Brussell, 7.2.2019

COM(2019) 59 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Fiscalis 2020

{SWD(2019) 15 final}


1.Sfond

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 1 stabbilixxa l-programm Fiscalis 2020 bħala programm ta’ azzjoni pluriennali sabiex itejjeb il-mod kif jaħdmu s-sistemi ta’ tassazzjoni fl-UE. F’konformità mal-Artikolu 17(1) u (2), ġie kkummissjonat studju estern sabiex jappoġġa l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm. Ir-riżultati tiegħu huma ppreżentati fid-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż u jikkostitwixxu l-bażi għal dan ir-rapport.

L-iskop tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu kien li jiġi vvalutat il-programm Fiscalis 2020 minn meta tnieda fl-1 ta' Jannar 2014 sa nofs it-terminu ta’ implimentazzjoni tiegħu (il-31 ta’ Diċembru 2017). L-evalwazzjoni qieset il-firxa sħiħa tal-attivitajiet iffinanzjati mill-programm u l-partijiet ikkonċernati kollha.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jkejjel il-progress li sar fil-kisba tal-għanijiet tal-programm, fl-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u fil-valur miżjud tal-programm fil-livell tal-UE. Ir-rapport jindirizza wkoll is-simplifikazzjoni u r-rilevanza kontinwa tal-għanijiet u kif il-programm ikkontribwixxa għall-prijoritajiet tal-UE ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.Rilevanza

Il-programm Fiscalis 2020 jibni fuq verżjonijiet preċedenti tal-programm, li ilu fis-seħħ għal aktar minn 25 sena. Dan jippermetti l-implimentazzjoni koerenti tal-liġi tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni fid-dawl tal-isfidi attwali billi jiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni, jappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva u jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa. Attwalment hemm 34 pajjiż li qegħdin jipparteċipaw fil-programm: 28 Stat Membru tal-UE u sitt pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali 2 .

Il-programm ilu jeżisti għal żmien twil wisq għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati biex iqisu b’mod siewi s-sitwazzjoni qabel it-tnedija tiegħu. Is-sistemi komuni tal-IT, jiġifieri s-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, li jieħdu madwar 75 % tal-fondi disponibbli tal-programm, ilhom parti integrali mix-xenarji tat-tassazzjoni nazzjonali u Ewropej. Hemm qbil fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa li l-programm Fiscalis 2020 huwa kemm meħtieġ kif ukoll rilevanti u li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet u t-tħassib reali. L-azzjonijiet tal-programm huma apprezzati u ġeneralment jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet. B’mod partikolari, in-netwerking u l-iskambju tal-ideat huma apprezzati ħafna u meqjusa bħala aspetti ewlenin tal-attivitajiet kollha tal-programm. Il-ħtieġa tal-maġġoranza tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej u r-rilevanza tagħhom huma evidenti; f’ħafna każijiet dawn jiddefinixxu l-possibbiltà għall-iskambju essenzjali ta’ informazzjoni skont il-liġi tal-UE. L-attivitajiet ta’ appoġġ bħas-sessjonijiet ta’ taħriġ fl-IT huma wkoll apprezzati ferm mill-partijiet ikkonċernati.

Meta wieħed iħares lejn il-ħtieġa sottostanti biex is-sistemi jiskambjaw informazzjoni, sistemi bħall-Mini One Stop Shop jindirizzaw il-ħtieġa għal skambju effiċjenti ta’ informazzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. Dan jindirizza wkoll il-ħtieġa biex jinħolqu sistemi li jnaqqsu r-riżorsi meħtieġa mill-amministrazzjonijiet u l-piż amministrattiv fuq il-kontribwenti. Pereżempju, il-partijiet ikkonċernati jindikaw li l-Mini One Stop Shop ġie żviluppat speċifikament biex jippermetti li tiġi implimentata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-VAT mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali. Il-kostijiet għall-iżvilupp ta’ din is-sistema ammontaw għal medja ta’ EUR 2,5 miljun għal kull Stat Membru. Min-naħa tal-benefiċċji, is-sistema tiddistribwixxi aktar minn EUR 3 biljun fi dħul mill-VAT fuq bażi annwali, b’żieda ta’ madwar 15 % kull sena. Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE għandhom introjtu nett mill-Mini One Stop Shop.

