IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.3.2019
COM(2019) 120 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta’ standards soċjali għoljin
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta’ standards soċjali għoljin
1.Introduzzjoni
Fl-2017, l-UE mhux biss iċċelebrat il-25 sena tas-suq intern tagħha għall-avjazzjoni, iżda ddikjarat ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Din hija storja ta’ suċċess tal-UE. B’mod partikolari, is-suċċess tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE huwa possibbli bis-saħħa tal-ħafna Ewropej li jum wara l-ieħor jaħdmu u jservu fis-settur. Billi għamilha aktar faċli u orħos għall-Ewropej li jtiru, is-suq intern tal-avjazzjoni ġabhom eqreb u kkonnettjahom aħjar mal-bqija tad-dinja. L-għażla bla preċedent ta’ opportunitajiet ta’ vjaġġar bl-ajru ppermettiet lil ħafna Ewropej jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu fl-Ewropa u lil hinn minnha. L-għadd u l-frekwenza tat-titjiriet kibru b’mod sostanzjali. In-numru ta’ titjiriet ta’ kuljum żdied minn inqas minn 10,000 fl-1992 għal madwar 25,000 fl-2017 u r-rotot żdiedu minn inqas minn 2,700 għal 8,400. Fl-2017, kien hemm ’il fuq minn biljun passiġġier li vvjaġġaw bl-ajru fi ħdan, minn jew lejn l-UE.
Ġew armonizzati regoli dwar it-trasport bl-ajru fl-UE, li jiggarantixxu li l-operaturi kollha, jinsabu fejn jinsabu fl-UE, ikollhom l-istess aċċess għas-suq tat-trasport bl-ajru. Madankollu, il-protezzjoni soċjali u l-liġi tax-xogħol għadhom primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri.. Dan ifisser li filwaqt li l-persunal kollu tal-avjazzjoni jibbenefika mill-protezzjoni offruta mil-liġi tal-UE, dan jista’ jgawdi minn drittijiet u livelli ta’ protezzjoni differenti skont il-liġi nazzjonali li tapplika għalih. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun partikolarment ta’ sfida għall-ekwipaġġ tal-ajru (jiġifieri l-ekwipaġġ tal-kabina u l-bdoti) minħabba n-natura transkonfinali tal-impjiegi tagħhom.
Il-pressjoni li saret sabiex jitnaqqsu l-kostijiet f’suq kompetittiv ħafna stimulat l-innovazzjoni. Din kienet tirrikjedi wkoll li l-forza tax-xogħol tadatta għal ambjent li qed jiżviluppa malajr. Xi linji tal-ajru introduċew prattiki (bħall-impjegar ta’ ekwipaġġi tal-ajru permezz ta’ intermedjarji jew bħala ħaddiema għal rashom jew l-hekk imsejjaħ “pay-to-fly”) li jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi tal-ekwipaġġ tal-ajru u jaf jagħti lok għal xi inċertazza legali. Matul dawn l-aħħar snin saru serje ta’ strajkijiet fost l-ekwipaġġ tal-ajru f’numru ta’ Stati Membri, li huma espressjoni tal-iskuntentizza ta’ xi membri tal-ekwipaġġ tal-ajru bit-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi tagħhom.
Hemm leġiżlazzjoni sostanzjali tal-UE li tistabbilixxi standards minimi, u leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproteġi lill-ħaddiema, inkluż l-ekwipaġġi tal-ajru. Ġabra speċifika ta’ regoli tal-UE għandha l-għan ukoll li tipproteġihom fl-attivitajiet transkonfinali tagħhom u tiżgura li l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet ta’ xogħol u jkunu protetti meta jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom fis-suq intern. Madankollu, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-Istati Membri, il-linji tal-ajru u s-sħab soċjali esprimew tħassib dwar l-impatt negattiv li xi prattiki minn ċerti linji tal-ajru kellhom fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol ta’ xi ekwipaġġi tal-ajru. Huma mħassba li dan wassal għal inċertezza legali, livelli differenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għat-trasportaturi tal-ajru. Il-Kummissjoni rċeviet talbiet għal kjarifiki dwar dawn il-kwistjonijiet.
Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa, li enfasizzat l-aġenda soċjali fl-avjazzjoni bħala prijorità. Minn dak iż-żmien ’l hawn ħadet azzjoni fuq dawn l-impenji kollha tagħha. Il-Kummissjoni qed tappoġġja b’mod attiv id-djalogu soċjali fl-avjazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-kumitat settorjali tad-djalogu soċjali dwar l-avjazzjoni ċivili. Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat gwida prattika dwar il-liġi tax-xogħol applikabbli u l-qrati kompetenti. Sabiex tikseb aktar għarfien dwar is-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi tagħhom fis-suq tal-avjazzjoni tal-UE tal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi tal-ekwipaġġi tal-ajru fis-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE (l-“istudju Ricardo”). Hija bbenifikat ukoll minn studji esterni, skambji regolari mal-partijiet ikkonċernati u mill-kontribut tagħhom. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll l-impatti soċjali mhux intenzjonati ta’ din il-leġiżlazzjoni, notevolment fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fl-2017, il-Parlament Ewropew talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaġixxu fuq kwistjonijiet soċjali fl-avjazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ ekwipaġġi tal-ajru mobbli ħafna. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu aktar miżuri prattiċi biex tipprevjeni l-effetti negattivi fuq l-impjiegi, filwaqt li toħloq impjiegi ta’ kwalità tajba filwaqt li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni enfasizza li settur tal-avjazzjoni Ewropew kompetittiv u sostenibbli fit-tul huwa essenzjali għall-iżvilupp fil-livell lokali u reġjonali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. Dan jesprimi l-prinċipji u d-drittijiet essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Ewropa tas-seklu 21.
Aktar riċenti, u fil-kuntest deskritt hawn fuq, kien hemm numru ta’ Stati Membri li talbu għal azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex tiġi żviluppata u implimentata aġenda soċjali ambizzjuża u sinifikanti fl-avjazzjoni. Huma enfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u b’saħħitha u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għas-settur u talbu lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem fuq “miżuri konkreti u effettivi sabiex tindirizza l-kwistjonijiet mhux riżolti ewlenin”. Organizzazzjoni tal-linji tal-ajru li tirrappreżenta kważi kwart tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE u żewġ assoċjazzjonijiet tat-trejdjunjins li jirrappreżentaw lill-ekwipaġġ tal-ajru Ewropew għamlu wkoll appell urġenti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u tal-UE “sabiex jiżguraw standards soċjali xierqa u kundizzjonijiet ekwivalenti u ġusti ta’ kompetizzjoni” fis-suq tal-avjazzjoni tal-UE, b’enfasi fuq l-ekwipaġġ tal-ajru.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tqis il-progress li sar fuq l-aġenda soċjali fl-avjazzjoni, li ġiet stabbilita fl-istrateġija tal-avjazzjoni tal-2015. Billi jiffoka fuq l-ekwipaġġi tal-ajru, u skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-ġustizzja, ir-rapport janalizza l-opportunitajiet u l-isfidi ewlenin għall-ekwipaġġi tal-ajru llum il-ġurnata, billi jibni fuq is-sejbiet tal-istudju Ricardo, li analizza l-kwistjonijiet ewlenin identifikati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-ekwipaġġ tal-ajru, filwaqt li jimmira li jtejjeb iċ-ċertezza legali għall-ekwipaġġi tal-ajru mobbli. Huwa jidentifika wkoll xi azzjonijiet konkreti għal aġenda soċjali aktar b’saħħitha fl-avjazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir.
2.L-impjiegi u x-xogħol fis-suq tal-avjazzjoni tal-lum
L-avjazzjoni hija sors ta’ impjieg importanti. Fl-2016, kien stmat li s-settur tal-avjazzjoni fl-Unjoni kien iġġenera direttament 2 miljun impjieg, li 18.8 % minnhom kienu impjiegi fil-linji tal-ajru u, b’mod ġenerali, appoġġja 9.4 miljun impjieg. It-trasport bl-ajru fl-UE jammonta direttament għal 437,000 ħaddiem (193,000 mara u 244,000 raġel). Huwa mistenni li l-avjazzjoni tkompli tiġġenera aktar impjiegi. Ma hemm ebda ċifra disponibbli speċifikament rigward l-ekwipaġġ tal-ajru.
