IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2019
COM(2019) 84 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni, fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq
(2nd report from the Commission on the implementation by Member States of certain provisions concerning the access to the occupation of road transport operator)
I.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jirreferi għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-operaturi tat-trasport bit-triq fl-Istati Membri u l-għan tiegħu huwa li jiżgura monitoraġġ aktar mill-qrib tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009”). Dan ir-Regolament japplika għall-impriżi kollha stabbiliti fl-UE li huma impenjati fil-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq, kif ukoll għal dawk li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw tali professjoni. Il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tirreferi kemm għall-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija kif ukoll għall-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri. Ċerti kategoriji ta’ impriżi, bħal dawk li jużaw vetturi bil-mutur b’massa mgħobbija ta’ inqas minn 3,5 tunnellati, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw id-dħul fil-professjoni tal-operaturi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
Skont l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, l-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq għandu jkollhom stabbiliment effettiv u stabbli fi Stat Membru, ikunu ta’ reputazzjoni tajba, ikunu f’kapaċità finanzjarja xierqa u jħaddnu l-kompetenza professjonali meħtieġa. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament jimponi obbligu fuq l-impriżi tat-trasport bit-triq li jaħtru maniġer tat-trasport li jkollu ċertifikat ta’ kompetenza professjonali li jikkonferma li huwa għandu l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex imexxi l-operazzjonijiet tat-trasport f’konformità mar-rekwiżiti legali u industrijali kollha u b’mod effettiv u kontinwu. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jivverifikaw li l-impriżi tat-trasport ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Barra minn hekk, organizzazzjoni tajba tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri hija importanti ħafna biex ikun hemm titjib fl-effikaċja tal-monitoraġġ tal-impriżi li joperaw fl-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jistabbilixxi dati ta’ skadenza għall-obbligi tar-rappurtar tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni:
·Kull sentejn mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u jibagħtuh lill-Kummissjoni, kif meħtieġ fl-Artikolu 26 tar-Regolament;
·Abbażi tas-sottomissjonijiet mill-Istati Membri, kull sentejn il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Ir-rapporti nazzjonali li l-Istati Membri jipprovdu jikkostitwixxu kontribut kruċjali għar-rapport tal-Kummissjoni. L-Artikolu 26 tar-Regolament jiddefinixxi liema data għandha tiġi inkluża fir-rapporti nazzjonali:
"(a) analiżi tas-settur f’dak li għandu x’jaqsam mar-reputazzjoni tajba, il-kapaċità finanzjarja u l-kompetenza professjonali;
(b) in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li ngħataw skont is-sena u t-tip, dawk li ġew sospiżi, dawk li ġew irtirati, in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ inkompetenza u r-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati dawk id-deċiżjonijiet;
(c) in-numru ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali li nħarġu kull sena;
(d) statistika prinċipali dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali u l-użu tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti; u
(e) analiżi tal-iskambji ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħra skont l-Artikolu 18(2), li tinkludi partikolarment in-numru annwali ta’ każijiet ta’ ksur li ġew innotifikati lil Stati Membri oħra u t-tweġibiet mibgħuta lura, u n-numru annwali ta' talbiet u ta' tweġibiet mibgħuta lura skont l-Artikolu 18(3).”
Dan ir-rapport ikopri l-kwalità u l-puntwalità tas-sottomissjonijiet tad-data nazzjonali (it-Taqsima II) u analiżi tar-rapporti mogħtija mill-Istati Membri (it-Taqsima III). It-Taqsima IV tippreżenta l-konklużjonijiet.
II.Preżentazzjoni tad-data
Dan huwa t-tieni rapport skont ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016. L-ewwel rapport kopra l-perjodu mill-4 ta’ Diċembru 2011 (id-data minn meta beda japplika r-Regolament) sal-31 ta’ Diċembru 2012. It-tieni rapport ikopri l-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2014. Dan il-perjodu ta’ rappurtar hu sinkronizzat mar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq, kif rikjest mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Din is-sinkronizzazzjoni tippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati li jkollhom idea ġenerali koerenti tas-settur b’rabta mas-suq intern u r-regoli soċjali fl-istess perjodu ta’ rappurtar.