Mingħajr din l-attività ta’ Fiscalis, li ħolqot kanali kbar għall-iskambju ta’ informazzjoni, żgur li jkun meħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet korrispondenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-problemi eżistenti. Barra minn hekk, mhuwiex żgur jekk dawn is-sistemi jistgħux fil-fatt ikunu implimentati mingħajr qafas komuni għall-koordinazzjoni jew sors ta’ finanzjament bħal Fiscalis.

Għalkemm l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali huma l-benefiċjarji ewlenin tal-programm Fiscalis, ħafna operaturi ekonomiċi huma wkoll involuti bħala utenti ta’ ċerti Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej u moduli ta’ taħriġ, u xi drabi bħala parteċipanti f’azzjonijiet konġunti speċifiċi. Il-proċeduri simplifikati u l-applikazzjoni ugwali u prevedibbli tad-dritt tal-UE huma importanti kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Hemm ħafna attivitajiet fil-programm li jindirizzaw dawn l-oqsma ta’ tħassib. B'mod ġenerali, il-programm Fiscalis huwa rilevanti għall-operaturi ekonomiċi peress li l-prijoritajiet u l-attivitajiet tiegħu jaqblu mal-ħtiġijiet sottostanti tan-negozji u jindirizzaw il-problemi speċifiċi li jiffaċċjaw.

Fost il-pubbliku ġenerali, ftit hemm evidenza ta’ għarfien dirett tal-programm jew tal-impatt tiegħu. Il-programm jindirizza indirettament problemi li huma ferm rilevanti għaċ-ċittadini Ewropej u fejn l-azzjoni tal-UE titqies meħtieġa. B’mod partikolari, il-programm itejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej billi jappoġġa l-fehim u l-infurzar korretti u effettivi tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fil-pajjiżi parteċipanti. Revelazzjonijiet reċenti fil-forma tal-“Panama papers” affettwaw kif iċ-ċittadini jipperċepixxu l-kwistjonijiet tat-taxxa u poġġew is-suġġett fuq quddiem tal-aġenda. Suġġetti bħall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kif ukoll l-iżgurar tal-applikazzjoni ġusta u ugwali tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa qed isiru dejjem aktar rilevanti f'għajnejn iċ-ċittadini u l-komunitajiet Ewropej.

3.Effettività

L-għanijiet speċifiċi ta’ Fiscalis 2020 jinkludu l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-programm jiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni, l-appoġġ għall-kooperazzjoni amministrattiva u t-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi parteċipanti sabiex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tat-taxxa u l-kostijiet ta’ konformità għall-kontribwenti.

Ir-rwol tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej huwa trasversali. Bħalissa qed joperaw 25 sistema komuni tal-IT li jkopru firxa ta’ kwistjonijiet transfruntiera dwar it-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni indiretta kif ukoll jappoġġaw strutturi u applikazzjonijiet ta’ appoġġ. Peress li l-qsim tal-informazzjoni huwa mezz biex jinkisbu l-għanijiet l-oħrajn, l-aktar dawk relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, is-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej ikkontribwew ħafna għall-għanijiet kollha. Ħafna mis-sistemi huma disponibbli wkoll għall-operaturi ekonomiċi u jippermettulhom jissottomettu u jiksbu informazzjoni aktar faċilment u għalhekk iħaffulhom il-piż tal-obbligi ta’ rapportar.

