20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu”

(COM(2019) 163 final)

(2019/C 282/07)

Relaturi:

Jukka AHTELA

Karolina DRESZER-SMALEC

José Antonio MORENO DÍAZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 10.5.2019

Bażi legali

Artikolu 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

5.6.2019

Adottata fil-plenarja

19.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

190/11/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tuża strumenti oħra sabiex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Huwa importanti li jissaħħaħ l-aspett tal-istat tad-dritt kemm jista’ jkun f’dawn l-istrumenti, peress li ħafna minnhom għandhom skopijiet differenti, u kemm jista’ jkun tkun involuta s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti.

1.2

Huwa jemmen li s-soċjetà ċivili, il-midja u l-kwistjonijiet politiċi kellhom jiġu trattati aktar fil-fond fil-Komunikazzjoni sabiex jiġi mifhum il-kuntest, u biex jiġu involuti dawk direttament affettwati b’mod aktar prominenti.

1.3

Il-KESE jemmen li l-perjodu ta’ riflessjoni kellu jkun itwal biex jippermetti konsultazzjoni aktar profonda u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri nazzjonali u li fuq medda itwal ta’ żmien, il-Kummissjoni għandha tipproponi mekkaniżmu aktar sistematiku għall-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u r-rispett tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

1.4

Il-modi kif jiġu protetti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jwettqu funzjonijiet ta’ sorveljanza, il-ġurnalisti investigattivi u l-midja indipendenti huma meħtieġa u l-proposti għall-protezzjoni tagħhom u r-rwol attiv ta’ twissija bikrija għandhom jidhru b’mod prominenti fil-proposti li l-Kummissjoni se tippreżenta fi tmiem il-perjodu ta’ riflessjoni.

1.5

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-aċċess imsaħħaħ għall-fondi marbuta mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, huwa jqis li l-ammont imwarrab fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ammont allokat għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma insuffiċjenti (1). Barra minn hekk, l-UE għandha tikkunsidra modi kif tista’ tippermetti aktar finanzjament ċentrali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza, sensibilizzazzjoni, promozzjoni u litigazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha.

1.6

Il-KESE għadu jappoġġja l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tar-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew li jkun legalment vinkolanti, qafas li jinvolvi b’mod attiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill u li fih il-KESE jaqdi rwol importanti ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Dan il-mekkaniżmu għandu jħaddan komponent preventiv li jippermetti lill-esperti u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jagħtu bidu għal twissija bikrija dwar żviluppi speċifiċi u jiddibattu proposti għal soluzzjonijiet li jinkludu l-partijiet interessati rilevanti kollha. Mekkaniżmu bħal dan jgħin ukoll fil-qsim tal-piżijiet bejn l-istituzzjonijiet u jżid is-sjieda konġunta tal-azzjonijiet tal-UE.

1.7

Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li jiġu rikonoxxuti u msaħħa l-pjattaformi eżistenti tas-soċjetà ċivili u li jiġi stabbilit Forum annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt fil-livell tal-UE bl-involviment tal-KESE, l-ewwel nett biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jkunu jistgħu jirċievu twissija bikrija dwar l-isfidi emerġenti għall-Artikolu 2 tal-valuri tat-TUE direttament mill-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet lokali u, it-tieni nett, biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku u l-kollaborazzjoni nazzjonali u transnazzjonali bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha (in-negozji, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u l-awtoritajiet pubbliċi).

1.8

Il-KESE jemmen li l-multiplikazzjoni tal-vuċijiet mill-pjattaformi eżistenti u mill-organizzazzjonijiet lokali hija meħtieġa fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-KESE huwa korp uniku li jagħti l-possibbiltà ta’ djalogu reali bejn l-atturi kollha tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali mill-Istati Membri kollha. Dan jagħti valur miżjud li jgħin lid-diversità u l-vivaċità tas-soċjetà ċivili. Forum bħal dan jista’ jippermetti li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu twissija bikrija.

1.9

It-theddidiet kontra l-istat tad-dritt jirriskjaw li jimminaw il-fiduċja reċiproka li fuqha hija mibnija l-UE, kif muri mill-ġurisprudenza riċenti. Il-qrati nazzjonali indipendenti huma l-murata li tiżgura li l-UE, inkluż is-suq intern tagħha, tiffunzjona bla xkiel.

1.10

Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-aspetti ekonomiċi tal-istat tad-dritt. Il-fiduċja reċiproka hija valur li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat f’termini purament ekonomiċi iżda huwa ċar li n-nuqqas ta’ fiduċja b’rabta mal-influwenza politika fil-ġudikatura jew mal-korruzzjoni għandu konsegwenzi ekonomiċi negattivi. Dan huwa suġġett li jistħoqqlu aktar enfasi u fejn aktar data u riċerka huma meħtieġa fil-livell tal-UE.

1.11

L-edukazzjoni, kemm formali kif ukoll mhux formali, għandha rwol ewlieni x’taqdi fil-bini tal-kultura demokratika u tal-istat tad-dritt. Id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom ikunu f’qalb u f’moħħ kull ċittadin Ewropew; il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

2.   Introduzzjoni u ħarsa ġenerali lejn il-Komunikazzjoni

2.1

Is-sitwazzjoni rigward ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt hija inkwetanti ħafna madwar l-UE, speċjalment billi kellha tagħti bidu għall-Artikolu 7 tat-TUE f’xi każijiet. Għalhekk, il-Komunikazzjoni preżenti tal-Kummissjoni qed tniedi riflessjoni dwar kif tista’ tittejjeb il-qagħda tal-istat tad-dritt fl-UE.

