18.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-isfidi fil-finanzjament tal-adattament għat-tibdil fil-klima”

(Opinjoni esploratorja)

(2020/C 311/04)

Relatur:

Toni VIDAN (HR/III)

Korelatur:

Dimitris DIMITRIADIS (EL-I)

Konsultazzjoni

Presidenza Kroata tal-UE, 10.9.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.5.2020

Adottata fil-plenarja

11.6.2020

Sessjoni plenarja Nru

552

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir u jappoġġja l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew u t-tħabbira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (1), bl-objettiv konġunt li tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju billi “naslu għal UE b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050”.

1.2.

Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kumitat diġà appella (2) għal solidarjetà mingħajr preċedenti fost l-Istati Membri u għal pjan komprensiv Ewropew ta’ rkupru ekonomiku li jkun jippermetti lill-Istati Membri tal-UE, liċ-ċittadini, lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jiffaċċjaw bl-aħjar mod il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jibnu ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti. L-istrument Next Generation EU, li jammonta għal EUR 750 biljun, kif ukoll ir-rinforzi immirati għall-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, se jżidu l-kapaċità finanzjarja tal-baġit tal-UE għal EUR 1,85 triljun. Minbarra li jappoġġja l-irkupru, huwa ffokat fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir, lir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna u s-saħħa tal-ambjent tagħna.

1.3.

Il-KESE jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fis-17 ta’ April 2020 minn maġġoranza kbira biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitqiegħed fil-qalba tal-pakkett li jmiss ta’ rkupru u rikostruzzjoni tal-UE “sabiex jagħti spinta lill-ekonomija, itejjeb ir-reżiljenza tagħha u joħloq l-impjiegi, filwaqt li fl-istess ħin jgħin it-tranżizzjoni ekoloġika, irawwem żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli” (3).

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-ewwel pilastru finanzjarju ewlieni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, flimkien mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (4). Il-KESE jqis dawn l-inizjattivi bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu proċessi trasparenti u parteċipattivi għat-tħejjija ta’ passi ulterjuri, li jinkludu b’mod effettiv lill-partijiet interessati kollha rilevanti u allinjati mal-irkupru u ma’ tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija tal-benesseri (5).

1.5.

Minħabba l-kriżi bla preċedent li qed niffaċċjaw, il-KESE jappella għal pjan ta’ rikostruzzjoni ambizzjuż f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Parti kruċjali ta’ dan għandha tkun baġit għall-azzjoni klimatika li jkun tal-inqas daqs id-diskrepanza fl-investiment identifikata qabel ta’ madwar EUR 300 biljun fis-sena, u bi prijorità kbira li jappoġġja proġetti deċentralizzati ta’ dekarbonizzazzjoni li jkunu kodisinjati u koproprjetà taċ-ċittadini, l-SMEs, il-komunitajiet tal-enerġija u l-entitajiet pubbliċi lokali u reġjonali.

1.6.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li t-tranżizzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-COVID-19 iridu jkunu ġusti u jwasslu biex l-UE tkun aktar ġusta, inkella se tfalli, b’konsegwenzi serji għall-proġett Ewropew kollu kemm hu. Aħna nemmnu li komponent kruċjali ta’ tranżizzjoni ġusta huwa l-inklużjoni politika, soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, il-ħaddiema, il-komunitajiet u l-SMEs, speċjalment f’reġjuni sottożviluppati u rurali fl-UE, mingħajr diskriminazzjoni kontra Stati Membri li bħalissa mhumiex membri taż-żona tal-euro. Sett ta’ kriterji li jiżguraw li t-tranżizzjoni hija ġusta huwa tal-akbar importanza, u jridu jiġu inklużi l-partijiet interessati fil-livelli kollha. Il-KESE diġà ta l-kontribut tiegħu għal dan id-dibattitu (6).

1.7.

Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni ġusta u r-rikostruzzjoni wara l-COVID-19 iridu jiżguraw li l-konsumaturi u l-komunitajiet isiru “prosumaturi” attivi (produtturi u konsumaturi) għal prodotti u servizzi sostenibbli fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport.

1.8.

Il-KESE jappella għat-tneħħija urġenti tal-ostakli li jimpedixxu l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi pubbliċi u privati, primarjament dawk tas-sussidji diretti u indiretti eżistenti għas-settur tal-fjuwils fossili, kif ukoll ostakli fiskali u tat-tassazzjoni.

1.9.

Il-KESE jappoġġja mandat b’saħħtu għall-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa strateġija ġdida għall-adattament tal-UE, u jitlob li titpoġġa l-istess enfasi fuq il-finanzjament tal-mitigazzjoni u l-adattament. Il-KESE jqis li d-dibattitu ta’ politika inklużiva dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi għal azzjonijiet ta’ adattament u Fondi għal Adattament Ġust iddedikati għandu jibda mill-aktar fis possibbli.

1.10.

Il-KESE jitlob li jkun hemm żieda sinifikanti fil-fondi disponibbli, it-tnedija ta’ programm immirat għaż-żgħażagħ tal-“Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-Azzjoni Klimatika” u fondi għall-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet lokali u s-soċjetà ċivili organizzata fl-iżvilupp ta’ proġetti – ibbażati fil-komunità u li huma wkoll proprjetà tagħha – fil-qasam tat-trasport u l-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju.

1.11.