Rigward l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evidenza disponibbli turi li l-għodod tal-qsim tal-informazzjoni eżistenti u l-fora ta’ kollaborazzjoni jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għan. L-evidenza turi mhux biss l-użu dejjem akbar tas-sistemi komuni tal-IT inġenerali, iżda wkoll stejjer konvinċenti li jispjegaw kif jissimplifikaw il-ħidma ta’ kuljum tal-amministrazzjonijiet. L-akbar kontribuzzjonijiet saru fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fl-oqsma tal-VAT u tas-sisa (għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej bħall-Mini One Stop Shop, ir-Rifużjoni tal-VAT, is-Sistema tal-Movimenti u tal-Kontrolli tas-Sisa, il-Formoli elettroniċi jew is-Sistema tal-Iskambju ta’ Informazzjoni tal-VAT). Il-kontribuzzjonijiet ma kinux daqstant kbar għan-numru iżgħar ta’ sistemi tal-IT li jittrattaw it-tassazzjoni diretta (bħan-Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa fuq il-portal Europa jew is-Sistema ta' Disseminazzjoni tad-Data); dawn għandhom kamp ta' applikazzjoni iżgħar, b’livelli ta’ għarfien, parteċipazzjoni jew użu proporzjonalment aktar baxxi.

Rigward l-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni bl-iżgurar tal-iskambju ta’ informazzjoni, il-programm kellu rwol kruċjali fl-għajnuna lill-Istati Membri sabiex jikkomunikaw bejniethom b’mod sigur u effiċjenti f’oqsma ta’ interess reċiproku, u għaldaqstant tejjeb il-kollaborazzjoni bejniethom. Dan l-aspett tal-għan jirrappreżenta proporzjon kbir tal-proġetti prijoritizzati permezz tal-programmi ta’ ħidma annwali u l-evalwazzjoni tinnota suċċess partikolari fl-appoġġ għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kollaborazzjoni meħtieġa bħala parti mil-leġiżlazzjoni tal-VAT u tas-sisa.

Rigward l-appoġġ għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, dan ħa l-aktar il-forma ta’ azzjonijiet konġunti, għalkemm kienu jinvolvu firxa ta’ suġġetti u tipi ta’ azzjonijiet. Il-programm kellu rwol integrali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri u pajjiżi parteċipanti oħrajn. L-aktar evidenza konvinċenti ta’ dan hija fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta (b’mod partikolari l-VAT u s-sisa), fejn il-kompetenza tal-UE hija l-aktar b’saħħitha u l-livell ta’ attività tal-programm hija għolja b'mod korrispondenti. Il-kooperazzjoni amministrattiva diretta fil-forma ta’ kontrolli multilaterali u parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi hija wkoll kategorizzata taħt dan l-għan. Bħala wieħed mill-aktar tipi popolari ta’ azzjoni (aktar minn 3 000 uffiċjal ħadu sehem fihom bejn l-2014 u l-2017), il-kontrolli multilaterali jipprovdu bosta evidenza li l-kooperazzjoni amministrattiva prattika mhux biss isseħħ, iżda hija wkoll effettiva. Il-kontrolli multilaterali, ikkombinati ma’ grupp ta’ koordinazzjoni li jgħin fl-allinjament tal-prattiki tax-xogħol u jibni l-fiduċja, wasslu b’mod konsistenti għal dħul irkuprat u żieda fil-konformità.

Id-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u l-lakuni fl-għarfien, minbarra l-kuntest dejjem jinbidel tal-politika tat-taxxa, joħolqu l-ħtieġa li l-programm jappoġġa l-bini tal-kapaċità fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan seħħ fil-forma ta’ bosta tipi ta’ azzjonijiet konġunti kif ukoll miżuri ta’ assistenza teknika dedikata pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-moduli tat-Tagħlim elettroniku żviluppati mill-programm għandhom ukoll l-għan li jibnu l-kapaċità tal-uffiċjali parteċipanti.

4.Effiċjenza

Il-baġit tal-programm Fiscalis 2020 huwa ta' EUR 223 miljun, b’EUR 124 miljun impenjati għall-2014-2017 (li jirrappreżentaw 56 % tal-baġit totali disponibbli). Fiscalis huwa programm ġestit b’mod dirett u l-Kummissjoni hija responsabbli mill-ġestjoni u l-koordinazzjoni tiegħu. L-attivitajiet huma ffinanzjati l-aktar permezz ta’ għotjiet (speċjalment l-azzjonijiet konġunti) u akkwist pubbliku (speċjalment is-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej u l-iżvilupp tekniku tal-moduli tat-Tagħlim elettroniku).