Tradizzjonalment, it-trasportaturi tal-ajru kellhom il-flotta u l-ekwipaġġ tal-ajru tagħhom f’pajjiż wieħed, jiġifieri fil-pajjiż fejn kellhom il-post tan-negozju prinċipali tagħhom. Dan kien jikkorrispondi wkoll għall-post fejn ħadmu l-ekwipaġġi tal-ajru, il-post fejn applikat il-leġiżlazzjoni soċjali u l-post li kellu l-ġuriżdizzjoni. F’suq liberalizzat u kompetittiv li jeħtieġ flessibbiltà u kost-effettività akbar, il-mudell kummerċjali tal-linji tal-ajru evolvew b’mod sinifikanti. F’dan il-kuntest, fis-settur ġew żviluppati diversi arranġamenti u prattiki tax-xogħol, bħalma ġara f’ħafna setturi oħrajn tal-ekonomija. It-titjiriet bi prezz baxx, li ġeneralment joperaw minn punt għal punt, kibru b’61 % mill-2007 sal-2016, u ħadu kważi 50 % tas-suq intra-UE f’termini tas-siġġijiet disponibbli. Biż-żieda fir-rotot minn punt għal punt, in-numru ta’ bażijiet operattivi kiber b’mod stabbli mill-2008, u l-inġenji tal-ajru u l-ekwipaġġi tal-ajru tal-istess linja tal-ajru qegħdin ikunu dejjem aktar ibbażati barra l-post tan-negozju prinċipali tal-linja tal-ajru, fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn jew xi drabi saħansitra f’pajjiżi terzi. Kif ġie enfasizzat mill-istudju Ricardo, l-użu ta’ aktar minn bażi operattiva barranija waħda kien karatteristika partikolari tat-trasportaturi bi prezz baxx. Madankollu, xi trasportaturi tradizzjonali bdew jiżviluppaw ukoll, b’mod limitat, bażijiet operattivi addizzjonali.
Din ix-xejra intensifikat in-natura transkonfinali tal-attivitajiet tal-ekwipaġġ tal-ajru u żiedet il-kumplessità fl-istatus ġuridiku tagħhom skont il-liġi nazzjonali u tal-UE. B’mod partikolari, hija ħolqot inċertezza dwar kif jiġi ddeterminat liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni u liema liġi tax-xogħol tapplika għall-kuntratt tal-impjieg tal-ekwipaġġi tal-ajru assenjati lil bażi residenzjali barra mill-post prinċipali tan-negozju tal-linja tal-ajru.
Ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, li huwa l-qafas legali tal-UE għas-suq intern fl-avjazzjoni tal-UE jirrikonoxxi “l-importanza dejjem akbar ta’ trasportaturi tal-ajru b’bażijiet operattivi f’bosta Stati Membri” (il-Premessa 4) u jistabbilixxi li “Fir-rigward tal-impjegati ta’ trasportatur tal-ajru Komunitarju li jħaddem servizzi tal-ajru minn bażi operattiva barra t-territorju tal-Istat Membru fejn dak it-trasportatur tal-ajru Komunitarju jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni soċjali Komunitarja u nazzjonali”(il-Premessa 9). Għalhekk, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru japplika mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE rilevanti u tal-liġi nazzjonali li tipproteġi lill-impjegati, bħal regoli dwar is-sigurtà soċjali. Dan ir-rapport jiffoka fuq ir-regoli li huma rilevanti għall-ekwipaġġi tal-ajru fil-kuntest tal-iżviluppi attwali fis-suq.
3.Id-dimensjoni soċjali bħala parti mill-valutazzjoni tas-sikurezza
Is-sikurezza hija l-ewwel prijorità fl-avjazzjoni. Ir-regoli dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE japplikaw bl-istess mod għall-persunal tal-avjazzjoni, irrispettivament mir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-linja tal-ajru. Ir-regoli dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE jinkludu l-kunċett ta’ bażi tas-servizz li jservi bħala referenza għall-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol u tat-titjiriet. Il-kunċett ta’ bażi tas-servizz ifisser “il-post, assenjat mill-operatur lill-membru tal-ekwipaġġ, li minnu l-membru tal-ekwipaġġ normalment jibda u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, f’kundizzjonijiet normali, l-operatur ma jkunx responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat”.
L-impatt potenzjali li jista’ jkollhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol differenti fuq is-sikurezza jittieħed b’serjetà kbira u huwa soġġett għal analiżi kontinwa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u mill-Kummissjoni. Żewġ żviluppi riċenti jkomplu jinkorporaw id-dimensjoni soċjali fil-valutazzjonijiet tas-sikurezza tal-linji tal-ajru.
F’Awwissu 2017, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet dwar mudelli kummerċjali ġodda ta’ operaturi tat-trasport kummerċjali bl-ajru. Minħabba l-arranġamenti kuntrattwali differenti fost l-ekwipaġġi tal-ajru (eż. mudelli ta’ xogħol temporanju, impjieg permezz ta’ intermedjarji jew impjieg indipendenti), ir-rapport irrakkomanda li l-operaturi jiffokaw fuq il-monitoraġġ skont it-tip ta’ kuntratt jew kategorija ta’ persunal fid-dawl ta’ numru ta’ indikaturi bħala parti minn sistema ta ’ġestjoni tas-sikurezza ta’ operatur.
Barra minn hekk, skont ir-Regolament Bażiku Ġdid dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Settembru 2018, jitqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi sabiex jiġu indirizzati r-riskji soċjoekonomiċi għas-sikurezza tal-avjazzjoni. Minbarra dan, meta l-EASA tabbozza regoli li jista’ jkollhom implikazzjonijiet soċjali importanti, hija trid tikkonsulta b’mod xieraq lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-imsieħba soċjali tal-UE.
4.Opportunitajiet u sfidi għall-ekwipaġġi tal-ajru fis-Suq tal-Avjazzjoni tal-UE tal-lum
4.1.L-attrazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ – iż-żamma u l-ħolqien ta’ impjiegi b’ħiliet għolja fit-trasport bl-ajru
Il-futur tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew jiddependi fuq l-abbiltà tiegħu li jattira u jżomm forza tax-xogħol b’ħiliet għolja. Skont il-pronjosi, bejn l-2017 u l-2037, ser ikun hemm domanda dinjija għal 538,000 bdot addizzjonali.
Il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari t-trejdjunjins u xi linji tal-ajru, kif ukoll il-Parlament Ewropew, huma mħassba li l-bdoti ser ikollhom iħallsu għal skopijiet ta’ taħriġ, bħal pereżempju għal-line training tagħhom waqt li joperaw bħala bdot regolari fuq inġenju tal-ajru f’servizz kummerċjali.
Huwa meħtieġ taħriġ li jieħu fit-tul u jiswa l-flus sabiex issir bdot. B’mod ġenerali, l-aċċess għall-professjoni jinkludi tliet stadji ewlenin: taħriġ bażiku sabiex tinkiseb il-liċenzja ta’ bdot tat-trasport b’linja tal-ajru (‘airline transport pilot licence’ - ATPL); klassifikazzjoni tat-tip sabiex ittajjar tip speċifiku ta’ inġenju tal-ajru; 'line training' fejn il-bdot jikseb l-esperjenza meħtieġa fit-titjir sabiex jopera bħala bdot regolari billi jtir fuq titjira kummerċjali tal-passiġġieri bħala bdot regolari (bħala t-tieni jew l-ewwel uffiċjal), flimkien ma’ kaptan tal-'line training'.