Il-KESE jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jissalvagwardja s-sigurtà u l-kompetittività internazzjonali tal-UE, u speċjalment tal-SMEs li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar minn ekonomiji emerġenti, u jappoġġja proposti għal mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE qed jiżviluppa din l-Opinjoni bi tweġiba għat-talba tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tar-Repubblika tal-Kroazja, u jinsab kuntent li l-Presidenza biħsiebha tistimula dibattitu fil-livell tal-UE dwar it-titjib tal-arranġamenti finanzjarji fir-rigward tal-issodisfar tal-ħtiġijiet li qed jiżdiedu marbuta mat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u tar-reazzjoni għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Tard fil-proċess tat-tfassil ta’ din l-Opinjoni, id-dinja u l-UE ġew mheżża mill-pandemija tal-COVID-19, u l-Opinjoni tipprova tinkludi xi reazzjonijiet inizjali għal din ir-realtà ġdida.

2.2.

Qed naraw isseħħ katastrofi tal-bniedem, ta’ ħajjiet mitlufa, ta’ mard mifrux, ta’ tbatija soċjali, u ta’ impjiegi li jisparixxu, fuq skala mingħajr preċedent. Jekk jiġu indirizzati ħażin, nirriskjaw li nħabbtu wiċċna ma’ konsegwenzi serji daqs dawk tad-Depressjoni l-Kbira tal-1929. Jekk tindirizzahom tajjeb, l-UE tista’ tissupera dan kollu, issalva l-ħajjiet u l-benesseri tas-soċjetà, tittrasforma l-mudelli soċjoekonomiċi tagħna f’oħrajn iffukati fuq il-persuni u fuq l-ambjent naturali u tagħti spinta lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli.

2.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir u jappoġġja l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill Ewropew u t-tħabbira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (7), bl-objettiv konġunt li tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju billi “naslu għal UE b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050”. Huwa jappoġġja wkoll il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-ewwel pilastru finanzjarju ewlieni, flimkien mal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-ħaddiema u ċ-ċittadini fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni (8).

2.4.

Teżisti evidenza inkontestabbli li qegħdin niffaċċjaw emerġenza klimatika, telf eżistenzjali tal-bijodiversità, riskji soċjalment inaċċettabbli għas-saħħa minn sustanzi kimiċi u tniġġis tal-arja, u livelli li ma jistgħux jiġu kkalkolati ta’ tniġġis tal-plastik fl-oċeani tagħna. Ir-riċerka xjentifika (9) tissuġġerixxi li l-fatt li feġġ mard ġdid tal-bniedem huwa marbut mill-qrib mal-ixprunaturi tal-kriżi ambjentali, li huma maħsuba biex jiġu indirizzati b’azzjoni ambjentali prijoritarja permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.5.

Minbarra l-kriżijiet ambjentali eżistenzjali, qegħdin niffaċċjaw livelli għoljin u li qegħdin jiżdiedu ta’ inugwaljanzi, kriżijiet demografiċi, radikaliżmu politiku, kif ukoll livelli dejjem jonqsu ta’ fiduċja fil-gvernijiet, fil-governanza u fit-tfassil tal-politika. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat għadd ta’ nuqqasijiet fis-sistemi ekonomiċi u ta’ governanza tagħna, inklużi l-limiti tal-ekonomija tas-suq, u enfasizzat l-importanza ta’ istituzzjonijiet tal-Istat effettivi u sistemi tas-saħħa pubblika b’saħħithom. Din ippermettiet ukoll li n-nies jerġgħu jikkunsidraw is-sens tagħhom ta’ x’inhu importanti. Hemm bżonn urġenti li jsiru riżeami tal-impatt tal-livelli ta’ produzzjoni u konsum u analiżi dwar pagi ġusti għal xogħol essenzjali (eż. servizzi pubbliċi bħas-settur tas-saħħa), politiki dwar it-taxxa u l-pagi, u għodod ġodda bħal dħul bażiku universali, kif mitlub f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (10).

2.6.

Il-komunità tan-negozju tal-UE qiegħda kulma jmur tqis it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-irkupru wara l-COVID-19 aktar bħala opportunità ta’ żvilupp u mod kif l-impjiegi produttivi jinġiebu lura lejn l-Ewropa. Fl-ittra reċenti tagħhom lill-Ministri tal-Ambjent u l-Klima tal-UE (11), seba’ kumpaniji ewlenin tal-enerġija Ewropej jappellaw lill-UE biex iżżid il-mira tagħha ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030 għal mill-inqas tnaqqis ta’ 55 % fuq il-livelli tal-1990 biex jallinjaw ma’ trajettorja kosteffettiva sal-2050. Energy Transitions Commission (Kummissjoni tat-Tranżizzjoni tal-Enerġija) tistieden lill-gvernijiet tad-dinja biex l-infiq tagħhom għall-istimolu ekonomiku jagħmluh b’mod għaqli u jinvestu fl-ekonomija tal-futur (12).

3.   Iż-żieda tal-ambizzjoni klimatika, riżorsi finanzjarji ġodda għal tranżizzjoni ġusta, ir-rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-implimentazzjoni tal-SDGs bil-għan li l-Aġenda 2030 ssir realtà

3.1.

Sabiex tiġi żgurata mobilizzazzjoni adegwata ta’ riżorsi finanzjarji ġodda għal azzjoni klimatika urġenti u biex jittejjeb l-użu ta’ dawk attwali, hija assolutament meħtieġa aġenda politika ambizzjuża b’miri msaħħa għall-2030 u l-2050. B’hekk, il-KESE jappoġġja s-sejħa biex l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tikseb newtralità karbonika sal-2050 u, għaldaqstant, iżżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030 għal tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fuq il-livelli tal-1990.

