Brussell, 27.3.2019

COM(2019) 155 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-kwalità tad-,Italicdata fiskali li rrapportaw l-Istati Membri fl-2018


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-kwalità tad-data fiskali li rrapportaw l-Istati Membri fl-2018

WERREJ

1.    Sfond    

2.    Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2018 tal-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern    

2.1.    Il-puntwalità, l-affidabbiltà u l-kompletezza    

2.1.1.    Il-puntwalità    

2.1.2.    L-affidabbiltà    

2.1.3.    Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta’ sostenn    

2.1.4.    Tabella supplimentari għar-rapportar tal-intervent tal-gvern bħala sostenn lill-istituzzjonijiet finanzjarji    

2.1.5.    Kwestjonarju dwar l-għoti ta’ self intergovernamentali    

2.2.    Il-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà u l-konsistenza tad-data statistika    

2.2.1.    L-iskambju ta’ informazzjoni u kjarifiki    

2.2.2.    Żjarat ta’ djalogu u ta’ metodoloġija    

2.2.3.    Konsulenza speċifika mill-Eurostat    

2.2.4.    Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti    

2.2.5.    Il-konsistenza mal-kontijiet tal-gvern sottostanti    

2.3.    Pubblikazzjoni    

2.3.1.    Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri nominali u t-tabelli dettaljati tar-rapportar    

2.3.2.    Riżervi dwar il-kwalità tad-data    

2.3.3.    Emendi fid-data rrapportata    

2.3.4.    Il-pubblikazzjoni tal-metadata (inventarji)    

3.    Konklużjonijiet    


1.Sfond

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 dwar l-applikazzjoni tal-protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) 1 jobbliga lill-Kummissjoni (l-Eurostat) tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-data 2 fiskali attwali li rrapportaw l-Istati Membri. Dan ir-rapport annwali jipprovdi valutazzjoni kumplessiva dwar il-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-konsistenza tad-data u dwar il-konformità tagħha mar-regoli tal-kontabbiltà. Il-Kummissjoni adottat ir-rapport preċedenti (dwar id-data tal-2017) fit-8 ta’ Marzu 2018. 3

L-Eurostat regolarment jivvaluta l-kwalità tad-data attwali dwar il-PDE li jirrapportaw l-Istati Membri u tal-kontijiet settorjali sottostanti tal-gvern ġenerali skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 4 (ESA 2010). Il-valutazzjoni tiegħu tikkonċentra fuq il-fatturi li jispjegaw is-surplus/id-defiċit tal-gvern ġenerali (bħala perċentwal tal-PDG) u l-bidliet fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG. L-Istati Membri jibagħtu dik l-informazzjoni lill-Eurostat darbtejn fis-sena fit-‘tabelli ta’ notifika tal-PDE’, il-‘Questionnaire related to the EDP notification tables' (il-'Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-PDE’), is-'Supplementary table for reporting government intervention to support financial institutions' (it-‘Tabella supplimentari dwar l-interventi tal-gvern bħala sostenn lil istituzzjonijiet finanzjarji’) u permezz ta’ kjarifiki bilaterali. L-Eurostat iżomm ukoll kuntatt mal-Istati Membri permezz ta’ żjarat ta’ djalogu regolari dwar il-PDE.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sejbiet u r-riżultati ewlenin tad-data tal-PDE li rrapportaw l-Istati Membri fl-2018. Huwa jiffoka fuq l-aktar rapporti riċenti, li ġew sottomessi f’Ottubru 2018 u, fejn xieraq, iqabbilhom mad-data mibgħuta f’April 2018 u fl-2017.

2.Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2018 tal-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern

2.1.Il-puntwalità, l-affidabbiltà u l-kompletezza

2.1.1.Il-puntwalità

L-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw id-data attwali u ppjanata tagħhom dwar il-PDE lill-Eurostat darbtejn fis-sena, qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru 5 . Fl-2018, ir-rapportar tal-PDE kopra l-perjodu 2014-2018. Iċ-ċifri għall-2018 huma dawk li ppjanaw l-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ċ-ċifri tal-2014-2017 huma data attwali 6 . Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, l-Eurostat jivvaluta d-data attwali, iżda mhux id-data ppjanata.