Il-prattiki tat-taħriġ tal-bdoti nbidlu b’mod sinifikanti matul l-aħħar deċennji. Il-linji tal-ajru ġeneralment kienu jħallsu għat-taħriġ tal-bdoti tagħhom, li mbagħad ħafna drabi kienu jkunu marbuta ma’ min iħaddimhom għal numru ta’ snin. Kien hemm ukoll numru kbir ta’ bdoti li kienu ġejjin mill-militar. L-istudju Ricardo jenfasizza li, illum il-ġurnata, il-maġġoranza tal-bdoti jridu jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-taħriġ tagħhom (sa ċertu punt) fil-livelli kollha. Il-maġġoranza tagħhom ikollhom iħallsu għat-taħriġ bażiku u l-klassifikazzjoni tat-tip tagħhom. Dawn il-kostijiet ġeneralment jikkostitwixxu kostijiet tal-edukazzjoni (simili għal professjonijiet oħrajn), li fil-każ tal-avjazzjoni huma partikolarment għoljin: it-taħriġ bażiku jista’ jiswa sa EUR 100,000; il-klassifikazzjoni tat-tip tiswa madwar EUR 30,000.
4.1.1.Pay to fly
Illum il-ġurnata, il-'line training' jista’ jiġi pprovdut minn min iħaddem bħala parti mill-impjieg ta’ bdot li jkun għadu kif lesta l-istudji tiegħu, jew inkella l-bdoti jista’ jkollhom bżonn iħallsu sabiex jiksbu esperjenza tat-titjir. Skont l-istudju Ricardo, is-sitwazzjoni msemmija l-aħħar ġeneralment issir referenza għaliha bħala ‘pay-to-fly’ jew ‘line training sponsorjat mill-persuna kkonċernata’. Ma teżisti ebda definizzjoni maqbula b’mod komuni ta’ ‘pay-to-fly’ fil-livell tal-UE. Ma hemm l-ebda informazzjoni ċara dwar jekk skemi bħal dawn humiex mifruxa jew le fl-Ewropa. Sabiex setgħu jiksbu l-esperjenza tat-titjir meħtieġa, bejn 2.2 u 6.1 % tal-bdoti mistħarrġa fl-istudju Ricardo kellhom jikkontribwixxu finanzjarjament waqt li kienu qegħdin itiru fuq titjiriet kummerċjali. Bil-maqlub, 19 mis-27 linja tal-ajru mistħarrġa ma użawx (jew ma pparteċipawx fi) skemi bħal dawn matul l-aħħar 3 snin. Ir-raġunijiet potenzjali għall-parteċipazzjoni fi skemi bħal dawn jistgħu jkunu (1) sabiex dawk ikkonċernati jikkwalifikaw aktar malajr sabiex ikunu jistgħu joperaw bħala kaptan u, b’mod aktar ġenerali, (2) sabiex tiżdied l-impjegabbiltà. Bdoti iżgħar u inqas esperjenzati għandhom it-tendenza li jipparteċipaw aktar fi skemi bħal dawn.
Il-pay-to-fly mhuwiex irregolat jew ipprojbit speċifikament fil-livell nazzjonali jew tal-UE. Madankollu, xi pajjiżi bħal Franza jew il-Ġermanja huma tal-fehma li prattiki bħal dawn huma potenzjalment parti minn relazzjoni tax-xogħol u, għalhekk, ma għandhomx jitħallsu mill-bdot. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi nnotat ukoll li l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea tobbliga lil min iħaddem sabiex jipprovdi taħriġ bla ħlas lill-impjegati meta dan it-taħriġ ikun meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE jew mill-ftehimiet kollettivi rilevanti.
4.1.2.Il-kwalità tat-taħriġ
Il-Grupp għal Politika dwar it-Taħriġ tal-Ekwipaġġ tal-Ajru qajjem tħassib dwar il-kwalità tal-programmi ta’ taħriġ offruti mill-iskejjel tat-titjir iċċertifikati. Il-ħiliet miksuba mill-kadetti mhux dejjem ikunu jaqblu mal-ħiliet meħtieġa mil-linji tal-ajru. Il-linji tal-ajru li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mis-suq tal-UE rrapportaw li proporzjon kbir ta’ bdoti li għandhom liċenzja ta’ bdot ta’ linja tal-ajru tat-trasport ma jissodisfawx ir-rekwiżiti bażiċi tad-dħul tal-linji tal-ajru. Dan jirrappreżenta kwistjoni serja għal dawk il-bdoti żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jsibu xogħol wara li jtemmu edukazzjoni li tiġi tiswihom ħafna flus. Fuq medda twila ta’ żmien, dan jista’ jwassal ukoll għal nuqqas possibbli ta’ bdoti kkwalifikati u li jkunu jistgħu jiġu impjegati, li jista’ jaffettwa t-tkabbir fl-industrija tal-avjazzjoni.
Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ awtomatizzazzjoni u teknoloġiji ġodda, bħalma huma d-drones, ser ikollu impatt fuq il-ħaddiema fl-avjazzjoni ċivili, inkluż l-ekwipaġġ tal-ajru. Il-konferenza organizzata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Novembru 2018 dwar l-Awtomatizzazzjoni fit-trasport u kif din taffettwa l-forza tax-xogħol identifikat il-ħtieġa li takkumpanjata t-tranżizzjoni billi tindirizza l-qasma diġitali u l-inugwaljanzi, timla l-diskrepanza fil-ħiliet u tkun lesta sabiex tindirizza l-konsegwenzi taċ-ċaqliq b’mod aktar faċli tal-impjiegi lejn partijiet oħrajn tad-dinja.
AZZJONI
Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, se tkompli tivvaluta kif il-proċess ta’ taħriġ tradizzjonali jista’ jimxi gradwalment lejn evidenza u taħriġ ibbażat fuq il-kompetenza biex jinżamm l-ogħla livell ta’ sikurezza tal-avjazzjoni filwaqt li tinżamm l-impjegabilità tal-bdoti fil-futur.
Il-Kummissjoni [tħeġġeġ lill-koleġiżlatur biex jadotta l-proposta għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u] se timmonitorja kif din id-Direttiva, ladarba tiġi trasposta, tħalli impatt fuq it-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-ajru.
Fl-2019, il-Kummissjoni se tniedi studju biex tidentifika diversi għażliet ta’ politika biex tappoġġa t-tranżizzjoni lejn trasport awtomatizzat għall-ħaddiema fil-mezzi kollha tat-trasport, inkluż it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid.
4.2.Iż-żamma u l-promozzjoni ta’ standards soċjali għoljin tal-UE għall-ekwipaġġi tal-ajru: xejriet u sfidi
4.2.1.Il-liġi applikabbli u l-ġuriżdizzjoni kompetenti
Skont l-istudju Ricardo, il-maġġoranza tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru li wieġbu għall-istħarriġ (82 % tal-bdoti u 88 % tal-ekwipaġġ tal-kabina) qalu li l-liġi applikabbli għall-kuntratti tagħhom hija dik tal-bażi tas-servizz kuntrattwali tagħhom. It-trasportaturi tal-ajru li għandhom it-tendenza li joperaw bosta bażijiet operazzjonali fejn huma bbażati l-ekwipaġġi tal-ajru nstabu li għandhom probabbiltà akbar li japplikaw il-liġi li tikkorrispondi għall-pajjiż fejn għandhom il-post tan-negozju prinċipali tagħhom, irrispettivament minn fejn ikunu bbażati l-ekwipaġġi tal-ajru tagħhom.
Minħabba l-mobbiltà għolja tal-ekwipaġġi tal-ajru, l-identifikazzjoni ta’ liema leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali u liema liġi tax-xogħol huma intitolati għaliha, u f’liema qorti jistgħu jitolbu d-drittijiet tagħhom, tista’ tkun ta’ sfida.
Ir-Regolament dwar il-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali jipprovdi regoli ta’ koordinazzjoni maħsuba sabiex jipproteġu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fl-Ewropa. Bħala regola, il-persuni huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Fil-każ speċifiku tal-ekwipaġġi tal-ajru, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab il-bażi tas-servizz tal-ekwipaġġ tal-ajru kif definita taħt il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni hija dik applikabbli. L-introduzzjoni ta’ dan il-fattur ta’ konnessjoni kkontribwixxiet għal aktar ċertezza legali fir-rigward tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-ekwipaġġi tal-ajru.