Skont l-obbligu tar-rapport li jinsab fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, l-Istati Membri kollha ressqu r-rapporti nazzjonali tagħhom. Dan huwa titjib meta mqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar, meta sitt Stati Membri ma ressqu ebda rapport. Madankollu, xi Stati Membri damu ħafna biex ipprovdew id-data tagħhom sal-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2017, u dan affettwa b’mod sinifikanti ż-żmien ta' tħejjija ta’ dan ir-rapport tal-Kummissjoni. F’għadd ta’ rapporti, xi ftit mill-informazzjoni meħtieġa ma ġietx provduta, u b’hekk ipprevjeniet analiżi komprensiva.
Għal raġunijiet ta’ konsistenza u sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu assistiti biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom tar-rappurtar, fl-2015 ġiet proposta formola standard mis-servizzi tal-Kummissjoni lill-Istati Membri li għandha tintuża mit-tieni perjodu ta’ rappurtar 'il quddiem. Kważi l-Istati Membri li ppreżentaw ir-rapporti nazzjonali tagħhom użaw il-formola standard.
Peress li l-Istati Membri li ppreżentaw ir-rapporti matul dan il-perjodu ta’ rappurtar mhumiex l-istess bħal dawk li ppreżentaw ir-rapporti fil-perjodi preċedenti ta’ rappurtar, u minħabba n-natura frammentata tal-informazzjoni mressqa, it-tqabbil bejn iż-żewġ perjodi ta’ rappurtar b’mod ġenerali ma wassalx għal konklużjonijiet sinifikanti.
Fil-kuntest tal-inizjattivi dwar it-toroq adottati mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Mejju 2017, sar studju dwar il-valutazzjoni ex post tar-Regolamenti (KE) Nri 1071/2009 u 1072/2009. Il-Kummissjoni adottat ukoll dokument ta’ ħidma tal-persunal mal-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nri 1071/2009 u 1072/2009. Fejn rilevanti, ir-rapport preżenti jiġbor informazzjoni mill-istudju u mir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.
III.Analiżi tad-data dwar l-eżerċitar tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq
1. Analiżi tas-settur tat-trasport bit-triq f’dak li għandu x’jaqsam mar-reputazzjoni tajba, mal-kapaċità finanzjarja u mal-kompetenza professjonali
Din il-parti tar-rapport tikkonċerna l-preżentazzjoni tar-rekwiżiti nazzjonali, tal-organizzazzjoni tal-kontrolli, tal-livell ta’ konformità u tad-diffikultajiet li nqalgħu, abbażi tal-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri. Minħabba n-natura frammentarja tar-rapporti magħmula mill-Istati Membri, din il-ħarsa ġenerali mhijiex komprensiva fl-ambitu tagħha. Kull meta jkun meħtieġ, ir-rapporti tal-Istati Membri huma kkomplementati b’data mill-istudju tal-evalwazzjoni msemmi hawn fuq.
Kif permess mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, taħt ċerti kundizzjonijiet, diversi Stati Membri jimponu rekwiżiti nazzjonali li jridu jiġu ssodisfati, minbarra l-erba’ rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (stabbiliment effettiv u stabbli, reputazzjoni tajba, kapaċità finanzjarja xierqa u kompetenza professjonali meħtieġa) sabiex ikollhom aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Pereżempju, is-Slovakkja żiedet rekwiżit li jiddefinixxi l-età ta’ 21 sena bħala l-età minima għal maniġer tat-trasport. L-Awstrija inkludiet il-kundizzjoni li biha l-operaturi tat-trasport bit-triq għandu jkollhom l-ispazji meħtieġa għall-parkeġġ li ma jkunux fit-triq fil-muniċipalità jew f’muniċipalità oħra fl-istess distrett amministrattiv jew f’distrett li jmiss miegħu. Fi Spanja hemm rekwiżit addizzjonali li l-applikanti jridu jkunu jirrappreżentaw mill-inqas tliet vetturi tat-tagħbija ta’ 60 tunnellata. Il-Belġju, il-Greċja, il-Finlandja, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka u Franza ddeċidew li jestendu, tal-inqas b’mod parzjali, l-obbligu ta’ konformità mar-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ impriża tat-trasport bit-triq għat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq li jużaw vetturi b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati.
Hemm diversità kbira fil-mod kif l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità ma’ dawn l-erba’ rekwiżiti dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq stabbiliti fir-Regolament, kif ukoll fl-għadd ta’ kontrolli li jitwettqu.
