenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jipprovdu stampa simili: filwaqt li sar progress sinifikanti f’ċerti partijiet, ħafna oqsma għadhom lura. Jidher improbabbli li l-miri relatati mal-ħarsien tan-natura se jintlaħqu (indikaturi dwar, eż. in-nutrijenti, il-bijodiversità, l-ilma ħelu jew l-ilma baħar), u mhuwiex ċert jekk aħniex se nilħqu l-għanijiet kollha relatati mal-ambjent u s-saħħa. L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tikseb il-mira tagħha tal-2020 għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra (20 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990) u l-mira tagħha għall-enerġija rinnovabbli. Madankollu, it-tendenzi fil-konsum tal-enerġija jeħtieġ li jitreġġgħu lura biex tintlaħaq il-mira għall-effiċjenza enerġetika għall-2020.
Is-Seba’ EAP żied is-sjieda politika tal-politika ambjentali billi b’mod sistematiku involva lill-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil, segwit mill-qbil sussegwenti dwaru mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-programm jipprovdi aktar prevedibbiltà tal-politika dwar l-ambjent u l-klima u jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri. Madankollu, il-fatt li l-adozzjoni tas-Seba’ EAP u l-perjodu ta’ implimentazzjoni tiegħu ma jaqblux maċ-ċiklu istituzzjonali tal-Unjoni seta’ ħoloq diffikultajiet f’dan ir-rigward.
Il-prevedibbiltà u d-diskussjonijiet politiċi estensivi bħala parti mill-proċess tal-adozzjoni leġiżlattiva għenu biex jitwettqu ċerti azzjonijiet, bħar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, il-ħatra ta’ fornituri żgħar tal-ilma tax-xorb, l-indirizzar tal-ispeċijiet aljeni invażivi, u s-segwitu tal-aġenda Rio+20, li eventwalment wassal għall-ftehim dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Bħal fil-biċċa l-kbira tal-istrateġiji wesgħin, ċerti azzjonijiet ippjanati ma twettqux, bħall-istrateġija mhux tossika sal-2018 u mira ewlenija għat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar. Fl-istess waqt, ġew implimentati ċerti azzjonijiet addizzjonali, bħall-istrateġija tal-UE għall-plastik u l-estensjoni tal-kunċett tal-effiċjenza fir-riżorsi għall-aġenda tal-ekonomija ċirkolari. B’mod ġenerali, is-Seba’ EAP jissodisfa l-kriterji għal governanza tajba u t-tfassil ta’ strateġiji bħal dawn.
2.Effiċjenza: L-istruttura tas-Seba’ EAP u b’mod partikolari l-qafas ta’ abilitazzjoni għen biex jinħolqu sinerġiji. Il-fokus tal-programm fuq integrazzjoni u implimentazzjoni aħjar jappoġġa l-azzjonijiet ta’ politika mmirati biex jinkiseb iffrankar fl-ispejjeż u titjieb l-effiċjenza.
In-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali jiswa lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 55 biljun kull sena fi spejjeż tas-saħħa u fi spejjeż diretti għall-ambjent. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni jindikaw diversi eżempji ta’ ffrankar ta’ spejjeż fil-politika ambjentali matul il-perjodu kollu tas-Seba’ EAP. Minkejja miri ambjentali dejjem aktar ambizzjużi f’bosta oqsma ta’ politika, l-infiq għall-ħarsien ambjentali baqa’ relattivament kostanti fl-Ewropa għal ħafna snin (madwar 2 % tal-PDG).
Minn meta s-Seba’ EAP daħal fis-seħħ fl-2014, sar progress kemm orizzontalment (bejn oqsma ta’ politika) kif ukoll vertikalment (bejn livelli ta’ gvern) fiż-żieda tal-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali; dan jappoġġa miżuri mmirati biex jiksbu ffrankar fl-ispejjeż u effiċjenza mtejba.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu sforzi sabiex itejbu kif jiġbru u jaqsmu l-informazzjoni dwar l-ambjent, u b’hekk l-individwi jkunu jistgħu jiskoprudwar l-emissjonijiet industrijali jew il-ħsejjes ambjentali, li jnaqqas il-piż fuq in-negozji li jipprovdu informazzjoni, u jiżgura li l-amministrazzjonijiet fil-livell nazzjonali u dak tal-UE jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv. L-Istati Membri setgħu kienu aktar trasparenti fil-qsim tal-informazzjoni li jiġbru permezz ta’ evalwazzjonijiet u attivitajiet ta’ Regolamentazzjoni Aħjar biex jippermettu aktar sinerġiji madwar l-UE.
3.Rilevanza: Is-Seba’ EAP ikopri l-oqsma ġusti, u l-viżjoni għall-2050 tiegħu għadha valida. Madankollu, se jkun hemm bżonn li jsiru xi aġġustamenti hekk kif jinħolqu sfidi ġodda.
Hemm qbil ġenerali li s-Seba’ EAP ikopri t-tliet għanijiet tematiċi prijoritarji ġusti, filwaqt li ċerti fatturi ta’ abilitazzjoni, bħad-diġitalizzazzjoni u l-governanza ambjentali, setgħu ġew indirizzati b’mod aktar espliċitu, bħala mezz biex tittejjeb l-effiċjenza tal-politika. Il-viżjoni tas-Seba’ EAP għall-2050 kienet ta’ għajnuna u għadha valida.