L-akbar parti mill-baġit ta’ Fiscalis tappoġġa l-iżvilupp, l-operat u ż-żamma tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, li jirrappreżentaw 74,7 % tal-baġit impenjat. Huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika, aħseb u ara li jimmonetizzaw il-benefiċċji konkreti pprovduti mis-sistemi tal-IT. Id-data ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn il-parti l-kbira tas-sistemi differenti biex il-kostijiet ikunu jistgħu jitqabblu b’effettività pruvata. Madankollu, waħda mis-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni hija li l-istruttura u s-sistemi orizzontali assoċjati mat-tassazzjoni indiretta, bħas-Sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni tal-VAT, is-Sistema tal-Movementi u tal-Kontrolli tas-Sisa u l-Mini One Stop Shop, ingħataw l-aktar valutazzjonijiet pożittivi u spiss iwasslu għal iffrankar sostanzjali għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u għall-operaturi ekonomiċi.

L-azzjonijiet konġunti taħt il-programm Fiscalis 2020 ammontaw għal 15.3 % tal-baġit impenjat fuq l-ewwel erba’ snin tal-programm. Dawn jipprovdu lill-uffiċjali nazzjonali bi pjattaforma u finanzjament biex jorganizzaw laqgħat dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u għaldaqstant huma fil-qalba tat-trawwim tal-kollaborazzjoni. Din il-kollaborazzjoni tinvolvi l-iskambju ta’ ideat u esperjenzi prattiċi, l-esplorazzjoni ta’ suġġetti diffiċli, xejriet teknoloġiċi, soluzzjonijiet ta’ negozju u approċċi tal-IT ġodda, l-allinjament tal-fehim dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki jew it-tħeġġiġ ta’ bidliet fil-politiki nazzjonali. Id-data disponibbli għall-ewwel erba’ snin tal-programm turi li għadd kbir ta’ individwi (li l-parti l-kbira minnhom huma uffiċjali tat-taxxa) jieħdu sehem fil-programm kull sena, f’numri pjuttost stabbli u f’konformità max-xejriet storiċi. Bl-istess mod bħall-perjodu ta’ finanzjament preċedenti, kien hemm madwar 4 000 parteċipazzjoni individwali kull sena matul il-programm attwali. L-istrutturi tal-kostijiet tagħhom ivarjaw ftit biss bejn it-tipi differenti ta’ azzjonijiet appoġġati (minn gruppi ta’ proġetti, żjarat ta’ ħidma, sessjonijiet ta’ ħidma u seminars sa kontrolli multilaterali u oħrajn). Il-kost medju għal kull parteċipant u għal kull azzjoni għat-tipi kollha ta’ azzjonijiet konġunti (ħlief għat-timijiet ta’ esperti) huwa madwar EUR 875, li huwa konformi ma’ programmi simili.

L-attivitajiet ta’ taħriġ taħt il-programm Fiscalis 2020 kienu jammontaw għal total ta’ 3,2 % 3 tal-baġit impenjat sa issa. Peress li l-kostijiet tal-iżvilupp tal-moduli tat-taħriġ huma fil-biċċa l-kbira investiment ta’ darba, l-effiċjenza u l-valur għall-flus tagħhom jiżdiedu ma’ kull parteċipant addizzjonali peress li dan it-twessigħ tal-ambitu jseħħ bi ftit li xejn kost addizzjonali. Iż-żieda kostanti fl-uffiċjali tat-taxxa nazzjonali li ħadu sehem fil-moduli ta’ taħriġ u t-tniżżil li sar mid-dominju pubbliku juru li hemm ħtieġa, u l-materjal ta’ taħriġ ta’ Fiscalis 2020 jissodisfa dak in-nuqqas. Il-prodott ewlieni taħt il-komponent ta’ dan il-programm huwa l-pakkett tat-Tagħlim elettroniku dwar il-VAT, li jikkonsisti fi 12-il kors. B’mod ġenerali, madwar 46 700 uffiċjal tat-taxxa ġew imħarrġa fl-2014-2017 bis-saħħa ta’ Fiscalis 2020. Il-moduli tat-Tagħlim elettroniku tniżżlu wkoll 34 950 darba mis-sit web EUROPA l-aktar minn assoċjazzjonijiet professjonali jew multinazzjonali. Skont l-estimi pprovduti minn dawk li niżżlu l-moduli mis-sit EUROPA, il-moduli tat-taħriġ sponsorjati minn Fiscalis laħqu grupp potenzjali ta’ 420 000 trainee.