3.2.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li t-tranżizzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-COVID-19 iridu jkunu ġusti u jwasslu biex l-UE tkun aktar ġusta, inkella se tfalli, b’konsegwenzi serji għall-proġett Ewropew kollu kemm hu. Aħna nemmnu li komponent kruċjali ta’ tranżizzjoni ġusta huwa l-inklużjoni politika, soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, il-ħaddiema, il-komunitajiet u l-SMEs, speċjalment f’reġjuni sottożviluppati u rurali fl-UE, mingħajr diskriminazzjoni kontra Stati Membri li bħalissa mhumiex membri taż-żona tal-euro. Id-distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi finanzjarji mill-baġit futur għall-azzjoni klimatika hija essenzjali biex tinkiseb din l-inklużjoni, u jeħtiġilna nimpedixxu b’mod proattiv ix-xejriet li permezz tagħhom il-biċċa l-kbira tar-riżorsi jiġu diretti lejn partijiet interessati b’saħħithom bir-riżorsi u l-kapaċità li jiżviluppaw proġetti profittabbli.

3.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha – il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, l-industrija, l-istituti tal-għarfien, eċċ. – fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni futuri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-pjan ta’ rkupru u rikostruzzjoni ta’ wara l-COVID.

3.4.

Wara l-ewwel passi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, u minħabba l-kriżi bla preċedent li qed niffaċċjaw, il-KESE jilqa’ bi pjaċir fond ta’ rkupru ta’ skala suffiċjenti, u jappella għal pjan ta’ rikostruzzjoni ambizzjuż, b’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Parti kruċjali ta’ dan għandha tkun baġit għall-azzjoni klimatika li jkun tal-inqas daqs id-diskrepanza fl-investiment identifikata qabel ta’ madwar EUR 300 biljun fis-sena, li jagħti prijorità kbira lill-appoġġ ta’ proġetti deċentralizzati fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni li jkunu koproprjetà taċ-ċittadini, l-SMEs, il-komunitajiet tal-enerġija u l-entitajiet pubbliċi lokali u reġjonali. Il-KESE diġà fassal proposti għal din il-mobilizzazzjoni finanzjarja fis-sejħa tiegħu għall-Patt tal-Finanzjament għall-Klima (13), u f’din l-Opinjoni se jżid xi oħrajn.

3.5.

B’mod parallel ma’ dan, u sabiex tiġi żviluppata taħlita ottimali ta’ mekkaniżmi għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament futur għall-klima, il-KESE jqis li hija meħtieġa valutazzjoni soda u trasparenti tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġu implimentati l-SDGs bil-għan li l-Aġenda 2030 ssir realtà. Għandu jkun possibbli wkoll dibattitu politiku inklużiv dwar is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni ġusta fi ħdan qafas demografiku, teknoloġiku u ta’ politika pubblika/fiskali, b’kontribut ewlieni mir-rapport li jmiss tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) (14).

3.6.

Il-KESE diġà appella għal Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima, li “għandu l-għan li jidderieġi lejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ekonomija reali l-kapital li jista’ jwassal għal bużżieqa finanzjarja ġdida. Dan għandu jkun soġġett ukoll għal finanzjament ġdid, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju”. Is-sorsi varji tal-finanzjament propost jinkludu:

ridirezzjoni tal-finanzjament lejn investimenti sostenibbli permezz ta’ “allokazzjoni ekoloġika” u l-promozzjoni ta’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) b’“tikketta ekoloġika”;

l-użu tat-tnaqqis kwantitattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala sors ta’ finanzjament;

id-definizzjoni ta’ kriterji għal investiment sostenibbli.

Pereżempju, il-Patt dwar il-Finanzjament għall-Klima huwa opportunità biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika, in-nuqqas ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba u, fl-istess ħin, id-dubji dwar il-proġett Ewropew. Dan jinkludi żewġ għodod: il-Bank Ewropew għall-Klima u l-Bijodiversità, u l-Fond Ewropew għall-Klima u l-Bijodiversità. Dawn it-tnejn flimkien jistgħu jsiru l-Bank Ewropew tal-Klima.

3.7.

Il-KESE jilqa’ u jappoġġja t-tħabbira tal-BEI li biħsiebu jappoġġja investiment ta’ EUR 1 triljun fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali fil-perjodu mill-2021 sal-2030. Madankollu, skont ir-regoli attwali tiegħu, il-BEI jista’ jkollu portafoll ta’ self annwali akbar. Jekk l-UE jew il-BĊE jipprovdu aktar garanziji tal-baġit għall-BEI, il-portafoll annwali jista’ jiżdied saħansitra aktar.

3.8.

Il-KESE jitlob li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jirriformaw ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sabiex ir-Regola tad-Deheb tagħti lok għal aktar investiment fil-livell nazzjonali marbut mal-azzjoni klimatika li jkun eskluż mill-kalkolu tad-defiċit tal-gvern bħala parti mill-baġit tal-UE marbut mal-azzjoni klimatika, b’salvagwardji adatti kontra l-użu ħażin (15). Diġà ssemmew possibbiltajiet inizjali fir-Rapport Annwali tal-2019 tal-Bord Fiskali Ewropew (16) u issa dawn għandhom jiġu elaborati u jsiru operattivi. Matul is-sospensjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jużaw il-mezzi baġitarji disponibbli biex isaħħu kemm jista’ jkun l-investiment għall-azzjoni klimatika.

