11.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2019)” (opinjoni addizzjonali)

(COM(2018) 759 final)

(2020/C 47/17)

Relatur: Petr ZAHRADNÍK

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

14.5.2019

Bażi legali

Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura u Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

17.10.2019

Adottata fil-plenarja

30.10.2019

Sessjoni plenarja Nru

547

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

137/0/4

Preambolu

Din l-Opinjoni hija parti minn żewġ opinjonijiet ta’ segwitu, waħda dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (COM (2018) 770 final) u l-oħra dwar r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM (2018) 759 final). L-għan huwa li jiġu aġġornati u żviluppati il-proposti preċedenti tal-KESE (1), waqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti u l-previżjonijiet ekonomiċi għall-UE u ż-żona tal-euro, kif ukoll id-diversi rapporti u rakkomandazzjonijiet ippubblikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew li għaddej bħalissa. Dan il-pakkett ta’ opinjonijiet jirrappreżenta l-kontribut ġenerali tas-soċjetà ċivili tal-UE għall-politika ekonomika, soċjali u ambjentali għaċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew, li se jitnieda f’Novembru 2019. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill iqisu dan il-kontribut fil-“pakkett tal-ħarifa” li jmiss tas-Semestru Ewropew u fil-proċess deċiżjonali interistituzzjonali li jirriżulta minnu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota l-iżvilupp pożittiv tal-ekonomija tal-UE u taż-żona tal-euro f’dawn l-aħħar snin. Fl-istess ħin, jinsab kompletament konxju tar-riskji li jistgħu jwasslu għal bidla f’dan il-perkors. Huwa josserva li, attwalment, l-ekonomija tal-UE u dik taż-żona tal-euro huma relattivament esposti aktar mis-soltu għall-influwenza ta’ riskji esterni. F’dan il-kuntest, il-Brexit jista’ jitqies bħala element essenzjali ta’ inċertezza, b’mod partikolari jekk ikollu jseħħ b’mod spontanju, mingħajr ftehim, l-istess bħaż-żieda fil-gwerer kummerċjali.

1.2.

Il-KESE huwa konvint li l-prijorità attwali tal-politika ekonomika tal-UE u taż-żona tal-euro hija li jitnaqqas u jiġi mmitigat ir-riskju ta’ reċessjoni u li l-ekonomija tal-UE tkun orjentata lejn tkabbir sostenibbli. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-politika fiskali takkumpanja l-politika monetarja espansiva tal-Bank Ċentrali Ewropew, permezz ta’ pożizzjoni fiskali pożittiva fiż-żona tal-euro u fl-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tad-dixxiplina fiskali. Il-KESE huwa konvint li hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li jiġi salvagwardjat il-potenzjal tat-tkabbir futur u li wasal iż-żmien li dawn jiġu indirizzati.

1.3.

Il-KESE jemmen li r-ritmu attwali ta’ tkabbir fl-investimenti huwa ogħla minn dak tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-UE u taż-żona tal-euro, u dan wassal biex, fl-2018, ir-rati ta’ investiment jilħqu l-20,5 %, l-ogħla valur tagħhom mill-2008 (meta kien 22,8 %). Madankollu, huwa jqis li l-ħtiġijiet ta’ investiment huma aktar importanti u li hemm bżonn ta’ aktar riżorsi biex jitnaqqas dan id-distakk fl-investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, speċjalment minħabba l-livelli ogħla ta’ investiment fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti.

1.4.

Madankollu, il-KESE huwa kompletament konxju tal-fatt li dan l-iżvilupp ekonomiku ma seħħx b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni u taż-żona tal-euro u li l-progress li sar fil-konverġenza għadu mhux sodisfaċenti. Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà hija wkoll sfida dejjem aktar kumplessa għall-UE.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li t-titjib sinifikanti fid-dixxiplina fiskali qed iwitti t-triq għal espansjoni fiskali akbar, dment li jiġu rrispettati r-regoli kollha ta’ prudenza fiskali. Din il-possibbiltà hija miftuħa kemm fil-livell ta’ kull Stat Membru kif ukoll f’dak tal-UE kollha kemm hi. Il-KESE jinnota l-proposta ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, li huwa proġett pilota maħsub biex isaħħaħ il-politika fiskali fil-livell taż-żona tal-euro, u tar-rabta tiegħu mal-programm ta’ Appoġġ għal Riformi. Il-KESE jistenna li l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività u l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi ser jipprovdu appoġġ sinifikanti għar-riformi u l-investimenti kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fil-pajjiżi barra ż-żona tal-euro. Madankollu, b’mod ġenerali l-KESE huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jiġu implimentati b’suċċess il-programmi ta’ prijorità, u jtenni t-talba tiegħu li jiżdied il-volum ta’ riżorsi għal dan il-għan.

