Brussell, 9.4.2019

COM(2019) 224 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-2018 tal-progress li għamlu l-Istati Membri biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-progress lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija meħtieġa mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE


1.Introduzzjoni

F’Diċembru tal-2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija riveduta (EED) 1 . L-EED riveduta stabbilixxiet il-mira ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-2030 għal mill-inqas 32,5 % 2 . Din daħħlet ukoll klawsola li tippermetti reviżjoni ’l fuq, din tgħolli l-livell tal-ambizzjoni meta mqabbel mal-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-2020. L-effiċjenza enerġetika hija mutur qawwi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2020 u l-2030, u huma wkoll element kostitwenti ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni għal “Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” 3 mressqa f’Novembru tal-2018.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-miri għall-2020 għall-effiċjenza enerġetika jintlaħqu b’miżuri li jistgħu jibqgħu jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija fid-deċennju li ġej.

Dan ir-rapport jagħti l-aktar ideat riċenti tal-progress li sar sal-2017 biex tintlaħaq il-mira ta’ 20% qabel l-2020 4 . L-istatistika uffiċjali Ewropea dwar l-enerġija li bagħtu l-Istati Membri lill-Eurostat sa Jannar tal-2019 intużaw bħala s-sors primarju tad-data. Ir-rapport ikompli jibni fuq ir-Rapport dwar il-Progress fl-Effiċjenza tal-Enerġija tal-2017 5 , fuq ir-Rapporti Annwali tal-2018 li ppreżentaw l-Istati Membri, u fuq analiżi komplementari li twettqet fl-2018. Biex jinftehmu aħjar il-fatturi li qegħdin imexxu x-xejriet riċenti fl-enerġija, intużat analiżi tad-dekompożizzjoni li ġiet żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (il-JRC) 6 u l-proġett Odyssee-Mure 7 .

Is-sejbiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

·Wara tnaqqis gradwali bejn l-2007 u l-2014, il-konsum enerġetiku żdied bejn l-2014 u l-2017.

·Il-konsum tal-enerġija primarja żdied b’0,9 % fl-2017 mqabbel mal-2016. Il-konsum finali tal-enerġija żdied b’1,1 % fl-2017. Fil-preżent, it-tnejn huma ftit ogħla mill-perkors stabbilit lejn il-mira għall-2020.

·Il-varjazzjonijiet fit-temp 8 huma raġuni ewlenija fost oħrajn għall-flutwazzjonijiet osservati fil-konsum tal-enerġija f’dawn l-aħħar snin. Iċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija kkoreġuti skont it-temp huma inqas volatili iżda juru wkoll xejra ta’ rikorrenza mill-2014 ’l quddiem (l-Illustrazzjoni 1).

·Żidiet fl-attività ekonomika jkomplu jżidu l-konsum tal-enerġija. L-iffrankar tal-enerġija pattew daqsxejn għall-impatt ta’ dawn iż-żidiet u wasslu għal titjib gradwali fl-intensità tal-enerġija. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin l-iffrankar tal-enerġija ma kienx biżżejjed biex ipatti għall-impatt tat-tkabbir fl-attività ekonomika, dan jista’ jkun ukoll minħabba d-dewmien biex ġew implimentati l-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika f’xi Stati Membri.

·Abbażi ta’ valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika (in-NEEAPs) l-aktar riċenti u r-rapporti annwali tal-2018, jidher ċar li b’mod kollettiv l-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress tajjeb biex jiksbu l-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 7 tal-EED. Madankollu, xi Stati Membri għadhom lura u jista’ jiġri li ma jaslux biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iffrankar kumulattiv għas-snin 2014 sa 2020.

Jekk, fis-snin li ġejjin tkompli għaddejja x-xejra ta’ żieda fil-konsum tal-enerġija li ilha tiġi nnotata mill-2014, jista’ jkun hemm riskju li ma tintlaħaqx il-mira għall-2020 għall-konsum primarju u finali tal-enerġija. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġu intensifikati iktar l-isforzi biex isir iffrankar enerġetiku f’terminu qasir.

Sabiex tkun tista’ tivvaluta aħjar ix-xejra lejn aktar konsum tal-enerġija u tidentifika direzzjoni possibbli, f'Lulju tal-2018 il-Kummissjoni waqqfet task force dwar il-mobilizzazzjoni tal-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 tal-UE 9 . S’issa, it-task force qed tenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi mobilizzat aħjar il-finanzjament, jiżdiedu r-rata u l-livell ta’ rinnovazzjoni tal-bini u jiġi żgurat li jintlaħqu l-istandards tar-rendiment fl-użu tal-enerġija minimi.

Illustrazzjoni 1: Il-PDG u l-konsum finali tal-enerġija kkoreġut skont it-temp għall-1995 sal-2016 10

Sors: Odyssee-Mure

2.Progress lejn il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020

Il-konsum finali tal-enerġija 11 fl-UE naqas b’5,9 % minn 1193 Mtoe fl-2005 għal 1122 Mtoe fl-2017. Dan huwa 3,3 % ogħla mill-mira tal-konsum finali tal-enerġija għall-2020 ta’ 1086 Mtoe. Naqas b’rata annwali medja ta’ 0,5% bejn l-2005 u l-2017, iżda x-xejra ta’ tnaqqis ġiet interrotta fl-2015, meta l-konsum finali tal-enerġija reġa’ beda jogħla (fl-2017 għola b’1,1% mqabbel mas-sena ta’ qabel).

Fl-2017, ġie nnotat aktar konsum tal-enerġija b’mod ewlieni fit-trasport (żieda sena wara sena +2,5%) u fl-industrija (+1,6%). Il-konsum tal-enerġija ma nbidilx fis-settur tas-servizzi, u naqas fis-settur residenzjali (-0,5 %).

Fl-2017 34% tal-konsum finali tal-enerġija kienu fit-trasport, u warajh kien hemm is-settur residenzjali u l-industrija (25% il-wieħed), is-settur tas-servizzi (13%) u setturi oħrajn (3%).

Il-konsum tal-enerġija primarja fl-UE naqas b’9,2 % minn 1720 Mtoe fl-2005 għal 1561 Mtoe fl-2017. Dan huwa 5,3 % ogħla mill-mira għall-2020 ta’ 1483 Mtoe. Bħala medja naqas b’0,8 % kull sena bejn l-2005 u l-2017, iżda reġa’ beda jiżdied mill-2015. Fl-2017 kienet irreġistrata żieda sena wara sena ta’ 0,9%.