L-istruttura ġenerali ta’ għadd limitat ta’ għanijiet tematiċi, appoġġati minn għanijiet sekondarji u azzjonijiet aktar operattivi u speċifiċi, għenet biex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji. Il-prinċipju ta’ EAP b’diversi livelli huwa appoġġat u jirrifletti prattika tajba, iżda hemm dubji dwar il-grad ta’ kumplessità jew dettall, li jagħmel il-monitoraġġ ta’ ċerti azzjonijiet diffiċli.
4.Koerenza: Is-Seba’ EAP huwa fil-parti l-kbira koerenti mal-aġenda tat-tfassil tal-politika dwar l-ambjent u l-klima, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment.
Bħala strateġija, is-Seba’ EAP huwa konsistenti internament. Jistabbilixxi l-aġenda u jifforma s-sinsla tal-ħidma ta’ kuljum tal-Kummissjoni fuq l-ambjent. Dan japplika għall-pjan ta’ ġestjoni strateġiku u r-rapportar regolari annwali tal-attività kif ukoll għal inizjattivi ġodda bħar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali. Filwaqt li l-qafas ta’ abilitazzjoni għamel kontribut pożittiv għall-għanijiet tematiċi, ir-rabtiet mal-għanijiet prijoritarji orizzontali dwar l-isfidi lokali, reġjonali u globali huma inqas evidenti.
Fir-rigward tal-koerenza ma’ oqsma oħrajn ta’ politika u prijoritajiet politiċi, hemm ċerti rabtiet ċari (u apprezzati) bejn is-Seba’ EAP u l-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni, bħall-għan kondiviż tal-indirizzar tal-azzjoni klimatika u tat-tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala attur internazzjonali. Inġenerali, dawn jappoġġaw lil xulxin, jiġifieri s-Seba’ EAP jaħdem biex jistabbilixxi kif il-politiki ambjentali jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi. Hemm bosta eżempji ta’ koerenza bejn is-Seba’ EAP u oqsma ta’ politika oħrajn, pereżempju r-referenza għal kwistjonijiet ambjentali (b’mod partikolari l-emissjonijiet tal-karbonju u t-tniġġis fl-arja) fir-Rapport tal-Pajjiż tas-Semestru Ewropew u l-ħidma relatata ma’ bliet sostenibbli u l-aġenda urbana.) Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex jinkiseb tfassil ta’ politiki integrat.
Pereżempju, setgħu tqiesu aktar il-kwistjonijiet soċjali fis-Seba’ EAP, abbażi tar-rabtiet eżistenti bejn il-politika ambjentali u dik soċjali fir-rigward, pereżempju, tal-impatt fuq gruppi vulnerabbli, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-inugwaljanza.
Is-Seba’ EAP huwa ġeneralment koerenti mal-impenji internazzjonali. Għalkemm ġie adottat kważi sentejn qabel l-Aġenda tan-NU għall-2030, huwa antiċipa (u influwenza) l-approċċ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU billi insista li l-benesseri ekonomiku u soċjali jiddependi fuq bażi ta’ riżorsi naturali b’saħħithom. Is-Seba’ EAP jista’ jitqies bħala mekkaniżmu għat-twettiq tal-SDGs, għalkemm it-talba ta’ dawn tal-aħħar għal “tranżizzjoni ġusta” setgħet ġiet enfasizzata aktar fis-Seba’ EAP.
5.Valur miżjud: is-Seba’ EAP għamel il-politika ambjentali aktar effettiva u effiċjenti. Il-partijiet ikkonċernati jilqgħuh u jqisuh bħala strateġija solida b’rabtiet qawwija ma’ strateġiji ambjentali nazzjonali.
Is-Seba’ EAP kien gwida għal partijiet ikkonċernati differenti – fil-livell tal-UE, u dawk nazzjonali u lokali – involuti fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali fl-UE. Il-politika ambjentali spiss tistabbilixxi qafas iżda mbagħad tifrex ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tagħha fuq diversi livelli ta’ gvern, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din in-natura interkonnessa tal-politika ambjentali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet deċentralizzat tispjega parzjalment l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati li s-Seba’ EAP kien siewi.
Is-Seba’ EAP jissodisfa l-kriterji ta’ prattika tajba għall-iżvilupp ta’ strateġija u huwa marbut sew mal-istrateġiji ambjentali nazzjonali fl-Ewropa. Għalkemm kien hemm parteċipazzjoni wiesgħa mill-partijiet ikkonċernati fl-istruttura u l-kontenut tas-Seba’ EAP, l-implimentazzjoni setgħet issaħħet permezz ta’ rendikont regolari aktar b’saħħtu u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ.
V.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni ssib li l-evalwazzjoni tas-Seba’ EAP turi li l-programm iffaċilita bidla importanti fit-tfassil tal-politiki — issa huwa ġeneralment rikonoxxut li l-ħarsien tal-ambjent, il-benefiċċji soċjali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli jimxu id f’id. Il-programm appoġġa aġendi ġodda importanti bħall-ekonomija ċirkolari u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-preżenza ta’ viżjoni fit-tul għall-ewwel darba f’EAP kienet għodda utli għat-tfassil tal-politika — kemm biex tikkomplementa l-għanijiet politiċi fuq żmien qasir kif ukoll bħala karatteristika li l-partijiet ikkonċernati kollha jistgħu jużaw bħala gwida għall-attivitajiet tagħhom. Il-qafas ta’ abilitazzjoni ggwida — b’mod uniku — l-attenzjoni u r-riżorsi lejn l-isfidi ewlenin li niffaċċjaw fil-politika ambjentali tal-UE: nuqqas ta’ implimentazzjoni, informazzjoni, investiment u integrazzjoni. Is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni se jinformaw deċiżjonijiet futuri dwar programm ta’ azzjoni ambjentali suċċessiv f’konformità mal-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.