1.6.

Fl-istess ħin, il-KESE jitlob li jitwettqu riformi strutturali effikaċi bi strateġiji ta’ investiment immirati sew, filwaqt li jappoġġjaw u jirrikonoxxu r-rispett tat-“triangolu virtuż” fil-prijoritajiet ekonomiċi u politiċi attwali, li huwa bbażat fuq il-bilanċ u l-kundizzjonalità reċiproka bejn l-appoġġ għall-investiment, l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali u l-applikazzjoni ta’ responsabbiltà u ta’ prudenza fiskali. Minħabba l-ammont limitat ta’ fondi pubbliċi, il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali tal-investimenti privati, li t-tkabbir fit-tul tagħhom jiddependi direttament minn politika ekonomika kredibbli u t-tnaqqis tal-iżbilanċi baġitarji. L-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jistgħu jgħinu jaċċelleraw ir-ritmu tat-tkabbir tal-investiment permezz ta’ flussi kapitali aktar effiċjenti u flessibbli. Il-KESE jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-elementi li fadal ta’ dawn iż-żewġ Unjonijiet.

1.7.

Il-KESE jinnota b’attenzjoni u bi tħassib l-għadd kbir ta’ żbilanċi makroekonomiċi li jeżistu fi ħdan l-UE u fiż-żona tal-euro. Huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex iqarrbu l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema ta’ żbilanċi esterni, b’mod partikolari fid-dawl tal-livell ogħla ta’ riskji esterni fil-ġejjieni.

1.8.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipju li l-investimenti u r-riformi għandhom jimxu id f’id, u jappoġġja wkoll il-prinċipji tar-responsabbiltà u tas-sussidjarjetà.

1.9.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-prijoritajiet tal-ekonomija Ewropea issa għandhom jiffukkaw ħafna aktar fuq l-appoġġ għad-domanda domestika. Fl-istess ħin, huwa jqis li l-bilanċ estern tal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi, li huwa pożittiv ħafna fil-livell tal-Unjoni, għandu jitqassam aħjar fost aktar Stati Membri.

1.10.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija tal-attivitajiet maħsuba biex itejbu l-funzjonalità u l-omoġeneità tas-suq intern u uniku, b’mod partikolari fl-oqsma li għadhom ma ġewx integrati aktar u dawk li għandhom tendenzi ċentrifugi. Huwa jinnota wkoll bi tħassib il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema u tal-ispariġġ bejn il-kompetenzi offruti u dawk meħtieġa.

2.   Kuntest

2.1.   L-iżvilupp ekonomiku attwali taż-żona tal-euro u tal-Unjoni Ewropea: tbassir għar-rebbiegħa u s-sajf tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.1.

L-ekonomija tal-Unjoni u taż-żona tal-euro qiegħda tkompli tikber għas-seba’ sena konsekuttiva iżda t-tbassir qed juri sinjali ta’ degradazzjoni futura tal-prestazzjoni ekonomika. Madankollu, dan ma jfissirx li dan it-tkabbir kien uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni u taż-żona tal-euro. Skont it-tbassir ekonomiku għar-rebbiegħa u s-sajf tal-Kummissjoni Ewropea, il-perkors tat-tkabbir tal-ekonomija tal-Unjoni u taż-żona tal-euro huwa mistenni li jkompli din is-sena u s-sena li ġejja, iżda r-ritmu tiegħu mistenni li jonqos; it-tbassir għas-sajf iħabbar riskji akbar ta’ deċelerazzjoni.

2.1.2.

Dan it-tnaqqis fir-ritmu huwa dovut l-aktar għall-ambjent estern u għall-kapaċità limitata tal-Unjoni li żżomm il-livell rekord tagħha ta’ esportazzjonijiet. Il-fatturi ta’ riskju ewlenin huma l-impatt tal-Brexit, b’mod partikolari f’każ li jiġi implimentat mingħajr ftehim u ż-żieda fil-gwerer kummerċjali fl-ekonomija dinjija, li llum-il ġurnata jinħassu ħafna aktar minn sena ilu.

2.1.3.

Il-fatturi endoġeniċi l-aktar importanti jinkludu b’mod partikolari d-diffikultajiet biex tintlaħaq is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali u l-progress insuffiċjenti fil-konverġenza fi ħdan l-UE, kif ukoll tqassim żbilanċjat tad-dħul u l-ġid. Il-bidliet li saru f’setturi importanti (bħal, pereżempju, l-industrija tal-karozzi jew is-settur tal-enerġija) huma sinifikanti wkoll. It-tnaqqis previst fit-tkabbir tal-kreditu, minn 3,7 % sena wara sena għal 3,0 % fl-2019, x’aktarx jikkawża xi tħassib (2).