Għalkemm bħala tali s-simplifikazzjoni mhijiex wieħed mill-għanijiet tal-programm Fiscalis 2020, il-programm jipprovdi appoġġ għal inizjattivi oħrajn li huma mfassla sabiex jissimplifikaw u jimmodernizzaw ix-xenarju Ewropew tat-tassazzjoni. L-istruttura tal-IT li tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa (jiġifieri n-Netwerk Komuni ta' Komunikazzjoni u t-tipi differenti ta’ Formoli elettroniċi) tgħin b’mod attiv biex il-proċeduri jiġu ssimplifikati u għaldaqstant tnaqqas il-ħin meħtieġ biex jiġu pproċessati t-talbiet.

Inkisbu ċerti kisbiet ta’ effiċjenza f’termini ta’ sinerġiji bejn il-programmi Fiscalis 2020 u Dwana 2020. Għalkemm l-oqsma ta’ politika għaż-żewġ programmi jvarjaw, huma għandhom fokus simili billi jippermettu lill-amministrazzjonijiet jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni. Dawn is-similaritajiet offrew opportunitajiet għas-sinerġiji f’termini kemm ta’ arranġamenti amministrattivi kif ukoll ta' ħidma konġunta, inkluż il-qsim tal-ideat u l-finanzjament konġunt ta’ komponenti kondiviżi bħal sistemi tal-IT u approċċi simili lejn il-bini tal-kapaċità umana u t-taħriġ. Ħafna mis-sinerġiji potenzjali dehru fil-livell tal-ġestjoni ċentrali tal-programm u fis-sistemi integrati tal-IT. Minħabba l-ġestjoni allinjata mill-qrib tal-programmi, ġew identifikati oqsma għal sinerġiji potenzjali u l-iskambju ta’ informazzjoni b’rabta mal-iżvilupp tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, mal-Pjan Strateġiku Pluriennali għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej tad-Dwana li joffru xenarju bażi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Pjan Strateġiku Pluriennali korrispondenti għat-tassazzjoni.

Dwar il-kontenut taż-żewġ programmi, hemm eċċezzjoni notevoli fil-qasam tad-dazji tas-sisa, fejn il-kompetenza ta' spiss tinqasam bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana u fejn iż-żewġ programmi pprovdew appoġġ espliċitu fl-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ interess komuni u fil-ħidma konġunta biex tiġi evitata l-frodi relatata mas-sisa.

5.Koerenza

Il-programm huwa internament koerenti, b’livell għoli ta’ konsistenza bejn il-loġika ta’ intervent, l-għanijiet tal-programm, il-prijoritajiet u l-proġetti tal-programm ta’ ħidma annwali. Id-disinn tal-programm huwa ffukat fuq l-għanijiet, li jfisser li l-azzjonijiet kollha taħt il-programm iridu jirreferu għall-għanijiet deskritti fir-Regolament (UE) Nru 1286/2013. L-azzjonijiet tal-programm huma ddeterminati skont l-għanijiet ġenerali, speċifiċi u operattivi u l-aktar metodu xieraq ta’ implimentazzjoni.

F’termini ta’ koerenza esterna, hemm allinjament b'saħħtu bejn il-programm u l-Istrateġija Ewropa 2020 kif evidenzjat mill-azzjonijiet u l-attivitajiet rilevanti. Bis-saħħa tal-attivitajiet tiegħu, il-programm jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika tat-taxxa tal-UE, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dan min-naħa tiegħu jgħin biex jillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u t-tfixkil fis-suq uniku, li jistgħu jinħolqu mill-interazzjoni bejn is-sistemi tat-taxxa tat-28 Stat Membru.

