27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/259


RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/1501 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-26 ta' Marzu 2019

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2017

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0141/2019),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 42 076 719, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 6,37 % meta mqabbel mal-2016; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 11 019 552, 26,19 %), minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 18 584 866, 44,17 %) u minn tariffi li tirċievi mill-entitajiet taħt is-superviżjoni tagħha (EUR 11 831 781, 28,12 %);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (minn hawn 'il quddiem “il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2017 (minn hawn 'il quddiem “ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,03 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,76 %, liema rata tirrappreżenta żieda ta' 2,47 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Kanċellazzjoni tar-riporti

2.

Jinnota li l-kanċellazzjoni tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienet tammonta għal EUR 164 310, ċifra li tirrappreżenta 3,51 % tal-ammont totali riportat u tnaqqis ta' 3,65 % meta mqabbla mal-2016;

Prestazzjoni

3.

Jirrikonoxxi li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

4.

Jinnota li l-Awtorità lestiet 90 % tal-attivitajiet inklużi fil-programm ta' ħidma annwali tagħha;

5.

Jissottolinja r-rwol tal-Awtorità biex tiffaċilita u tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u, fejn xieraq, ma' istituzzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni internazzjonali;

6.

Jirrikonoxxi li l-kompitu tal-Awtorità huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-swieq finanzjarji interni tal-UE billi tiżgura livell għoli, effettiv u konsistenti ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, li tippromwovi l-integrità u l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali sabiex tiżgura l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja;

7.

Jenfasizza li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha twettaq il-kompiti u l-mandat assenjati lilha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u ma għandhiex tmur lil hinn mill-mandat ta' dawk il-funzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tiżgura segwitu u implimentazzjoni xierqa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

8.

Jenfasizza li l-Awtorità għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta' proporzjonalità fit-twettiq tal-mandat tagħha; jissottolinja li, b'mod partikolari meta jkunu qed jiġu fformulati l-miżuri tal-Livell 2 u tal-Livell 3, għandha tingħata attenzjoni lill-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq finanzjarji nazzjonali;

9.

Jinnota li, minħabba li l-ħidma tal-Awtorità qiegħda tinbidel dejjem aktar minn kompiti regolatorji għall-infurzar u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-riżorsi baġitarji u tal-persunal tal-Awtorità għandhom jiġu riallokati; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat livell xieraq ta' prijoritizzazzjoni rigward l-allokazzjoni tar-riżorsi;

10.

Jemmen li kwalunkwe żieda potenzjali fil-mezzi tal-Awtorità trid tkun akkumpanjata minn miżuri ta' razzjonalizzazzjoni adegwati;

11.

Jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) iwettqu inkjesta dwar l-iskemi kummerċjali ta' arbitraġġ tad-dividendi, bħal cum-ex, sabiex jivvalutaw it-theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji u għall-baġits nazzjonali; jistabbilixxu n-natura u l-kobor tal-atturi f'dawn l-iskemi; jivvalutaw jekk kienx hemm ksur tal-liġijiet nazzjonali jew ta' dawk tal-Unjoni; jivvalutaw l-azzjonijiet meħuda mis-superviżuri finanzjarji fl-Istati Membri; u jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa għal riforma u għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

12.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi, jiġu indirizzati l-kompetenzi eżistenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jiġi żgurat skambju rapidu mal-EBA rigward il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob lill-Awtorità tiżviluppa gwida komuni bi skambju mal-EBA u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) dwar kif ir-riskji fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jiġu integrati fis-superviżjoni prudenzjali;

13.

Jilqa' l-fatt li l-Awtorità, flimkien mal-EBA u l-EIOPA, tifforma parti minn Kumitat Konġunt maħsub biex jiżgura konsistenza transettorjali u pożizzjonijiet konġunti fil-qasam tas-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji u fuq kwistjonijiet transettorjali oħra u li għandha uffiċjal tal-kontabbiltà komuni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji;

14.