2.1.4.

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2019 (3) wissiet kontra r-riskji ta’ kriżi ekonomika ġdida u ħeġġet lill-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali biex jadottaw approċċ ikkoordinat biex jidentifikaw dawn ir-riskji u jsaħħu r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea, b’mod partikolari minħabba li tnejn mill-akbar ekonomiji Ewropej jistgħu jidħlu f’riċessjoni fit-tieni semestru ta’ din is-sena.

2.1.5.

Filwaqt li r-rati u l-volum ta’ tkabbir tal-investiment reġgħu qorbu l-livelli ta’ qabel il-kriżi jew saħansitra diġà kisbuhom, il-ħtiġijiet fl-investiment fl-UE u fiż-żona tal-euro jibqgħu ogħla mil-livell reali attwali tagħhom; f’dan ir-rigward, hemm diskrepanza persistenti fl-investiment kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro. It-tnaqqis qawwi fit-tkabbir tal-investiment mistenni matul il-perjodu li ġej huwa wkoll sors ta’ tħassib. Fl-2018, l-investimenti fl-UE żdiedu bi 3,7 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; skont l-istimi, din is-sena u s-sena d-dieħla, dan it-tkabbir ser ikun biss ta’ 2,3 % għall-UE u ż-żona tal-euro. Fl-2018, ir-rata ta’ investiment kienet ta’ 20,5 % tal-PDG, jiġifieri l-aktar livell għoli mill-2008 (22,8 %) (4). Hawnhekk ukoll, hemm bżonn li, minn perspettiva li tħares ’il quddiem, l-Ewropa talloka ammont ħafna akbar ta’ riżorsi finanzjarji, b’mod partikolari fl-attivitajiet u l-fergħat strateġikament importanti li jistgħu jagħtuha vantaġġ kompetittiv fit-tul fil-kuntest dinji.

2.1.6.

L-impjiegi żdiedu b’mod sinifikanti, sal-punt li ħafna Stati qed jiffaċċjaw il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema disponibbli, u b’hekk qed jixxekkel il-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir. Fl-istess ħin, din is-sitwazzjoni tħeġġeġ li jiġu aċċellerati l-proċessi u l-proċeduri ta’ innovazzjoni bbażati fuq l-awtomatizzazzjoni u l-virtwalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi li ma jeħtiġux ħaddiema fiżiċi, manwali jew mhux kwalifikati (diżakkoppjament ekonomiku), kif ukoll li tiġi intensifikata t-tħejjija tal-ħaddiema għall-isfidi l-ġodda u li jinstabu soluzzjonijiet għall-problema tal-qgħad strutturali. Barra minn hekk, is-suq tax-xogħol għandu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri: uħud għadhom juru rati ta’ qgħad ogħla minn 10 %, u f’ħafna każijiet il-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq livell allarmanti. Sors potenzjali ieħor ta’ tħassib huwa t-tkabbir baxx, saħansitra negattiv, tas-salarji reali f’ċerti Stati Membri, jew ukoll il-problema tal-faqar fost dawk li jaħdmu.

2.2.   Politika fiskali

2.2.1.

Dixxiplina fiskali mtejba, f’kuntest fejn ir-rati ta’ interess huma baxxi ħafna, toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-finanzjament kif ukoll possibbiltajiet sabiex jiġu adottati miżuri baġitarji ta’ appoġġ f’ċerti Stati Membri, u dan iħalli impatt pożittiv fuq id-domanda interna. Il-KESE jżid li l-politika fiskali responsabbli hija marbuta wkoll mal-parti tad-dħul tal-baġit, u għalhekk mal-ġlieda effiċjenti kontra l-frodi tat-taxxa, li tista’ tipprovdi riżorsi addizzjonali għall-finanzjament tal-investiment pubbliku.

2.2.2.

Hemm ukoll possibbiltajiet li jissaħħaħ ir-rwol fiskali fiż-żona tal-euro; il-proposta ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività (5) hija pass importanti f’din id-direzzjoni. Permezz tal-assistenza finanzjarja li dan l-istrument jipprovdi lir-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri differenti, huwa għandu jikkontribwixxi għaż-żieda fir-reżiljenza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Il-KESE jtenni l-pożizzjoni li diġà esprima fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (6) dwar in-nuqqas ta’ riżorsi baġitarji suffiċjenti fil-QFP kif propost għall-perjodu 2021-2027, li jikkonċerna wkoll l-approprjazzjonijiet għar-riformi strutturali jew il-promozzjoni tal-konverġenza u l-kompetittività fiż-żona tal-euro. Bħall-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, il-KESE talab li r-riżorsi tal-QFP li jmiss jilħqu l-1,3 % tad-Dħul Nazzjonali Gross.