L-involviment ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali huwa ġeneralment pożittiv, b’evidenza b'saħħitha ta’ parteċipazzjoni attiva. Sa issa, is-sitt pajjiżi li mhumiex fl-UE u li huma involuti fil-programm ipparteċipaw fl-azzjonijiet konġunti tal-programm u saħansitra użaw uħud mis-sistemi tal-IT fejn kienu awtorizzati jagħmlu dan. Madankollu, għad hemm il-possibbiltà li jiġu involuti ħafna aktar.

Il-qasam fejn jidher li hemm nuqqas ta’ koerenza esterna b'saħħitha huwa fil-komplementaritajiet ma’ inizjattivi oħrajn tal-UE minbarra l-programm tad-Dwana 2020. Għalkemm in-natura tal-għanijiet u tal-attivitajiet tal-programm tissuġġerixxi sinerġiji potenzjali ma’ għadd ta’ programmi u proġetti oħrajn, ġew identifikati żewġ eżempji biss ta’ koordinazzjoni prattika: wieħed mal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u l-ieħor mal-proġett pilota TAXEDU iffinanzjat mill-Parlament Ewropew. Dan jenfasizza l-fatt li jeżistu opportunitajiet li attwalment mhumiex jintużaw biżżejjed. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ aktar sforzi ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni kif ukoll ma' istituzzjonijiet oħra biex jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tal-programmi eżistenti.

6.Valur miżjud tal-UE

Il-programm Fiscalis 2020 u t-tipi differenti ta’ attivitajiet iffinanzjati joffru valur miżjud għall-ħidma tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u tal-operaturi ekonomiċi billi jiġġenera titjib fl-effiċjenza u ekonomiji ta' skala evidenti.

Is-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej appoġġati mill-programm Fiscalis wasslu għal iffrankar sostanzjali tal-kostijiet, iżda diffiċilment kwantifikabbli, għall-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-forma ta’ tnaqqis fl-infiq tal-IT u fir-riżorsi umani meta mqabbla max-xenarju mingħajr azzjoni tal-UE. Sistemi żviluppati b’mod ċentrali jiswew inqas biex jiġu żviluppati u implimentati milli 28 sistema nazzjonali individwali u barra minn hekk jevitaw kostijiet relatati mal-interoperabbiltà bejn il-pajjiżi. Meta s-sistemi jkunu maqsuma bejn komponenti tal-UE u komponenti nazzjonali, il-programm jiżgura l-interkonnessjoni u l-koeżistenza effiċjenti bejn is-sistemi tal-IT. Minħabba li tippermetti lill-Istati Membri jaħdmu flimkien f’oqsma ta’ interess reċiproku, il-kollaborazzjoni fl-IT toffri wkoll il-potenzjal li toħloq ekonomiji ta' skala. L-iskop ewlieni tal-kollaborazzjoni fl-IT huwa li jiġu implimentati sistemi tal-IT komuni (l-iżvilupp ta’ softwer, soluzzjonijiet u komponenti tal-IT kif ukoll l-ittestjar) bil-ġbir komuni ta’ riżorsi b’mod formali u bi sjieda bilanċjata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