3.Miri nazzjonali

Sal-2017 17-il Stat Membru rnexxielhom inaqqsu l-konsum finali tal-enerġija tagħhom jew iżommuh f’livell inqas mill-perkors lineari ipotetiku tagħhom biex jilħqu l-miri stmati sal-2020 12 . Iżda fil-każ tal-konsum tal-enerġija primarja, 15-il Stat Membru kienu għadhom aktar ’il fuq mill-perkorsi lineari ipotetiċi tagħhom 13 . B’mod ġenerali, il-konsum finali tal-enerġija minn 17-il Stat Membru (tnaqqis mit-18 tal-2015) kien inqas mill-mira indikattiva tal-konsum finali tal-enerġija għall-2020 fl-2017 14 . Kienu biss 14-il Stat Membru (tnaqqis minn 17 fl-2015) li laħqu jew irnexxielhom iżommu l-livell tal-konsum tal-enerġija primarja għal inqas mill-mira indikattiva għall-2020 fl-2017 15 .

Ta’ min wieħed jinnota li, b’differenza mill-kontribuzzjonijiet għall-2030, ma hemm ebda rekwiżit li l-miri nazzjonali għall-2020 flimkien jammontaw għall-mira tal-UE. Fil-fatt, hemm distakk bejn is-somma tal-miri nazzjonali u l-mira tal-UE. Għall-konsum finali tal-enerġija, il-miri indikattivi nazzjonali jammontaw għal għadd totali ta’ 1085 Mtoe, jiġifieri 1 Mtoe taħt il-mira tal-UE; għall-konsum tal-enerġija primarja, dawn jammontaw għal 1533 Mtoe, jiġifieri 50 Mtoe ogħla mill-mira tal-UE 16 .

4.Ix-xejriet tal-konsum tal-enerġija fl-Istati Membri

Mill-2005 ’l quddiem, il-konsum finali tal-enerġija naqas fl-Istati Membri kollha minbarra f’Ċipru, fil-Litwanja, f’Malta, fl-Awstrija u fil-Polonja. Madankollu, meta mqabbel mal-2016, il-konsum finali tal-enerġija żdied f’24 Stat Membru fl-2017, u l-akbar żidiet ġew irreġistrati fis-Slovakkja (+7%), f’Malta (+6,7%) u fil-Polonja (+6,5%). L-ikbar tnaqqis ġie nnutat fil-Belġju (-1,2%), fir-Renju Unit (-0,8%) u fl-Italja (-0,6%).

Mill-2005 ’l quddiem, il-konsum tal-enerġija primarja naqas fl-Istati Membri kollha minbarra fl-Estonju, f’Ċipru, u fil-Polonja. Il-pajjiżi bl-ikbar tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja jinkludu l-Litwanja (-23,4%), il-Greċja (-23,2%), ir-Renju Unit (-20,8%) u l-Italja (-17%). Madankollu, fl-2017 il-konsum tal-enerġija primarja żdied f-20 Stat Membru meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-ikbar żidiet kienu f’Malta (+12,9%), fir-Rumanija (+5,7%) u fi Spanja (+5,4%). L-Estonja rrapportat l-ogħla tnaqqis minn sena għal oħra (-4,2 %) mqabbel mal-2016, segwita mir-Renju Unit (-1,6 %) u l-Irlanda (-1,4 %).

Ix-xejra ’l isfel daret fil-perjodu ta’ tliet snin mill-2014 sal-2017, billi l-konsum finali tal-enerġija żdied fl-Istati Membri kollha u l-konsum tal-enerġija primarja żdied fi 23 Stat Membru 17 meta mqabbel mal-2014. Madankollu, iż-żieda fil-konsum primarju f’dan il-perjodu kienet iżgħar mit-tkabbir tal-PDG. Dan jissarraf fi tnaqqis fl-intensità tal-enerġija primarja fl-Istati Membri kollha barra sitta (il-Belġju, il-Greċja, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Portugall).

Illustrazzjoni 2: Bidla relattiva fil-konsum tal-enerġija primarja, fl-intensità enerġetika primarja 18 u fil-PDG, 2014-2017

Sors: Il-Eurostat

Sabiex tifhem aħjar il-fatturi li kkawżaw iż-żidiet riċenti fil-konsum tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea organizzat workshop għall-esperti li pprovda input għal rapport li jippreżenta l-motivaturi tax-xejriet tal-konsum tal-enerġija reċenti 19 . L-analiżi tal-fatturi possibbli li influwenzaw iż-żieda fix-xejriet tal-konsum fis-snin mill-2014 ’l hawn turi li hemm id-differenzi bejn is-setturi: iż-żieda ewlenija fil-konsum tal-enerġija ġiet innotata fil-binjiet (dawk residenzjali u tas-servizzi) minkejja xejra żgħira ’l isfel fl-2017, segwit mit-trasport, filwaqt li żieda fil-konsum tal-enerġija fl-industrija kienet żgħira ħafna. Il-konsum fil-provvista tal-enerġija (ġenerazzjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni) naqas minħabba l-bidla għall-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ir-rapport ikkonferma wkoll li ma hemmx raġuni waħda biss għaliex żdied il-konsum tal-enerġija fl-UE mill-2014 ’l hawn. Iż-żieda tista’ tkun parzjalment riżultat ta’ rendiment ekonomiku tajjeb mill-2014, parzjalment minħabba l-prezzijiet baxxi taż-żejt, u parzjalment minħabba li l-ixtiewi tal-2015 u tal-2016 kienu aktar kesħin, u l-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi tkun tvarja minn settur għal ieħor.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, fil-qafas ta’ task force maħluq apposta għalhekk mill-Kummissjoni, iltaqgħu darbtejn fil-ħarifa tal-2018 biex jiddiskutu x-xejriet ta’ żieda fil-konsum tal-enerġija u biex jidentifikaw is-soluzzjonijiet possibbli biex l-UE terġa’ titqiegħed fit-triq biex tikseb il-miri ta’ effiċjenza enerġetika għall-2020 Ir-rapport dwar il-ħidma li wettqet it-task force 20 identifika għadd ta’ kawżi addizzjonali taż-żieda fil-konsum tal-enerġija marbutin ma’ kuntesti nazzjonali. Dawn kienu jinkludu: (i) id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija; (ii) differenza bejn l-iffrankar tal-enerġija stmat u l-iffrankar tal-enerġija li nkisbu fir-realtà; (iii) nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-impatt tal-aspetti tal-imġiba bħall-effett ta’ rikorrenza; (iv) in-nuqqas ta’ finanzjament għall-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija; u (v) restrizzjonijiet b’rabta mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.