2.2.3.

L-element essenzjali tiegħu għandu jkun il-qafas għat-tfassil ta’ linji gwida strateġiċi dwar ir-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu appoġġjati minn dan l-istrument. Fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (7), il-Kunsill tal-UE se jistabbilixxi (wara diskussjoni fi ħdan il-Grupp tal-Euro) strateġija dwar il-prijoritajiet ta’ riformi u investimenti għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Matul il-proċess, il-Kunsill tal-UE se jadotta rakkomandazzjoni, li tinkludi linji gwida ta’ prijorità speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil kull Stat Membru taż-żona tal-euro, dwar ir-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu appoġġati mill-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività fil-forma ta’ sussidji.

2.3.   Politika ekonomika u monetarja

2.3.1.

Riformi strutturali effikaċi, marbuta ma’ strateġiji ta’ investiment immirati sew u akkumpanjati minn approċċ baġitarju responsabbli, f’konformità mal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli, huma l-qofol tal-politika ekonomika tal-UE, taż-żona tal-euro u ta’ kull Stat Membru għall-perjodu li ġej, mill-inqas fuq terminu medju.

2.3.2.

Għall-finijiet tas-summit tal-Grupp tal-Euro ġie ppubblikat dokument li jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni u l-prospetti taż-żona tal-euro (8). Is-suġġett taż-żona tal-euro ġie diskuss ukoll fil-kuntest tal-isforzi biex jissaħħaħ l-istatus internazzjonali tal-euro (9). Jidher li s-sħubija fiż-żona tal-euro x’aktarx li se tkompli tikber, dan għaliex, wara l-isforzi li għamlet il-Bulgarija s-sena li għaddiet biex tieħu l-passi uffiċjali meħtieġa sabiex tadotta l-munita unika Ewropea, din is-sena l-Kroazja bdiet tagħmel l-istess. Fl-istess ħin, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra li ma jagħmlux parti mi-żona tal-euro biex ifasslu u jimplimentaw proġetti li għandhom l-għan li jiżguraw tranżizzjoni vijabbli lejn iż-żona tal-euro fil-futur qrib.

2.3.3.

Fost l-aktar miżuri reċenti li kkontribwixxew għat-tisħiħ taż-żona tal-euro, wieħed ma jistax jeskludi, pereżempju, l-implimentazzjoni tal-assigurazzjoni komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li l-elementi fundamentali tiegħu diġà ġew approvati fl-2012, u li fl-istess ħin saħħaħ ir-rwol tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Id-definizzjoni tal-miżuri li jistabbilixxu l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti hija kisba ewlenija għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Il-linji ġenerali tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro ġew deskritti sabiex dan jiġi inkluż fil-qafas tal-baġit futur tal-Unjoni. Minkejja li sar xi progress fit-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, huwa possibbli li jsir aktar billi jingħaqdu l-isforzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej.

2.4.   Politika u riformi strutturali

2.4.1.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta’ din is-sena juru b’mod ċar li qed isiru sforzi biex jiġi promoss it-“triangolu virtuż” tal-appoġġ għall-investiment, l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali u l-implimentazzjoni ta’ politiki fiskali responsabbli, iffukati kemm jista’ jkun fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

2.4.2.

Il-kwistjoni tal-indirizzar tan-nuqqasijiet u tal-problemi strutturali tal-ekonomiji tal-Unjoni, tat-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom u tat-twettiq tal-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir fit-tul, fil-kuntest ta’ riskji ekonomiċi globali li qed jaggravaw, qiegħda tixpruna l-ħtieġa li jitfasslu riformi prijoritarji (fil-livell tal-Istati Membri u fl-UE kollha kemm hi) u li tiġi aċċellerata u intensifikata l-implimentazzjoni tagħhom.

2.4.3.