Il-Gwida prattika li tħejjiet fl-2016 min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali tipprovdi gwida li hija rilevanti ħafna għall-ekwipaġġ tal-ajru mobbli. Il-partijiet għal kuntratt ta’ impjieg individwali jistgħu jagħżlu l-liġi nazzjonali applikabbli u l-ġuriżdizzjoni kompetenti għall-iskop tal-kuntratt tagħhom. Sabiex l-impjegat jiġi protett bħala l-aktar parti dgħajfa fil-kuntratt, għażla ta’ ġuriżdizzjoni hija valida biss taħt il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fir-Regolament Brussell I li jittratta sitwazzjonijiet transkonfinali. Safejn hija kkonċernata l-liġi applikabbli, ir-regoli tar-Regolament Ruma I jiggarantixxu li, irrispettivament minn kwalunkwe għażla magħmula, l-impjegati huma intitolati għall-protezzjoni skont ir-regoli mandatorji tal-liġi tal-pajjiż li japplikaw fin-nuqqas ta’ tali għażla. Din il-liġi tikkorrispondi l-ewwel għal-liġi tal-post fejn, jew minn fejn, l-impjegati abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom. Il-kliem “jew minn fejn” ġew miżjuda mill-koleġiżlaturi biex jaġixxew fuq proposta mill-Kummissjoni ħalli jagħmluha possibbli li tiġi applikata r-regola għal persunal li jaħdem fuq inġenji tal-ajru.
F’sentenza importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ċċarat kif għandu jiġi ddeterminat il-post fejn, jew minn fejn, l-impjegati abitwalment jaħdmu f’tilwima li tinvolvi speċifikament l-ekwipaġġi tal-ajru. Il-Qorti ddeċidiet li l-“bażi tas-servizz” tal-ekwipaġġ tal-ajru, skont it-tifsira tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-ajru, għandha rwol sinifikanti fost l-indizji rilevanti f’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni ta’ dak il-post. Ir-rilevanza tagħha għal dan l-iskop tista’ tiġi kkontestata biss jekk ikunu jeżistu konnessjonijiet eqreb ma’ post ieħor għajr il-bażi tas-servizz, li jirrikjedu valutazzjoni każ b’każ. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-post tax-xogħol abitwali ma jistax jitqabbel man-‘nazzjonalità’ tal-inġenju tal-ajru. Il-każ kien jikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, iżda l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli li ma tistax tiġi dderogata skont ir-Regolament Ruma I. F’dan ir-rigward, Ruma I jirreferi għall-istess kunċett ta’ post tax-xogħol abitwali. Il-Qorti ddikjarat speċifikament li ż-żewġ strumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod konsistenti.
Il-Kummissjoni rreferiet għal dan l-iżvilupp fil-każistika riċenti tagħha mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali. Hija esprimiet l-aspettattiva tagħha li l-kumpaniji li joperaw fis-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE jirrispettaw il-liġijiet Ewropej u nazzjonali applikabbli kollha.
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, li jkopri l-aktar aspetti ċentrali tas-suq intern tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni qed tivvaluta, fost l-oħrajn, l-impatti soċjali mhux intenzjonati ta’ din il-leġiżlazzjoni, notevolment fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. B’mod parallel, hija kkummissjonat studju bħala parti mit-tħejjija għal valutazzjoni tal-impatt fil-futur fid-dawl ta’ reviżjoni possibbli tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru dwar l-aspetti kollha tiegħu.
AZZJONI
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew biex tqajjem kuxjenza dwar id-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u l-implikazzjonijiet tagħhom għal kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u l-liġi applikabbli għal kuntratti ta’ impjieg, inkluż aġġornament possibbli tal-gwida ta’ Prattika tal-2016 dwar ir-Regolamenti Ruma I u Brussell I biex jitqiesu d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
Il-Kummissjoni qed tmexxi studju li ser jgħinha tivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ aktar miżuri sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE, inter alia, sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali għall-ekwipaġġ tal-ajru mobbli, inklużi l-ekwipaġġi minn pajjiżi mhux tal-UE li jaħdmu fl-UE, fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg tagħhom.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, bil-mezzi xierqa, l-infurzar tar-regoli eżistenti fil-livell nazzjonali u sabiex jiżguraw ukoll il-konformità kontinwa mal-liġi tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
4.2.2. Impjieg permezz ta’ intermedjarji, inkluż xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija
Kif ġie kkonfermat mill-istudju Ricardo, ġew żviluppati xi forom ta’ impjieg jew arranġamenti ta’ xogħol, bħal arranġamenti ta’ impjieg indirett, kuntratti għal żmien qasir jew impjieg indipendenti, fis-suq intern tal-avjazzjoni, bħala alternattiva għall-kuntratt tradizzjonali ta’ impjieg indefinit. L-imsieħba soċjali Ewropej, b’mod partikolari, iżda anki xi Stati Membri, qajmu tħassib dwar ir-riskju ta’ impatt negattiv ta’ xi wħud minn dawn il-forom fuq l-impjiegi tal-ekwipaġġi tal-ajru u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Tqajjem ukoll tħassib dwar is-sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux ekwi li jirriżultaw minn abbuż jew ċirkomvenzjoni tal-liġi tax-xogħol applikabbli minn xi trasportaturi bl-ajru għad-detriment tat-trasportaturi tal-ajru li fil-fatt jikkonformaw mar-regoli tal-UE u nazzjonali rilevanti.
Storikament, is-settur tal-avjazzjoni kien joffri impjiegi bi kwalifiki għoljin u, fil-biċċa l-kbira, kundizzjonijiet tax-xogħol u limpjiegi aħjar millmedja għall-ekwipaġġ tal-ajru. Dan għadu jgħodd fil-maġġoranza kbira tal-każijiet, kif muri mill-istudju Ricardo: kuntratt ta’ impjieg permanenti u dirett ma’ trasportatur ta’ linja tal-ajru għadu l-forma predominanti ta’ impjieg għal 80 % tal-ekwipaġġ tal-kabina u 82 % tal-bdoti li jaħdmu fl-UE. L-isfida tal-lum hija li jiġi żgurat li dawk li jħaddmu jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa sabiex jadattaw għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, f’konformità mar-regoli u l-prinċipji rilevanti tal-liġi tal-UE.
L-istudju Ricardo jirreferi għad-diffikultà li tinġabar data affidabbli dwar l-użu ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju jew organizzazzjonijiet intermedjarji oħrajn. Il-maġġoranza tat-trasportaturi tal-ajru mistħarrġa qalu li huma ma kkuntrattawx ekwipaġġ tal-ajru permezz ta’ intermedjarju u kienu tal-fehma li ma saret ebda bidla f’dan ir-rigward matul dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-istudju jindika li bejn 9 % u 19 % tal-ekwipaġġi tal-kabina u madwar 8 % tal-bdoti qalu li huma ġew impjegati permezz ta’ xi forma ta’ organizzazzjoni intermedjarja, u li l-maġġoranza kbira ta’ dawk impjegati permezz ta’ tali organizzazzjoni intermedjarja ser ikunu qegħdin jaħdmu għal trasportaturi bi prezzijiet baxxi (97 % tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina mistħarrġa u 69 % tal-bdoti mistħarrġa). Il-membri żgħażagħ tal-ekwipaġġ tal-kabina x’aktarx li jkunu jaħdmu taħt kuntratt ma’ organizzazzjoni intermedjarja.
Impjieg permezz ta’ intermedjarji jinkludi diversi arranġamenti li xi drabi jistgħu jinvolvu ktajjen kumplessi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol. Kultant dan jagħmilha diffiċli għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru sabiex jidentifikaw l-impjegatur proprju tagħhom. Xi wħud jista’ jkollhom kuntratt ta’ impjieg jew ikollhom relazzjoni tax-xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju u jkunu assenjati b’mod temporanju sabiex jaħdmu għal trasportatur tal-ajru taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tal-linja tal-ajru. It-tali ħaddiema mill-aġenziji temporanji huma protetti wkoll bid-Direttiva dwar l-Aġenziji tax-Xogħol Temporanju li tistabbilixxi li l-ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol temporanju, li jaħdmu temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni ta’ impriża tal-utenti, għandhom jiġu pprovduti mill-inqas bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi bażiċi daqs li kieku kienu ġew impjegati direttament mill-azjenda sabiex jokkupaw l-istess impjieg. Dan japplika għat-tul ta’ żmien tal-assenjazzjoni tagħhom fl-impriża tal-utenti.