Analiżi aktar kwantitattiva tal-fatturi diversi li kkawżaw it-tibdil fil-konsum tal-enerġija hija possibbli bis-saħħa tal-analiżi tad-dekompożizzjoni li twettqet mill-JRC 21 u minn Odyssee-Mure 22 . Iżda ż-żewġ analiżijiet ikopru biss id-data sal-2016.

Il-fattur ewlieni tat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja kien it-tnaqqis fid-domanda finali għall-enerġija minħabba t-titjib fl-intensità enerġetika finali (Figura 3). Dan ikkontribwixxa għal tnaqqis totali ta’ 122 Mtoe fl-enerġija primarja, ekwivalenti għal 7 % tal-konsum fl-2005. Titjib fl-effiċjenza tat-trasformazzjoni jispjega tnaqqis ta’ 30 Mtoe fil-perjodu tal-2005 sal-2016. It-tnaqqis fit-telf fid-distribuzzjoni u l-konsum tas-settur ta’ konverżjoni pproduċa tnaqqis addizzjonali ta’ 9,5 Mtoe fil-konsum tal-enerġija primarja. Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, li kiber minn 9% għal 17% 23 fil-livell tal-UE, ukoll naqqset il-livelli tal-konsum tal-enerġija primarja. Madankollu, iż-żieda fl-użu tal-elettriku kellha effett ta’ kontrobilanċ, għalhekk b’mod kumplessiv l-effett tal-effiċjenza tat-trasformazzjoni ta’ -30 Mtoe (ekwivalenti għal tnaqqis ta’ -2% mqabbel mal-konsum tal-enerġija primarja fl-2005) kien pjuttost moderat.

Illustrazzjoni 3: Diżaggregazzjoni tal-bidliet fil-konsum finali (Mtoe) fl-UE-28 għall-2005 sal-2016 bl-uzu tal-approċċ addittiv Logarithmic Mean Divisia Index (LMDI)

Sors: JRC

It-tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija kien immexxi l-aktar mit-tnaqqis fl-industrija (-15 % fl-2017 imqabbel mal-2005) u fis-settur residenzjali (-9 %). Għall-kuntrarju ta’ dan, il-konsum tal-enerġija żdied fis-settur tas-servizzi (+4 %) u fit-trasport (+3 %) imqabbel mal-2005.

Illustrazzjoni 4: Diżaggregazzjoni tal-bidliet fil-konsum finali (Mtoe) fl-UE-28 għall-2005 sal-2016 bl-uzu tal-approċċ addittiv Logarithmic Mean Divisia Index (LMDI)

Sors: JRC

L-analiżi tal-JRC tindika li, l-istess kif kien il-każ tal-enerġija primarja, it-tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija fil-perjodu 2005 sa 2016 kien ikkawżat minn titjib fl-intensità enerġetika finali (-171,4 Mtoe), li patta għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija minħabba t-tkabbir ekonomiku (+117,4 Mtoe). Il-bidla strutturali lejn setturi iktar effiċjenti fl-enerġija ammonta għal tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija ta’ 9,1 Mtoe, filwaqt li l-ixtiewi iktar sħan irriżultaw fi tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ 13,1 Mtoe. Dan irriżulta fi tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija minn 1174 għal 1098 Mtoe madwar l-UE fl-2005 sal-2016 (ara l-Illustrazzjoni 4).

Fl-2015 sal-2016, kienet irreġistrata żieda ta’ +20,8 Mtoe fil-konsum finali tal-enerġija madwar l-UE. F’dan il-perjodu qasir, it-titjib fl-intensità (-4,6 Mtoe) ma kienx biżżejjed biex jaġixxi ta’ kontrobilanċ għall-effett tat-tkabbir ekonomiku (effett tal-attività: +20,9 Mtoe) u t-temp iktar kiesaħ (+4,5 Mtoe).

L-analiżi ta’ Odyssee-Mure turi xejriet simili għall-perjodu 2005 sal-2016. Dan jikkonferma li l-iffrankar tal-enerġija kien importanti biex patta għaż-żieda fil-konsum immexxija mill-effett tal-attività, mill-istili tal-ħajja u mid-demografija matul dan il-perjodu. Madankollu, is-sinifikat tal-fatturi diversi u d-daqs tagħhom mhumiex l-istess minħabba d-differenzi fil-metodoloġija u fid-data li ntużat bħala input. Il-konsum iktar baxx tal-enerġija primarja kien immexxi l-aktar minn tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija (-85 Mtoe), iżda r-rwol tat-titjib fl-effiċjenza u l-bidliet fit-taħlita ta’ fjuwils fil-ġenerazzjoni tal-enerġija kienu pjuttost sinifikanti wkoll (-75 Mtoe). Meta wieħed iħares lejn il-konsum finali tal-enerġija, l-effett tal-attività wassal għal żieda ta’ 58 Mtoe, filwaqt li l-istil tal-ħajja u d-demografija ammontaw għal 32 Mtoe u 25 Mtoe addizzjonali, rispettivament. Dawn iż-żidiet kienu kkumpensati minn ħafna iżjed iffrankar tal-enerġija bejn l-2005 u l-2016 (-163 Mtoe), filwaqt li l-bidla strutturali u t-temp wasslu għal tnaqqis addizzjonali ta’ 11 Mtoe kull wieħed.

4.1.Is-settur industrijali

Il-konsum finali tal-enerġija tal-industrija fl-UE naqas f’termini assoluti minn 332 Mtoe fl-2005 għal 283 Mtoe fl-2017 (-15%). Madankollu, f’xi pajjiżi l-industrija żiedet il-konsum tal-enerġija tagħha matul dan il-perjodu, jiġifieri fl-Ungerija (+25 %), f’Malta (+9 %), fil-Latvja (+7 %), fl-Awstrija (+7%), fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Polonja (b’inqas minn 5% kull wieħed). Mqabbel mas-sena ta’ qabel, il-konsum finali tal-enerġija tal-UE fl-industrija żdied b’1,6% fl-2017, iżda l-iżviluppi madwar l-Istati Membri varjaw (11-il Stat Membru rreġistraw tnaqqis). Il-pajjiżi bl-ikbar żidiet jinkludu l-Lussemburgu, il-Polonja, id-Danimarka (madwar +4%), il-Finlandja u l-Belġju (+3%). Il-volum tal-produzzjoni industrijali żdied b’9% bejn l-2014 u l-2017 (3,4% fl-2017 sena wara sena), iżda dan it-tkabbir fl-attività kien rifless parzjalment biss fil-bidliet fil-konsum tal-enerġija li żdied bi 2% fl-istess perjodu.