Hemm ukoll fokus fuq il-kisba mill-ġdid ta’ bilanċ aktar simetriku fi ħdan l-Unjoni u ż-żona tal-euro. Il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi tvarja ħafna. Apparti l-problemi marbutin mal-bilanċi esterni tagħhom, u b’mod partikolari mal-kontijiet kurrenti, ċerti pajjiżi għandhom żbilanċi makroekonomiċi oħra, bħal pereżempju livell għoli ta’ dejn tas-settur pubbliku u ta’ dak privat, tkabbir dinamiku fil-prezzijiet tal-proprjetà, żieda fil-kost ta’ unità lavorattiva jew saħansitra forom mill-aktar diversi ta’ żbilanċi esterni.

2.4.4.

Ir-riformi strutturali jinkludu wkoll it-tisħiħ tal-ambjent u tal-kwalità tas-suq intern u uniku u t-titjib tal-komplementarjetà tal-politika dwar dan is-suq permezz tar-riformi strutturali mwettqa fi ħdan l-Istati, fid-dawl tal-fatt li għandu jintlaħaq l-ogħla livell possibbli ta’ konformità.

2.5.   Governanza taż-żona tal-euro

2.5.1.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jinkludu wkoll struzzjonijiet u linji gwida biex jissaħħu l-prestazzjoni u l-governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-reżiljenza tal-ekonomiji taż-żona tal-euro, skont ir-rakkomandazzjoni tal-2019 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, u l-progress li sar fil-qasam tal-konverġenza soċjali skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fi kwalunkwe każ jidher li l-Unjoni Ewropea qiegħda għal darb’oħra tidħol f’fażi fejn il-miżuri ta’ politika ekonomika huma marbuta mill-qrib maż-żona tal-euro u fejn il-fatt li wieħed ma jkunx jappartjeni għal din tal-aħħar jista’ joħloq riskju akbar ta’ marġinalizzazzjoni għall-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari meta x-xewqa ta’ pożizzjoni msaħħa fiż-żona tal-euro fil-qafas finanzjarju pluriennali futur tal-UE ssir aktar evidenti. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-pilastri kollha tal-UEM, kif indika fl-Opinjoni tiegħu “Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (10).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis li fi żmien meta seħħew il-bidliet fil-pożizzjonijiet ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-istat tal-ekonomija Ewropea huwa aħjar minn dak tal-aħħar proċess ta’ ħatra simili għall-karigi importanti tal-Unjoni, fl-2014. Fl-istess ħin, madankollu, il-KESE jinsab kompletament konxju tar-riskji (ara l-punti 2.1.1 sa 2.1.3) li jistgħu jreġġgħu lura dan l-iżvilupp u jipprevedi l-isfidi strateġiċi li għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi futuri.

3.2.

Madankollu, it-tnaqqis attwali fit-tkabbir (ikkonfermat pereżempju mil-livelli baxxi tal-indikatur tas-sitwazzjoni ekonomika rreġistrati f’Settembru), li qatt ma kien partikolarment b’saħħtu fiż-żona tal-euro, u ż-żieda fil-fatturi tar-riskju ta’ kriżi, issa għandhom jimbuttaw lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi biex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-politika ekonomika Ewropea: jitfasslu miżuri preventivi effiċjenti sabiex ma jerġax ikun hemm tnaqqis ġenerali u l-ekonomija taż-żona tal-euro u dik tal-UE tiġi orjentata lejn tkabbir sostenibbli. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-politika fiskali u l-politika monetarja jkunu allinjati. Skont il-Bank Ċentrali Ewropew, m’huwiex possibbli li il-politika monetarja – attwalment flessibbli – tissaħħaħ matul il-perjodu li ġej peress li dan iħalli impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku. Madankollu hemm lok għal manuvrar għal politika fiskali favur it-tkabbir. L-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kont kurrenti tagħhom għandhom jiżviluppaw sforz fiskali usa’ li, bil-kundizzjoni li jkun hemm investimenti sostenibbli, jista’ jwassal għal vantaġġi addizzjonali għall-ekonomiji u s-soċjetà tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, il-politika monetarja u l-politika fiskali jippromwovu t-tkabbir u, b’mod partikolari, l-investiment, u r-riformi strutturali li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika għandhom ikunu t-tlett assi tal-politika ekonomika biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali.

3.3.

Għalhekk, il-KESE jaqbel mat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomija tal-Unjoni u taż-żona tal-euro fil-konfront ta’ fatturi negattivi fuq livell globali li jipperikolaw il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ u ta’ investiment bla xkiel fid-dinja, iżidu l-inċertezza u jaggravaw il-kundizzjonijiet li huma prevalenti fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li l-prijoritajiet fuq terminu medju tal-ekonomija Ewropea jiffokaw aktar fuq li tintlaħaq id-domanda interna. Fl-istess ħin, il-bilanċ estern favorevoli ħafna tal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi għandu jitqassam aħjar fost aktar Stati Membri. Ħafna minnhom se jkollhom iwettqu riformi strutturali fundamentali, peress li l-prestazzjoni attwali tagħhom fuq firxa ta’ indikaturi tal-kompetittività tippreżenta riskju għoli minn dan il-lat.

