IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.1.2019
COM(2019) 68 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Eżenzjoni għall-Bank tal-Ingilterra u għall-Uffiċċju ta' Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit taħt ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR)
1.INTRODUZZJONI
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq (minn hawn ‘il quddiem: “MAR”) jeżenta tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba mill-Istati Membri, inklużi l-membri tal-federazzjoni fil-każ ta’ Stat Membru li jkun Stat federali, il-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-ministeri u aġenziji oħrajn u strumenti ta’ għan speċjali ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew persuni li jaġixxu f’isimhom mill-applikazzjoni tal-MAR diment li jitwettqu bl-iskop ta’ politiki monetarji, tar-rati tal-kambju jew tal-ġestjoni tad-dejn pubbliku.
Skont l-Artikolu 6(5) tal-MAR, din l-eżenzjoni għall-operazzjonijiet imwettqa fl-interess tal-pubbliku mill-iskop tal-MAR tista’ tiġi estiża, bis-saħħa ta’ att delegat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 35 tal-MAR, għal ċerti korpi pubbliċi u banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest u skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tal-MAR, il-Kummissjoni kienet mistennija li, sat-3 ta’ Jannar 2016, tħejji u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tivvaluta t-trattament internazzjonali tal-korpi pubbliċi inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku u tal-banek ċentrali f'pajjiżi terzi, jew li jintervjenu fiha.
Għal dan l-iskop il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat studju estern miċ-Ċentru għall-Istudji tal-Politiċi Ewropej (CEPS) u l-Università ta’ Bolonja dwar “Exemptions for third-country central banks and other entities under the Market Abuse Regulation (MAR) and the market in Financial Instrument Regulation (MiFIR)”. L-istudju huwa bbażat fuq stħarriġ u riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni. Janalizza oqfsa ta’ abbuż tas-suq u standards tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għall-banek ċentrali u għall-uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn (minn hawn ‘il quddiem: “DMO”) ta’ 13-il ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi. Dawn il-ġuriżdizzjonijiet intgħażlu bħala kwistjoni ta’ prijorità abbażi ta’, fost kriterji oħrajn, il-kwalifika tagħhom bħala setturi finanzjarji sistematikament importanti. Sabiex jivvaluta n-neċessità u l-adegwatezza li tingħata eżenzjoni skont l-Artikolu 6(5) tal-MAR, l-istudju jevalwa sett ta’ regoli dwar l-abbuż tas-suq u standards tal-ġestjoni tar-riskju fil-konfront tal-“valur referenzjarju Ewropew”, li huwa bbażat fuq regoli korrispondenti u standards applikabbli fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha.
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha mitlub skont l-Artikolu 6(5) tal-MAR lill-koleġiżlaturi fis-16 ta’ Diċembru 2015. Skont il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2016/522 fis-17 ta’ Diċembru 2015, li jestendi l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MAR għal korpi pubbliċi u banek ċentrali speċifikati ta’ dawk il-ġuriżdizzjonijiet analizzati f’dan ir-rapport.
2.BAŻI ĠURIDIKA TAR-RAPPORT: L-ARTIKOLU 6(5) TAL-MAR
Is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 6(5) tal-MAR kien jitlob li, sat-3 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni tħejji u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tivvaluta t-trattament internazzjonali tal-korpi pubbliċi inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku u tal-banek ċentrali f’pajjiżi terzi, jew li jintervjenu fiha.
F’termini ta’ kontenut tar-rapport, is-subparagrafu 3 tal-Artikolu 6(5) tal-MAR jistipula li jenħtieġ li r-rapport tal-Kummissjoni jinkludi analiżi komparattiva tat-trattament tal-korpi pubbliċi inkarigati bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha, u tal-banek ċentrali fil-qafas legali tal-pajjiżi terzi, u l-istandards tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għat-tranżazzjonijiet li jidħlu fihom dawk il-korpi u l-banek ċentrali. Barra minn hekk, is-subparagrafu 3 tal-Artikolu 6(5) tal-MAR jipprovdi li jekk ir-rapport jikkonkludi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi komparattiva, li huwa meħtieġ li jiġu estiżi r-responsabbiltajiet monetarji ta’ dawk il-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi mill-obbligi u mill-projbizzjonijiet tal-MAR, jenħtieġ li l-Kummissjoni testendi l-eżenzjoni msemmija iktar ’il fuq anke għall-banek ċentrali ta’ dawk il-pajjiżi terzi.