L-Estonja rrappurtat li l-kontrolli tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jitwettqu skont sistema bbażata fuq ir-riskji mmirata prinċipalment lejn l-impriżi li għandhom riskju akbar li jwettqu ksur serju jew frekwenti tar-regoli tat-trasport bit-triq.
Fl-Irlanda, il-kontrolli tar-reputazzjoni tajba, tal-kapaċità finanzjarja u tal-kompetenza professjonali jitwettqu mill-inqas kull ħames snin fil-qafas ta’ proċess tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għal kull impriża. Barra minn hekk, dawn il-kontrolli jistgħu jseħħu aktar ta’ spiss għal xi operaturi li huma meqjusa li jippreżentaw riskju għoli jew li ssir taf bihom l-awtorità kompetenti. Ir-reputazzjoni tajba tiġi ċċekkjata billi jsir stħarriġ bir-reqqa dwar il-maniġer tat-trasport u dwar kwalunkwe persuna rilevanti oħra mis-Servizz ta' Skrutinju Nazzjonali tal-Korp tal-Pulizija Nazzjonali. Dan is-servizz ta' skrutinju jagħti lill-awtorità kompetenti lista ta' kundanni ta’ ħtija li tista’ tintuża biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tajba. Matul il-perjodu ta’ 5 snin ta’ validità ta’ liċenzja tal-operatur, normalment ma jkunx hemm ħtieġa għal operatur li jforni informazzjoni addizzjonali lill-awtorità tal-liċenzji. Dan jista’ jseħħ biss meta l-awtorità tidentifika riskju fir-rigward ta’ dak l-operatur.
Fil-Latvja, il-kontrolli tal-konformità mal-kapaċità finanzjarja jitwettqu billi tintuża l-informazzjoni meħuda mir-rapporti annwali pprovduti mir-Reġistru tal-Intrapriżi. Barra minn hekk, l-erba’ rekwiżiti kollha jiġu vverifikati qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ trasport. Il-maġġoranza tal-awtorizzazzjonijiet sospiżi joriġinaw minn talbiet mingħand l-Ispettorat tat-Taxxa tal-Istat, meta jiġi deċiż li tiġi sospiża l-attività ekonomika tal-kumpanija tat-trasport. Billi fil-Latvja kopji veri ċċertifikati tal-liċenzji Komunitarji u tal-liċenzji għat-trasport nazzjonali jinħarġu għal kull vettura partikolari u għal perijodu biss ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-erba’ rekwiżiti, il-kopji veri ċċertifikati tal-liċenzji Komunitarji u tal-liċenzji għat-trasport nazzjonali ma jiġġeddux. Ir-reputazzjoni tajba tiġi verifikata għall-maniġer tat-trasport, l-impriża u l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha. Meta l-maniġer tat-trasport jew il-membri tal-bord tal-impriża jinbidlu, ir-reputazzjoni tajba ta’ kull wieħed mill-membri ġodda tiġi vverifikata. L-awtoritajiet tal-infurzar Latvjani jinnotaw xi diffikultajiet biex tiġi determinata l-konformità mar-rekwiżit tal-kapaċità finanzjarja relatat mal-polza tal-assigurazzjoni, minħabba li m’hemmx deskrizzjoni dettaljata fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar ir-riskji li għandhom jiġu assigurati għal impriża tat-trasport.
Fil-Belġju, l-ewwel kontrolli ta’ stabbiliment stabbli u effettiv jitmexxew permezz ta’ konsultazzjoni mal-Crossroads Database of Undertakings in Belgium meta tkun ingħatat liċenzja Komunitarja ġdida. Wara, jiġi organizzat kontrolli mill-awtorità tal-verifika fil-Belġju. Din il-verifika titwettaq ukoll fuq domanda speċifika jew jekk ikun magħruf li kumpanija kisret il-liġi tat-trasport. Barra minn hekk, issir proċedura ta’ rijabilitazzjoni sentejn wara t-telf tar-reputazzjoni tajba għal “ksur relatat mat-trasport”.