3.4.

Il-KESE jinsab konvint li l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u l-potenzjal tagħha ta’ tkabbir futur hija urġenti u li issa huwa l-aħjar żmien biex isir dan. Tnaqqis fil-prestazzjoni ekonomika f’ġejjieni relattivament qrib jista’ jżid l-akutezza tal-problemi strutturali u tan-nuqqasijiet eżistenti, inkluż dak tal-konsegwenzi soċjali li jinvolvu. Mil-lat ta’ attitudni fiskali responsabbli, huwa essenzjali li jinstab il-bilanċ fraġli u dgħajjef ħafna bejn, minn naħa, l-isforzi magħmula minn pajjiżi li għandhom ħafna dejn sabiex inaqqsu r-rata ta’ dejn tagħhom u jibnu buffers fiskali, u min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-pajjiżi b’surplus jew fiskalment newtrali biex jagħmlu użu mill-marġni fiskali tagħhom għall-finijiet ta’ investiment, b’mod partikolari fis-settur pubbliku.

3.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Madankollu, jitlob li dan jiġi ddefinit b’mod konkret fil-futur qrib u li tiġi stabbilita konnessjoni funzjonali bejn dan l-istrument u dak li ġie propost ukoll reċentement fil-qafas tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi. Huwa partikolarment essenzjali li l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi jkun jista’ jiżgura appoġġ sinifikanti għar-riformi u għall-investimenti fil-pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet speċifiċi tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività taż-żona tal-euro. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi indikaturi trasparenti li l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività se juża biex jevalwa l-prestazzjoni u r-riżultati tiegħu. F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għal impenn aktar b’saħħtu mill-Parlament Ewropew, mill-imsieħba soċjali u mis-soċjetà ċivili, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Opinjoni tiegħu “Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (11).

3.6.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għandu jagħmel ukoll parti integrali mill-proċess tas-Semestru Ewropew, peress li l-appoġġ ipprovdut għandu jkun dirett qabel kollox lejn ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-qafas ta’ dan is-Semestru Ewropew.

3.7.

Il-KESE jappoġġja l-għan prinċipali tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, li huwa li jintlaħaq livell għoli ta’ konverġenza u li titjieb il-kompetittività billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni tar-riformi u tal-pjani ta’ investiment fiż-żona tal-euro. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprevedi proġett ta’ tqassim tar-riżorsi finanzjarji bejn il-pajjiżi fuq il-bażi ta’ metodoloġija trasparenti.

3.8.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta’ din is-sena huma adattati ħafna għall-ħtiġijiet tal-istrateġiji ta’ investiment fil-mira. Barra minn hekk, mis-sena d-dieħla, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u s-Semestru Ewropew b’mod ġenerali għandu jkollhom rwol ta’ linji gwida ekonomiċi strateġiċi tal-Unjoni, minħabba li l-istrateġija Ewropa 2020 se tiskadi u fil-futur mhi prevista l-ebda strateġija oħra. F’dan il-kuntest, is-Semestru Ewropew għandu jirrispetta wkoll l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030.

3.9.

Il-KESE jieħu nota u jilqa’ l-konklużjonijiet tas-Summit ta’ Reviżjoni tal-21 ta’ Ġunju tal-Grupp tal-Euro (12), li mhux biss iddefinixxa b’mod oġġettiv l-iżvilupp taż-żona tal-euro sa mir-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015, iżda qabel kollox stabbilixxa għanijiet ġodda, b’mod partikolari dwar it-tisħiħ sinifikanti tal-piż taż-żona tal-euro fil-qafas finanzjarju pluriennali futur tal-Unjoni.

3.10.

Il-KESE jinsab konvint li fil-ħarifa tal-2019, iż-żona tal-euro hija kompletament differenti minn kif kienet eżattament 10 snin ilu, meta mingħajr ma kienet preparata kellha taffaċċja kriżi serja bla preċedent, li ma setgħetx tindirizza b’suċċess bl-għodda li kellha għad-dispożizzjoni tagħha f’dak iż-żmien. Iżda matul dawn l-aħħar erba’ jew ħames snin, iż-żona tal-euro wriet kemm kienet siewja. Hija tgħallmet minn din il-kriżi u biħsiebha tkompli tagħmel dan. Dan għandu jinkludi mhux biss il-kapaċità li jkun hemm pjan għas-snin li ġejjin, iżda wkoll li r-riżorsi meħtieġa biex l-ekonomija Ewropea ssir aktar reżiljenti jiġu allokati b’mod realistiku (li mhux dejjem ikun il-każ).