L-ekwipaġġ tal-ajru jista’ jkun impjegat ukoll minn xi forma oħra ta’ aġenzija intermedjarja jew sussidjarja tat-trasportatur tal-ajru (aġenzija tar-riżorsi umani). Dawn il-prattiki huma ferm aktar prevalenti fost ftit trasportaturi tal-ajru u aktar komuni fost il-membri żgħażagħ tal-ekwipaġġ tal-ajru li jidħlu fis-suq.
Il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpaniji jistgħu jużaw impjiegi permezz ta’ intermedjarji, inklużi l-aġenziji tax-xogħol temporanju jvarjaw skont il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri. Iżda fl-Istati Membri kollha, l-allegazzjonijiet ta’ abbuż għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ mill-awtoritajiet kompetenti, notevolment l-ispettorati tax-xogħol, u mill-qrati nazzjonali kompetenti, b’kont meħud tar-regoli nazzjonali u tal-UE rilevanti. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb iċ-ċertezza legali. F’dan il-kuntest, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet illegali u sitwazzjonijiet kumplessi ħafna iżda legali. Barra minn hekk, l-intermedjarji/aġenziji tar-reklutaġġ jistgħu jkunu bbażati fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu bbażati t-trasportatur tal-ajru u/jew il-ħaddiem (ara t-taqsima 4.2.3). Il-kooperazzjoni akbar bejn l-ispettorati tax-xogħol għandha tiġi promossa aktar madwar l-UE.
Fil-livell tal-UE, ir-regoli dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni jistgħu jħallu impatt fuq l-użu tal-ħaddiema tas-servizzi fuq l-art esterni għall-kumpanija. Mill-inqas nofs il-membri tal-persunal li jwettqu manutenzjoni f’kull workshop, ħangar jew linja tat-titjira fuq kwalunkwe xift għandhom jiġu impjegati sabiex jiżguraw l-istabbiltà organizzazzjonali. Għall-ekwipaġġi tal-ajru, ir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza japplikaw bl-istess mod għall-ekwipaġġ kollu, irrispettivament mill-istatus tagħhom bħala impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom, u l-linji tal-ajru huma rrakkomandati li jidentifikaw u jtaffu kwalunkwe riskju speċifiku fis-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u mal-partijiet ikkonċernati, se tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li s-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-linji tal-ajru jqisu l-forom kollha ta’ arranġamenti tal-impjiegi u tax-xogħol, inkluż il-persunal impjegat permezz ta’ intermedjarji u dawk li jaħdmu għal rashom.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, bil-mezzi xierqa, l-infurzar tar-regoli eżistenti li jipproteġu lill-ħaddiema temporanji permezz ta ’aġenzija fil-livell nazzjonali u jiżguraw ukoll it-tkomplija tal-konformità mal-liġi tal-UE.
4.2.3.Stazzjonar tal-ħaddiema
Tqajmu mistoqsijiet dwar il-punt safejn intuża l-istazzjonar għall-bdoti u l-ekwipaġġi tal-kabina u sa liema punt id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema hija rilevanti għalihom. Mistoqsija waħda partikolari hija jekk dawn ir-regoli ġewx evitati minn xi trasportaturi tal-ajru sabiex ħaddiema b’kuntratti mħallsin inqas jintbagħtu lejn pajjiżi b’għoli tal-ħajja ogħla.
L-istudju Ricardo jqis li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema hija fil-prinċipju applikabbli għall-forniment transnazzjonali ta’ servizzi minn aġenziji tal-impjiegi jew aġenziji tal-impjiegi temporanji. Dan qies żewġ sitwazzjonijiet adizzjonali li potenzjalment setgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva: il-kiri bl-ekwipaġġ u l-assenjazzjoni temporanja tal-ekwipaġġi tal-ajru f’bażi operazzjonali barra mill-bażi tas-servizz tagħhom.
Issuġġerixxa wkoll li l-użu tal-ekwipaġġ fuq bażi temporanja barra mill-bażi tas-servizz tagħhom huwa relattivament mhux frekwenti fl-avjazzjoni. 6 % tal-ekwipaġġ tal-kabina u 12 % tal-bdoti indikaw li kienu f’xi forma ta’ kollokament temporanju fi Stat Membru ieħor. 18 minn fost 24 trasportatur tal-ajru qalu li ma kinux qegħdin jikkollokaw ekwipaġġ barra l-bażi tas-servizz tagħhom. Barra minn hekk, l-istudju jikkonferma li l-kirjiet bl-ekwipaġġ mhumiex okkorrenza komuni. Erba’ (4) biss minn fost 23 trasportatur tal-ajru rrapportaw li jagħmlu użu minn ħaddiema li temporanjament jaħdmu minn bażi differenti mill-bażi tas-servizz tagħhom bħala parti minn ftehim ta’ lokazzjoni.
L-intervisti mal-partijiet ikkonċernati jikkonfermaw ukoll li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ġeneralment ma tiġix applikata fil-każ tal-ekwipaġġ tal-ajru. Fl-istess ħin, uħud minn dawk li wieġbu għall-istudju indikaw nuqqas ta’ għarfien fost il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tad-drittijiet applikabbli fl-Istat Membru fejn ġew assenjati temporanjament u nuqqas ta’ informazzjoni minn min iħaddem dwar dawn id-drittijiet. Il-partijiet ikkonċernati indikaw ukoll kwistjonijiet bl-infurzar tar-regoli, billi bdew minn min huwa responsabbli għall-infurzar tar-regoli.
L-operazzjonijiet ta’ kiri bl-ekwipaġġ iżidu saff ieħor ta’ kumplessità legali għall-ekwipaġġi tal-ajru, minħabba li jikkonsistu fil-kiri ta’ inġenju tal-ajru mħaddem f’isem trasportatur tal-ajru ieħor (il-lokatarju). Dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu inġenji tal-ajru u ekwipaġġ tal-ajru minn pajjiżi terzi. Ir-riċerka fuq il-post imwettqa fl-istudju Ricardo tirreferi għat-tħassib tar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar l-użu possibbli ta’ arranġamenti ta’ kiri bl-ekwipaġġ sabiex jiġu evitati strajkijiet jew ir-regoli tal-liġi tax-xogħol u soċjali applikabbli.
Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tapplika għal-linji tal-ajru, għall-aġenziji tax-xogħol temporanju u għal tipi oħrajn ta’ intermedjarji li jpoġġu l-ħaddiema f’pożizzjonijiet temporanji (“ħaddiema stazzjonati”) fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi transkonfinali f’dak l-Istat Membru.
Ekwipaġġ tal-ajru li jiġi effettivament assenjat sabiex jaħdem temporanjament fi Stat Membru ieħor, li jista’ jkun il-każ fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kiri bl-ekwipaġġ, minnu nnifsu jikkwalifika bħala ħaddiem stazzjonat jekk ikun hemm relazzjoni tax-xogħol bejn l-ekwipaġġ tal-ajru u l-lokatur matul il-perjodu kollu tal-lokazzjoni. Dan għandu jiġi vvalutat każ b’każ. L-ekwipaġġi tal-ajru li jiġu ttrasferiti lejn bażi oħra (jiġifieri li jiġu assenjati f’bażi tas-servizz ġdida) ma jitqisux bħala stazzjonati, sakemm ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħaddiema Stazzjonati għal dan il-għan.