Fi Spanja, jintużaw żewġ metodi biex tiġi kkontrollata l-konformità mal-kriterji dwar l-aċċess għall-professjoni. L-ewwel metodu jikkonsisti mill-fatt li l-impriżi jintalbu jissottomettu dokumentazzjoni li tagħti prova li huma konformi ma’ dawn l-erba’ rekwiżiti. It-tieni metodu jinvolvi li l-ispetturi jżuru l-bini tal-impriżi għal kontrolli fuq il-post. Fi Spanja, l-impriżi tat-trasport bit-triq iridu japplikaw għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom kull sentejn u għalhekk il-konformità mal-erba’ rekwiżiti tiġi kkontrollata kull sentejn. Barra minn hekk, kull sena jitwettqu serje ta’ spezzjonijiet biex jivverifikaw li l-impriżi li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma ġietx imġedda ma jwettqux xi attività tat-trasport.
Fil-Polonja hemm 400 spettur responsabbli għall-kontrolli fit-triq u fl-istabbilimenti tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq. L-informazzjoni miġbura mill-ispetturi tintbagħat lill-Uffiċċju Internazzjonali tat-Trasport u lill-awtoritajiet lokali li joħorġu l-liċenzji Komunitarji u li jivverifikaw l-erba’ rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Fil-Polonja, stabbiliment stabbli u effettiv huwa kkunsidrat bħala post b’apparat tekniku u b’tagħmir xierqa biex jitwettqu l-attivitajiet tat-trasport b’mod strutturat u kontinwu, li jinkludi mill-inqas wieħed mill-elementi li ġejjin: post ta’ parkeġġ; żona ta’ ħatt; tagħmir għall-manutenzjoni tal-vetturi.
Fil-Ġermanja kien hemm biss sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju fil-livell reġjonali, iżda minn Lulju 2014 hemm is-sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-pajjiż kollu. Il-każijiet ta' ksur huma kklassifikati b’5 punti (l-aktar każijiet ta' ksur serji), 3 punti (ksur iktar serju/serju) jew punt wieħed (każijiet oħra ta' ksur). Imbagħad impriża hija kklassifikata bħala li għandha riskju akbar jekk tkun akkumulat jew 5 punti (għal impriżi b’10 vetturi jew inqas), 8 punti (b’50 vettura jew inqas) jew 11-il punt (b’aktar minn 50 vettura).
Sa mill-2006, l-Aġenzija għall-Istandards tas-Sewwieqa u l-Vetturi tar-Renju Unit kellha sistema magħrufa bħala OCRS (Operatur Compliance Risk Score). Din is-sistema ġiet irfinuta fl-2012 sabiex ittejjeb il-kapaċità tat-tbassir tagħha. L-OCRS tintegra l-informazzjoni dwar il-każijiet ta' ksur relatati mal-affidabilità stradali, li huma korrelati ma’ każijiet oħra ta' ksur.
Fid-Danimarka, l-applikanti ġodda kollha għal liċenzja nazzjonali jew Komunitarja jiġu vverifikati għall-kapaċità finanzjarja xierqa, il-kompetenza professjonali, id-dejn u l-istabbiliment stabbli. Il-kontrolli tar-reputazzjoni tajba jsiru biss jekk il-pulizija tkun irrappurtat xi problema jew jekk ikun hemm xi indikazzjoni oħra li jista’ jkun hemm problema. Il-każijiet ta' ksur huma rreġistrati għal 5 snin u jinkludu l-każijiet ta’ ksur li jiġi individwati mill-pulizija f’kontrolli mal-ġenb tat-triq. L-awtorità Daniża tipikament tivverifika l-applikanti ġodda kollha kif ukoll madwar 250 operatur eżistenti. Dawn tal-aħħar jintgħażlu abbażi ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju. L-operaturi jridu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-kapaċità finanzjarja inizjali ta’ DKK 150,000 (madwar EUR 20,000) sabiex jiksbu l-ewwel żewġ liċenzji, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jirrikjedi biss riżervi ta’ EUR 9,000 għall-ewwel vettura u EUR 5,000 għal kull vettura addizzjonali. Fid-Danimarka, għal kull vettura addizzjonali hija rikjesta DKK 40,000 (madwar EUR 5,400). Barra minn hekk, il-kumpanija ma għandux ikollha aktar minn 50,000 DKK (madwar EUR 6,700) f’arretrati x’tagħti lill-gvern. Fuq din il-kwistjoni, l-Awtorità Daniża tat-Trasport tagħmel investigazzjoni flimkien mal-Awtoritajiet Daniżi biex tivverifika l-kapaċità finanzjarja xierqa tal-impriża.