L-Istati Membri kollha ssodisfaw l-iskadenzi tar-rapportar għaż-żewġ notifiki.

2.1.2.L-affidabbiltà

Ir-reviżjonijiet li saru bejn in-notifiki tal-PDE ta’ April 2018 u Ottubru 2018 kienu dovuti prinċipalment għal aġġornamenti tad-data sors (primarjament bilanċi operatorji u data tat-taxxa), u bidliet metodoloġiċi, bħal riklassifikazzjonijiet ta’ unitajiet jew tranżazzjonijiet.

Bħala riżultat tar-reviżjonijiet tad-data tal-2017 bejn in-notifiki ta’ April u Ottubru 2018, is-surplus/id-defiċit tal-gvern ta’ għaxar Stati Membri (bħala perċentwal tal-PDG) tjieb, filwaqt li dak ta’ tmienja oħrajn mar għall-agħar. L-akbar reviżjonijiet pożittivi saru mill-Polonja, mis-Slovakkja, mill-Iżvezja (+0.3 pp f’kull każ) u mill-Bulgarija (+0.2 pp), filwaqt li l-akbar reviżjonijiet negattivi saru minn Malta (-0.4 pp), mill-Ungerija u mill-Ġermanja (-0.3 pp kull waħda). L-akbar reviżjonijiet ’il fuq fid-dejn tal-2017 minħabba raġunijiet oħrajn għajr ir-reviżjoni tal-PDG saru minn Franza (+1.7 pp), mill-Bulgarija (+0.8 pp), min-Netherlands u minn Ċipru (+0.5 pp kull wieħed), mill-Belġju (+0.4 pp) u minn Malta (+0.3 pp); filwaqt li d-Danimarka rrevediet id-dejn ’l isfel (-0.3 pp).

Ir-reviżjonijiet tal-PDG kellhom impatt notevoli fuq il-proporzjon tad-dejn għal bosta Stati Membri. B’mod partikolari, ġew osservati żidiet fil-proporzjon tad-dejn minħabba r-reviżjoni tal-PDG għas-Slovenja, l-Irlanda (it-tnejn +0.5 pp), l-Iżvezja (+0.2 pp), is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka (it-tnejn +0.1 pp), kif ukoll tnaqqis għal 22 Stat Membru, bl-akbar tnaqqis ikun għall-Greċja (-2.5 pp), Ċipru (-1.8 pp), il-Portugall (-1.0 pp), l-Italja u l-Bulgarija (it-tnejn -0.6 pp).

2.1.3.Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta’ sostenn

L-ikkompletar tat-tabelli tar-rapportar huwa obbligu legali u huwa essenzjali għal valutazzjoni xierqa tal-kwalità tad-data mill-Eurostat. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jibagħtu l-informazzjoni statistika rilevanti lill-Eurostat, li(…) b’mod partikolari (…) tfisser:

(a)    data minn kontijiet nazzjonali;

(b)    inventarji;

(c)    tabelli ta’ notifika tal-PŻE [PDE];

(d)    kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.”

Jeżistu erba’ tabelli ta’ notifika tal-PDE ewlenin:

-it-tabella 1 tkopri r-rapportar tas-surplus/tad-defiċit tal-gvern (bħala total u skont is-sottosettur tal-gvern) u l-livelli tad-dejn (bħala total 7 u skont il-kategorija tal-istrument finanzjarju). Din tkopri wkoll il-PDG skont il-prezzijiet kurrenti tas-suq u n-nefqa tal-gvern fuq il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u l-imgħax;

-it-tabelli 2A sa 2D jipprovdu d-data li tispjega t-tranżizzjoni bejn id-definizzjonijiet nazzjonali tal-bilanċ tal-gvern (imsejjaħ “il-bilanċ operatorju” fil-metodoloġija tal-kontijiet nazzjonali) u s-surplus/id-defiċit ta’ kull sottosettur tal-gvern (imsejjaħ “għoti ta’ self nett/teħid ta’ self nett” fil-metodoloġija tal-kontijiet nazzjonali) 8 ; 

-it-tabelli 3A sa 3D jipprovdu d-data li tispjega l-kontribuzzjonijiet tas-surplus/tad-defiċit tal-gvern u fatturi rilevanti oħrajn għall-varjazzjoni fil-livell tad-dejn tal-gvern u fil-konsolidazzjoni tad-dejn; u

-it-tabella 4 tinkludi prinċipalment data dwar krediti kummerċjali u avvanzi 9 .