L-emendi riċenti għad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali fuq l-istess post, jeħtieġ li jiġu trasposti mill-Istati Membri sat-30 ta’ Lulju 2020 u applikati minn dik id-data. Dan se jiffaċilita l-forniment transnazzjonali ta’ servizzi, filwaqt li jiżgura kompetizzjoni ġusta u rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. Ġabra ta’ emendi importanti tikkonsisti fit-twessigħ tal-prinċipju tat-trattament indaqs kif deskritt fit-taqsima 4.2.2 għall-ħaddiema temporanji jew stazzjonati permezz ta’ aġenzija, inkluż l-ekwipaġġ tal-ajru, filwaqt li żżomm il-possibbiltà li l-Istati Membri ospitanti jiddeċiedu li japplikaw ukoll termini u kundizzjonijiet oħrajn tax-xogħol li japplikaw għall-ħaddiema temporanji minn aġenzija f’dak l-Istat.
Applikazzjoni u eżekuzzjoni aktar effettivi tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għal sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se jgħinu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ċ-ċertezza legali tal-ekwipaġġi tal-ajru filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-Direttiva dwar l-Infurzar għandha l-għan li tiżgura li r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema jiġu infurzati u rrispettati b’mod adegwat mill-impriżi kollha. Sabiex jiġu identifikati sitwazzjonijiet ġenwini ta’ stazzjonar u jiġu evitati l-abbuż u ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli, l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jelenka elementi fattwali li jistgħu jitqiesu fil-valutazzjoni kumplessiva ta’ kull każ speċifiku.
Il-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se jgħin ukoll biex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv. L-Awtorità hija mistennija li tibda topera fl-2019 u tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha sal-2023. Il-Kummissjoni tipproponi li r-rwol tal-Awtorità jkun li tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fl-infurzar transfruntier tal-liġi rilevanti tal-UE, inkluż fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat, u b’hekk tagħti kontinwità lill-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea attwali li tindirizza x-Xogħol mhux Iddikjarat . Dan jinkludi l-iffaċilitar ta’ spezzjonijiet konġunti. L-Awtorità għandha timmedja u tiffaċilita soluzzjoni f’każijiet ta’ tilwim transkonfinali bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Hija għandha tagħmilha wkoll aktar faċli għall-individwi u għal dawk li jħaddmu sabiex ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u sabiex ikollhom aċċess għas-servizzi rilevanti.
AZZJONI
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri permezz tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema biex ittejjeb l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Direttiva dwar l-Infurzar, u b’mod partikolari biex tassisti fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva riveduta, b’mod partikolari biex ittejjeb it-trattament ugwali u tipprevjeni l-frodi transfruntiera.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, bil-mezzi xierqa, l-infurzar tar-regoli eżistenti li jipproteġu lill-ħaddiema stazzjonati fil-livell nazzjonali u sabiex jiżguraw ukoll il-konformità kontinwa mal-liġi tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
4.2.4.Impjieg indipendenti
Skont l-istudju Ricardo, l-arranġamenti ta’ impjieg indipendenti ġeneralment jinvolvu trasportaturi tal-ajru li jikkuntrattaw is-servizzi ta’ bdot li jaħdem għal rasu direttament jew permezz ta’ organizzazzjoni intermedjarja. Barra minn hekk, jeżistu wkoll arranġamenti aktar kumplessi. Dawn jistgħu jinvolvu, pereżempju, diversi intermedjarji jew it-twaqqif ta’ ditta b’responsabbiltà limitata minn grupp ta’ bdoti li jaħdmu għal rashom. L-istudju Ricardo jissuġġerixxi li l-impjieg indipendenti mhuwiex forma ta’ impjieg li tintuża b’mod komuni fost it-trasportaturi Ewropej. L-impjieg indipendenti jidher li huwa insinifikanti fost l-ekwipaġġ tal-kabina. Minn fost il-bdoti mistħarrġa, 9 % identifikaw lilhom infushom bħala li jaħdmu għal rashom. 75 % ta’ dawn il-bdoti qalu li huma ħadmu għal trasportatur bi prezzijiet baxxi, li minnhom, 59 % ħadmu għal trasportatur speċifiku wieħed.
B’mod ġenerali, l-arranġamenti ta’ impjieg indipendenti jistgħu joffru lit-trasportaturi tal-ajru flessibbiltà akbar, li tagħtihom iċ-ċans li jirrispondu għall-bidliet f’suq kompetittiv ħafna. Analiżi tat-tweġibiet għall-istħarriġ tissuġġerixxi li proporzjon sinifikanti tal-bdoti li identifikaw lilhom infushom bħala li jaħdmu għal rashom jaħdmu biss għal trasportatur tal-ajru wieħed. Huma qegħdin iwettqu attività professjonali taħt l-awtorità u s-subordinazzjoni tat-trasportatur u, b’hekk, mhuwiex probabbli li jitqiesu bħala li ġenwinament jaħdmu għal rashom.
Il-punt safejn il-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru jkunu ġenwinament jaħdmu għal rashom, jew de facto f’relazzjoni tax-xogħol (jiġifieri impjieg indipendenti fittizju), kien is-suġġett ta’ bosta studji. Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissorveljaw u jivvalutaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk prattiki bħal dawn jistgħux jitqiesu bħala impjieg indipendenti ġenwin jew moħbi, skont il-liġi nazzjonali u tal-UE rilevanti. L-approċċi għall-impjieg indipendenti jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, kemm f’termini ta’ definizzjoni kif ukoll f’termini tad-drittijiet u l-obbligi tal-persuni li jaħdmu għal rashom.
Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, sabiex jiġi stabbilit jekk il-parti ta’ kuntratt ta’ impjieg hijiex impjegata għall-finijiet tar-Regolament Brussell I u r-Regolament Ruma I (u li b’hekk tista’ tibbenifika mir-regoli protettivi tagħhom fir-rigward ta’ kuntratt ta ’impjieg individwali), il-fatturi rilevanti huma: il-ħolqien ta’ rabta dejjiema li, sa ċertu punt, iġġib lill-ħaddiem fil-qafas organizzazzjonali tan-negozju ta’ min iħaddem u relazzjoni ta’ subordinazzjoni tal-impjegat ma’ min iħaddem.
Fir-rigward tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “ħaddiem” u “servizz” (jiġifieri attività transkonfinali mwettqa barra minn relazzjoni tax-xogħol). Is-sempliċi fatt li persuna twettaq attivitajiet barra r-rabtiet ta’ kuntratt ta’ impjieg ma jfissirx li l-persuna ma tikkostitwixxix ħaddiem skont it-tifsira tal-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Dan irid jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE stabbilixxiet il-kunċett Ewropew awtonomu li ġej ta’ ħaddiem: “Persuna fiżika li, għal ċertu perjodu ta’ żmien, twettaq servizzi għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha għal remunerazzjoni.” Persuna li de facto hija ħaddiem għall-finijiet tal-liġi tax-xogħol tal-UE għandha tkun ikkwalifikata bħala ħaddiem u tkun soġġetta għal-liġi tax-xogħol rilevanti tal-UE. Min-naħa l-oħra, persuni li jaħdmu għal rashom ġenwinament illi jipprovdu servizzi b’mod indipendenti, taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u li jġorru r-riskju tan-negozju tagħhom, ma għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema minħabba li ma jissodisfawx il-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
Sabiex tgħin tindirizza wħud mill-kwistjonijiet identifikati hawn fuq, b’mod partikolari l-impjieg indipendenti falz, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi. Minbarra l-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ara t-Taqsima 4.2.3), il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli tipprovdi lill-ħaddiema kollha, inklużi dawk f’forom flessibbli u ġodda ta’ xogħol, protezzjoni addizzjonali (eż. aċċess għal informazzjoni trasparenti dwar ir-relazzjoni tagħhom, drittijiet materjali ġodda u miżuri ta’ infurzar). L-ekwipaġġ tal-ajru, kategorizzat b’mod falz bħala persuna li taħdem għal rasha jew indipendenti, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, il-Pjattaforma Ewropea dwar ix-Xogħol Mhux Iddikjarat, li ġiet stabbilita f’Mejju 2016 sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat, diġà indirizzat il-kwistjoni tal-impjieg indipendenti fittizju permezz ta’ seminar iddedikat dwar it-trasport bit-triq (Ġunju 2018) u studju dwar l-impjieg indipendenti fittizju Ir-rappreżentanti jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba, u qed jiżviluppaw kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fruntieri, anke bil-ħsieb li jipprevjenu l-frodi transfruntiera. F’kull pajjiż, l-għan huwa li jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-korpi tal-assigurazzjoni soċjali.
Skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom u adottat proposta intiża għal dan. Il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-persuni b’kuntratti ta’ impjiegi atipiċi mhux dejjem ikunu koperti sewwa f’termini tas-sigurtà soċjali, assigurazzjoni tal-qgħad insuffiċjenti jew l-aċċess għad-drittijiet għall-pensjoni.
AZZJONI
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi sabiex jadottaw il-proposta għal Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol prevedibbli u trasparenti fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom kollha li ntlaħaq qbil politiku dwarha f’Diċembru 2018, b’mod partikolari għal dawk li, minħabba l-istatus tax-xogħol tagħhom, mhumiex koperti biżżejjed mill-iskemi tas-sigurtà soċjali.
Il-pjattaforma Ewropea dwar ix-Xogħol Mhux Iddikjarat se torganizza seminar fl-2019 biex tesplora modi kif jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat fis-settur tal-avjazzjoni b’enfasi speċjali fuq l-impjieg indipendenti fittizju ta’ ekwipaġġi tal-ajru u l-kollaborazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, bil-mezzi xierqa, l-infurzar tar-regoli tal-liġi tax-xogħol eżistenti fil-livell nazzjonali u sabiex jiżguraw ukoll il-konformità kontinwa mal-liġi tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
4.2.5.L-ekwipaġġi ta’ pajjiżi terzi fl-aspetti tal-UE u internazzjonali
It-trasportaturi tal-ajru liċenzjati fiż-Żona Ekonomika Ewropea storikament kienu jużaw ekwipaġġi minn pajjiżi terzi fuq rotot speċifiċi għal raġunijiet lingwistiċi u kulturali. L-istudju Ricardo jikkonferma li dan huwa l-każ prinċipalment għat-titjiriet lejn/minn pajjiżi terzi u inqas minn hekk għat-titjiriet fiż-ŻEE. Huwa jirreferi għal każijiet speċifiċi ta’ trasportaturi tal-ajru li jużaw ekwipaġġi minn pajjiżi terzi. Abbażi tad-data miġbura, mhuwiex possibbli li tgħid kemm hija komuni din il-prattika u lanqas jekk il-bażi tas-servizz tal-ekwipaġġ tal-ajru użata kinitx tinsab f’pajjiż terz jew fl-UE. Ħafna mil-linji tal-ajru mistħarrġa indikaw li huma qatt ma jużaw ekwipaġġi minn pajjiżi terzi fuq rotot intra-UE.
Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fih regoli speċifiċi għat-tranżitu jew għall-mistrieħ tal-ekwipaġġ tal-ajru f’pajjiż li jinsab fiż-żona Schengen. Id-detenturi ta’ liċenzja ta’ bdot jew ta’ ċertifikat ta’ membru tal-ekwipaġġ jistgħu jimbarkaw jew jiżbarkaw fl-ajruport tal-waqfa jew tal-wasla mingħajr ma jkollhom bżonn jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal soġġorn ta’ żmien qasir fi Stat Membru (sa massimu ta’ tliet xhur).
Madankollu, jistgħu japplikaw regoli nazzjonali jew tal-UE oħrajn li jirregolaw il-kundizzjonijiet tas-soġġorn u tax-xogħol fil-pajjiż ikkonċernat. Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, ekwipaġġi tal-ajru mhux mill-UE li huma bbażati fi Stat Membru u li għandhom permess tax-xogħol u tar-residenza għandhom jiġu garantiti trattament indaqs maċ-ċittadini ta’ dak l-Istat f’termini, pereżempju, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà soċjali. Dan iservi bħala salvagwardja sabiex titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta li tirriżulta mill-esplojtazzjoni possibbli ta’ ċittadini mhux tal-UE.
Madankollu, in-nuqqas ta’ standards tax-xogħol globali għall-avjazzjoni ċivili jaffettwa l-effettività tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-Istati Membri u tal-UE kemm għar-rotot intra-UE kif ukoll għal dawk barra mill-UE. Il-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol marittimu, li ġiet trasposta mil-liġi tal-UE, irnexxielha bil-kbir tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-eżekuzzjoni tagħhom għall-industrija globali tat-trasport marittimu. Madankollu, kuntrarju għas-settur marittimu, ma hemm l-ebda kunsens fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol sabiex tiġi kkunsidrata d-diskussjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali tax-xogħol għall-avjazzjoni ċivili.
Tradizzjonalment, il-ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru ma jkunx fihom dispożizzjonijiet dwar aspetti soċjali u tax-xogħol. L-UE fittxet li tinkludi klawżoli tax-xogħol u soċjali ambizzjużi fil-ftehimiet tagħha dwar l-avjazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ser tkompli tagħmel dan.
AZZJONI
Il-Kummissjoni qed twettaq kontroll tal-idoneità fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali li, inter alia, tivvaluta s-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru mobbli ħafna minn pajjiżi terzi.
Hija ser tkompli tippromwovi standards tax-xogħol u soċjali għoljin għall-avjazzjoni internazzjonali billi tipproponi klawżoli tax-xogħol u soċjali ambizzjużi fil-ftehimiet tal-UE dwar l-avjazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
4.3.Jitħeġġu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja
Ix-xogħol fis-settur tat-trasport bl-ajru għadu jġorr miegħu immaġġni pożittiva ħafna kemm għall-irġiel u anki għan-nisa. Il-bilanċ bejn is-sessi fl-avvjazzjoni huwa wkoll aħjr minn modi oħra tat-trasport. In-nisa jammontaw għal 40 % tal-forza tax-xogħol fit-trasport bl-ajru. Madankollu, filwaqt li hemm sehem għoli ta’ ekwipaġġ tal-kabina femminili, madwar 5 % biss tal-bdoti madwar id-dinja huma nisa.
Fis-snin li ġejjin, is-settur tal-avjazzjoni huwa mistenni li jikber u għalhekk għandu jibqa’ post tax-xogħol attraenti għaż-żgħażagħ biex aktar nisa jiġu attirati lejn il-professjoni ta’ bdot.
Fl-2017, il-Kummissjoni nediet In-Nisa fit-Trasport - Pjattaforma tal-UE għall-Bidla sabiex issaħħaħ l-impjieg tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fis-settur tat-trasport. Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat Każ tan-negozju biex tiżdied ir-rata ta’ impjiegi fost in-nisa fit-Trasport li jinkludi eżempji tajbin mis-settur tal-avjazzjoni dwar kif jiġi stimulat ir-reklutaġġ tan-nisa. L-isterjotipi tas-sessi fil-fatt għadhom rilevanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-professjoni ta’ bdot.
F’termini ta’ arranġamenti tal-impjieg, l-istudju Ricardo juri li l-ekwipaġġ tal-ajru femminili huwa ftit aktar probabbli li jiġi impjegat direttament milli permezz ta’ intermedjarju. Id-differenza hija madankollu pjuttost marbuta ma’ fatturi oħra barra l-ġeneru, bħalma huma l-esperjenza, l-età u r-rwol tal-impjieg tal-impjegat fil-kumpanija.
Għalkemm, fil-prinċipju, l-impjieg indipendenti għandu jipprovdi kontroll akbar fuq is-sigħat maħduma, il-bdoti fuq dan l-arranġament spjegaw li r-realtà kienet l-oppost u li xogħol inqas minn full-time ipoġġihom f’riskju li jitilfu aktar xogħol. Dan irriżulta fi tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ membri tal-ekwipaġġ li jaħdmu għal rashom li rrapportaw sodisfazzjon bl-ammont ta’ ħin li jqattgħu d-dar.
Kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar bejn in-nisa u l-irġiel se tattira aktar nisa lejn is-suq tax-xogħol, inkluż fis-settur tat-trasport bl-ajru. Id-Direttiva proposta dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għandha l-għan li żżid l-użu tal-liv tal-familja mill-irġiel, u b’hekk tikkontribwixxi lejn dan l-objettiv. Barra minn hekk, arranġamenti ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli li jippermettu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa li jibbilanċjaw aħjar id-dmirijiet professjonali ma’ obbligi familjari jżidu s-sodisfazzjon fix-xogħol u jikkontribwixxu għall-attrattività tal-professjoni.