Ir-Rumanija għandha sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju mmirata lejn il-kontrolli tal-ksur li jirriflettu r-reati kollha fit-trasport bit-triq għal kull kumpanija tat-trasport. Jekk kumpanija tiftaħ fergħa, il-kontrolli jsiru fuq l-istabbiliment stabbli u effettiv tagħha.
Fin-Netherlands, l-Organizzazzjoni Olandiża tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq għat-Trasport Nazzjonali u Internazzjonali (NIWO) żviluppat metodu biex jiġu identifikati l-operaturi tat-trasport li huma f’riskju li ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kapaċità finanzjarja xierqa. L-operaturi tat-trasport li jinsabu f’riskju jiġu mmonitorjati mill-qrib. F’każ li operatur tat-trasport b’riskju għoli ma jkunx jista’ jissodisfa r-rekwiżit ta’ kapaċità finanzjarja xierqa fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, il-liċenzja Komunitarja tiġi rtirata. B’dan il-metodu, l-operaturi tat-trasport huma obbligati li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kapaċità finanzjarja xierqa matul il-perjodu kollu ta’ validità tal-liċenzja Komunitarja u mhux biss matul il-perjodu tal-applikazzjoni. Il-klassifikazzjoni tar-riskju tapplika wkoll għall-kompetenza professjonali meħtieġa. Skont id-data rrappurtata, s’issa l-NIWO ma ssospendietx jew ma rtiratx awtorizzazzjonijiet abbażi tar-rekwiżit tar-reputazzjoni tajba.
Fil-Finlandja, is-sistema tal-klassifikazzjoni tar-riskju hija marbuta mal-kontrolli tar-reputazzjoni tajba. L-ivverifikar sistematiku tar-reputazzjoni tajba rigward il-persuni rilevanti kollha huwa meqjus bħala kompitu eżiġenti, li huwa preċiżament għaliex hemm bżonn ta’ klassifikazzjoni tar-riskju.
Fil-Lussemburgu, il-Ministeru għall-Ekonomija jwettaq kontrolli qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi vverifikata l-konformità ma’ kull wieħed mill-erba’ rekwiżiti. Il-kontrolli dwar ir-reputazzjoni tajba jitwettqu wkoll meta d-detentur ta’ awtorizzazzjoni jiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji, bħal insolvenza jew falliment, sabiex jiġu protetti l-partijiet kontraenti. Il-kontrolli dwar ir-reputazzjoni, il-kapaċità finanzjarja, il-kompetenza professjonali u l-istabbiliment stabbli u effettiv jitwettqu wkoll meta d-detentur ta’ awtorizzazzjoni japplika għal awtorizzazzjoni ġdida, pereżempju meta dan jestendi l-ambitu tal-attivitajiet għal settur ieħor li għalih ikun jeħtieġ awtorizzazzjoni addizzjonali.
Dwar id-diffikultajiet li jitfaċċaw fir-rigward tal-kontrolli ta’ stabbiliment stabbli u effettiv, li jitqiesu bħala jużaw aktar riżorsi minn kontrolli oħra, diversi awtoritajiet tal-infurzar jenfasizzaw in-natura eżiġenti tal-kontrolli u n-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva biex jikkontrollaw l-impriżi kollha tat-trasport tat-triq reġistrati fi Stat Membru partikolari.
Żewġ Stati Membri biss issottomettew data dwar l-għadd ta’ kontrolli mwettqa fir-rigward tal-erba’ rekwiżiti dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Fl-Estonja, fil-perjodu 2015-2016 twettqu 80 kontroll tar-reputazzjoni tajba u 80 kontroll tal-kompetenza professjonali. Fl-Iżvezja, twettqu 131 kontroll ta’ reputazzjoni tajba.
2. Awtorizzazzjonijiet
L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jiddefenixxi awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq bħala “deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza lil impriża li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament biex teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq”.
In-natura legali tad-“deċiżjoni amministrattiva” tvarja fost l-Istati Membri. Din tista’ tkun prerekwiżit biex tinkiseb liċenzja għat-trasport nazzjonali u/jew liċenzja Komunitarja għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija, tista' tkun l-ekwivalenti għal liċenzja għat-trasport nazzjonali biss jew tista’ tfisser liċenzja għat-trasport nazzjonali u internazzjonali mogħtija permezz tal-awtorizzazzjoni unika.