Fl-2018, it-tabelli 1 u 2 tal-PDE koprew il-perjodu 2014-2018 10 u t-tabelli l-oħrajn koprew il-perjodu 2014-2017.

F’April u Ottubru, l-Istati Membri kollha pprovdew it-tabelli ta’ notifika kollha tal-PDE 11 lill-Eurostat. Fir-rapportar ta’ Ottubru, huma kollha mlew kompletament it-tabella 1 tal-PDE u pprovdew id-dettalji fit-tabella 2 tal-PDE dwar ir-rabta bejn il-bilanċ operatorju u s-surplus/id-defiċit tal-PDE għas-sottosetturi kollha. Xi Stati Membri (il-Ġermanja u l-Awstrija) ma rrapportawx l-entrati ta’ tranżizzjoni kollha kif mitlub fil-mudell, filwaqt li xi wħud (il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Finlandja u l-Iżvezja) inkludew biss xi entrati ta’ tranżizzjoni residwi.

Xi Stati Membri ma pprovdewx ir-rendikonti kollha fit-tabelli 3 kollha tal-PDE, b’mod partikolari għall-gvern lokali.

L-istokk tal-gvern ġenerali ta’ krediti kummerċjali u avvanzi għandu jiġi rrapportat fit-tabella 4 tal-PDE. Madankollu, il-kopertura kompleta tas-sottosetturi kollha tal-gvern, kif ukoll fis-sottosetturi, sa issa għadha ma nkisbitx għall-Istati Membri kollha. Xi Stati Membri mmarkaw id-data bħala provviżorja jew stmata. Konsegwentement, id-data għall-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit tista’ tkun soġġetta għal reviżjoni fin-notifiki futuri.

Filwaqt li l-kompletezza tat-tabelli tal-PDE għadha tista’ tittejjeb, il-kwistjonijiet pendenti huma mistennija li jkollhom impatt żgħir fuq il-kwalità tad-data.

L-Istati Membri kollha ssottomettew tweġibiet għall-‘Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-PDE’ 12 . Għalkemm il-kopertura u l-kwalità tat-tweġibiet komplew jitjiebu, għad hemm bżonn li jsir progress, minħabba li xi Stati Membri ma rrapportawx id-dettalji kollha mitluba. B’mod partikolari, dan jikkonċerna d-data dwar il-kanċellazzjonijiet tal-pretensjonijiet u tad-dejn mill-gvern ċentrali, ir-rendikont ta’ kontijiet oħrajn riċevibbli/pagabbli, ir-reġistrazzjoni ta’ garanziji tal-gvern (prinċipalment għall-gvern lokali) u d-data dwar l-injezzjonijiet ta’ kapital.

2.1.4.Tabella supplimentari għar-rapportar tal-intervent tal-gvern bħala sostenn lill-istituzzjonijiet finanzjarji 

L-Eurostat ilu mill-15 ta’ Lulju 2009 jiġbor sett ta’ data supplimentari dwar l-interventi tal-gvern bħala sostenn lill-istituzzjonijiet finanzjarji. Id-data miġbura fl-2018 tkopri mill-2007-2017. L-Istati Membri kollha minbarra ħamsa (l-Estonja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) irrapportaw interventi tal-gvern f’dak il-perjodu. L-uniċi interventi li rrapportaw il-Finlandja (fl-2008) u r-Repubblika Ċeka (mill-2013 sal-2015) kienu jikkonċernaw l-obbligazzjonijiet kontinġenti. Fl-2017, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rrapportaw li l-interventi tal-gvern b'sostenn lil istituzzjonijiet finanzjarji kellhom impatt li jżid id-defiċit, newtrali jew limitat, , bl-eċċezzjoni tal-Portugall, l-Italja u Ċipru, fejn dan l-impatt kien akbar. L-akbar impatti akkumulati fuq id-dejn tal-gvern fl-aħħar tal-2017 kienu osservati fil-Greċja, f’Ċipru u fl-Irlanda.