3.9.

Il-KESE jistieden lill-BĊE biex jaqdi rwol importanti fil-finanzjament tal-azzjoni klimatika direttament u indirettament. Minbarra l-impatt tal-programm ta’ xiri ta’ assi tiegħu u l-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-każ ta’ Pandemija (PEPP), il-BĊE, billi jadotta r-regolament rilevanti u jeżerċita s-setgħat regolatorji tiegħu, u permezz ta’ koordinazzjoni mal-banek ċentrali barra miż-żona tal-euro fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, jista’ jħeġġeġ lill-banek ċentrali biex isegwu l-eżempju tiegħu u b’hekk jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-finanzjament tal-azzjoni klimatika. Il-proporzjonijiet kapitali jistgħu jintużaw ukoll b’mod aktar proattiv billi jiġu applikati reġimi favorevoli għal self u investimenti li jitqiesu ekoloġiċi skont it-tassonomija tal-UE. Il-BĊE “għandu jkun jista’ jipprovdi […] likwidità permezz ta’ aktar miżuri mhux konvenzjonali tal-politika monetarja,” (17) u li l-forniment tal-ammont meħtieġ ta’ likwidità – hu x’inhu dan l-ammont – għandu jkollu impatt pożittiv fuq l-azzjoni klimatika.

3.10.

Mod wieħed kif jiżdied il-finanzjament tal-azzjoni klimatika huwa permezz ta’ bonds ekoloġiċi li jinħarġu minn setturi pubbliċi u privati u jkunu bbażati fuq qafas regolatorju b’saħħtu, abbażi tat-tassonomija tal-UE għal investiment sostenibbli. Skemi li jinkoraġġixxu dan huma meħtieġa b’mod urġenti. Il-BEI jista’ jkollu rwol saħansitra akbar b’żewġ modi: bl-għoti ta’ self lil proġetti li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika permezz ta’ impenji diretti, u billi jżid il-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi. Dawn il-bonds jistgħu mbagħad jinxtraw mill-Bank Ċentrali Ewropew permezz tal-programm ta’ xiri tal-assi tiegħu ferm aktar milli kien il-każ qabel.

3.11.

Minħabba li fl-aħħar mill-aħħar il-biċċa l-kbira tal-investimenti jsiru miċ-ċittadini u mis-settur privat, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri fiskali ambjentali u l-aspetti kollha tal-ipprezzar tal-karbonju, bħala għodda ewlenija biex l-investimenti sostenibbli jsiru profittabbli. Nixtiequ nenfasizzaw ukoll li t-taħlita tal-ipprezzar tal-karbonju u l-bonds ekoloġiċi ttejjeb l-effettività ambjentali, l-akkumulazzjoni tal-kapital u s-sostenibbiltà tad-dejn, u għandha ġustizzja interġenerazzjonali akbar (18).

3.12.

Sors potenzjali ieħor ta’ finanzjament jista’ jkun it-titolizzazzjoni sostnuta minn portafoll kollaterali li jikkonsisti f’assi ta’ self – aggregazzjoni mħallta ta’ kollaterali – li tista’ tinkludi assi ekoloġiċi u possibbilment assi mhux ekoloġiċi. It-titolizzazzjoni tkun ekoloġika jekk ir-rikavat iservi biex jiffinanzja proġetti ekoloġiċi.

3.13.

Il-KESE jqis li waħda mill-isfidi ewlenin għat-tqegħid fil-prattika tal-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-iżvilupp ta’ sensiela ta’ proġetti ta’ investiment li jirrispondu għall-għanijiet strateġiċi tal-UE. Sa issa, id-disponibbiltà ta’ tali proġetti ta’ investiment ma tissodisfax id-domanda. L-assistenza teknika u l-appoġġ konsultattiv fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika ser jgħinu biex jiġu identifikati u mħejjija proġetti sostenibbli u jipprovdu l-bini ta’ kapaċitajiet lill-promoturi tal-proġetti. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni fl-UE kollha għal investimenti sostenibbli (tassonomija) (19) għandha tintuża bħala bażi għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ dawn il-proġetti.

3.14.

Il-finanzjament ta’ tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju jrid jiżgura li l-opportunità ta’ żvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ kumpaniji ġodda tkun appoġġjata b’mod li jippermetti l-akbar sjieda possibbli tal-kapaċità ta’ produzzjoni ġdida mill-konsumaturi u l-komunitajiet, speċjalment dawk li bħalissa huma esklużi mill-proċessi ta’ produzzjoni rilevanti, sabiex huma jiġu ttrasformati fi “prosumaturi” (produtturi u konsumaturi) attivi ta’ prodotti u servizzi tas-setturi tal-enerġija u tat-trasport.

3.15.

Peress li l-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-fatt huwa privatizzazzjoni ta’ riżorsa naturali prezzjuża, il-proġetti appoġġjati minn finanzi pubbliċi għandhom jirrikonoxxu s-sjieda tal-komunità lokali tagħhom u għandhom jinkludu parteċipazzjoni adatta fil-benefiċċji jew fis-sjieda tal-proġetti mill-komunitajiet lokali.

