Brussell, 25.4.2019

COM(2019) 214 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG



























Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2019


Werrej

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2019

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2019

3.1.    Miżuri tas-suq    

3.1.1.    Promozzjoni    

3.1.2.    Il-frott u l-ħaxix    

3.1.3.    Il-prodotti tas-settur tal-vitikultura    

3.1.4.    Prodotti/miżuri oħra tal-pjanti    

3.1.5.    Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib    

3.2.    Il-pagamenti diretti    

3.2.1.    Il-pagamenti diretti diżakkoppjati    

3.2.2.    Pagamenti diretti oħrajn    

4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

5.Konklużjonijiet

anness 1:

Konsum provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/01/2019

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2019

Fit-12 ta’ Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-2019. Għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-baġit kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ta’ EUR 43 192 miljun u EUR 43 116 miljun rispettivament għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq.

Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn għandhom x’jaqsmu l-iktar ma’ miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika u ta’ koordinazzjoni.

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-kontabilità u tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet jikkonsisti fi dħul għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kull nefqa tal-FAEG. Kull parti tad-dħul li tibqa’ ma tintużax matul is-sena baġitarja tingħadda awtomatikament għas-sena baġitarja ta’ wara 1 .

Il-baġit tal-FAEG tal-2019 jinkludi:

·l-istimi l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament meħtieġ għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti,

·l-istimi tad-dħul assenjat li għandu jinġabar matul is-sena baġitarja,

·u r-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena baġitarja ta’ qabel.

Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2019, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u talbet li l-livell tal-approprjazzjonijiet għall-baġit tal-2019 jiġi kkalkulat billi d-dħul assenjat stmat jitnaqqas mill-istima tal-ħtiġijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2019, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 078 miljun, li kienu magħmulin minn dawn li ġejjin:

·dħul assenjat li kien mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena baġitarja tal-2019, li ġie stmat li se jkun ta’ EUR 634 miljun (EUR 499 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u EUR 135 miljun mill-irregolaritajiet);

·dħul assenjat li għandu jiġi riportat mill-2018, li ġie stmat li se jkun ta’ EUR 444 miljun.

Il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul stmat ta’ EUR 1 078 miljun għall-iskemi li ġejjin, kif ġej:

·EUR 140 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix; u

·EUR 938 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament bażiku.

Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati u tad-dħul assenjat għal dawn l-iskemi tikkorrispondi għal:

·EUR 849 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, u

·EUR 17 149 miljun għall-iskema ta’ pagament bażiku.

Fl-Anness, li jagħti l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-2019, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-settur tal-frott u tal-ħaxix u għall-pagamenti diretti diżakkoppjati fil-livell tal-artikolu ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Dawn iċ-ċifri jippreżentaw l-approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn l-artikoli, li jammontaw għal EUR 715 miljun u għal EUR 34 388 miljun rispettivament.

Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat għal dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2019 huma ta’ EUR 855 miljun għas-settur tal-frott u tal-ħaxix u ta’ EUR 35 326 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2019

L-Anness għal dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2018 u l-31 ta’ Jannar 2019. Isir tqabbil tal-livell ta’ implimentazzjoni mal-profil tan-nefqa tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija (l-STB) li ġiet stabbilita b’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

3.1.Miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ta’ EUR 152 miljun inqas minn dak mistenni. Dan huwa prinċipalment spjegat permezz ta’ użu aktar baxx tal-approprjazzjonijiet fl-artikolu baġitarju għall-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli (ara l-punt 3.1.1).

3.1.1.Promozzjoni

Il-profil tan-nefqa ppreveda impenn finanzjarju tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-hekk imsejħa programmi “multi” li għandhom isiru f’Jannar. Madankollu, parti biss mill-ammont totali sar impenn dwarha sal-aħħar ta’ Jannar, u dan jispjega d-differenza ta’ EUR 112 miljun meta mqabbla mal-profil.