F’termini ta’ intensità enerġetika, 24 kważi l-Istati Membri kollha rnexxielhom itejbu r-rendiment industrijali tagħhom bejn l-2005 u l-2017, u dan wassal għal tnaqqis ġenerali fl-intensità enerġetika ta’ 22% fl-UE. Huma biss l-Ungerija (+24%), il-Greċja (+17%) u l-Latvja (+9%) li żiedu l-konsum finali tal-enerġija tagħhom bħala proporzjon tal-valur miżjud gross (GVA) tas-settur industrijali tagħhom. Min-naħa l-oħra, ir-Rumanija, l-Estonja, il-Bulgarija u l-Irlanda rreġistraw l-ikbar titjib (iktar minn 50%). Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi annwali mqabbel mal-2016, huma biss il-Greċja, il-Latvja, l-Ungerija u Ċipru li rreġistraw żieda fl-intensità enerġetika tal-industrija fl-2017, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra kollha komplew itejbu r-rendiment tagħhom.

4.2.Is-settur residenzjali

Il-konsum finali tal-enerġija tas-settur residenzjali naqas b’xi 9% minn 310 Mtoe fl-2005 għal 284 Mtoe fl-2017. Madankollu, l-użu tal-enerġija żdied b’7% bejn l-2014 u l-2017 (bi tnaqqis ta’ -0,5% fl-2017). Sa ċertu punt, din iż-żieda kienet riżultat ta’ temp xitwi aktar kiesaħ, wara x-xitwa eċċezzjonalment sħuna tal-2014, billi l-konsum tal-enerġija għat-tisħin tal-postijiet jammonta għal madwar 2/3 tal-konsum tal-enerġija residenzjali. Il-konsum tal-enerġija għat-tisħin ikkorreġut għat-temp baqa’ relattivament l-istess mill-2010, wara xi tnaqqis fis-snin ta’ qabel. Fl-2017, l-għadd ta’ jiem tal-grad ta’ tisħin kien biss ftit ogħla minn tal-2016, u l-konsum tal-enerġija fir-realtà naqas b’0,5% sena wara sena. Għalkemm it-tkessiħ tal-postijiet għadu jammonta għal proporzjon pjuttost limitat tal-konsum tal-enerġija, dan qed jiżdied b’rata mgħaġġla f’xi pajjiżi, filwaqt li l-għadd ta’ jiem tal-grad ta’ tkessiħ kważi rdoppja fl-2017 imqabbel mal-2014 25 .

Jidher li l-effett tal-ġid (rifless fost l-oħrajn minn numru u erja tal-art medja ogħla tal-unitajiet ta’ abitazzjoni) u l-bidliet fl-istil tal-ħajja (pereżempju ż-żieda fil-penetrazzjoni ta’ apparati żgħar ġodda) jistgħu jkunu fatturi addizzjonali li jispjegaw iż-żidiet sostanzjali riċenti fil-konsum tal-enerġija. Għall-bini pubbliku, il-livell ikbar ta’ kumdità enerġetika kien speċifikat bħala wieħed mill-fatturi li kkontribwew għax-xejra ta’ żieda fil-konsum tal-enerġija 26 .

L-intensità f’termini ta’ konsum ta’ enerġija għal kull popolazzjoni fis-settur residenzjali naqset fl-UE b’xi 12% fl-2005 sal-2017 (din naqset ukoll bi kważi 1% fl-2017 imqabbel mal-2016). L-iżviluppi ma kinux uniformi madwar l-Istati Membri, però. F’seba’ pajjiżi, ir-rendiment naqas, u l-ikbar żidiet fl-intensità rreġistrati kienu fil-Bulgarija (+20%), fil-Litwanja (+14%) u f’Malta (+8%). Għall-kuntrarju ta’ dawn, l-iktar li rnexxielhom inaqqsu l-intensità tagħhom kienu l-Belġju (-26%), l-Irlanda (-25%) u r-Renju Unit (-23%).

4.3.Is-settur tas-servizzi

Is-settur tas-servizzi rreġistra l-ogħla żieda fil-konsum tal-enerġija mill-2005 sal-2017 (+4%). Sa ċertu punt, din iż-żieda tirrifletti t-tkabbir għoli tal-livelli ta’ attività — il-GVA tas-settur tas-servizzi żdied b’xi 19% bejn l-2005 u l-2017. Ir-relazzjoni bejn iż-żieda fl-impjiegi u l-konsum tal-enerġija fis-settur tas-servizzi hija iktar evidenti, u l-konsum tal-enerġija li żdied matul il-perjodu ta’ tkabbir relattivament b’saħħtu fl-impjiegi sal-2008 u għal darb’oħra fil-perjodu sa mill-2014. Barra dan, bi stima ta’ 45% tal-konsum tal-enerġija tas-settur tas-servizzi użat għat-tisħin tal-postijiet, it-temperaturi tax-xitwa wkoll għandhom impatt sinifikanti sena wara sena fuq il-konsum globali tiegħu.

L-intensità enerġetika finali fis-servizzi tjiebet bi 13% fil-perjodu 2005 sal-2017. L-iktar titjib kien osservat fl-Irlanda, fl-Ungerija, fis-Slovakkja, fl-Awstrija u fl-Iżvezja. Imqabbel mal-2016, l-intensità enerġetika tal-UE kompliet titjieb fl-2017; il-konsum tal-enerġija baqa’ stabbli filwaqt li l-GVA tas-settur żdied b’xi 2%.

4.4.Is-settur tat-trasport

Il-konsum finali tal-enerġija tal-UE fit-trasport 27 żdied bi 2,5% minn 369 Mtoe fl-2005 għal 378 Mtoe fl-2017. Fl-2017, 19-il Stat Membru żiedu l-konsum tal-enerġija tagħhom f’dan is-settur meta mqabbel mal-livelli tal-2005 28 . Il-konsum żdied b’mod sinifikanti (b’iktar minn 40% mill-2005) fil-Polonja, fir-Rumanija, fil-Litwanja u f’Malta. Għall-kuntrarju ta’ dan, naqas b’iktar minn 10% fil-Greċja u fl-Italja.