3.16.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja sinifikanti lill-istituzzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw b’mod attiv l-iżvilupp u r-raggruppament ta’ proġetti individwali żgħar u deċentralizzati ta’ ċittadini, komunitajiet jew SMEs fi proġetti akbar u aktar profittabbli. Peress li huwa ċar li s-soċjetà ċivili qed toħroġ b’ħafna inizjattivi bħal dawn, il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ qafas istituzzjonali u linji gwida għall-assistenza fil-livell tal-UE u kooperazzjoni attiva dwar dawn l-inizjattivi.

4.   Mekkaniżmi finanzjarji eżistenti, ostakli għall-investiment f’dak li jirrigwarda finanzi pubbliċi u privati u għajnuna mill-Istat

4.1.

Il-Ftehim ta’ Pariġi jirrikjedi li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti mat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet u mal-iżvilupp reżiljenti għall-klima. Fid-dawl ta’ dan u tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob li l-mekkaniżmi finanzjarji kollha eżistenti tal-UE jkunu konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi jew jinġiebu reżiljenti għall-klima, kif ukoll konformi mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Aġenda 2030.

4.2.

Fid-dawl tal-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti, il-KESE diġà adotta (20) r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

żieda sa 40 % tas-sehem tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ddedikat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

l-UE jeħtiġilha turi livell ta’ ambizzjoni konsistenti mal-isfida tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

għal dan l-objettiv trid tiġi allokata medja ta’ 40 % tal-baġit globali tal-UE (QFP 2021-2027), u b’hekk jiżdied is-sehem korrispondenti tal-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni aktar minn dak attwali ta’ 20 %.

4.3.

Hemm għadd ta’ ostakli kbar għal-livelli adatti ta’ finanzjament pubbliku u privat għall-azzjoni klimatika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li jirriżultaw f’livell ta’ finanzjament pjuttost baxx u inadegwat kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament (21). Nixtiequ nagħmlu enfasi fuq tlieta minnhom.

4.4.

L-ewwel nett, għad hemm sussidji kbar għall-fjuwils fossili, kemm dawk diretti kif ukoll dawk indiretti, reċentement stmati mill-Fond Monetarju Internazzjonali (22) li jammontaw għal $ 289 biljun fl-2015. Dawn tal-aħħar jeżistu fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE, u jikkawżaw spejjeż ambjentali, soċjali u ekonomiċi (ta’ opportunità) enormi li jħassru l-progress li sar fl-azzjoni klimatika. Peress li dawn inaqqsu wkoll il-prezz tal-karbonju, il-KESE jemmen li dawn għandhom jitneħħew gradwalment bħala kwistjoni ta’ urġenza, u l-pjani nazzjonali u klimatiċi tal-Istati Membri jridu jippreżentaw skeda ta’ żmien ċara għal dan.

4.5.

It-tieni, peress li l-politiki fiskali tal-Istati Membri tal-UE qed ikunu tipikament limitati mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat qed jipprevjenu rwol aktar importanti tal-Istat fil-politiki trasformattivi, il-finanzjament għall-azzjoni klimatika għadu limitat. L-użu attwali tal-klawżola ta’ salvagwardja ġenerali għal tal-ewwel (23) u qafas temporanju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (24) huma eċċezzjonijiet li l-Kumitat jittama li se jintużaw kemm jista’ jkun possibbli biex tiġi ffinanzjata l-azzjoni klimatika.

4.6.

It-tielet, hemm ostakli għall-finanzjament tas-settur privat, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-investiment għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-KESE jemmen li, b’mod parallel għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali għandhom jiġu ffinalizzati, u għandha ssir enfasi partikolari fuq li l-SMEs ikollhom aċċess universali u sempliċi għal finanzjament aktar varjat u sostanzjali għat-tranżizzjoni lejn teknoloġiji newtrali għall-klima.

4.7.

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-governanza ta’ programmi ewlenin tal-UE ta’ spiss hija limitata u għalhekk huwa impossibbli li jiġu sfruttati l-benefiċċji kollha ta’ parteċipazzjoni reali tal-partijiet interessati: parteċipazzjoni u sorveljanza demokratika, kif ukoll li l-fondi pubbliċi jiġu diretti lejn l-użijiet l-aktar mixtieqa soċjalment. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm parteċipazzjoni usa’ tal-partijiet interessati, kemm min-naħa tal-gvern kif ukoll mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-imsieħba soċjali, mis-settur akkademiku u min-negozji.

4.8.

Il-prezzijiet tas-suq tal-karbonju tal-UE qed jaqgħu minħabba l-waqfien tal-ekonomija kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19, u dan jenfasizza l-ħtieġa li l-iskema tissaħħaħ biex tindirizza aħjar skossi simili. Eżatt qabel il-kriżi, il-prezz tal-EU ETS (skema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet) kien ta’ EUR 25 għal kull tunnellata, li jgħin biex jixpruna t-tneħħija gradwali tal-faħam. Minħabba t-tnaqqis attwali fil-prezzijiet, il-profittabilità tal-impjanti tal-linjite sfortunatament diġà tjiebet. It-tnaqqis fil-prezz ifisser ukoll tnaqqis fid-dħul għall-Istati Membri mill-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet. Prezz aktar baxx tal-karbonju jfisser inqas esponiment għas-sinjal tal-prezz tal-karbonju biex jinċentiva t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan huwa importanti b’mod speċjali għal setturi industrijali kbar li jniġġsu (l-azzar, is-sustanzi kimiċi, is-siment) u s-settur tal-avjazzjoni. Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) tal-EU ETS kienet qed tassorbi l-kwoti żejda mis-suq sa mill-bidu tal-2019, li hija r-raġuni ewlenija għall-prezz ta’ EUR 25. Se tkompli tassorbi l-eċċess u tikkanċella dawk il-permessi aktar tard. Madankollu, l-MSR tfasslet biex tindirizza l-provvista żejda tal-passat li akkumulat matul is-snin. Mhijiex adatta biex tindirizza l-eċċessi attwali jew futuri. L-MSR se jkollha bżonn tissaħħaħ (25) fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima u r-rieżami li jmiss tar-regoli tas-suq tal-karbonju tal-UE.

