|
14.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 120/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020”
[COM(2019) 650 final]
(2020/C 120/01)
|
Relatur: |
Tommaso DI FAZIO |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 6.2.2020 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
4.2.2020 |
|
Adottata fil-plenarja |
19.2.2020 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
550 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
120/1/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020, ibbażata fuq l-erba’ pilastri fundamentali tal-ambjent, il-produttività, l-istabbiltà u l-ekwità. B’mod partikolari jqis li l-għan iċċentrat fuq is-sostenibbiltà ambjentali jirrappreżenta, kif argumentat b’mod validu fl-Istrateġija, referenza assoluta li għandhom iduru magħha d-deċiżjonijiet u l-isforzi tas-soċjetà kollha, kif ukoll mezzi li jista’ u jrid juża sabiex b’mod effettiv jinkisbu l-għanijiet stabbiliti għall-2030 u n-newtralità ambjentali fl-2050. F’dan ir-rigward il-KESE jirrakkomanda li jkun possibbli li dawn jiġu antiċipati, meta jkun meħtieġ, mill-indiċijiet ta’ degradazzjoni ambjentali. |
|
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 ġew inklużi fil-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi kollha, u b’hekk isir kontribut għal ekonomija Ewropea tas-suq soċjali għas-servizz ta’ kulħadd u jiġu żgurati s-sostenibbiltà, l-inklużività u l-kompetittività tat-tkabbir. |
|
1.3. |
Il-KESE huwa konvint li s-sostenibbiltà hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija ta’ kompetittività ta’ suċċess u li għalhekk l-Ewropa għandha ttejjeb l-ixpruni ekonomiċi, waqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni globali tagħha bħala innovattur, abbażi tal-mudell tal-ekonomija ċirkolari u tat-tranżizzjoni lejn mudelli sostenibbli ġodda ta’ żvilupp. Dan joħloq il-mewġa li jmiss ta’ opportunitajiet ta’ negozju mmexxija mid-domanda għal soluzzjonijiet sostenibbli. |
|
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-bidla mħabbra fl-Istrateġija Annwali biex tingħeleb il-mentalità attwali ċċentrata fuq l-ipprogrammar u l-għanijiet fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, u biex finalment jiġu stabbiliti strateġiji għal perjodu twil ta’ żmien, kif bżonjuża mill-investimenti meħtieġa biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ sostenibbiltà ambjentali permezz tal-pjani kumplessi tal-enerġija u l-klima mfassla mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni. |
|
1.5. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f’din il-viżjoni strateġika l-ħtieġa li jiġu żviluppati malajr in-netwerks intelliġenti, interoperabbli, tanġibbli u intanġibbli tal-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġi kkompletat u żviluppat b’mod sostenibbli suq uniku kontinentali attrezzat u koeżiv sabiex jiġi żgurat żvilupp armonjuż, ekwitabbli u inklużiv. |
|
1.6. |
Il-KESE jaqbel mal-linji gwida li hemm fl-Istrateġija Annwali dwar l-investiment fis-setturi intanġibbli tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-titjib tal-ħiliet u jqishom bħala kruċjali u deċiżivi. Dawn huma investimenti fit-tul u fit-tul ħafna biex jitjiebu s-soċjetà, il-kultura tagħha u l-kompetittività internazzjonali tagħha. |
|
1.7. |
Il-KESE jaqbel u jappoġġja l-linji gwida li jiġu żviluppati r-riċerka u l-innovazzjoni, u li jiżdiedu l-fondi għalihom peress li dawn huma investimenti fit-tul, strateġiċi għall-kompetittività tal-UE kollha fil-livell internazzjonali. Dan japplika b’mod partikolari fl-oqsma tal-modernizzazzjoni u s-sostituzzjoni b’teknoloġiji nodfa fis-settur tal-enerġija, tat-trasport u tat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, kif ukoll f’kull settur industrijali ieħor, iżda wkoll fl-agrikoltura u s-servizzi, permezz tal-użu dejjem akbar tat-teknoloġiji innovattivi, b’mod partikolari t-teknoloġiji diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija 5G. |