Il-konsum finali tal-enerġija tal-UE fit-trasport żdied bi 2,5% mill-2016 sal-2017, u l-Istati Membri kollha minbarra tlieta 29 rrappurtaw żieda. Din iż-żieda sinifikanti hija kontinwazzjoni tax-xejra ta’ tkabbir sa mill-2014 — l-użu tal-enerġija fis-settur tat-trasport żdied b’7% bejn l-2014 u l-2017. Madwar 81% tal-konsum finali tal-enerġija fit-trasport huwa fit-trasport tat-triq, u l-prodotti taż-żejt (petrol u diżil) huma tabilħaqq l-ikbar portaturi tal-enerġija li jintużaw fis-settur. L-avjazzjoni tammonta għal proporzjon li qed jikber tal-konsum tal-enerġija globali għat-trasport, b’żieda ta’ 14% fl-istess perjodu. Il-pajjiżi bl-ikbar żieda sena wara sena jinkludu l-Polonja (+16%), is-Slovakkja (+13%), il-Kroazja, Malta u r-Rumanija (+8% kull wieħed).

It-tkabbir fl-attività tat-trasport u l-prezzijiet baxxi taż-żejt matul dak il-perjodu kienu r-raġunijiet ewlenin għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija. L-attività tat-trasport tal-passiġġieri żdiedet bi 8,3% bejn l-2012 u l-2016, wara tliet snin ta’ tnaqqis. Iż-żieda ta’ 3,2% fl-2016 kienet ir-rata ta’ tkabbir l-iktar mgħaġġla f’dawn l-aħħar 20 sena. L-attività tat-trasport tal-merkanzija wkoll żdiedet mill-2012, b’żieda ta’ 7,9% sal-2016. Minkejja din ix-xejra ’l fuq, l-għadd ta’ tunnellati-kilometri trasportati baqa’ 2,4% iktar baxx mil-livell massimu tiegħu fl-2007. Barra dan, il-konġestjoni, b’mod speċjali fl-ibliet il-kbar, kompliet tikkontribwixxi għaż-żieda fid-domanda tal-enerġija fis-settur tat-trasport.

Hemm korrelazzjoni qawwija bejn it-tkabbir ekonomiku u d-domanda għat-trasport bit-triq tal-merkanzija kummerċjali, filwaqt li r-relazzjoni bejn it-tkabbir tal-PDG u t-trasport tal-passiġġieri hija iktar ikkumplikata u hija affettwata minn diversi fatturi. Huwa rrappurtat ukoll li l-prezzijiet tal-fjuwil relattivament iktar baxxi poġġew pressjoni ta’ żieda fuq id-domanda għall-fjuwil tat-trasport, u l-ambjent makroekonomiku li qed jinbidel influwenza r-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-fjuwil u d-domanda għat-trasport fl-UE matul il-perjodu mill-2000 ’il quddiem. Rigward il-bidla modali fil-livell tal-UE, il-bidliet fil-proporzjon tal-modalitajiet differenti ta’ trasport tal-passiġġieri użati ma kellhomx impatt kbir fuq il-konsum tal-enerġija f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, iż-żieda kontinwa fl-ivvjaġġar bl-ajru qed teżerċita pressjoni ta’ żieda. Fit-trasport tal-merkanzija, l-ishma modali baqgħu relattivament kostanti maż-żmien.

L-effiċjenza tas-segment tal-vetturi ħfief tal-passiġġieri qed titjieb maż-żmien u ż-żieda fl-għadd ta’ reġistrazzjonijiet ġodda għenet biex ittejjeb l-ekonomija tal-fjuwil tal-flotta sħiħa. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin kienet osservata żieda partikolarment għolja fir-reġistrazzjonijiet fis-segment tal-vetturi utilitarji sportivi (SUV). Mqabbla ma’ tipi oħra ta’ karrozzi, l-SUVs għandhom karatteristiċi bħal partijiet ta’ quddiem kbar u koeffiċjenti ta’ reżistenza għoljin li għandhom impatt negattiv fuq il-konsum tal-fjuwil. Skont JATO 30 , fl-Ewropa, l-SUVs ammontaw għal 26% tal-bejgħ kollu tal-karozzi tal-passiġġieri fl-2016, żieda minn 8% fl-2007. Barra dan, skont LMC 31 , din ix-xejra qawwija ta’ żieda hija mistennija li tkompli, u l-SUVs huma mistennija jilħqu 34% tal-bejgħ kollu Ewropew tal-karozzi tal-passiġġieri fl-2020

5.Is-sitwazzjoni attwali / l-istat tat-traspożizzjoni tal-EED

B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tkompli bil-monitoraġġ tagħha tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-EED.

Fl-2018, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu strutturat (talbiet għall-informazzjoni permezz tal-EU pilots) li bdiet mal-Istati Membri s-sena ta’ qabel biex tiżgura li l-obbligi u r-rekwiżiti kollha skont l-EED ikunu riflessi b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni u fil-politika nazzjonali. Wara l-valutazzjoni tat-tweġibiet għall-EU pilots, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ avviż formali lill-Istati Membri kollha biex tfittex aktar kjarifika dwar il-bqija tal-kwistjonijiet pendenti.

F’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rapportar lill-Kummissjoni, il-pjanijiet kollha ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija li kienu dovuti sal-aħħar ta’ April tal-2017 ġew ippreżentati, għalkemm ħafna minnhom waslu wara dewmien sinifikanti. Għadd totali ta’ 10 Stati Membri inkludew aġġornamenti tal-miri jew projezzjonijiet tagħhom għall-2020 fl-NEEAPs tal-2017 tagħhom. Dawn il-miri riveduti indikaw żieda fid-distakk bejn il-kontribuzzjonijiet mistennija aggregati u l-mira tal-UE. L-NEEAPs fihom informazzjoni dettaljata dwar il-politiki u l-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija ppjanati mill-Istati Membri għall-perjodu tat-tliet snin ta’ wara sabiex jiksbu l-miri nazzjonali tagħhom ta’ effiċjenza fl-enerġija. Ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-miżuri ġodda u l-użu ta’ strumenti differenti (regolatorji, finanzjarji, tat-tassazzjoni, skemi ta’ obbligi dwar l-effiċjenza fl-enerġija) kienu pprovduti f’rapport tal-JRC 32 . Dan ir-rapport janalizza wkoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fis-setturi differenti (residenzjali, tal-industrija, tat-trasport, tal-agrikoltura u s-settur pubbliku) u jivvaluta l-iffrankar enerġetiku li għandu jiġi ġġenerat mill-inizjattivi u l-programmi ta’ politika ewlenin.

Kif meħtieġ skont l-Artikolu 24 tal-EED, ir-rapporti annwali tal-2018 tal-Istati Membri kollha ġew ippreżentati fl-2018. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fil-kronoloġija tal-preżentazzjoni kif ukoll fil-kwalità u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta. Il-JRC analizza dawn ir-rapporti annwali fl-2018 33 .