3.11.

Il-KESE huwa tal-fehma li, minn naħa, dan il-perjodu se jtemm l-era tal-istabbiliment ta’ elementi strutturali tal-mekkaniżmi taż-żona tal-euro, li kienu nieqsa ħafna fiż-żmien tal-kriżi, u li fl-istess ħin, l-Unjoni qiegħda tagħmel progress ambizzjuż fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ b’mod sinifikanti l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro (li attwalment, kemm dawk li jsostnu kif ukoll dawk li jopponu l-integrazzjoni monetarja Ewropea jaqblu li din għadha insuffiċjenti ħafna). Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi propost jista’, flimkien mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti, isir proġett pilota, li fuq il-bażi tiegħu ż-żona tal-euro ssawwar b’mod sinifikanti u deċiżiv il-baġit Ewropew futur. Jekk dan isir fil-prattika, uħud mill-kapitoli tiegħu (anke jekk bħalissa huma żgħar ħafna) għandhom ikunu aċċessibbli biss għall-membri taż-żona tal-euro.

3.12.

Il-KESE jqis li fil-kuntest tal-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, is-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri fit-territorju tal-Unjoni jibqgħu kompletament differenti, u huma akkumpanjati wkoll minn interpretazzjonijiet mhux kunsenswali mil-lat tal-istrumenti u l-għanijiet ta’ politika ekonomika. Filwaqt li għadd ta’ pajjiżi li qabel kellhom defiċit kontinwu fil-kontijiet kurrenti tagħhom naqqsu d-defiċits tagħhom b’mod sinifikanti, diversi Stati Membri għad għandhom surplus kbir fil-kontijiet kurrenti. Huwa importanti li dawn iż-żewġ gruppi ta’ pajjiżi jitqarrbu lejn xulxin, inkella jkun hemm riskju għoli ta’ ekonomija Ewropea b’żewġ ritmi differenti, li huwa fenomenu li jista’ jistabbilixxi ruħu fit-tul. Il-proċessi ta’ konverġenza għandhom jinkludu, għall-pajjiżi b’defiċit, it-teħid ta’ aktar miżuri biex tiġi sostnuta l-kompetittività u l-produttività tagħhom (skont l-indikaturi użati fil-qafas tas-Semestru Ewropew), u għall-pajjiżi b’surplus, aktar fokus fuq fatturi li jistimulaw id-domanda globali, pereżempju permezz ta’ investimenti aktar robusti li għandhom impatt pożittiv fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

3.13.

Il-KESE jappoġġja l-għan ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-perjodu 2019-2020 li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom, u b’hekk jikkonsolidaw il-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom. Ma għandniex ninsew id-differenzi soċjoekonomiċi xi drabi kbar li jeżistu f’ċerti pajjiżi. L-iżvilupp ekonomiku tagħhom mhuwiex konsistenti, u dan jirrappreżenta ostakolu kbir għat-tkabbir ekonomiku futur tagħhom. Huwa kruċjali wkoll li jiġu attivati l-istrumenti mmirati biex inaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jsaħħu l-koeżjoni soċjali.

3.14.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-investimenti u r-riformi għandhom jimxu id f’id, li huwa partikolarment importanti fil-mument tal-approvazzjoni finali tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tar-responsabbiltà u s-sussidjarjetà. Għalkemm il-baġit tal-UE mhux l-aħjar soluzzjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment kollha identifikati, mira xierqa tar-riżorsi tiegħu tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tinstab soluzzjoni għad-defiċits ta’ investiment identifikati, li ġew indirizzati fid-dettall fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta’ din is-sena. Għal darb’oħra, huwa possibbli li tiġi stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn il-baġit futur tal-UE u s-Semestru Ewropew, li jgħaqqad aħjar il-fondi limitati mal-ħtiġijiet reali, filwaqt li jiġi rrispettat il-kriterju ta’ prestazzjoni u ta’ riżultati kwantifikati.

3.15.