|
1.8. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddedika spazju limitat għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fl-Unjoni, fejn iddikjarat biss li “il-prospettiva ekonomika fuq perjodu qasir għandha fuqha d-dell ta’ ambjent ekonomiku u ġeopolitiku li ma jgħinnhiex, kif ukoll inċertezza qawwija” u li “l-investiment u t-tkabbir potenzjali, madankollu, għadhom taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi”. Proċess mhux armonjuż tal-Brexit jista’ wkoll iħalli effett fuq sitwazzjoni bħal din. Skont il-KESE, l-akbar prijorità hija li jerġa’ jinkiseb it-tkabbir sostenibbli, speċjalment fil-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar dgħajfa, bi tkabbir qawwi fil-PDG Ewropew sabiex jiġu ġġenerati l-prosperità u l-ġid, li huma essenzjali biex tiġi appoġġjata l-Istrateġija. |
|
1.9. |
Madankollu, il-KESE japprova l-linji gwida strateġiċi identifikati għat-tkabbir u sabiex jiġi kkaratterizzat is-Semestru Ewropew 2020. Huwa japprova wkoll il-kwistjonijiet prinċipali enfasizzati sabiex jinkiseb kull għan, b’mod partikolari dak relatat mal-investiment meħtieġ sabiex jiġu implimentati l-programmi ambjentali, li, fil-mandat attwali tal-Patt ta’ Stabbiltà u tar-regoli stretti tiegħu, jistgħu jagħmluha diffiċli li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-pjani dwar l-enerġija u l-klima fl-Istati Membri. Jista’ jkun il-każ li l-għanijiet tar-riabilitazzjoni ambjentali jinkisbu biss mill-pajjiżi tal-UE li jikkonformaw jew jeċċedu r-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà. Dan iwassal biex l-UE ma tiksibx l-għan li trid tikseb fis-sħiħ, waqt li tikseb riżultat parzjali għad-dinja kollha, u titbiegħed mix-xewqa li l-UE kollha kemm hi tkun referenza għall-pajjiżi l-oħra tad-dinja. |
|
1.10. |
Għalhekk, il-KESE jispera li jiġu studjati u adottati miżuri li jirregolaw l-investiment li, waqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà jew bl-eċċezzjoni tagħhom u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jippermettu lill-pajjiżi kollha jinvestu dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom stipulati fil-pjani integrati għall-enerġija u l-klima approvati mill-Kummissjoni. |
|
1.11. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta stabbilita fl-Istrateġija għat-Tkabbir 2020 biex jintużaw kull mezz u kull ingranaġġ finanzjarju disponibbli diġà permezz tal-istrumenti eżistenti previsti fil-Pjan Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Din il-proposta saret pubblika meta ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2020. Il-Kumitat jispera wkoll li jkun hemm aġġustament ’il fuq tal-mezzi finanzjarji, jekk meħtieġ, biex jintlaħqu l-objettivi. |
|
1.12. |
Il-KESE jappella li l-Kummissjoni tikkontrolla b’mod effikaċi u proattiv ir-riżultati li għandhom jinkisbu minn diversi Stati Membri abbażi tal-pjani miftiehma dwar l-enerġija u l-klima, filwaqt li jitħeġġu l-attivitajiet ta’ appoġġ biex jissolvew il-problemi, inklużi dawk finanzjarji u metodoloġiċi, aktar milli dawk ta’ kritika. |
|
1.13. |
Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jissaħħu l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u biex jiġu ssikkati r-regoli tas-swieq finanzjarji bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-munita Ewropea u jiġi evitat, permezz tat-tisħiħ tal-istandards makroprudenzjali u ta’ miżuri oħra li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri, kwalunkwe perjodu futur ta’ kriżi li jista’ jiġi minn bnadi oħra fid-dinja minħabba l-globalizzazzjoni u jkollu impatt fuq l-Ewropa. Minbarra l-proċess li għaddej sabiex jiġu kkompletati l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ir-reviżjoni strateġika li jmiss tal-politika monetarja tal-BĊE (1) għandha tiffoka b’mod aktar speċifiku fuq it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro u t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro. |