Pereżempju, fil-Bulgarija u fil-Litwanja hemm erba’ tipi ta’ liċenzji (il-liċenzja nazzjonali tal-passiġġieri, il-liċenzja nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija, il-liċenzja Komunitarja għat-trasport tal-passiġġieri u l-liċenzja Komunitarja għat-trasport tal-merkanzija). Madankollu, fil-Bulgarija jingħata dokument wieħed biss (jiġifieri l-awtorizzazzjoni) għat-trasport nazzjonali u internazzjonali.
Fil-Belġju, jingħataw biss liċenzji Komunitarji bħala awtorizzazzjonijiet għat-trasport tal-passiġġieri jew għat-trasport tal-merkanzija.
Mill-2012, impriżi stabbiliti fl-Estonja li jkun biħsiebhom joperaw fis-suq tat-trasport bit-triq huma obbligati japplikaw għal liċenzja Komunitarja, li hija l-unika tip ta’ awtorizzazzjoni eżistenti f’dak l-Istat Membru.
Fil-Lussemburgu hemm biss żewġ tipi ta’ liċenzji: waħda għat-trasport nazzjonali u l-oħra għat-trasport internazzjonali.
Fir-Rumanija biss jingħataw liċenzji Komunitarji bħala awtorizzazzjonijiet għat-trasport tal-passiġġieri jew għat-trasport tal-merkanzija.
Fir-Renju Unit hemm żewġ tipi ewlenin ta’ awtorizzazzjoni li japplikaw għall-impriżi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Dawn huma l-Liċenzji Nazzjonali Standard u l-Liċenzji Internazzjonali. Il-Liċenzja Internazzjonali hija għal dawk l-impriżi li jwettqu trasport internazzjonali, u dawn jikkorrispondu għad-detenturi ta’ liċenzji Komunitarji. Barra minn hekk, ir-Renju Unit għandu aktar kategoriji barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għall-operaturi awtonomi. Hemm klassifikazzjoni oħra għall-organizzazzjonijiet li jġorru l-passiġġieri li mhumiex negozji u dawn mhumiex meqjusa bħala li joperaw f'isem ħaddieħor, bħal skejjel, organizzazzjonijiet tal-karità u gruppi komunitarji.
Minħabba l-eżistenza ta’ tipi differenti ta’ awtorizzazzjoni għall-impriżi biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, id-data mressqa mill-Istati Membri tista’ titqabbel biss b’mod ġenerali. Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri bagħtu l-għadd globali tal-operaturi awtorizzati fil-31 ta’ Diċembru 2016, li jikkostitwixxi punt ta’ referenza għad-data dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija, sospiżi jew irtirati. L-Awstrija għandha 11,499 operatur awtorizzat (merkanzija u passiġġieri), il-Belġju għandu 9,007, il-Bulgarija għandha 13,354, Ċipru għandu 2,945, ir-Repubblika Ċeka għandha 24,482, il-Ġermanja għandha 51,127, id-Danimarka għandha 5,618, l-Estonja għandha 3,330, il-Greċja għandha 12,187, Spanja għandha 96,237, il-Finlandja għandha 15,941, Franza għandha 128,319, l-Ungerija għandha 13,267, il-Kroazja għandha 601, l-Irlanda għandha 5,585, l-Italja għandha 105,560, il-Litwanja għandha 866, il-Lussemburgu għandu 497, il-Latvja għandha 4,313, Malta għandha 684, in-Netherlands għandu 13,172, il-Polonja għandha 84,304, il-Portugall għandu 8,674, l-Iżvezja għandha 17,608, is-Slovenja għandha 5,811, is-Slovakkja għandha 8,564 u r-Renju Unit għandu 42,573 operaturi awtorizzati. B’mod ġenerali fl-UE, kien hemm 608,212 operatur tat-trasport tal-merkanzija u 77,913 operatur tat-trasport tal-passiġġieri.