F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-rapport mitlub skont l-Artikolu 6(5) tal-MAR kif ukoll ir-Regolament Delegat 2016/522 li elenka l-entitajiet koperti bl-estensjoni tal-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MAR.
It-trattament tar-Renju Unit tal-uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn u tal-banek ċentrali fil-qafas legali tiegħu kif ukoll l-istandards tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għat-tranżazzjonijiet li dawn l-entitajiet jidħlu fihom ma tqisux fir-rapport imsemmi hawn fuq u fir-Regolament delegat minħabba l-istatus tiegħu ta’ Stat Membru. Madankollu, fid-dawl tal-bidla imminenti fl-istatus tar-Renju Unit għal pajjiż terz, issa huwa xieraq li jiġi ppreżentat rapport lil-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 6(5) tal-MAR li janalizza l-adegwatezza li tiġi estiża l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MAR għall-entitajiet rilevanti ta’ dak il-pajjiż.
3.ANALIŻI TAL-ADEGWATEZZA TAL-ESTENSJONI TAL-EŻENZJONI GĦAR-RENJU UNIT
3.1.Kriterji użati għall-valutazzjoni
Minħabba l-volum sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MAR li joriġinaw mir-Renju Unit, hemm każ ċar biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-estenzjoni tal-eżenzjoni tal-Artikolu 6 għall-bank ċentrali tiegħu u, jekk applikabbli, għall-korpi pubbliċi tiegħu inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku, jew li jintervjenu fiha. L-entitajiet li jaqgħu b’mod ċar fl-ambitu ta’ din il-valutazzjoni huma l-Bank tal-Ingilterra u l-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit.
L-analiżi hija bbażata, l-ewwel nett, fuq il-valutazzjoni ta sett ta’ regoli dwar l-abbuż tas-suq applikabbli fir-Renju Unit. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, regoli dwar:
(i)
abbuż minn informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta’ informazzjoni;
(ii)
manipulazzjoni tas-suq
(iii)
eżenzjoni mir-regolamentazzjoni tal-abbuż tas-suq
It-tieni nett, l-analiżi tinkludi valutazzjoni tal-istandards tal-ġestjoni tar-riskju, li jinkludu arranġamenti, sistemi u proċeduri interni li għandhom l-għan li jipprevjenu li membri tal-persunal iwettqu tranżazzjonijiet jew ordnijiet, jew jinvolvu ruħhom f’imġiba, direttament jew indirettament, f’isimhom stess. Dawn jinkludu, fost affarijiet oħra, regoli ta’ kondotta dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(i)
użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-membri tal-persunal
(ii)
tranżazzjonijiet f’assi u strumenti finanzjarji mill-membri tal-persunal
(iii)
indipendenza tal-persunal u kunflitti ta’ interess
(iv)
infurzar tar-regoli ta’ kondotta
L-analiżi tiddependi fuq il-konklużjonijiet tal-istudju li twettaq mis-CEPS. Għalkemm l-istudju jeżamina r-regoli msemmija hawn fuq li huma applikabbli fir-Renju Unit fil-kuntest tal-istatus tiegħu bħala Stat Membru, madankollu huwa jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi vvalutata b’mod komprensiv l-adegwatezza li tiġi estiża l-estensjoni tal-Artikolu 6(1) għall-Bank tal-Ingilterra u għall-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit.
Għal deskrizzjoni dettaljata tal-elementi kollha kkunsidrati fl-analiżi, irreferi għall-istudju mis-CEPS.