5.1.Il-progress skont l-Artikolu 7 (l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija)

Skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri rrapportaw l-iffrankar tal-enerġija li kisbu għall-2014 sal-2016; fil-livell tal-UE dan kien jammonta għal 54 547 ktoe f’termini kumulattivi. Dan huwa madwar 24% tas-somma tal-iffrankar enerġetiku kumulattiv kollu meħtieġ sal-aħħar tal-2020, u madwar 10% iktar mill-ammont ta’ ffrankar ipproġettat għall-2014 sal-2016, jekk wieħed jassumi kunsinna lineari tal-iffrankar meħtieġ. Għalkemm is-somma tal-iffrankar enerġetiku fil-livell tal-UE turi ammont ogħla ta’ ffrankar għall-2016, jenħtieġ li l-progress skont l-Artikolu 7 jitqies fil-livell nazzjonali: jeħtieġ li kull Stat Membru jissodisfa r-rekwiżiti tal-iffrankar tal-enerġija tiegħu sal-aħħar tal-2020.

L-analiżi turi li diversi Stati Membri għadhom lura f’termini ta’ ffrankar miksub għall-2016, u l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Portugall kisbu inqas minn 60% tal-iffrankar meħtieġ għall-2016. Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja u Spanja kisbu iktar minn 80% iżda għadhom taħt dak li kien meħtieġ għall-2016. Min-naħa l-oħra, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit huma fit-triq it-tajba jew kisbu iktar iffrankar tal-enerġija minn dak meħtieġ għall-2014 sal-2016.

Fl-aħħar rapport annwali tagħhom, disa’ pajjiżi 34 kkomunikaw li kellhom jintroduċu miżuri ta’ politika ġodda. Barra dan, xi pajjiżi aġġornaw l-istimi tagħhom tal-iffrankar mistenni/realizzat għall-2014 u l-2015 mill-miżuri ta’ politika komunikati preċedentement.

Il-parti l-kbira tal-iffrankar enerġetiku (madwar terz) inkiseb permezz ta’ skemi ta’ obbligu tal-effiċjenza fl-enerġija, 23% minħabba taxxi fuq l-enerġija jew fuq id-CO2 u 18% minħabba skemi ta’ finanzjament jew miżuri fiskali. Huwa biss proporzjon żgħir tal-iffrankar tal-enerġija li nkiseb bis-saħħa tal-iskemi ta’ tikkettar u l-fondi nazzjonali.

Illustrazzjoni 5. Distribuzzjoni tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-2014 sal-2016 għal kull tip ta’ miżura ta’ politika

Sors: Il-kalkoli proprji bbażati fuq ir-rapporti annwali nazzjonali tal-2018

Iktar minn żewġ terzi tal-iffrankar miksub (68%) saru bis-saħħa ta’ miżuri trażversali li huma mmirati lejn setturi differenti, inkluż il-bini. Il-bqija tal-iffrankar tal-enerġija nkiseb bis-saħħa ta’ miżuri mmirati lejn l-unitajiet domestiċi (12%) u t-trasport (9%), segwiti mill-industrija (6%) u s-settur tas-servizzi (2%). Għal 3% tal-iffrankar irrapportat, ma kienx ċar liema settur kien involut.

5.2.Il-progress skont l-Artikolu 5 (ir-rwol eżemplari tal-bini użat minn korpi pubbliċi)

Meta ppreżentaw ir-rapporti annwali tagħhom għall-2018, seba’ Stati Membri ma pprovdewx l-aġġornament mitlub rigward l-Artikolu 5, filwaqt li 13-il Stat Membru ma kkonformawx ma’ dan l-obbligu ta’ rapportar fis-sena ta’ qabel. Fost dawn, l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Belġju, il-Greċja, ir-Rumanija u Malta ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar il-kisbiet tagħhom għal dawn l-aħħar sentejn.

Fost l-Istati Membri li għażlu l-approċċ prestabbilit, 35 kien hemm sitta li kisbu l-miri annwali tagħhom f’termini ta’ erja tal-art rinnovata. Dawn huma: l-Estonja, Spanja, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovenja. Fost l-Istati Membri li implimentaw l-approċċ alternattiv, sitt Stati Membri kisbu l-miri ta’ ffrankar tal-enerġija annwali tagħhom. Dawn kienu r-Repubblika Ċeka, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, in-Netherlands u l-Polonja. Fl-istess ħin, seba’ pajjiżi pprovdew id-data rilevanti li tindika li dawn issodisfaw il-miri kumulattivi tagħhom skont l-Artikolu 5 għall-2014 sal-2017. Dawn huma Ċipru, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Finlandja, il-Polonja u r-Renju Unit.

6.Konklużjoni

Id-data tal-2017 turi tkabbir kontinwu tal-konsum tal-enerġija mill-2014. Iż-żidiet fl-aħħar tliet snin sal-2017 ċaqilqu l-konsum tal-enerġija ’l fuq mill-perkors lineari għall-miri tal-2020. Filwaqt li l-ixtiewi tal-2015 u l-2016 kienu iksaħ minn dik tal-2014, u minħabba f’hekk żdiedet id-domanda għat-tisħin tal-postijiet, jidher ċar li l-effetti tat-temp mhumiex l-uniku motivatur taż-żidiet sostanzjali riċenti. It-tkabbir ekonomiku, iż-żieda fil-ġid u t-tibdil fl-istil ta’ ħajja wkoll żiedu d-domanda għall-enerġija. Għalkemm il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija kkumpensaw b’mod sinifikanti għal dawn l-effetti fil-passat, id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ wħud mill-politiki, u l-fatt li kien hemm inqas sforzi ġodda, wasslu biex l-iffrankar miksub ma kienx biżżejjed biex inaqqas il-konsum tal-enerġija.

Iż-żewġ metodoloġiji differenti tal-analiżi tad-dekompożizzjoni li ġew analizzati f’dan ir-rapport ikkonfermaw li l-effiċjenza fl-enerġija kienet motivatur ewlieni għat-titjib fl-intensità enerġetika fis-setturi kollha. Sa ftit ilu, dawn kienu biżżejjed biex jinnewtralizzaw il-qabża sinifikanti fid-domanda għall-enerġija mmexxija mill-attività ekonomika, mill-istandards ta’ kumdità tat-tisħin u tat-tkessiħ ogħla , u mill-bidliet fl-imġiba u fl-istil ta’ ħajja. Madankollu, aktar riċentement l-ammont ta’ ffrankar miksub jidher li naqas filwaqt li l-effetti pożittivi tal-attività żdiedu.