Jinnota li fl-2017 saret evalwazzjoni esterna tat-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda (mill-Awtorità) biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-evalwazzjoni esterna;

Politika dwar il-persunal

15.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita fil-livell ta' 97,33 %, bil-ħatra ta' 146 aġent temporanju mill-150 aġent temporanju li huma awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (apparagun tal-140 post li kienu awtorizzati fl-2016); jinnota li, barra minn hekk, 55 aġent kuntrattwali u 23 espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2017;

16.

Jinnota li r-rata ta' rotazzjoni tal-persunal fl-Awtorità kienet ta' 6,5 %, liema rata tissodisfa l-mira tal-Awtorità ta' anqas minn 10 % u timplika tnaqqis ta' 1,50 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

17.

Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' postijiet battala jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal bil-għan li tiżdied il-pubbliċità; jifhem it-tweġiba tal-Awtorità rigward l-ispejjeż għolja tat-traduzzjoni li jirriżultaw minn tali pubblikazzjoni;

18.

Jinnota li l-Awtorità adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju;

Akkwist

19.

Josserva b'sodisfazzjon li l-Awtorità mexxiet b'suċċess proċedura miftuħa ta' sejħa għal offerti bejn aġenziji tal-UE għat-tagħlim elettroniku tal-lingwi u qiegħdet pjattaforma ta' tagħlim online għal-lingwi Ewropej għad-dispożizzjoni tal-persunal; jinnota li tletin aġenzija tal-UE ssieħbu f'dik il-proċedura;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

20.

Jirrikonoxxi l-miżuri li l-Awtorità diġà għandha fis-seħħ u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta' interess u tipproteġi lill-informaturi; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li l-Awtorità tippubblika reġistru tal-laqgħat tal-persunal ma' partijiet ikkonċernati esterni;

21.

Jilqa', fil-kuntest tal-funzjoni ta' sorveljanza tal-Awtorità rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-adozzjoni ta' politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jadottaw politiki simili;

22.

Jinnota li 28 % tal-baġit tal-Awtorità ġej minn tariffi imposti fuq l-entitajiet li jinsabu taħt is-superviżjoni tagħha; jinnota b'sodisfazzjon li ġew implimentati miżuri sabiex jittaffa kwalunkwe kunflitt ta' interess u li dawk l-istrutturi u l-proċessi ġew awditjati; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri tagħha biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta' interess; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità temmen li, kieku kellha tkun il-Kummissjoni li tiġbor it-tariffi, jinħolqu ineffiċjenzi, peress li l-Awtorità diġà għandha fis-seħħ strutturi u proċessi xierqa għall-iffissar u l-ġbir tat-tariffi u li l-Awtorità tqis li l-proċedura tirrikjedi għarfien espert speċifiku minħabba n-natura dinamika u teknika tagħha;

23.

Iqis li, waqt it-twettiq ta' xogħolha u b'mod partikolari fl-abbozzar tal-miżuri ta' implimentazzjoni, l-Awtorità jeħtieġ li tinforma b'mod regolari u komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha; jenfasizza li huwa essenzjali li l-Awtorità, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet assenjati lilha, turi trasparenza mhux biss fil-konfront tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iżda anki fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni;

Kontrolli interni

24.

Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u kkonkluda li l-proċessi huma ġeneralment adegwati, effiċjenti u effettivi; jinnota li l-IAS għamel erba' rakkomandazzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom ma ġiet kkunsidrata bħala kritika jew importanti ħafna; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

Kummenti oħra

25.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, id-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropew tista' taffettwa l-attivitajiet tal-Awtorità peress li, fil-preżent, l-aktar entitajiet sinifikanti taħt is-superviżjoni tagħha jinsabu hemmhekk; jinnota li huwa possibbli li, fil-ġejjieni, id-dħul tal-Awtorità jonqos bħala riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Awtorità tibqa' attenta għal din is-sitwazzjoni, tħejji ruħha biex ittaffi kwalunkwe riskju li jista' jseħħ u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f'dak ir-rigward;

26.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 154, 2.5.2018, p. 3.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0254. Ara paġna 361 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.