Il-maġġoranza l-kbira tal-impriżi awtorizzati huma trasportaturi tal-merkanzija bit-triq. Il-perċentwal tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq meta mqabbel mal-għadd globali tal-operaturi awtorizzati fl-Istati Membri li rrapportaw kien ta’ 89 % fil-31 ta’ Diċembru 2016 (88 % tal-31 ta' Diċembru 2014), filwaqt li 11 % biss kienu operaturi tat-trasport tal-passiġġieri. L-unika eċċezzjoni kienet Malta, fejn l-għadd tal-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri (596) qabeż bil-bosta l-għadd tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq (88), filwaqt li fi Franza l-perċentwal tal-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri kien ferm ogħla mill-medja tal-UE (24 %).
2.1 L-awtorizzazzjonijiet mogħtija
Abbażi tad-data pprovduta minn erbgħa u għoxrin Stat Membru, ingħataw 278,092 awtorizzazzjoni biex titwettaq l-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-passiġġieri (25,788) u ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija (252,304) matul il-perjodu ta’ rappurtar.
L-għadd tal-awtorizzazzjonijiet li ngħataw ivarja minn 27 f’Malta għal 122,790 fi Spanja. Tabella ddettaljata bl-informazzjoni mressqa hija ppreżentata fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.
Il-biċċa l-kbira tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fl-2015 u fl-2016 jirrigwardaw ukoll it-trasportatur bit-triq (91 % b’kollox) u parti żgħira biss tal-awtorizzazzjonijiet jirrigwardaw l-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri (9 %).
2.2 L-awtorizzazzjonijiet irtirati u sospiżi
Abbażi tad-data rrapportata minn ħamsa u għoxrin Stat Membru, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet irtirati jew sospiżi matul il-perjodu 2015-2016 kien 130,998. Wieħed jista’ jinnota li l-akbar għadd ta’ rtirar u sospensjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet ġie rrappurat fi Spanja u kien jammonta għal 76,534 għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Fl-estrem l-ieħor, għadd żgħir ħafna ta’ rtirar u sospensjonijiet ġew irreġistrati fil-Portugall (1), fl-Irlanda (7), fil-Lussemburgu (13) u fir-Rumanija (15). Informazzjoni ddettaljata dwar l-awtorizzazzjonijiet sospiżi u rtirati hija inkluża fl-Anness II ta’ dan ir-rapport.
Il-każi ta’ rtirar u ta’ sospensjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet kienu prinċipalment minħabba l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni/liċenzja Komunitarja, l-istralċ tal-kumpanija jew fuq talba tal-operaturi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li rrappurtaw dwar ir-raġunijiet għal tali rtirar u sospensjonijiet.
Madankollu, Spanja indikat li r-raġuni prinċipali għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet kienet in-nuqqas ta’ konformità mal-erba’ rekwiżiti dwar l-aċċess għall-professjoni (47,719 każ ta’ rtirar fuq dik il-bażi). Fl-Iżvezja, ir-raġuni prinċipali għall-irtirar kienet in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ stabbiliment effettiv u stabbli (1,514 irtirar fuq din il-bażi), u l-istess fl-Estonja (167) u fis-Slovenja (55). Fir-Renju Unit, ir-raġuni prinċipali għall-irtirar kienet in-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba (466 każ ta’ rtirar u ta’ sospensjoni fuq din il-bażi).
3. Ċertifikati ta' kompetenza professjonali
Ċertifikati ta’ kompetenza professjonali li jiċċertifikaw eżamijiet bil-miktub jew orali b’suċċess mis-sewwieqa kandidati jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti u huma prova ta’ kompetenza professjonali, kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn għoxrin Stat Membru, inħarġu 477,761 ċertifikat ta’ kompetenza professjonali matul il-perjodu ta’ rappurtar. Dan l-għadd jinkludi ċ-ċertifikati mogħtija abbażi ta’ eżami kif previst bl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u permezz tar-rikonoxximent tal-esperjenza, skont eżenzjoni speċifikata fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.
L-akbar sehem ta’ ċertifikati mogħtija fl-UEa matul dan il-perjodu tar-rappurtar kien ta’ Spanja (388,218), segwita min-Netherlands (25,597), mir-Rumanija (20,960), mill-Polonja (7,100) u minn Franza (6,616). Informazzjoni ddettaljata dwar dan hija ppreżentata fl-Anness III ta’ dan ir-rapport.
4. Maniġers tat-trasport iddikjarati mhux adatti
Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, meta maniġer tat-trasport jitlef ir-reputazzjoni tajba tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjarah mhux adattat biex imexxi l-attivitajiet tat-trasport ta’ impriża.