F’dan il-kuntest, jidher ċar li hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi mhux biss biex jintlaħqu l-miri għall-2020, iżda wkoll biex tiġi stabbilita l-bażi ġusta għad-deċennju ta’ wara meta saħansitra se jkun meħtieġ livell ogħla ta’ ambizzjoni. L-isforzi addizzjonali biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija se jkollhom ukoll benefiċċji kumplimentari, bħal kontijiet tal-enerġija iktar baxxi, saħħa mtejba (permezz ta’ titjib fil-kwalità tal-ajra) u iktar kumdità u inqas faqar enerġetiku.

It-task force stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea qabel li hemm il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-lakuna fir-riżultati fil-ksib tal-miri tal-UE għall-2020. Ġew identifikati sett ta’ soluzzjonijiet bħala mod kif wieħed jista’ jimxi ’l quddiem. L-ewwel nett, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, billi kien hemm dewmien fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi dwar l-Effiċjenzi fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Dan jinkludi l-ksib sħiħ tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 7 u li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jitwettqu spezzjonijiet regolari skont l-Artikoli 14 u 15 tal-EPBD. Barra minn hekk, huwa importanti li jsir użu sħiħ mill-bqija tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u li jiġu implimentati miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea intensifikat l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki, u bdiet il-proċess biex issaħħaħ is-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri tar-rekwiżiti ta’ effiċjenza tal-prodotti. Din għandha l-għan ukoll li tgħin lill-Istati Membri jibnu l-kapaċità tagħhom għall-promozzjoni tar-rinnovazzjoni tal-bini fis-settur pubbliku, inkluż permezz tal-ikkuntrattar tas-servizzi tal-enerġija. Diversi miżuri adottati riċentement jew li waslu biex jiġu adottati jenħtieġ li jwasslu għal iffrankar enerġetiku addizzjonali f’perspettiva ta’ żmien kemxejn itwal wara l-2020. Dawn jinkludu l-miri klimatiċi nazzjonali vinkolanti għall-2021 sal-2030 għas-setturi bħat-trasport u l-bini li mhumiex koperti mis-Sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, l-istandards tad-CO2 iktar stretti miftiehma riċentement għall-vetturi ħfief għal wara l-2020, flimkien ma’ sistema ta’ monitoraġġ imtejba, standards tal-emissjonijiet tad-CO2 għat-trakkijiet ġodda, il-pakkett leġiżlattiv ġdid ta’ standards u tikkettar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-prodotti, u l-Artikolu 7 msaħħaħ fl-EED riveduta. Il-fatt li l-EPBD riveduta tinkorpora aħjar id-dimensjoni diġitali se jiffaċilita t-tnedija tal-ICT u ta’ teknoloġiji intelliġenti li huma mistennija li se jkollhom rwol importanti biex jitjieb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-binjiet u fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fil-binjiet fis-snin li ġejjin. Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta’ korrezzjoni mtejba skont ir-Regolament għall-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija 36 jenħtieġ li jgħinu ukoll biex ireġġgħu lill-UE fit-triq it-tajba fil-każ ta’ nuqqas ta’ ambizzjoni u progress fil-perjodu wara l-2020.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri indikattivi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom tal-EED. Din se tirrapporta dwar il-progress lit-task force fis-sajf tal-2019 meta d-data preliminari għall-2018 se tkun disponibbli għall-valutazzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din il-valutazzjoni.



Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn l-indikaturi

* Is-simbolu “+” jintuża jekk l-Istati Membri jkunu naqqsu l-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum finali tagħhom bejn l-2005 u l-2017 b’rata li hija ogħla mir-rata ta’ tnaqqis meħtieġa fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2020 sabiex jilħqu l-miri ta’ konsum tal-enerġija primarja u tal-konsum finali tagħhom għall-2020. Is-simbolu “-” jintuża għall-każijiet l-oħrajn. FEC ifisser konsum finali tal-enerġija, PEC ifisser konsum tal-enerġija primarja.



Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn l-indikaturi



Tabella 3: Ħarsa ġenerali lejn l-iffrankar tal-enerġija rrappurtat għall-2016 skont l-Artikolu 7 (ktoe)

 

 

2016

Progress lejn il-mira

Iffrankar ġdid

Iffrankar annwali totali

Iffrankar kumulattiv matul l-2014 sal-2016

Iffrankar kumulattiv totali meħtieġ sal-2020 (fil-mira)

Progress lejn ir-rekwiżit ta’ ffrankar kumulattiv totali sal-2020

Iffrankar annwali stmat meħtieġ għall-2014 sal-2016

L-2014 sal-2016 imqabbla mal-iffrankar annwali stmat

L-Awstrija

389

1 026

1 908

5 200

37 %

1 114

171 %

Il-Belġju

226

779

1 640

6 911

24 %

1 481

111 %

Il-Bulgarija

50

99

178

1 942

9 %

416

43 %

Il-Kroazja

15

ma japplikax

62

1 296

5 %

278

22 %

Ċipru

2

6

14

242

6 %

52

28 %

Ir-Repubblika Ċeka

150

310

521

4 882

11 %

1 046

50 %

Id-Danimarka

256

699

1 346

3 841

35 %

823

163 %

L-Estonja

77

184

284

610

47 %

131

217 %

Il-Finlandja

562

ma japplikax

4 775

4 213*

113 %

903

529 %

Franza

943

2 887

6 489

31 384

21 %

6 725

96 %

Il-Ġermanja

2 637

4 085

9 943

41 989

24 %

8 998

111 %

Il-Greċja

40

174

394

3 333

12 %

714

55 %

L-Ungerija

72

292

641

3 680

17 %

788

81 %

L-Irlanda

116

330

609

2 164

28 %

464

131 %

L-Italja

ma japplikax

1 993

4 638

25 502

18 %

5 465

85 %

Il-Latvja

15

32

58

851

7 %

182

32 %

Il-Litwanja

23

86

188

1 004

19 %

215

87 %

Il-Lussemburgu

ma japplikax

14

24

515

5 %

110

22 %

Malta

ma japplikax

8

16

67

24 %

14

112 %

In-Netherlands

586

3 416

5 211

11 512

45 %

2 467

211 %

Il-Polonja

ma japplikax

ma japplikax

3 268

14 818

22 %

3 175

103 %

Il-Portugall

29

94

206

2 532

8 %

543

38 %

Ir-Rumanija

ma japplikax

667

1 368

5 817

24 %

1 247

110 %

Is-Slovakkja

56

241

497

2 284**

22 %

489

102 %

Is-Slovenja

37

180

285

945

30 %

203

141 %

Spanja

514

1 536

3 180

15 979

20 %

3 424

93 %

L-Iżvezja

ma japplikax

1 505

3 021

9 114

33 %

1 953

155 %

Ir-Renju Unit

ma japplikax

2 984

6 208

27 859

22 %

5 970

104 %

Total

6 794

24 633

54 547

230 486

24 %

49 390

110 %

Sors: Informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri u kkumplimentata mill-kalkoli u l-approssimazzjonijiet tal-Kummissjoni fejn dan kien meħtieġ.

