27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/254


RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/1498 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-26 ta' Marzu 2019

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2017

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0158/2019),

A.

billi, skont ir-rapporti tad-dħul u n-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 30 732 000, u dan jirrappreżenta żieda ta' 11,57 % meta mqabbel ma' dak għall-2016; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2017 (“ir-rapport tal-Qorti”), sostniet li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,79 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet 87,30 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 4,27 % meta mqabbla mal-2016;

2.

Jinnota li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fundatur il-ġdid tal-Aġenzija li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2016, l-Aġenzija hija awtorizzata li timponi tariffi għal xi wħud mill-kompetenzi ġodda tagħha; jinnota li ġie introdott reġim ta' tariffi għall-ħruġ ta' ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u approvazzjonijiet, bl-għan li jkun operattiv b'mod sħiħ fl-2019 u r-rekwiżit tal-implimentazzjoni ta' sistema ġdida ta' riżorsi u ta' proċeduri interni fi ħdan l-Aġenzija biex jiġi żgurat li kompiti statutorji u bbażati fuq tariffi jiġu identifikati u traċċati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' din is-sistema l-ġdida;

Kanċellazzjoni tar-riporti

3.

Jinnota li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 69 473, ċifra li tirrappreżenta 3,40 % tal-ammont totali riportat u li turi tnaqqis ta' 1,12 % meta mqabbla mal-2016;

Prestazzjoni

4.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża sett estensiv ta' 24 Indikatur għall-Ferroviji f'erba' attivitajiet operattivi bħala Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni sabiex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u indikaturi oħrajn biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

5.

Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fl-iżgurar tas-sikurezza u l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea u fit-titjib tal-kompetittività tat-trasport ferrovjarju ma' mezzi oħra ta' trasport, permezz tat-tnaqqis fl-ostakoli amministrattivi u tekniċi, l-inkoraġġiment tad-dħul fis-suq u l-iżgurar tan-nondiskriminazzjoni, l-infiq tal-flejjes pubbliċi b'mod aktar effiċjenti fuq servizzi pubbliċi tat-trasport ferrovjarju u permezz ta' governanza aħjar tal-infrastruttura; jappoġġa l-viżjoni tal-Kummissjoni ta' sistema ferrovjarja Ewropea minn ta' quddiem fid-dinja f'dak li jikkonċerna r-riżultati fil-qasam tas-sikurezza;

6.

Jilqa' r-rwol tal-Aġenzija fis-segwitu tal-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (ERTMS), kif ukoll il-valutazzjoni ta' proġetti speċifiċi tal-ERTMS; jinnota wkoll li r-Raba' Pakkett Ferrovjarju jinkludi pilastru tekniku li jsaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija billi jintroduċi kompiti ġodda biex jiżgura implimentazzjoni uniformi tal-qafas tal-UE; jisħaq fuq il-punt li, hekk kif l-Aġenzija tingħata responsabbiltajiet akbar, hija se jkollha bżonn tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex twettaq il-kompiti ġodda u addizzjonali tagħha b'mod effikaċi u effiċjenti;

7.

Ifakkar li l-ERTMS hi kruċjali għall-kisba ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea; jenfasizza, għaldaqstant, li koordinazzjoni ottimizzata tal-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ERTMS li tiżgura ERTMS unika, trasparenti, stabbli, interoperabbli u affordabbliu fl-Ewropa kollha hi prijorità ewlenija;

8.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija laħqet il-mira tagħha ta' 95 % għall-ħruġ fil-ħin ta' rapporti, pariri u opinjonijiet; jindika li l-Aġenzija ma laħqitx l-objettiv ta' kisba ta' 90 % tal-outputs kollha li jużaw l-ippjanar finanzjarju u tar-riżorsi umani, filwaqt li 67 % biss ġew ikkategorizzati bħala li nkisbu kompletament u 18 % biss inkisbu b'mod parzjali;

9.

Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, il-kondiviżjoni tas-servizzi ta' kontabbiltà u l-parteċipazzjoni f'sejħa konġunta għall-offerti;

10.

Jappoġġa l-progress tal-Aġenzija lejn kooperazzjoni akbar mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) sabiex tiġi żviluppata kultura komuni ta' sikurezza;

11.

Jilqa' ċ-ċertifikazzjoni, taħt ISO 9001, tas-Sistema ta' Ġestjoni Integrata tal-Aġenzija, li hija rikonoxximent indipendenti tat-titjib kontinwu fil-prestazzjoni tal-Aġenzija;

Politika dwar il-persunal

12.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, 92,09 % tat-tabella tal-persunal kienet eżegwita, u li, mit-total ta' 139 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 135 post tax-xogħol awtorizzati fl-2016) kienu nħatru 128; jinnota li barra minn hekk 34 aġent kuntrattwali u 2 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Aġenzija fl-2017;

13.

Jinnota li r-riżultati tal-eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva annwali rigward il-persunal huma simili għal dawk tal-2016, jiġifieri li 18 % tal-persunal huma assenjati għall-kompiti amministrattivi, 69,5 % huma assenjati għall-kompiti operattivi, jiġifieri kien hemm tnaqqis żgħir (ta' 0,5 %) meta mqabbel mal-2016 (minn 65 % għal 70 %), filwaqt li l-perċentwal ta' persunal assenjat għall-kompiti finanzjarji u ta' kontroll baqa' 12 %;

14.

Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, li tipprovdi sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal u l-maniġers tagħha u li l-konsulenti kunfidenzjali jiġu promossi; jindika l-għadd relattivament għoli ta' każijiet ta' allegat fastidju fl-Aġenzija fl-2017, bi 12 irrappurtati iżda l-ebda wieħed minnhom ma ġie investigat; iħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex tiġi inidirizzata din il-kwistjoni;

15.

Jistieden lill-Aġenzija tqis u twettaq l-azzjonijiet kollha meħtieġa relatati mar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern għall-2017 fir-rigward tal-ġestjoni tar-Riżorsi Umani u tal-kompetenzi; jilqa' l-adozzjoni tal-kodiċi ta' mġiba amministrattiva tajba tal-Aġenzija f'Jannar 2018, li tinkludi b'mod partikolari l-miżuri kollha li jipprevjenu l-kunflitti ta' interess;

Akkwist

16.

Jinnota bi tħassib li fl-2017 ġew irreġistrati 29 eċċezzjoni u 7 avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità, li jirrappreżentaw żieda meta mqabbla mal-2016; jirrikonoxxi li l-Aġenzija identifikat l-oqsma ewlenin ta' tħassib f'dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda biex tnaqqas il-frekwenza tagħhom fil-futur;

17.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għal pagament wieħed ivverifikat, l-Aġenzija xtrat servizzi tal-IT, permezz tal-kuntrattur, mingħajr ebda proċedura kompetittiva jew riċerka preċedenti tas-suq; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija li l-kuntratt intuża skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

18.

Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat id-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess u s-CVs tal-membri tal-bord amministrattiv tagħha fuq is-sit web tagħhom; jiddispjaċih li l-Aġenzija tistenna li l-persunal tal-maniġment superjuri tagħha jimla u jiffirma dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess biss meta jkunu involuti f'kumitat ta' evalwazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp li jsir biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;

19.

Jinnota li, skont l-Aġenzija, hija kompliet timplimenta l-pjan ta' azzjoni definit fl-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Aġenzija; jinnota li ġie trażmess każ wieħed ta' suspett ta' frodi mill-Aġenzija lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-investigazzjoni u li formalment iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu ta' din l-investigazzjoni;

20.

Jiddispjaċih li l-Aġenzija kienet għadha ma stabbilixxietx regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, iżda li dawn kellhom jiġu adottati sa tmiem l-2018; jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza meta r-regoli interni tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jiġu stabbiliti u implimentati;

Kontrolli interni

21.

Jinnota li fid-dawl tar-riżultati preliminari tal-valutazzjoni tal-konformità u l-effikaċja tal-kontroll intern abbażi tal-istandards tal-ġestjoni tal-ERA, jista' jitqies li s-sistema ta' kontroll tal-Aġenzija bħala entità sħiħa tiffunzjona kif intenzjonat, u ttaffi b'mod adegwat ir-riskji ewlenin għall-ksib tal-objettivi tal-Aġenzija;

22.

Jappoġġa l-fehma tal-Qorti li l-prinċipju tas-segregazzjoni tad-dmirijiet bejn l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni u l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà jimplika li ż-żewġ funzjonijiet huma reċiprokament esklużivi; jafda lill-Aġenzija biex dan it-tħassib jiġi ttrattat permezz tar-riorganizzazzjoni tagħha; jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex jirrispondi għal din l-osservazzjoni;

Kummenti oħra

23.

Jinnota li sa tmiem il-perjodu tranżitorju (is-16 ta' Ġunju 2019), l-Aġenzija se tinbidel minn waħda b'sempliċi rwol fit-tħejjija u d-disseminazzjoni tal-politika, f'awtorità li taħdem direttament għall-industrija fir-rigward ta' awtorizzazzjonijiet għal ċertifikati ta' sikurezza u vetturi ferrovjarji; iħeġġeġ lill-maniġment tal-Aġenzija jkompli bl-enfasi tiegħu fuq it-tħejjija tal-kompiti l-ġodda fl-ambitu tal-pilastru tekniku tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jirrakkomanda li tingħata prijorità għolja lill-ġestjoni tar-riżorsi umani; jinnota l-progress fir-rigward ta' deċiżjonijiet preparatorji għall-adozzjoni ta' qafas għall-Korpi Notifikati tal-awditjar u l-One-Stop-Shop u l-politika dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Nazzjonali għas-Sikurezza; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-passi li jittieħdu biex din il-bidla tirnexxi u biex tirriżulta f'benefiċċji f'termini ta' spejjeż imnaqqsa;

24.

Jiddeplora l-fatt li l-bosta kuntatti mal-awtoritajiet Franċiżi ma rriżultawx fl-iffirmar tal-ftehim dwar is-sede tal-Aġenzija skont l-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Aġenzija; jiddispjaċih ukoll li l-Bord ta' Tmexxija fl-2017 ma rnexxilux jadotta b'mod unanimu regoli ta' implimentazzjoni għall-arranġamenti tal-lingwa għall-Aġenzija, u dan wassal għal infiq żejjed u dewmien, pereżempju waqt ir-reklutaġġ; jiddeplora l-fatt li l-Aġenzija qed tkompli topera f'żewġ postijiet; jitlob lill-Aġenzija tirriloka l-attivitajiet kollha lejn is-sede tagħha u topera biss minn dak il-post;

25.

Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u l-effett potenzjali tagħha fuq il-persunal tal-Aġenzija, skambju intensiv mas-settur ferrovjarju tar-Renju Unit ikkonferma l-interess tagħhom li jibqgħu fis-“Sistema Ewropea”;

26.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 84, 17.3.2017, p. 96.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0254. Ara paġna 361 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.