Flimkien mal-istqarrija għall-istampa tiegħu dwar il-PDE, l-Eurostat ippubblika nota ta’ spjegazzjoni 13 dwar l-interventi tal-gvern bħala sostenn lil istituzzjonijiet finanzjarji b’aktar informazzjoni dwar il-kontenut tat-tabella supplimentari u s-sejbiet tad-data. 

2.1.5.Kwestjonarju dwar l-għoti ta’ self intergovernamentali

L-Istati Membri jipprovdu data dwar l-għoti ta’ self intergovernamentali bilaterali, li ġeneralment jiġi pprovdut taħt programmi ta’ assistenza finanzjarja. Dik id-data u l-informazzjoni ulterjuri dwar il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja huma inklużi wkoll fl-istqarrija għall-istampa dwar l-PDE. Fil-perjodu 2014-2017, id-data kienet relatata prinċipalment mal-għoti ta’ self lill-Greċja, lill-Irlanda u lill-Portugall.

L-għoti ta' self intergovernamentali bilaterali jitnaqqas meta jiġu kkalkolati l-aggregati tal-UE-28 u taż-żona tal-euro għad-dejn tal-gvern ta’ Maastricht, hekk kif it-tnejn jintwerew fuq bażi konsolidata.

2.2.Il-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà u l-konsistenza tad-data statistika

2.2.1.L-iskambju ta’ informazzjoni u kjarifiki

Fil-perjodu ta’ notifika ta’ tliet ġimgħat bejn l-iskadenzi tar-rapportar tar-rebbiegħa/tal-ħarifa u l-pubblikazzjoni tad-data, l-Eurostat ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika kollha sabiex jitlobhom aktar informazzjoni u sabiex huma jikkjarifikaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabbiltà għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Dan involva diversi sensiliet ta’ korrispondenza.

Għall-perjodu ta’ rapportar tal-ħarifa 2018, l-ewwel sensiela ta’ talbiet għal kjarifika ntbagħtet lill-Istati Membri kollha sal-5 ta’ Ottubru, filwaqt li t-tieni waħda ntbagħtet sat-12 ta’ Ottubru; it-tielet sensiela ntbagħtet lil 16-il Stat Membru u r-raba’ waħda ntbagħtet lil Stat Membru wieħed. L-Eurostat talab lil xi Stati Membri sabiex jipprovdu ‘tabelli ta’ notifika tal-PDE’ riveduti, tabelli riveduti għall-kontijiet tal-gvern sottostanti (jiġifieri l-kontijiet annwali tan-nefqa u tad-dħul, u l-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji trimestrali) u ‘Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-PDE’ rivedut. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bidliet fid-data kienu korrezzjonijiet ta’ erruri tekniċi, inkonsistenzi interni u aġġustamenti. Ftit bidliet kienu relatati ma’ aġġornamenti tad-data sors għad-data attwali u ppjanata.

2.2.2.Żjarat ta’ djalogu u ta’ metodoloġija

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jipprevedi li l-Eurostat jagħmel żjarat ta’ djalogu u ta’ metodoloġija fl-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tad-DĠ ECFIN u tal-Bank Ċentrali Ewropew jieħdu sehem regolarment f’dawn iż-żjarat bħala osservaturi.

Matul iż-żjarat ta’ djalogu regolari (mill-inqas kull sentejn) fl-Istati Membri, l-Eurostat janalizza d-data rrapportata, jeżamina kwistjonijiet metodoloġiċi, jiddiskuti proċessi u sorsi tal-istatistika deskritti fl-inventarji u jivvaluta l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà rilevanti (id-delimitazzjoni tal-gvern ġenerali, iż-żmien tar-reġistrazzjoni, u l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-obbligazzjonijiet tal-gvern).

Iż-żjarat metodoloġiċi jsiru biss f’każijiet eċċezzjonali meta jkunu ġew identifikati b’mod ċar riskji sinifikanti jew problemi bil-kwalità tad-data.

Jistgħu jiġu organizzati wkoll żjarat ad hoc jew tekniċi jekk l-Eurostat iqajjem kwistjoni importanti speċifika ma’ Stat Membru li tkun tista’ tissolva biss b’laqgħat mal-awtoritajiet ikkonċernati.