L-azzjonijiet konġunti, b’mod speċjali s-sessjonijiet ta' ħidma, iż-żjarat ta' ħidma u l-gruppi ta’ proġetti, jikkontribwixxu għall-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi, jipprovdu opportunitajiet għan-netwerking u jtejbu l-fehim ta’ problemi u soluzzjonijiet komuni lil hinn minn dak li kieku kien ikun possibbli. Ta’ min jinnota wkoll ir-rwol tat-timijiet ta’ esperti, li huma karatteristika ġdida tal-programm u li l-istruttura tagħhom tippermetti kollaborazzjoni mtejba fost l-Istati Membri fuq proġetti kumplessi bi grad għoli ta’ impenn fost il-parteċipanti. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisuhom mod interessanti u utli li permezz tiegħu jallinjaw u jikkoordinaw il-ħidma tagħhom, speċjalment rigward soluzzjonijiet tal-IT. Il-konsultazzjoni u n-netwerking ma’ kollegi minn pajjiżi oħrajn permezz ta’ azzjonijiet konġunti kienu meqjusa bħala komplementari għal inizjattivi fil-livell nazzjonali, billi għenu biex jinbnew relazzjonijiet u tiżdied il-fiduċja kif ukoll jiġi appoġġat il-qsim tal-esperjenzi u tal-għarfien. Attivitajiet ta’ taħriġ komuni għenu wkoll sabiex jiġu ffrankati żmien u flus għall-amministrazzjonijiet f’ċerti pajjiżi bis-saħħa tal-iżvilupp konġunt u l-għoti ta’ taħriġ, li inkella ma kinux ikunu disponibbli.

Ġiet identifikata wkoll interazzjoni ċara bejn l-azzjoni nazzjonali u dik tal-UE fil-kamp ta' applikazzjoni tal-programm. Kien hemm qbil ukoll fost il-koordinaturi nazzjonali tal-programm ikkonsultati li Fiscalis jipprovdi l-possibbiltà għal azzjoni lil hinn minn dik li l-pajjiżi parteċipanti jistgħu jiksbu waħedhom. Din tvarja minn attivitajiet bħal kooperazzjoni amministrattiva — meta l-azzjoni tal-programm ittejjeb il-proċessi nazzjonali — sal-għoti ta’ pjattaformi għat-tagħlim u l-koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE (fil-każ ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, allinjament mal-acquis tal-UE).

Is-sostenibbiltà tar-riżultat u tal-outputs tal-programm ġeneralment hija għolja. Din tinkludi benefiċċji aktar intanġibbli (bħal titjib fin-netwerking u fir-relazzjonijiet) u outputs tanġibbli (inklużi għodod, metodi, eċċ.), b’mod partikolari b’rabta ma’ titjib fil-kapaċità umana fl-amministrazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, kien hemm unanimità fost il-partijiet ikkonċernati kkonsultati dwar l-importanza li jitkompla l-programm fil-futur. Dan huwa l-aktar rilevanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej appoġġati mill-programm, u biex jiġi evitat l-impatt negattiv potenzjali li t-tnaqqis jew il-waqfien tal-finanzjament ikollu fuq dawn is-sistemi tal-IT. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni sabet li ż-żamma tal-appoġġ għas-sistemi stabbiliti tal-IT hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-istruttura tal-iskambju tal-informazzjoni li nħolqot kif ukoll il-ħafna pjattaformi li jinkludu komponenti ċentrali u mmexxija mill-Kummissjoni.

7.Konklużjonijiet

Is-sejbiet tal-evalwazzjoni jivvalidaw ir-rilevanza tal-għanijiet speċifiċi ta’ Fiscalis billi jidentifikaw ħtiġijiet ċari ta’ skambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni, kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u titjib tal-kapaċità amministrattiva. Dawn il-ħtiġijiet joħorġu mill-kamp ta' applikazzjoni dejjem jikber tad-dritt u tal-inizjattivi tal-UE, in-natura transfruntiera tal-problemi u l-ħtieġa persistenti għal konverġenza bejn il-pajjiżi. Kien hemm qbil universali fost il-partijiet ikkonċernati kkonsultati li l-programm huwa meħtieġ biex jiffaċilita dan l-iskambju u din il-kooperazzjoni, u li l-politiki ambizzjużi tal-UE ma jkunux possibbli mingħajr tali appoġġ. Minħabba dan, ir-rwol tal-programm fit-trawwim tal-konverġenza tal-approċċi, tal-proċeduri amministrattivi u tar-regoli huwa rilevanti ħafna.