3.1.2.Il-frott u l-ħaxix

L-eżekuzzjoni f’dan is-settur tinsab fit-triq it-tajba, filwaqt li n-nefqa ddikjarata hija ta’ EUR 8 miljun qabel il-profil.

3.1.3.Il-prodotti tas-settur tal-vitikultura

Għal dan l-artikolu tal-baġit, in-nefqa ddikjarata s’issa hija ta’ 2 % -punti jew EUR -23 miljun inqas mill-profil tan-nefqa.

Id-diverġenza żgħira hija kkunsidrata temporanja u l-ammont ibbaġitjat mistenni li jiġi implimentat lejn tmiem is-sena.

3.1.4.Prodotti/miżuri oħra tal-pjanti

L-ispejjeż iddikjarati huma 6 % -punti jew EUR -14 miljun lura mill-profil. Il-pagamenti għall-POSEI (programmi speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi) huma aktar baxxi milli mistenni.

Hawnhekk ukoll, id-diverġenza hija kkunsidrata temporanja u l-ammont ibbaġitjat mistenni li jiġi implimentat lejn tmiem is-sena.

3.1.5.Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib 

Id-devjazzjoni mill-profil tan-nefqa hija spjegata mid-dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-qligħ (bi tqabbil mal-valur tal-kontabilità) fuq il-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat.

3.2.Il-pagamenti diretti 

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti qabeż il-profil tal-konsum b’EUR 1 347 miljun, jew +3.4 % punti.

3.2.1.Il-pagamenti diretti diżakkoppjati

In-nefqa ddikjarata hija ta’ EUR 1 359 miljun jew 4 % punti qabel il-profil. Il-pagament għall-bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali huwa konformi mal-profil, filwaqt li n-nefqa għall-ħames skemi l-oħra huwa qabel il-profil tal-infiq. L-iskema ta’ Pagament Bażiku u l-Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-fażi tal-bidu, b’+ EUR 977 miljun u + EUR 278 miljun rispettivament.

3.2.2.Pagamenti diretti oħrajn

In-nefqa ddikjarata taħt dan l-artikolu tal-baġit hija konformi mal-profil.

4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

It-tabella fl-anness turi li sal-aħħar ta’ Jannar 2019 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 195 miljun. B'mod speċifiku:

·id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażat fuq deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-approvazzjoni tal-konformità ammonta għal EUR 146 miljun, b’ammonti addizzjonali li mistennija sa tmiem is-sena baġitarja;

·id-dħul mill-irregolaritajiet ammonta għal EUR 48 miljun, b’xi ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena baġitarja, u

·xi dħul li kien għad fadal jinġabar mill-imposta fuq il-ħalib li kien jammonta għal EUR 0,8 miljun.

Fl-aħħar nett, l-ammont ta’ dħul assenjat eventwalment riportat mill-2018 għall-2019 jammonta għal EUR 449 miljun, li huwa EUR 4.8 miljun inqas milli kien antiċipat meta ġie adottat il-baġit tal-2019.

Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli fil-31 ta’ Jannar 2019 għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG kien ta’ EUR 644 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija jinġabru matul is-sena baġitarja.

5.Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-FAEG tal-2019 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2019, turi li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri huma EUR 1 183 miljun ogħla mill-profil tal-konsum ikkalkulat.

Ammont ta’ EUR 644 miljun ta’ dħul assenjat huwa diġà disponibbli, u huwa mistenni l-ġbir ta’ ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.

Bħalissa, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvutati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena baġitarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.

(1)

   Skont l-Artikolu 12(4)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat intern jistgħu jiġi riportati biss għas-sena finanzjarja ta’ wara. Għalhekk, fl-interessi ta’ ġestjoni soda tal-baġit, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel, qabel kull approprjazzjoni vvutata tal-artikolu tal-baġit ikkonċernat.


Brussell, 25.4.2019

COM(2019) 214 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG

Sistema ta' Twissija Bikrija Nru 1-3/2019