Minħabba l-ammont limitat ta’ fondi pubbliċi, il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali tal-investimenti fis-settur privat, li t-tkabbir fit-tul tagħhom huwa direttament proporzjonali għal politika ekonomika kredibbli u għat-tnaqqis tal-iżbilanċi baġitarji.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Minħabba l-inċertezza fuq livell globali fl-oqsma tal-ekonomija, tal-kummerċ u tal-investiment, huwa meħtieġ dejjem aktar li l-Unjoni ssir awtonoma billi ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern u uniku. Il-KESE jinsab konvint li l-funzjonament tajjeb u l-omoġeneità ta’ dan is-suq jistgħu jikkontribwixxu biex jitneħħew ċerti żbilanċi identifikati. Fis-swieq tas-servizzi hemm livell ta’ integrazzjoni relattivament iżgħar; fil-każ ta’ attivitajiet teknoloġiċi ġodda, hemm riskju li, mingħajr leġislazzjoni xierqa, dawn jinfirxu biss f’ċerti pajjiżi, jiġifieri li fi ħdan l-UE, is-soluzzjonijiet adottati fl-Istati Membri differenti jsiru inkompatibbli ma’ xulxin. Bl-istess mod, bis-saħħa tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-moviment liberu tal-kapital għandu jkun aktar effikaċi u aktar flessibbli. Fl-istess ħin, il-KESE jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-elementi li fadal tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-unjoni finanzjarja prevista hija pjattaforma importanti biex jiġu promossi forom u possibbiltajiet alternattivi ta’ finanzjament. Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ integrazzjoni tas-suq intern u uniku, l-akbar flessibbiltà tibqa’ fis-suq tax-xogħol u fil-qasam tat-taxxi u tar-regoli tat-taxxa (s’issa, l-Istati għandhom awtonomija esklussiva fil-każ ta’ tassazzjoni diretta).

4.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li din is-sena, is-Semestru Ewropew jagħmel enfasi qawwija fuq l-attivitajiet ta’ investiment, li għen lill-Istati Membri biex jiddefinixxu aħjar il-prijoritajiet ta’ investiment tagħhom fejn ir-rata ta’ redditu makroekonomiku hija l-ogħla; fl-istess ħin ġew identifikati ostakoli regolatorji u strutturali fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni kollha kemm hi, li jikkostitwixxu fattur ewlieni ta’ utilizzazzjoni baxxa tal-potenzjal ta’ tkabbir fit-tul tal-ekonomija Ewropea.

4.3.

Fil-fehma tal-KESE, ambjent ta’ fiduċja fost l-intrapriżi, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza tad-dritt, b’rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u tal-ġustizzja soċjali, huwa essenzjali għal strateġija ta’ investiment b’saħħitha u razzjonali.

4.4.

Il-KESE għadu jqis li piż amministrattiv eċċessiv huwa ostakolu kbir. Is-soluzzjoni tista’ tinstab fl-adozzjoni ta’ sistemi ta’ diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi; id-diġitalizzazzjoni titqies ġustament bħala fattur ewlieni ta’ produttività, ta’ kompetittività u ta’ tkabbir. Il-proċess ta’ implimentazzjoni tiegħu għandu jirrispetta l-kunsens soċjali u r-riżultati tad-djalogu soċjali li jseħħ għal dan il-għan.

4.5.

Il-KESE jqis ukoll li, attwalment, in-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati u d-differenza bejn il-provvista u d-domanda ta’ kompetenzi joħolqu ostakolu għaż-żieda fil-volum ta’ investimenti.

4.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-attivitajiet ta’ investiment isiru dejjem aktar relatati mal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni intensivi; din mhijiex biss kwistjoni tal-ammont ta’ fondi investiti, iżda wkoll titjib sostanzjali fil-parametri ta’ kwalità tal-investimenti mwettqa. Fl-istess ħin, l-ammont ta’ ħtiġijiet tal-investiment ivarja fit-territorji fl-UE; il-ħtiġijiet tal-investiment kapitali huma konsiderevoli mhux biss fir-reġjuni inqas żviluppati, iżda wkoll f’dawk li qed iġarrbu tibdil teknoloġiku kbir, kif ukoll f’dawk li jinsabu fuq quddiem nett f’settur partikolari fuq livell globali u għandhom l-għan li jżommu din il-pożizzjoni.

Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24), u dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2019) (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49).

(2)  (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49.

(4)  Sors: Eurostat.

(5)  Term sheet on the Budgetary Instrument for Convergence and Competitiveness (Dokument dwar il-Kondizzjonijiet tal-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività), Grupp tal-Euro, 14 ta’ Ġunju 2019 (attwalment disponibbli biss bl-Ingliż).

(6)  L-Opinjoni tal-KESE dwar il-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020 fiha konklużjonijiet rilevanti dwar l-użu effikaċi tar-riżorsi baġitarji (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

(7)  COM(2019) 354 final.

(8)  COM(2019) 279 final.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro” (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 27).

(10)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 32.

(11)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 32.

(12)  COM(2019) 279 final.