Bis-saħħa tat-tliet tipi ewlenin ta’ attivitajiet tiegħu (Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, azzjonijiet konġunti u taħriġ), il-programm kien effettiv fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri tal-UE u pajjiżi parteċipanti oħrajn. Il-programm ipprovda l-qafas u l-mezzi teknoloġiċi meħtieġa għal ħidma konġunta u qsim ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tat-taxxa tal-UE u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa f’Ewropa dejjem aktar mobbli. L-aktar evidenza konvinċenti ta’ dan hija fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta (b’mod partikolari l-VAT u s-sisa), fejn il-kompetenza tal-UE hija l-aktar b’saħħitha u l-livell ta’ attività tal-programm hija għolja b'mod korrispondenti.

L-istruttura ġenerali u l-proċessi tal-programm għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-istabbiliment tal-prijoritajiet ġew ittestjati biż-żmien u jitqiesu ġeneralment xierqa mill-partijiet ikkonċernati kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fl-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti. Għalkemm il-benefiċċji tiegħu ma jistgħux jiġu monetizzati, it-tqabbil tas-sejbiet dwar l-effettività mad-data dwar l-infiq u s-sejbiet pożittivi dwar l-effiċjenza operattiva juru b'mod ġenerali li l-programm huwa kosteffettiv. Is-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, l-azzjonijiet konġunti u l-attivitajiet ta’ taħriġ jiġġeneraw b’mod ċar valur għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u tal-UE billi jgħinuhom jiġbru r-riżorsi (u b’hekk joħolqu ekonomiji ta' skala), iżidu l-ġbir u l-konformità tad-dħul u joperaw b’mod aktar effettiv. L-operaturi ekonomiċi bbenefikaw ukoll indirettament bis-saħħa tal-amministrazzjoni mtejba tal-politika tat-taxxa kif ukoll mill-użu dirett ta’ ċerti sistemi tal-IT u moduli tat-Tagħlim elettroniku.

Hemm koerenza interna b'saħħitha bejn id-diversi livelli u komponenti tal-programm Fiscalis. Dan huwa r-riżultat ta’ bosta fatturi, inkluż disinn iffukat fuq l-għanijiet li jiżgura l-allinjament tad-diversi livelli ta’ loġika ta’ intervent — mill-għanijiet ġenerali, speċifiċi u operattivi sal-prijoritajiet u l-attivitajiet. Fir-rigward tal-koerenza esterna tal-programm, hemm allinjament b'saħħtu bejn il-programm u l-Istrateġija Ewropa 2020 kif evidenzjat mill-azzjonijiet u l-attivitajiet rilevanti appoġġati mill-programm. L-involviment ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali huwa ġeneralment pożittiv, b’evidenza b'saħħitha ta’ parteċipazzjoni attiva u ta’ possibbiltajiet li jiġu involuti aktar.

Il-programm kien effettiv fl-għoti ta’ soluzzjonijiet għal problemi b’dimensjoni ċara tal-UE. B’mod partikolari, il-programm iżid il-valur billi jipprovdi forum għad-diskussjoni, skambju ta’ esperjenzi u netwerking bejn l-Istati Membri li ma jkunux possibbli mingħajr l-appoġġ tal-Kummissjoni. Fiscalis għen ukoll biex jinħoloq qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bis-saħħa ta’ varjetà ta’ sistemi u attivitajiet tal-IT. Dawn iwasslu kemm għal benefiċċji ta’ skala tanġibbli u intanġibbli kif ukoll għal koordinazzjoni. Il-komponent ċar tal-UE u l-fatt li l-istess riżultati jkunu diffiċli jew impossibbli li jinkisbu mingħajr l-appoġġ tal-programm — b’mod partikolari f’termini taż-żamma meħtieġa tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej — iwasslu wkoll għall-konklużjoni li l-appoġġ kontinwu permezz tal-finanzjament tal-programm huwa rilevanti u vantaġġuż mill-perspettiva tal-valur miżjud tal-UE.

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE
(2) L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija.
(3) Is-6,8 % tan-nefqa impenjata li jifdal intużaw għall-istudji biex jappoġġaw l-analiżi u xogħol preparatorju ieħor.