Fl-2018, l-Eurostat għamel żjarat ta’ djalogu dwar il-PDE fin-Netherlands, fil-Finlandja, fir-Rumanija, fil-Ġermanja, fil-Polonja, fil-Greċja (darbtejn), fil-Litwanja, f’Malta, fil-Bulgarija, fil-Belġju, fil-Kroazja u fl-Italja. Kien hemm ukoll żjarat ad hoc fi Franza u Spanja, żjara teknika waħda fl-Iżlanda, iżda ma kien hemm ebda żjara metodoloġika.

Is-sejbiet finali ta’ kull żjara ta’ djalogu, inklużi l-punti ta’ azzjoni miftiehma u l-istatus tal-kwistjonijiet imqajma, jintbagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Eurostat 14 . Matul iż-żmien, iż-żjarat ta’ djalogu u l-implimentazzjoni tal-punti ta’ azzjoni tejbu ferm il-kwalità tad-data.

2.2.3.Konsulenza speċifika mill-Eurostat

L-Istati Membri jikkonsultaw regolarment mal-Eurostat sabiex jikkjarifikaw il-kwistjonijiet tal-kontabbiltà nazzjonali fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-passat jew tal-ġejjieni. L-Eurostat jipprovdi konsulenza skont il-linji gwida ppubblikati 15 . Minn Lulju 2016, fl-interessi tat-trasparenza, l-Eurostat ippubblika l-ittri ta’ konsulenza kollha tiegħu 16 mingħajr ma l-ewwel talab il-kunsens tal-Istat Membru inkwistjoni, kif kienet il-prassi fil-passat. Fl-2018, huwa ppubblika 21 ittra ta’ konsulenza.

2.2.4.Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti

L-Eurostat jimmonitorja l-applikazzjoni tar-regoli tal-ESA 2010 u tad-deċiżjonijiet metodoloġiċi tiegħu billi janalizza d-data li rrapportaw l-Istati Membri fit-tabelli tal-PDE u fil-‘Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta’ notifika tal-PDE’, kif ukoll permezz ta’ diskussjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika matul iż-żjarat ta’ djalogu tal-PDE.

Huwa jipprovdi gwida metodoloġika addizzjonali dwar ir-regoli tal-kontabbiltà għall-PDE u l-Istatistika tal-Finanzi tal-Gvern, li jikkomplementaw ir-regoli ġenerali tal-ESA 2010. In-noti ta’ gwida jinħarġu taħt ir-responsabbiltà tal-Eurostat wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Taħt ir-responsabbiltà tal-Eurostat jinħarġu wkoll kjarifiki li jispjegaw ir-regoli tal-kontabbiltà għal kwistjonijiet speċifiċi ħafna.

Fit-8 ta’ Mejju 2018, l-Eurostat ippubblika gwida 17 dwar it-trattament statistiku tal-kuntratti tal-prestazzjoni tal-enerġija.

Il-kwistjonijiet mhux koperti biżżejjed fil-manwali u l-gwida eżistenti ġew analizzati u diskussi aktar fi gruppi ta’ ħidma tekniċi u f’task forces.

Minbarra ż-żewġ laqgħat regolari tal-grupp ta’ ħidma tal-istatistika tal-PDE, l-Eurostat organizza tliet laqgħat tat-task force (tnejn dwar kwistjonijiet metodoloġiċi tal-PDE u waħda dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern).

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN ta’ Novembru 2017, l-Eurostat analizza l-effettività tad-dokument ġdid ‘Procedures for the development and implementation of methodology underpinning EDP data’ 18 (Proċeduri ġodda għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-metodoloġija li fuqha tibbaża d-data tal-PDE) wara sena ta’ esperjenza, filwaqt li ffoka fuq l-applikazzjoni tagħhom għall-iżvilupp tat-tip differenti ta’ linji gwida metodoloġiċi li jinterpretaw u jikkomplementaw l-ESA 2010. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN ta’ Novembru 2018 dwar l-Istatistika tal-UE 19 ssottolinjaw li l-Kunsill laqa’ b'sodisfazzjoni l-progress fl-introduzzjoni ta’ bidliet metodoloġiċi b’mod strutturat u skedat u dwar il-proċeduri ġodda li jirrigwardjaw il-gwida ġdida. L-Eurostat ser ikompli jaħdem flimkien mal-Istati Membri sabiex jikkomplementa u jikkjarifika l-proċeduri eżistenti tad-data tal-PDE bil-għan li jiżgura l-applikazzjoni effettiva tagħhom.

Fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha 20 dwar l-investigazzjoni relatata mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 21 u Rakkomandazzjoni 22 għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li timponi multa fuq l-Awstrija għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-dejn f’Land Salzburg. Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 23 fit-28 ta’ Mejju 2018 u impona multa ta’ EUR 26.82 miljun fuq l-Awstrija għall-miżrappreżentanza tad-data dwar id-dejn tal-gvern minħabba n-negliġenza serja ta’ tliet entitajiet tal-gvern.

2.2.5.Il-konsistenza mal-kontijiet tal-gvern sottostanti

L-iskadenzi għan-notifika tal-1 ta’ April u tal-1 ta’ Ottubru skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 ġew introdotti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kontijiet annwali u trimestrali sottostanti fis-settur tal-gvern, kif irrapportati lill-Eurostat f’diversi tabelli ta’ trażmissjoni tal-ESA. B’mod partikolari, in-nefqa u d-dħul totali tal-gvern għandhom ikunu konsistenti maċ-ċifra tas-surplus/tad-defiċit tal-PDE rrapportata.

Id-data tal-PDE kienet ġeneralment konsistenti mal-kontijiet tal-gvern tal-ESA 2010 irrapportati, għalkemm hemm xi preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-karti bilanċjali għall-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji (stokkijiet) u l-kontijiet finanzjarji trimestrali tal-gvern ġenerali (it-tabella 27 tal-ESA). Għadhom meħtieġa aktar sforzi minn xi Stati Membri sabiex itejbu l-konsistenza tat-tabella 3 tal-PDE mat-tabella 27 tal-ESA.

Hemm inkonsistenzi sostanzjali fit-tranżazzjonijiet finanzjarji netti għal numru ta’ snin għall-Greċja, minħabba li l-kontijiet finanzjarji rrapportati mill-Bank tal-Greċja mhumiex allinjati mad-data tal-PDE rrapportata mill-ELSTAT. Il-Bank tal-Greċja ma segwiex il-gwida tal-Eurostat dwar il-kontabbiltà skont l-ESA 2010 fir-rigward ta' għadd ta' kwistjonijiet. F’Ottubru 2015, l-Eurostat iddeċieda li ma jippubblikax it-tabella 27 tal-ESA għall-Greċja qabel ma jissolvew il-kwistjonijiet.

Hemm ukoll inkonsistenzi notevoli għal Franza fir-reġistrazzjoni ta’ kontijiet oħrajn riċevibbli għall-gvern ċentrali u fondi tas-sigurtà soċjali fl-2017.

Għall-Ġermanja, il-Portugall (2014-2017) u Spanja (2014-2016), ir-rapportar tad-diskrepanza statistika fit-tabelli ta’ notifika ta’ Ottubru 2018 jiddevja mill-konvenzjoni għat-Tabella 27 tal-ESA u dan iwassal sabiex jinħolqu diskrepanzi sostanzjali għas-snin kollha.

Id-data dwar is-surplus/id-defiċit, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u n-nefqa fuq l-imgħax li rrapportaw l-Istati Membri kienet totalment konsistenti mad-data annwali u trimestrali dwar in-nefqa u d-dħul tal-gvern (it-tabelli 2 u 25 tal-ESA). Barra minn hekk, id-data dwar id-dejn annwali u d-dejn trimestrali tal-gvern (it-tabella 28 tal-ESA) qablet perfettament għall-Istati Membri kollha.

2.3.Pubblikazzjoni

2.3.1.Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri nominali u t-tabelli dettaljati tar-rapportar

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, “il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-data attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rappurtar […]. Dik il-fornitura ta’ data għandha titwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni”.

L-Eurostat ippubblika d-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern fuq is-sit web tiegħu fit-23 ta’ April 24 u fit-22 ta’ Ottubru 25 , flimkien mat-tabelli tar-rapportar finali kollha 26 nnotifikati mill-Istati Membri, kif ukoll noti dwar:

-l-aġġustament stokk-flussi;

-l-interventi tal-gvern bħala sostenn lil istituzzjonijiet finanzjarji;

-l-istokk tal-obbligazzjonijiet ta’ krediti kummerċjali u avvanzi; u

-ir-reviżjonijiet tas-surplus/tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern.