|
1.14. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm il-benesseri tal-persuni fil-qalba tal-Istrateġija għat-Tkabbir 2020 billi jinżammu u jissaħħu l-kisbiet soċjali li jagħmlu lill-UE mexxejja fid-dinja. |
|
1.15. |
Fir-rigward tal-pilastru fundamentali tad-drittijiet soċjali, il-KESE jilqa’ l-fatt li dawn huma enfasizzati fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli 2020. Il-KESE jittama li, fl-għanijiet tas-Semestru Ewropew, tingħata attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-ġeneru, b’referenza partikolari għad-drittijiet tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, għall-kisba ta’ pagi indaqs, għall-protezzjoni tal-post tax-xogħol għall-ommijiet, anke biex tiġi miġġielda t-tendenza demografika negattiva, u għall-introduzzjoni ta’ titjib sostanzjali għal-leġislazzjoni li tipproteġi l-familja, inklużi t-titjib għal-liv tal-ġenituri għall-missirijiet, u għall-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol favorevoli biex jiġu evitati l-forom kollha ta’ vjolenza fiżika u psikoloġika kontra n-nisa. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-leġislazzjoni dwar id-divorzju għandha tiġi applikata b’mod konsistenti u ugwali bil-għan li jiġi żgurat li ż-żewġ konjuġi jibqgħu jgawdu minn drittijiet ugwali fir-rigward ta’ uliedhom. |
|
1.16. |
Fil-fehma tal-KESE, l-UE għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fix-xena internazzjonali sabiex tippreserva l-prosperità, is-sigurtà u l-valuri li fuqhom hija mibnija, filwaqt li tieħu t-tmexxija fix-xena globali, appoġġjata minn twettiq komprensiv konvint u koerenti tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u minn ordni globali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, fejn in-Nazzjonijiet Uniti tkun fil-qalba tagħhom, filwaqt li tiddefendi b’determinazzjoni l-prinċipji tad-demokrazija u s-salvagwardja tal-pjaneta, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. |
|
1.17. |
Il-KESE huwa konvint li t-tlestija ta’ suq uniku attrezzat u koeżiv, li jiffoka fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji, tista’ tagħti kontribut ewlieni għat-tkabbir, jekk tkun iċċentrata fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Għandha tkun fil-qalba ta’ integrazzjoni Ewropea armonjuża u inklużiva, rivitalizzata, aġġornata u adegwata għat-teknoloġiji u l-infrastrutturi l-ġodda ta’ suq uniku diġitali kompletament interoperabbli. Fit-tranżizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ikun hemm enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-mudell ta’ intrapriża ffukat fuq in-nies, bħall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
|
1.18. |
Il-KESE jqis li, flimkien ma’ semplifikazzjoni amministrattiva profonda, proċess wiesa’ ta’ diġitalizzazzjoni u inizjattivi intensi għall-bini tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati kollha, hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura ta’ governanza tas-suq uniku msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. |
|
1.19. |
Il-KESE jemmen li t-twettiq tal-viżjoni strateġika proposta tista’ tiffaċċja riskji u reżistenza jekk ma jkunx hemm mekkaniżmi ġodda ta’ governanza li jistgħu jinvolvu liċ-ċittadini u lin-negozji, kif ukoll lill-atturi pubbliċi u privati, bħala atturi proattivi fil-livell lokali u reġjonali, fi proċess minn isfel għal fuq li kapaċi jagħti leħen u piż lit-talbiet u lill-problemi konkreti lokali. |
|
1.20. |
Il-KESE għalhekk jirrakkomanda strutturi ġodda ta’ governanza f’diversi livelli biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-ekonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ekwi li jirriflettu l-kundizzjonijiet li joperaw fihom. |
2. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020, kif proposta mill-Kummissjoni
|
2.1. |