4.9.

Il-KESE jappoġġja proposta tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha l-baġit il-ġdid tal-UE, li japplika għall-perjodu 2021-2027, għandu joffri lill-pajjiżi b’kost tal-kapital kbir fl-Ewropa l-għażla li jiżviluppaw proġetti tal-enerġija rinnovabbli bl-appoġġ finanzjarju ta’ mekkaniżmu tal-UE għal garanzija baġitarja. It-tnaqqis tal-kostijiet kapitali jbaxxi l-kostijiet livellati tal-elettriku għall-parks eoliċi fuq l-art fil-Greċja (26) b’20 % b’rabta ma’ xenarju mingħajr miżuri ta’ tneħħija tar-riskji (minn EUR 5,7 cents/kWh għal EUR 4,6 cents/kWh).

4.10.

Il-KESE jemmen li regoli dwar l-għajnuna mill-Istat aktar komprensibbli u trasparenti jikkontribwixxu għaċ-ċarezza kemm għall-atturi statali kif ukoll għal dawk mhux statali bl-istess mod f’termini ta’ liema politiki u setturi għandhom jiġu ffinanzjati, u kif. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal evalwazzjoni aktar stretta tal-iskemi nazzjonali tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-bilanċ bejn il-finanzjament ta’ min iniġġes u l-kontribut għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

4.11.

Il-KESE jirrimarka li, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom biex tissawwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-GBER u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u għall-Enerġija (EEAG) (27) riveduti jridu jiġu abbozzati b’mod ċar, b’eżempji ta’ proġetti jew operaturi (eż. komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli) li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jkopru, u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-protezzjoni tal-ambjent jeħtiġilhom jiġu rikonoxxuti bl-istatus ta’ “partijiet interessati” skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali (28) (29).

5.   L-isfidi tal-finanzjament tal-adattament għat-tibdil fil-klima

5.1.

Il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima jitlob li tittieħed azzjoni kemm fuq il-kawżi kif ukoll fuq il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. Il-kawżi tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (jiġifieri mitigazzjoni) u l-konsegwenzi tiegħu permezz ta’ enfasi ugwali fuq l-investiment fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima (jiġifieri adattament).

5.2.

Studju reċenti indika li l-proporzjon kostijiet-benefiċċji ta’ programmi ta’ adattament bħal sistemi ta’ twissija bikrija, li jagħmlu l-infrastruttura reżiljenti, itejbu l-agrikoltura tal-art niexfa jew jimmaniġġjaw ir-riżorsi tal-ilma, ivarja minn 5:1 sa 10:1 (30). L-istess studju jissuġġerixxi li l-adattament jista’ jiġġenera dividend triplu li jikkonsisti f’telf evitat minħabba t-tibdil fil-klima, benefiċċji ekonomiċi mill-programmi ta’ investiment u benefiċċji soċjali u ambjentali.

5.3.

Il-KESE jappoġġja mandat sod biex tiġi żviluppata strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żviluppat proċess kompetenti u kredibbli tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex “l-enfasi ugwali” tal-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament tiġi riflessa fid-distribuzzjoni ottimali tal-fondi disponibbli u futuri fost dawn iż-żewġ prijoritajiet. Daqstant ieħor importanti, jinħtieġ dibattitu dwar l-iżvilupp ta’ mobilizzazzjoni innovattiva tar-riżorsi finanzjarji għall-adattament.

5.4.

Il-KESE jemmen li l-azzjoni ta’ adattament tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiżgura li t-tranżizzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-COVID-19 jiġu implimentati b’mod aktar ġust. Il-komunitajiet u r-reġjuni li huma affettwati b’mod aktar mill-medja mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu megħjuna biex jindirizzaw l-impatti u r-riskji perċepiti. Dan huwa partikolarment minnu għall-komunitajiet u r-reġjuni li għandhom emissjonijiet ta’ gassijiet serra preżenti u storiċi inqas mill-medja.

5.5.

Sabiex jiġi żgurat aċċess ġust għar-riżorsi finanzjarji mobilizzati għall-azzjoni ta’ adattament, il-KESE jitlob li tiġi pprovduta assistenza teknika u organizzattiva lir-reġjuni affettwati, u għandhom jinbdew Fondi għal Adattament Ġust, possibbilment fil-livell reġjonali, tal-Istati Membri u tal-UE.

5.6.

Filwaqt li l-miri ta’ mitigazzjoni huma ċari (pereżempju, li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt il-1,5 oC, jew li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’ċertu ammont relattiv għal sena bażi), huwa diffiċli li jiġu stabbiliti miri ta’ adattament. Madankollu, huma meħtieġa sabiex jinkiseb proċess ta’ adattament effiċjenti. Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ indiċijiet ta’ vulnerabbiltà li se jiggwidaw l-istrateġija ta’ adattament u jistabbilixxu miri ta’ adattament. L-indiċijiet ta’ vulnerabbiltà għandhom jiġu żviluppati fi tliet dimensjonijiet: vulnerabbiltà ġeografika jew reġjonali; vulnerabbiltà settorjali jew ekonomika; u vulnerabbiltà soċjali.