Għaxar Stati Membri li rrapportaw ħarġu dikjarazzjonijiet ta’ persuni bħala mhux adatti: L-Awstrija (3), il-Belġju (5), id-Danimarka (82), il-Ġermanja (5), Spanja (17), l-Estonja (11), il-Finlandja (15), l-Italja (72), l-Iżvezja (49) u r-Renju Unit (253) . Id-data pprovduta mill-Istati Membri tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-rapport.
5. Skambju ta’ informazzjoni
Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Ir-rekwiżiti minimi għad-data li trid tiddaħħal f’dawn ir-reġistri u r-regoli komuni dwar l-interkonnessjoni tagħhom permezz tar-Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) huma ddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480. B’mod partikolari, din id-data tkopri r-reputazzjoni tajba tal-impriżi tat-trasport, il-każijiet ta' ksur serju mwettqa u d-data dwar il-liċenzji Komunitarji.
L-istabbiliment tal-ERRU kien maħsub bħala l-pass li jmiss biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-iskop ta’ aktar titjib tal-infurzar transkonfinali tal-leġiżlazzjoni Ewropea għat-trasport bit-triq skont l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Ir-reġistru tal-ERRU għandu jissimplifika l-infurzar transkonfinali, u jagħmel dan l-infurzar aktar kosteffikaċi, dejjem jekk l-Istati Membri kollha jkunu konnessi miegħu u jużaw effettivament is-sistema għall-iskambju ta’ data ta’ kwalità li tinsab fil-bażijiet tad-data tagħhom. Ir-reġistri nazzjonali kellhom ikunu interkonnessi sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Minkejja dewmien sinifikanti minn xi Stati Membri, l-Istati Membri kollha issa huma interkonnessi mar-reġistri elettroniċi nazzjonali tagħhom ta’ impriżi tat-trasport bit-triq.
Diversi Stati Membri nnutaw li l-parteċipazzjoni fl-ERRU irriżultat f’kooperazzjoni u fi skambju ta’ informazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u tejbet l-effettività tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tagħhom. Ammont sinifikanti ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar każijiet ta' ksur serju u dwar reputazzjoni tajba ġie rreġistrat b'mod partikolari fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, is-Slovenja u l-Iżvezja. Ħafna minn dawn l-iskambji jikkonċernaw talbiet għal kontrolli ta’ reputazzjoni tajba mibgħuta lil Stati Membri oħra u li jaslulhom. Ta’ min jinnota li l-volum ta’ skambji ta’ informazzjoni żdied b’mod sinifikanti ħafna meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Dan jidher li jindika li t-tlestija tal-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali qed tinkoraġġixxi aktar l-użu tal-ERRU u li l-Istati Membri b’mod ġenerali qed iżidu l-użu tal-pjattaforma. Id-data pprovduta mill-Istati Membri tinsab fl-Anness IV ta’ dan ir-rapport.
IV.Konklużjonijiet
Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Din l-informazzjoni tkopri l-aspetti tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, elenkati fl-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Il-kwalità u l-puntwalità tas-sottomissjonijiet tal-Istati Membri kienet tvarja ħafna u dan affettwa l-kwalità ġenerali ta’ dan ir-rapport. Minħabba li hemm data nieqsa dwar ċerti aspetti tar-Regolament, dan ir-rapport ma jagħtix analiżi sħiħa tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Madankollu, kemm l-għadd ta’ Stati Membri li rrappurtaw kif ukoll il-profondità tad-data rrappurtata tjiebu sostanzjalment meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti.
Ta’ min wieħed jenfasizza li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri għamlet progressi kbar saż-żmien tat-tfassil ta’ dan ir-rapport. Madankollu, il-Kummissjoni tappoġġja t-tisħiħ ulterjuri tagħha, li jwassal għal implimentazzjoni iktar konsistenti u effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 fl-Istati Membri kollha tal-UE.
Il-Kummissjoni tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jipprovdu rapport komplut li jkun fih l-elementi kollha tad-data elenkati fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 fiż-żmien meħtieġ sabiex ikun jista’ isir rapport sħiħ u biex jiġu evitati proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jużaw il-formola standard ta’ rappurtar għall-finijiet tal-konsistenza tas-sottomissjonijiet nazzjonali.