(1)

Id-Direttiva 2018/2002/UE.

(2)

Il-mira ta’ 32,5% għall-2030 tissarraf f’konsum finali ta’ enerġija ta’ 956 Mtoe u/jew konsum ta’ enerġija primarja ta’ 1273 Mtoe fl-UE28.

(3)

COM(2018) 773 final

(4)

Il-mira għall-2020 tinvolvi t-tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE28 għal mhux iktar minn 1086 Mtoe, u l-konsum tal-enerġija primarja sa mhux iktar minn 1483 Mtoe.

(5)

COM(2017) 687 final

(6)

Economidou, M. and Romàn Collado, R. (2019), Assessing the progress towards the EU efficiency targets using index decomposition analysis 2015-2016 , JRC Science for Policy Report.

(7)

  http://www.indicators.odyssee-mure.eu/decomposition.html .

(8)

 Xitwa li kienet aktar sħuna minn tas-soltu fl-2014 tat lok għal ħtieġa ta’ tisħin ħafna inqas minn tas-soltu għal dik is-sena. It-temperaturi fl-ixtiewi tal-2015, tal-2016 u tal-2017 kienu aktar viċin il-medja klimatika (iżda xorta waħda kienu inqas mill-medja fuq terminu twil), u dawn żiedu l-ħtieġa tat-tisħin u l-konsum tal-enerġija fis-setturi residenzjali u tas-servizzi.

(9)

Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Report of the work of the Task Force on mobilising efforts to reach the EU Energy efficiency targets for 2020 (Rapport tal-ħidma tat-Task Force dwar il-mobilizzazzjoni tal-isforzi biex jintlaħqu l-miri ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020).

(10)

Il-fattur tal-korrezzjoni għat-temp ġie kkalkulat bħala proporzjon ta’ jiem ta’ gradi ta’ tisħin (HDD) f’sena partikolari fuq il-medja tal-HDD mill-1980 sal-2004. Dan il-fattur korrettiv ġie applikat għall-konsum tal-enerġija li ntużat għat-tisħin tal-postijiet fis-settur residenzjali.

(11)

L-indikaturi mill-bilanċi tal-enerġija l-ġodda tal-Eurostat jintużaw għall-monitoraġġ tal-progress li jsir lejn il-ksib tal-mira ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-Europa għall-2020-2030.

(12)

Minbarra l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja.

(13)

Minbarra l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, Ċipru, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvezja.

(14)

Minbarra l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(15)

Minbarra l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(16)

Id-differenza tista’ saħansitra tkun ikbar billi l-livelli tal-konsum tal-enerġija primarja u tal-konsum finali tal-enerġija ta’ wħud mill-miri nazzjonali ma jsegwux il-metodoloġija korretta.

(17)

Ta’ min jinnota li fl-2014 ix-xitwa kienet aktar sħuna minn tas-soltu, għaldaqstant, parti miż-żieda fil-konsum tal-enerġija hija konsegwenza ta’ korrezzjoni għal temperaturi li huma aktar viċin il-medja.

(18)

Il-konsum tal-enerġija primarja fil-konfront tal-PDG

(19)

Samuel Thomas (2018), Drivers of recent energy consumption trends across sectors in EU28 (Il-motivaturi tax-xejriet tal-konsum tal-enerġija reċenti madwar is-setturi fl-UE28).

Rapport tal-Workshop dwar ix-Xejriet tal-Konsum tal-Enerġija

(20)

 Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Report of the work … op. cit.

(21)

Economidou, M. u Romàn Collado, R. op. cit.

(22)

  http://www.indicators.odyssee-mure.eu/decomposition.html .

(23)

Id-data tal-2016.

(24)

Il-konsum tal-enerġija relattiv mal-valur miżjud gross (GVA).

(25)

Tsemekidi Tzeiranaki S., Bertoldi P (et al.) (2018), Energy consumption and energy efficiency trends in the EU-28 for the period 2000-2016 , JRC Science for Policy Report

(26)

Samuel Thomas (2018), op. cit.

(27)

 Dan jinkludi t-trasport bil-pipelines, għall-kuntrarju tal-approċċ meħud f’COM(2015) 574 final billi l-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 ma jeskludux it-trasport bil-pipelines.

(28)

It-tqabbil tal-Istati Membri jenħtieġ li jsir b’kawtela, billi l-konsum finali tal-enerġija huwa bbażat fuq il-fjuwils li jinbiegħu aktar milli fuq il-fjuwils li jintużaw fit-territorju ta’ pajjiż.

(29)

Il-Belġju, l-Italja u s-Slovenja.

(30)

Munoz, F., (2018), The global domination of SUVs continues in 2017   

(31)

LMC (2018), Automotive sales, production, powertrain forecasting  

(32)

Economidou, M., Labanca, N. (et al.) (2019), Assessment of the Second National Energy Efficiency Action Plans under the Energy Efficiency Directive , JRC Science for Policy Report.

(33)

Tsemekidi-Tzeiranaki, S., Labanca, N. (et al.) (2019), Analysis of the annual reports 2018 under the Energy Efficiency Directive JRC Technical Reports.

(34)

Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Portugall u Spanja.

(35)

L-Artikolu 5 jeħtieġ li l-Istati Membri kull sena jirrinnovaw 3% tal-erja tal-art totali ta’ bini msaħħan u/jew imkessaħ fuq 250 m2 li huwa fis-sjieda u okkupat mill-gvern ċentrali u li ma jilħaqx ir-rekwiżiti enerġetiċi minimi, sabiex mill-inqas jilħqu ir-rekwiżiti ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija minimi (l-approċċ prestabbilit) jew li jieħdu miżuri kosteffettivi oħra sabiex jiksbu ffrankar tal-enerġija ekwivalenti (l-approċċ alternattiv).

(36)

COM(2016) 759 final