6.   Finanzi ġodda għal atturi mhux statali fl-azzjoni klimatika

6.1.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali mhux biss għandhom aċċess għall-istrumenti finanzjarji: għandhom ikunu wkoll parteċipanti attivi fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, inizjattivi u attivitajiet li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u li jagħmlu mod li l-komunitajiet ikunu reżiljenti għall-klima (31).

6.2.

Il-KESE jappoġġja l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li “jgħaqqad liż-żgħażagħ flimkien biex jibnu soċjetà aktar inklużiva, jappoġġjaw lil persuni vulnerabbli u jwieġbu għal sfidi tas-soċjetà” (32). Fid-dawl tal-emerġenza klimatika u l-motivazzjoni ċara taż-żgħażagħ fl-UE, il-KESE jipproponi żieda sinifikanti fil-fondi disponibbli, u t-tnedija ta’ sottoprogramm immirat tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-Azzjoni Klimatika, li jippermetti liż-żgħażagħ kollha interessati u lill-organizzazzjonijiet ospitanti jassistu l-inizjattivi tal-komunità fl-UE kollha għal azzjoni klimatika urġenti.

6.3.

Il-KESE jitlob li jkun hemm żieda sinifikanti fil-finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, speċjalment għall-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet lokali u s-soċjetà ċivili organizzata fl-iżvilupp ta’ proġetti – ibbażati fil-komunità u li huma wkoll proprjetà tagħha – fil-qasam tat-trasport u l-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Il-KESE jinnota li l-finanzjament għall-klima jista’ jkun saħansitra iktar ta’ sfida matul l-irkupru ta’ wara l-COVID-19 peress li d-disponibbiltà tas-sorsi pubbliċi u privati x’aktarx li se tonqos mentri t-talbiet għall-finanzjament qed ikomplu jiżdiedu.

6.4.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tibda tinvesti f’dak li jagħmel is-sistema soċjoekonomika tagħna reżiljenti għall-kriżi, billi tistabbilixxi l-pedament għal ekonomija ekoloġika u ċirkolari li tkun ankrata f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u mmirata lejn il-benesseri pubbliku. Issa huwa l-waqt li nintroduċu tibdil ekonomiku sistemiku u l-aħbar it-tajba hi li għandna pjan ta’ azzjoni: l-Aġenda 2030 tan-NU (17 SGDs) flimkien mal-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea.

7.   Aspett globali u ġeopolitiku

7.1.

Il-kriżi tal-COVID-19 tfakkarna fir-rwol indispensabbli tal-elettriku f’ħajjitna u tenfasizza l-valur kritiku tal-infrastruttura tal-elettriku u l-għarfien dwaru. Il-kriżi tipprovdi għarfien dwar kif dan ir-rwol huwa mistenni li jespandi u jevolvi fil-futur. Kif jistgħu t-Tranżizzjonijiet lejn Enerġija Nadifa jgħinu biex jagħtu bidu ġdid lill-ekonomiji? Jistgħu jistabbilixxu aġenda ambizzjuża għal għanijiet ta’ ħolqien tal-impjiegi u tibdil fil-klima: pereżempju, l-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku huwa u jipproteġi wkoll il-klima. Il-gvernijiet, direttament jew indirettament, jixprunaw aktar minn 70 % tal-investimenti fl-enerġija globali. F’dan iż-żmien ta’ kriżi, l-azzjonijiet tagħhom huma importanti aktar minn qatt qabel. L-orjentazzjonijiet tal-politiki jistgħu jidderieġu b’mod attiv l-investimenti relatati mal-enerġija fi triq aktar sostenibbli. Il-programmi ta’ stimolu fl-industriji tal-enerġija għandhom jingħataw prijorità biex jappoġġjaw il-forzi tax-xogħol eżistenti, joħolqu impjiegi ġodda u jixprunaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet.

7.2.

Is-swieq taż-żejt globali qed jiffaċċjaw sitwazzjoni mingħajr preċedent; jista’ jkun il-każ li jiżdied ferm il-pass – jew ikun hemm dewmien – għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli? B’mod ġenerali, prezzijiet taż-żejt baxxi (negattivi) irendu l-enerġija ekoloġika inqas kompetittiva, iżda, għall-esportaturi taż-żejt, prezz irħis ħafna jfisser inċentiv ekonomiku akbar biex isir investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-investituri jistgħu mbagħad jinterpretaw dan il-pass bħala sinjal li l-marġnijiet taż-żejt se jkunu baxxi, u għalhekk iżidu l-kapital tagħhom f’riżorsi ekoloġiċi.

7.3.

Il-KESE jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jissalvagwardja l-kompetittività internazzjonali tal-UE u speċjalment tal-SMEs li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar minn ekonomiji emerġenti, fid-dawl tar-riskji tat-tranżizzjoni assoċjati ma’ politiki mmirati lejn l-objettiv mixtieq ta’ newtralità karbonika, iżda li jista’ jkollhom effetti sekondarji mhux mixtieqa f’termini ta’ kompetittività internazzjonali.

7.4.