Jidher li kulħadd jaqbel li hemm bżonn ta’ strateġija globali ġdida fit-tul għal tkabbir sostenibbli u inklużiv għall-futur tal-Ewropa, akkumpanjata minn pjan ta’ implimentazzjoni komprensiv, biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sal-2030, li jkopru l-aspetti kollha li jaffettwaw lis-soċjetà u liċ-ċittadini Ewropej, lin-negozji u lill-ambjent li joperaw fih, lill-industrija u l-kompetittività tagħha, mill-investiment u l-akkwisti pubbliċi sal-kummerċ, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). |
|
2.2. |
Bir-rapport tal-UE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prijoritajiet stabbiliti fih mill-Kummissjoni meta jkunu qegħdin ifasslu l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali li ser jikkontribwixxu għall-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u għall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
|
2.3. |
Il-Komunikazzjoni dwar L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020 (2) kellha l-għan li tirrappreżenta l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet politiċi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri meta jfasslu l-politiki ekonomiċi tagħhom għall-2020 u hija bbażata fuq li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 2030 jiġu integrati fil-politiki Ewropej u b’mod partikolari:
|
|
2.4. |
Issa l-UE u l-Istati Membri għandhom jibdluhom fi strateġija u f’sett ta’ miżuri prattiċi. Biex is-sostenibbiltà tkun il-pedament tal-politika u l-azzjoni, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġbru flimkien varjetà ta’ strumenti li jippermettu liċ-ċittadini kollha jieħdu sehem, filwaqt li jittejbu l-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. |
|
2.5. |
Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2019, il-KESE saħaq fuq il-ħtieġa li “jeħtieġ naġixxu fil-livelli kollha fl-istess ħin u noħolqu azzjoni dinamika li tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali urġenti” (3) u appella għal strateġija komprensiva tal-UE dwar is-sostenibbiltà sal-2050 sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (4). |
|
2.6. |
F’din ir-Riżoluzzjoni, il-KESE saħaq ukoll li “din il-bidla fil-paradigma teħtieġ bidliet:
|
|
2.7. |
Is-sostenibbiltà hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija ta’ kompetittività ta’ suċċess u li l-Ewropa għandha ttejjeb l-ixpruni ekonomiċi, waqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni globali tagħha bħala innovattur, abbażi tal-mudell tal-ekonomija ċirkolari. Dan joħloq il-mewġa li jmiss ta’ opportunitajiet ta’ negozju mmexxija mid-domanda għal soluzzjonijiet sostenibbli. Tkabbir b’saħħtu fid-domanda tas-suq għal soluzzjonijiet sostenibbli jeħtieġ konsistenza bejn l-għanijiet ta’ politika mmirati lejn is-sostenibbiltà. |
|
2.8. |
Fl-Opinjoni addizzjonali tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (5), il-KESE enfasizza:
|
|
2.9. |
Fil-livell makroekonomiku, “hemm ħtieġa ċara għal strateġija ekonomika Ewropea ġdida: narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE fid-dinja usa’ li tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-iskossi ekonomiċi u s-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali tal-mudell ekonomiku tagħha, biex b’hekk iġġib lura l-kunfidenza, l-istabbiltà u l-prosperità kondiviża għall-Ewropej kollha” (6). |
|
2.10. |
L-iżgurar ta’ “tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-konverġenza ’l fuq, l-iżgurar tat-tkabbir tal-produttività u tal-kompetittività f’konformità mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, kundizzjonijiet tajbin għan-negozji u għall-investiment, impjiegi ta’ kwalità u pagi adegwati, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, finanzi pubbliċi stabbli u sostenibbli, settur finanzjarju stabbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 u l-Ftehimiet ta’ Pariġi dwar il-Klima” (7). |
|
2.11. |