Huwa ppubblika wkoll stqarrija għall-istampa dwar id-dejn ta’ Maastricht trimestrali, wara bejn wieħed u ieħor t+115-il jum 27 u stqarrija għall-istampa dwar id-defiċit tal-gvern ġenerali trimestrali.

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jobbliga lill-Istati Membri jippubblikaw id-data attwali tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn. L-Istati Membri kollha jippubblikaw ċifri dwar id-defiċit u d-dejn fil-livell nazzjonali. Ħafna minnhom għarrfu lill-Eurostat li ser jippubblikaw it-tabelli tal-PDE kollha tagħhom. Ħames Stati Membri (il-Bulgarija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja u s-Slovakkja) ppubblikaw biss uħud mit-tabelli tal-PDE. Franza ppubblikat id-data dwar id-defiċit u d-dejn fil-livell nazzjonali f’format differenti mit-tabelli tal-PDE.

2.3.2.Riżervi dwar il-kwalità tad-data

April 2018

L-Eurostat żamm ir-riżerva tiegħu dwar il-kwalità tad-data li rrapportaw l-Ungerija u Franza. Ir-riżerva dwar il-kwalità tad-data rrapportata mill-Ungerija fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-settur tal-fondazzjonijiet maħluqa mill-Bank Nazzjonali Ungeriż inżammet, filwaqt li r-riżerva minħabba l-klassifikazzjoni tas-settur ta’ Eximbank ġiet irtirata. Ir-riżerva dwar il-kwalità tad-data rrapportata minn Franza ġiet emendata meta mqabbla mal-istqarrija għall-istampa ta’ Ottubru 2017 fir-rigward tal-klassifikazzjoni settorjali tal-Agence Française de Développement u t-trattament tal-injezzjoni tal-kapital f’AREVA.

L-Eurostat irtira r-riżerva tiegħu dwar il-kwalità tad-data rrapportata mill-Belġju fir-rigward tal-klassifikazzjoni settorjali tal-isptarijiet, sakemm jinħarġu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li għaddejjin dwar il-kwistjoni fil-livell tal-UE.

Ottubru 2018

L-Eurostat żamm ir-riżerva tiegħu dwar il-kwalità tad-data rrapportata mill-Ungerija fir-rigward tal-klassifikazzjoni settorjali tal-fondazzjonijiet maħluqa mill-Bank Nazzjonali Ungeriż.

L-Eurostat irtira r-riżerva tiegħu dwar il-kwalità tad-data rrapportata minn Franza fir-rigward tal-klassifikazzjoni settorjali tal-Agence Française de Développement u dwar it-trattament tal-injezzjoni tal-kapital f’AREVA.

2.3.3.Emendi fid-data rrapportata

L-Eurostat ma għamel ebda emenda fid-data rrapportata mill-Istati Membri fin-notifiki tal-PDE ta’ April jew Ottubru 2018.

2.3.4.Il-pubblikazzjoni tal-metadata (inventarji) 28

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 jispeċifika li l-inventarji tal-PDE huma parti mill-informazzjoni statistika li jridu jipprovdu l-Istati Membri. Huwa jesiġi wkoll li l-inventarji jiġu ppubblikati fil-livell nazzjonali.

Fl-2014, il-format tal-inventarji tal-PDE ttejjeb (billi saru bidliet fl-istruttura u l-livell ta’ dettall) u ntlaħaq ftehim mal-Istati Membri dwar il-mudell ta’ inventarju ġdid għall-ESA 2010. Sal-aħħar tal-2018, l-Eurostat kien ippubblika inventarji riveduti għal 24 Stat Membru. L-erba’ Stati Membri li fadal (Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu u n-Netherlands) ipprovdew abbozz ta’ inventarju tal-PDE fil-format il-ġdid u huwa mistenni aktar progress.