Huwa ċar li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se tipperikola l-interessi tal-importaturi tal-fjuwils fossili fl-UE, kemm fil-livell tal-kumpanija kif ukoll fil-livell tal-Istat. Il-KESE jemmen li l-UE għandha b’mod urġenti tiżviluppa reżiljenza għall-eskalazzjoni possibbli tal-isforzi kollha mhux tal-UE, ibbażati fl-interess biex jitnaqqas ir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u biex jiġu żviluppati mekkaniżmi aktar b’saħħithom biex jidentifikaw u jirrispondu għal dawk eżistenti.

7.5.

Il-KESE jitlob li l-Ftehim ta’ Pariġi jiddaħħal bħala klawżola essenzjali fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE, u jitlob ukoll diplomazija attiva tal-UE dwar il-klima li tfittex li tindirizza t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu fuq livell globali u l-adattament għalih, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE. L-UE għandha tindirizza kwistjonijiet relatati maż-żieda fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni minħabba r-riskji fiżiċi li qegħdin jiżdiedu tat-tibdil fil-klima, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-istabbiliment ta’ prezz dinji għall-karbonju permezz ta’ swieq tal-karbonju konnessi fil-livell globali.

7.6.

Il-KESE jappoġġja l-proposti għal mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, u jappella għal miżuri li jeliminaw l-ostakli għal prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u għall-promozzjoni ta’ investimenti fl-enerġija rinnovabbli fil-ftehimiet kummerċjali.

Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2019%3A640%3AFIN

(2)  https://www.eesc.europa.eu/mt/news-media/presentations/ir-rispons-tal-ue-ghat-tifqigha-tal-covid-19-u-l-htiega-ghal-solidarjeta-bla-precedent-fost-l-istati-membri

(3)  http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0054_MT.pdf

(4)  Il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta Spjegati, Brussell, 14 ta’ Jannar 2020.

(5)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/sustainable-economy-we-need-own-initiative-opinion

(6)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/leaving-no-one-behind-when-implementing-2030-sustainable-development-agenda-own-initiative-opinion

(7)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2019%3A640%3AFIN

(8)  Il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu ta’Tranżizzjoni Ġusta Spjegati, Brussell, 14 ta’ Jannar 2020.

(9)  https://www.nature.com/articles/s41893-019-0293-3#ref-CR101.

(10)  https://www.eesc.europa.eu/mt/node/60014

(11)  https://www.statkraft.com/media/news/2019/energy-companies-call-for-more-ambitious-EU-2030-climate-target/.

(12)  http://www.energy-transitions.org/sites/default/files/COVID-Recovery-CoverLetter.pdf.

(13)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/european-finance-climate-pact-own-initiative-opinion

(14)  Ir-rapport tal-EEA The sustainability transition in Europe in an age of demographic and technological change [It-tranżizzjoni tas-sostenibilità fl-Ewropa fi żmien ta’ tibdil demografiku u teknoloġiku].

(15)  https://www.bruegel.org/2019/12/the-european-green-deal-needs-a-reformed-fiscal-framework/.

(16)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2019-efb-annual-report_en.pdf.

(17)  https://www.eesc.europa.eu/mt/news-media/presentations/ir-rispons-tal-ue-ghat-tifqigha-tal-covid-19-u-l-htiega-ghal-solidarjeta-bla-precedent-fost-l-istati-membri

(18)  http://documents.worldbank.org/curated/en/808771566321852359/pdf/Financing-Low-Carbon-Transitions-through-Carbon-Pricing-and-Green-Bonds.pdf.

(19)  https://ec.europa.eu/info/publications/sustainable-finance-teg-taxonomy_en.

(20)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/european-finance-climate-pact-own-initiative-opinion.

(21)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 14).

(22)  https://www.imf.org/en/Publications/WP/Issues/2019/05/02/Global-Fossil-Fuel-Subsidies-Remain-Large-An-Update-Based-on-Country-Level-Estimates-46509.

(23)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/23/statement-of-eu-ministers-of-finance-on-the-stability-and-growth-pact-in-light-of-the-covid-19-crisis/.

(24)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_496.

(25)  https://carbonmarketwatch.org/publications/avoiding-a-carbon-crash-how-to-phase-out-coal-and-strengthen-the-eu-ets/.

(26)  https://www.agora-energiewende.de/fileadmin2/Projekte/2019/De-risking_SEE/161_Unlocking_SEE_EN_WEB.pdf.

(27)  Ara wkoll il-kontribut ta’ ClientEarth għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-kontroll tal-idoneità tal-EEAG, Lulju 2019 disponibbli hawnhekk: https://www.documents.clientearth.org/library/download-info/clientearths-response-to-the-targeted-consultation-for-the-evaluation-of-the-guidelines-on-state-aid-for-environmental-protection-and-energy-2014-2020/

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(29)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Rwol aktar kostruttiv għas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 50), punt 2.1.13; u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali” (ĠU C 283, 10.8.2018, p. 83), punti 3.5.8. u 3.5.9.

(30)  Kummissjoni Globali dwar l-Adattament, l-Istitut Dinji tar-Riżorsi, Settembru 2019.

(31)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux Statali” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 14) u l-istudju dwar Sett ta’ għodod għal sħubijiet bejn diversi partijiet interessati relatati mal-klima Qafas ta’ politika biex jiġu stimulati azzjonijiet klimatiċi minn isfel għal fuq (mhux disponibbli bil-Malti).

(32)  https://europa.eu/youth/solidarity_mt