Bil-konvinzjoni li futur realistiku għall-Unjoni Ewropea huwa possibbli biss jekk bażi ekonomika soda tingħaqad ma’ dimensjoni soċjali b’saħħitha (8), il-KESE “wera li kien favur, b’mod konsistenti, tal-konverġenza ’l fuq u politika soċjali aktar effettiva kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll f’dak tal-Istati Membri” (9), bit-tfassil ta’ “pjan direzzjonali ċar u kkoordinat li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Pilastru u l-infurzar tad-drittijiet u l-istandards soċjali eżistenti”. “Proċess ġdid tas-Semestru Ewropew għandu jilħaq għanijiet soċjali fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-iżbilanċi soċjali u għandhom jiġu introdotti indikaturi ġodda li jistgħu jitkejlu, flimkien ma’ Rakkomandazzjonijiet immirati Speċifiċi għall-Pajjiżi” (10). |
|
2.12. |
Bħala parti mill-isforzi biex jissaħħaħ is-suq uniku, għandu jitħeġġeġ “il-ħolqien ta’ qafas li jkun adattat għall-iżvilupp ta’ diversi forom ta’ negozju li jkunu lesti jilqgħu l-isfidi li tiffaċċja s-soċjetà”. “Jeħtieġ li jitlaqqgħu flimkien u jiġu integrati ma’ xulxin il-forom differenti ta’ negozju. Madankollu, kull wieħed minn dawn l-oqsma jistħoqqlu attenzjoni dedikata mil-lat tal-miżuri leġislattivi u l-investiment pubbliku” u b’hekk jiġi rrifjutat l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” (11). |
|
2.13. |
Il-KESE enfasizza li “l-bidliet … fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-ekonomija ġenerali li wasslu għalihom it-teknoloġiji ġodda, l-intelliġenza artifiċjali u l-big data se jibdlu b’mod radikali wkoll is-suq tax-xogħol” u huwa importanti li “dawn il-proċessi ta’ tibdil iseħħu fil-kuntest ta’ djalogu soċjali li jagħti l-frott, u b’rispett għad-drittijiet u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema” (12). |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jqis prijorità ewlenija li jiġi rakkomandat li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan għandu joħloq impjiegi ġodda u dejjiema u jiġġenera r-rikkezza meħtieġa biex jiġu sostnuti l-investimenti bil-għan li jiżdied it-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi f’ekonomija ċirkolari, jiġu intensifikati r-riformi strutturali għal governanza aħjar u aktar responsabbiltà, speċjalment fl-oqsma diġitali u ambjentali, u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki u d-difiża tad-drittijiet soċjali meħtieġa mill-mudell il-ġdid tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
|
3.2. |
It-tranżizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp ġdid trid tkun ibbażata fuq is-sostenibbiltà kompetittiva bħala l-pedament ta’ ekonomija soċjali tas-suq Ewropew ta’ suċċess. Fil-futur din għandha tkompli tkun il-prinċipju gwida dment li jiġu protetti n-nies u r-reġjuni mill-ispejjeż tal-bidliet li ser ikun hemm inevitabbilment, permezz ta’ investiment f’sistemi ta’ protezzjoni soċjali effettivi u integrati. |
|
3.3. |
Il-kriżi finanzjarja enfasizzat l-importanza tal-istabbiltà u l-integrazzjoni fis-swieq kapitali u finanzjarji, fejn il-frammentazzjoni tkompli tkun ta’ ostaklu biex jikbru nnegozji u jiżdiedu l-investimenti: hemm bżonn li jiġu adottati aktar miżuri, b’mod partikolari fis-settur finanzjarju, biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-suq u l-fiduċja fl-Istati Membri kollha. |
|
3.4. |
L-UE teħtieġ strateġija ekonomika ġdida li tippromovi żvilupp ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, li joffri rata’ ta’ impjieg sħiħa u produttiva u xogħol deċenti għal kulħadd. Il-KESE huwa konvint li t-tlestija ta’ suq uniku attrezzat u koeżiv, li jiffoka fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji għandu jkun fil-qalba ta’ integrazzjoni Ewropea armonjuża u inklużiva, rivitalizzata, aġġornata u adegwata għat-teknoloġiji u l-infrastrutturi l-ġodda ta’ suq uniku diġitali kompletament interoperabbli. Fit-tranżizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ikun hemm enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-mudell ta’ intrapriża ffukat fuq in-nies, bħall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