3.2.Sommarju tal-analiżi għar-Renju Unit
Reġim tal-abbuż tas-suq
Ir-regoli tal-MAR bħalissa huma direttament applikabbli fir-Renju Unit billi huwa Stat Membru. Billi l-MAR jinsab fil-qalba tal-qafas tal-abbuż tas-suq tal-Unjoni, isegwi li r-Renju Unit jipprevedi regoli xierqa dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u l-forom kollha ta’ manipulazzjoni tas-suq kif ukoll dwar eżenzjonijiet mir-reġim tal-abbuż tas-suq. Madankollu, billi r-Renju Unit jinsab fil-proċess li jirtira mill-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li jitqiesu bidliet futuri li huwa previst li jista’ jagħmel lir-reġim tal-abbuż tas-suq tiegħu. F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni ta’ spjegazzjoni li takkumpanja l-istrument statutorju abbozzat “The Market Abuse (Amendment) (EU Exit) Regulations 2018.”, jidher li hemm intenzjoni ċara li l-gvern tar-Renju Unit ma jagħmel l-ebda bidla politika fir-reġim tal-abbuż tas-suq tiegħu, kif stabbilit bl-MAR, fil-futur qarib, għajr fejn xieraq biex tiġi riflessa l-pożizzjoni l-ġdida tal-pajjiż barra mill-UE, u biex jitneħħew ix-xkiel fit-tranżizzjoni.
Standards tal-ġestjoni tar-riskju
Il-Bank tal-Ingilterra japplika regoli estensivi tal-ġestjoni tar-riskju fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba, b’segwitu għall-politika ta’ ġestjoni monetarja, tar-rati tal-kambju jew tad-dejn pubbliku. Dawn ir-regoli jissoġġettaw lill-membri tal-persunal għal obbligu ta’ segretezza professjonali u jipprojbixxu l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata kif ukoll l-użu tagħha għal gwadann personali. Barra minn hekk, hemm regoli interni ta’ kondotta li jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet f’assi u strumenti finanzjarji mill-membri tal-persunal, regoli dwar kunflitti ta’ interess kif ukoll regoli ċari dwar linji ta’ rappurtar f’każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli ta’ kondotta. Fl-aħħar nett, il-Bank tal-Ingilterra għandu proċeduri dixxiplinari fis-seħħ li jissanzjonaw nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija.
L-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit għandu sistema robusta ta’ regoli ta’ kondotta li japplikaw għall-membri tal-persunal tiegħu. Ħafna minnhom jinsabu fil-Kodiċi ta’ Ġestjoni tas-Servizz Ċivili. Bħal ħaddiema oħrajn taċ-ċivil, il-membri tal-persunal tal-Office huma mitluba li jżommu segretezza professjonali u jevitaw li jużaw informazzjoni privileġġata biex imexxu ‘l quddiem l-interessi finanzjarji privati tagħhom. Il-membri tal-persunal ma jistgħux jinvestu f’parteċipazzjonijiet azzjonarji u titoli oħrajn jekk dawn l-investimenti jmorru kontra n-natura tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk regoli applikabbli dwar il-kunflitt ta’ interess iwaqqfuhom milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-valur tal-investimenti tagħhom. L-Office għandu proċeduri dixxiplinari fis-seħħ għal ksur ta’ regoli tal-persunal kif ukoll għal sitwazzjonijiet oħra li fihom l-azzjonijiet tal-membri tal-persunal ixekklu jew jagħmlu ħsara lill-prestazzjoni jew ir-reputazzjoni tal-organizzazzjoni.
4.KONKLUŻJONIJIET
Abbażi tal-informazzjoni miksuba u l-analiżi mwettqa, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa xieraq li tingħata eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-MAR lill-bank ċentrali u lid-DMO tar-Renju Unit, jiġifieri l-Bank tal-Ingilterra u l-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit, ladarba r-Renju Unit isir pajjiż terz.
Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għal bidliet possibbli fil-futur, wara li jitqiesu l-bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi jew iċ-ċirkustanzi fattwali mibdula li jistgħu jinstigaw il-ħtieġa għal rieżami tal-lista ta’ banek ċentrali u DMOs ta’ pajjiżi terzi eżentati.