3.Konklużjonijiet

L-Eurostat jirrikonoxxi t-titjib ġenerali kontinwu fil-konsistenza u l-kompletezza tad-data fiskali rrapportata. Madankollu, jeħtieġ li l-kwalità tad-data fiskali tittejjeb aktar. Fl-2018, l-Eurostat fittex titjib fil-kwalità tad-data fiskali permezz ta’ kjarifiki bilaterali meta vvaluta n-notifiki tal-PDE u billi intensifika l-kuntatti u l-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri bejn in-notifiki. Il-pubblikazzjoni tal-ittri ta’ konsulenza kollha tiegħu dwar il-metodoloġija tejbet il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-trasparenza, l-istess bħall-isforzi komprensivi tiegħu fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn l-utenti u l-produtturi tal-istatistika fir-rigward tal-iżviluppi metodoloġiċi.

Xi Stati Membri, b’mod partikolari l-Greċja, għad għandhom problemi ta’ konsistenza fil-kontijiet finanzjarji trimestrali.

L-Eurostat żamm ir-riżervi tiegħu dwar il-kwalità tad-data rrapportata fin-notifiki tal-PDE minn Franza (April) u mill-Ungerija (April u Ottubru). Huwa rtira r-riżervi għall-Belġju (April) u għal Franza (Ottubru).

B’mod kumplessiv, l-Eurostat jikkonkludi li l-kwalità tar-rapportar tad-data fiskali kompliet titjieb fl-2018. B’mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew kwalità ogħla tad-data u informazzjoni aktar kompleta kemm fit-tabelli ta’ notifika tal-PDE, kif ukoll f'sottomissjonijiet statistiċi rilevanti oħrajn.

(1)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(2)

Data għall-aħħar erba’ snin skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

(3)

   COM(2018) 112 finali.

(4)

   Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA 2010) (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(5)

   L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

(6)

   Id-data attwali tista’ tkun ċifri stmati, provviżorji, semifinalizzati jew finali.

(7)

     Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE jiddefinixxi d-dejn tal-gvern bħala d-dejn gross ikkonsolidat tas-settur kollu tal-gvern ġenerali li jkun għadu pendenti fl-aħħar tas-sena (f’valur nominali). Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, id-dejn tal-gvern jinkludi flus u depożiti (AF.2), titoli tad-dejn (AF.3) u self (AF.4), kif definiti fl-ESA 2010.

(8)

     L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009.

(9)

   Ara d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjaw il-minuti tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 1993;    
https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/gfs/images/e/e7/Statements_9817.en93.pdf

(10)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 jobbliga espliċitament biss li l-Istati Membri jipprovdu d-data ppjanata fit-tabelli 1 u 2A tal-PDE.

(11)

   It-tabelli ta’ notifika tal-PDE tal-Istati Membri jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Eurostat:    
http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables

(12)

   Il-kwestjonarju fih 13-il taqsima li jitolbu informazzjoni kwantitattiva u xi kultant kwalitattiva f’bosta oqsma, pereżempju, it-tranżazzjonijiet ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, u mal-UE, l-akkwist ta’ tagħmir militari, il-garanziji tal-gvern, il-kanċellazzjonijiet tad-dejn, l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-gvern f’korporazzjonijiet pubbliċi, is-sħubiji pubbliċiprivati, it-tranżazzjonijiet ta’ dirottar, eċċ.

(13)

    https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/9306957/Background-note-on-gov-interventions-Oct2018.pdf  

(14)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/eurostat-edp-visits-to-member-states

(15)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/guidance-on-accounting-rules

(16)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/advice-to-member-states

(17)

https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/8885635/guide_to_statistical_treatment_of_epcs_en.pdf  

(18)

https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2041329/Procedures-Dev-and-Implt-Methodology-EDP-data.pdf  

(19)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13865-2018-INIT/mt/pdf

(20)

COM(2017) 94 finali.

(21)

Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1).

(22)

COM(2017) 93 finali.

(23)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/818 tat-28 ta’ Mejju 2018 li timponi multa fuq l-Awstrija għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-dejn f’Land Salzburg (ĠU L 137, 4.6.2018, p. 23).

(24)

    https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8824490/2-23042018-AP-EN.pdf

(25)

    https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/9328077/2-22102018-AP-EN.pdf  

(26)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables

(27)

     “t” tirreferi għat-tmiem tal-perjodu li għalih jikkorrispondi r-rapportar.

(28)

   L-inventarji tal-metodi, il-proċeduri u s-sorsi użati għall-kompilazzjoni tad-data attwali dwar id-defiċit u d-dejn u l-kontijiet tal-gvern sottostanti.