|
3.5. |
Il-KESE jqis li, flimkien ma’ semplifikazzjoni amministrattiva profonda, proċess wiesa’ ta’ diġitalizzazzjoni u miżuri intensivi biex tinbena l-kapaċità tal-partijiet interessati kollha, hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura ta’ governanza tas-suq uniku msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan ikun jeħtieġ l-involviment proattiv taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, sabiex jiġu żviluppati kunċetti ssemplifikati u faċli għall-utent u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni f’waqthom, trasparenti u effiċjenti tar-regoli tas-suq uniku bħala bażi għat-transizzjoni b’suċċess lejn UE diġitali, effiċjenti, koerenti, bilanċjata u sostenibbli f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali. |
|
3.6. |
Kif diġà espress, il-KESE jenfasizza l-importanza li, mill-aktar fis possibbli, “jingħalaq id-distakk diġitali infrastrutturali, territorjali u kulturali li sal-lum huwa ta’ ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-UE u sors ta’ inugwaljanza ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien u ta’ opportunitajiet għaċ-ċittadini u għan-negozji” (13). |
|
3.7. |
Il-KESE jemmen li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ governanza li kapaċi jinvolvu liċ-ċittadini u lin-negozji kif ukoll lill-atturi pubbliċi privati bħala protagonisti proattivi fil-livell lokali u reġjonali fi proċess minn isfel għal fuq li kapaċi jagħti leħen u piż lit-talbiet u lill-problemi konkreti lokali, it-twettiq tal-viżjoni strateġika proposta tista’ tiffaċċja riskji u reżistenza li kapaċi jnaqqsu r-ritmu tal-proċess ta’ implimentazzjoni. Għalhekk jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jintroduċu strutturi ta’ governanza ġodda li jistgħu jiżguraw il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-ekonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ekwi u xierqa għaċ-ċirkostanzi li joperaw fihom. |
Brussell, id-19 ta’ Frar 2020.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Stqarrija introduttorja, konferenza stampa, Christine Lagarde, President tal-BĊE, it-12 ta’ Diċembru 2019.
(2) L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020 (COM (2019) 650 final).
(3) Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 u lil hinn” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 1).
(4) Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development [Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli].
(5) ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24.
(6) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23).
(7) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar “Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (ĠU C 353 18.10.2019, p. 32).
(8) Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Ottubru 2017 dwar “L-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-futur tal-UE” (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145), punti 1.2 u 2.2.
(9) Pereżempju fl-Opinjonijiet li ġejjin: “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40); “L-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-futur tal-UE” (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145), u “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom” (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 135).
(10) Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Settembr u 2019 dwar “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – evalwazzjoni tal-implimentazzjoni inizjali u rakkomandazzjonijiet għall-futur” (ĠU C 14, 15.1.2020, p 1).
(11) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 6), punti 1.3 u 1.5.
(12) Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 6), punti 1.3 u 1.5.
(13) Opinjoni tal-KESE tat-18 ta’ Ottubru 2017 dwar Suq Uniku Diġitali/Analiżi ta’ nofs it-terminu (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102), punt 1.8.