Id-data dwar il-benefiċċji tal-maternità u tal-paternità miġbura fl-istudju Ricardo tikkonferma li n-nisa u l-irġiel f’forom alternattivi ta’ impjieg mhux probabbli li jirċievu l-istess ħlas ta’ maternità / paternità u liv bħall-kollegi tagħhom f’impjieg dirett.. Inqas minn nofs il-bdoti impjegati permezz ta’ intermedjarju għandhom aċċess għal-liv tal-maternità/paternità. Għall-ħaddiema temporanji nisa permezz ta’ aġenzija, l-aktar kwistjoni sinifikanti hija r-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, billi l-kuntratti temporanji xi kultant ma jistgħux jiġġeddu wara t-tqala. Skont l-istudju Ricardo, dawn ir-riskji huma ogħla għall-persuni li jaħdmu għal xi trasportaturi tal-ajru low-cost milli għal trasportaturi storiċi.
AZZJONI
Il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi b’mod attiv lill-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni biex iressqu azzjonijiet konkreti lil In-Nisa fit-Trasport - Pjattaforma tal-UE għal bidla biex jittejbu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ħalli jiġu attirati u jinżammu n-nisa fi professjonijiet tal-ekwipaġġ tal-ajru.
Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv il-finalizzazzjoni tan-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, biex tappoġġa forza tax-xogħol aktar ibbilanċjata bejn is-sessi. Se tniedi wkoll żewġ studji li jgħinuha (1) tiżviluppa sett ta’ għodod għall-għalliema tal-iskejjel primarji u sekondarji biex jiġġieldu l-isterjotipi tas-sessi u jqajmu kuxjenza dwar il-professjonijiet fil-qasam tat-trasport fost iż-żgħażagħ; (2) tidentifika prattiki tajba dwar kif torganizza rosters bl-aħjar mod li jkunu favur il-familja, li għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha.
5.il-promozzjoni ta’ djalogu soċjali attiv u komprensiv
Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġa d-djalogu soċjali Ewropew, kif rifless fit-tmien prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali tad-27 ta’ Ġunju 2016 . Il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali Ewropew fl-avjazzjoni ċivili jkopri tliet gruppi ta’ ħidma: l-ekwipaġġ tal-ajru, is-servizzi fuq l-art u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
L-isfidi ewlenin li identifika dan il-Kumitat jinkludu n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali, l-ambjent dejjem aktar kompetittiv u l-bidliet strutturali fil-forom ta’ impjiegi u l-iżvilupp tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew.
F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, sabiex jinstabu soluzzjonijiet miftiehma għat-talbiet u l-interessi industrijali, id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew jeħtieġ rappreżentattività, ir-rikonoxximent reċiproku tal-imsieħba soċjali u r-rieda li jidħlu f’negozjati vinkolanti b’mod reċiproku. In-nuqqas ta’ rappreżentattività tal-linji tal-ajru mill-2017 dgħajjef il-possibbiltà li jkun hemm djalogu soċjali Ewropew sinifikanti.
Jistgħu jissemmew sinjali pożittivi oħrajn ta’ konsultazzjoni akbar tal-imsieħba soċjali Ewropej. L-Artikolu 115 tar-Regolament Bażiku Ġdid dwar is-Sikurezza li jirrigwardja l-proċedura tat-tfassil tar-regoli u l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni jirrikjedi l-involviment tal-imsieħba soċjali tal-UE u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn meta ssir konsultazzjoni dwar l-impatt soċjali possibbli tal-proposti regolatorji tal-Aġenzija.
AZZJONI
Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja u tiffaċilita b’mod attiv id-djalogu soċjali bejn ir-rappreżentanti tal-linji tal-ajru u l-ekwipaġġi tal-ajru, inkluż bejn l-imsieħba soċjali Ewropej fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili fil-kuntest tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Ewropew.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-sħab soċjali sabiex jiżguraw ir-rappreżentanza xierqa tal-linji tal-ajru u l-ekwipaġġi tal-ajru sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn din l-għodda bil-għan li jsibu soluzzjonijiet volontarji u sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-isfidi li jiffaċċjaw.
Hija ser tkompli tipprovdi valutazzjonijiet regolari tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali involuti fid-djalogu soċjali permezz tal-istudji dwar ir-rappreżentattività tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjibn tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u x-Xogħol. Studju fis-settur tal-avjazzjoni ċivili se jitnieda fl-2019.
6.Konklużjoni
Meta ġiet biex tipproduċi dan ir-rapport, il-Kummissjoni bbażat fuq il-kontribut li rċeviet mingħand il-partijiet interessati kollha mill-2015, b’mod partikolari fil-konferenza ta’ livell għoli li l-Kummissjoni organizzat dik is-sena. Il-Kummissjoni bbażat ukoll fuq is-sejbiet tal-istudju Ricardo, l-istudji preċedenti u l-iskambji regolari tagħha mal-partijiet ikkonċernati matul l-aħħar 3 snin.
Is-settur tat-trasport bl-ajru għadu impjegatur ewlieni u ġeneralment attraenti għall-ekwipaġġ tal-ajru, iżda għadda u għadu għaddej minn bidliet strutturali profondi. Filwaqt li r-regoli soċjali u tax-xogħol għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom irregolati fil-livell nazzjonali, illum il-ġurnata jeżistu proċeduri u leġiżlazzjoni tal-UE maħsuba sabiex jipproteġu lill-ekwipaġġi tal-ajru, filwaqt li jiżguraw il-libertà tagħhom li jiċċaqilqu u jaħdmu fl-UE.
Dan ir-rapport juri l-ħtieġa li tinżamm aġenda soċjali b’saħħitha sabiex tappoġġja t-trasport bl-ajru. Huwa fl-interess komuni tal-partijiet kollha involuti, inklużi l-linji tal-ajru u l-persunal u l-passiġġieri tagħhom, kif ukoll fl-interess tal-konnettività li l-avjazzjoni tal-UE tibqa’ kompetittiva u soċjalment responsabbli.
It-twettiq ta’ din l-aġenda mhuwiex xi ħaġa li l-Kummissjoni għandha tagħmel weħidha. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, linji tal-ajru individwali, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ekwipaġġi tal-ajru, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, għandhom jaħdmu flimkien, skont il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, sabiex jiksbu trasport bl-ajru li jkun soċjalment responsabbli fejn is-sikurezza, it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività jittejbu, filwaqt li d-drittijiet soċjali jiġu salvagwardjati.
Infurzar aħjar tar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali huwa essenzjali għall-forom kollha tal-impjieg tal-ekwipaġġi. Din hija primarjament kwistjoni għall-Istati Membri, l-awtoritajiet rilevanti tagħhom u l-qrati nazzjonali tagħhom. L-infurzar xieraq huwa kruċjali sabiex jiġu evitati impjieg indipendenti fittizju u prattiki oħrajn li jikkostitwixxu abbuż jew ċirkomvenzjoni tal-liġi applikabbli, u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġja lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom.
AZZJONIJIET ORIZZONTALI
Fl-2019, il-Kummissjoni se torganizza workshop ta’ livell għoli mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tevalwa l-progress li sar fl-aġenda soċjali għall-ekwipaġġi tal-ajru sa mill-2015 u biex tgħin tidentifika t-triq ’il quddiem possibbli.
Il-Kummissjoni se tlaqqa’ grupp ad hoc ta’ esperti mill-Istati Membri li jittrattaw kwistjonijiet dwar l-avjazzjoni u l-liġi tax-xogħol sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Il-grupp ta’ esperti ser jingħata wkoll il-kompitu li inter aliajqis l-azzjonijiet elenkati f’dan ir-rapport, billi jinvolvi lill-imsieħba soċjali, kull fejn ikun xieraq, u jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar kif il-liġi tax-xogħol tista’ tiġi infurzata b’mod xieraq fl-avjazzjoni.