2.2

Il-Komunikazzjoni tfakkar fl-importanza tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi tas-sistema demokratika u prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-istat tad-dritt jinkludi, fost l-oħrajn, prinċipji bħalma huma l-legalità, li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku ta’ kif isiru l-liġijiet; ċertezza legali; il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva; il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti u imparzjali, rieżami ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tas-setgħat; u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi.

2.3

Il-Kummissjoni tistabbilixxi tliet pilastri għal infurzar effettiv tal-istat tad-dritt fl-Unjoni: Promozzjoni: It-tiswir tal-għarfien u kultura komuni dwar l-Istat tad-Dritt; Prevenzjoni: Il-kooperazzjoni u l-appoġġ għat-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt fil-livell nazzjonali; u Rispons: L-infurzar fil-livell tal-Unjoni meta l-mekkaniżmi nazzjonali ma jiffunzjonawx. B’mod aktar preċiż, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-istandards tal-istat tad-dritt, li jiġu rikonoxxuti s-sinjali ta’ twissija, li jiġi approfondit l-għarfien speċifiku ta’ Stat Membru, li tittejjeb il-kapaċità komuni ta’ reazzjoni f’każ ta’ eskalazzjoni, u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fit-tul permezz ta’ riformi strutturali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ l-konsultazzjoni peress li jirrikonoxxi l-importanza tal-isfidi riċenti tal-istat tad-dritt fl-UE. L-għadd ta’ dawn l-isfidi żdied f’dawn l-aħħar snin, u dan il-fatt jindika r-riskju tal-possibilità ta’ kriżi vera u proprja tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija, speċjalment f’xi Stati Membri. Din il-kriżi għandha tiġi rikonoxxuta b’mod sħiħ u jiġi stabbilit rispons adatt. Dan jinkludi dikjarazzjoni mill-ġdid b’saħħitha tal-valuri u tal-istrumenti sodi tal-UE biex jiġi evitat u kkoreġut kwalunkwe deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt.

3.2

Il-KESE kien diġà esprima t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u r-rispett għall-istat tad-dritt, u ilu jappella għal azzjoni aktar b’saħħitha sa mill-2016 (2).

3.3

Huwa importanti li jitfakkar li l-Unjoni Ewropea mhijiex biss suq komuni; hija unjoni msejsa fuq valuri komuni, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-Trattat. Barra minn hekk, tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn il-valuri, li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, jiffurmaw il-bażi tal-integrazzjoni u huma parti mill-identità Ewropea. Minbarra li huma kriterji għall-adeżjoni, jeħtieġ li mbagħad jiġu rispettati fil-prattika mill-Istati Membri minn dak il-ħin ’il quddiem.

3.4

L-istat tad-dritt qiegħed f’relazzjoni triangolari, inseparabbli u interdipendenti mad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Huwa biss billi jiġu ggarantiti dawn it-tliet valuri b’mod konġunt ma’ xulxin li huwa possibbli li jiġi pprevenut l-abbuż tal-poter tal-Istat. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija pilastru li għandu jiġi żviluppat aktar, permezz tar-ratifika tal-istrumenti rilevanti kollha (inklużi l-konvenzjonijiet tan-NU u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem), kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u t-tisħiħ tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet lokali u dawk ta’ sorveljanza fl-Ewropa.

3.5

Il-KESE jiddispjaċih li t-trattati tal-UE ma jistipulawx b’mod preċiż li l-Istati Membri kollha għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ Copenhagen (3). Il-kriterji għandhom ikunu rispettati b’mod ugwali u kontinwu kemm mill-membri ġodda tal-UE kif ukoll dawk li ilhom imsieħba fl-UE. Il-KESE jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE m’għandhomx għad-disponibbiltà tagħhom għodod robusti u adattati biżżejjed li kapaċi joffru protezzjoni kontra t-theddid attwali għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija pluralista fl-Istati Membri.

3.6

L-isfidi attwali mhumiex indirizzati f’ħin f’waqtu u b’reazzjonijiet effiċjenti fil-livell nazzjonali u tal-UE: l-istrumenti eżistenti kellhom impatt limitat fuq l-ixpruni ta’ dawn l-isfidi.

3.7

L-aktar sfidi serji huma preżenti f’ċerti Stati Membri, fejn atturi politiċi b’saħħithom marru kontra l-indipendenza tal-ġudikatura, u kontra istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li jiffurmaw u jappoġġjaw is-sistema demokratika pluralista. Il-Komunikazzjoni tonqos milli tirrikonoxxi biżżejjed dan l-aspett essenzjali, minflok tippreferi perspettiva li fiha l-istituzzjonijiet — il-Parlamenti, il-gvernijiet u l-ministeri, il-qrati kostituzzjonali, il-korpi professjonali — huma separati mill-kompetizzjoni politika u elettorali. Dan l-approċċ hekk imsejjaħ “hands off”għall-politika tal-partiti u l-elezzjonijiet ixekkel kwalunkwe spjegazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn atturi b’saħħithom jaħdmu kontra l-istat tad-dritt u d-demokrazija u għaliex dawn jidhru fl-istess ħin popolari u ma jwaqqafhom xejn. L-aspetti politiċi, kulturali u soċjoloġiċi tal-isfidi għall-istat tad-dritt li jaffettwaw id-demokraziji huma qasam essenzjali li ġie injorat fl-analiżi u r-rispons tal-UE s’issa. Dan jispjega parzjalment il-limitazzjonijiet tal-approċċ u l-għodod attwali — inkluża l-proċedura tal-Artikolu 7(1). Permezz tar-rabta tiegħu mas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, inklużi l-imsieħba soċjali, il-KESE jinsab f’pożizzjoni ideali biex joffri spazju għal analiżi, dibattitu u rispons aħjar għal dawn l-aspetti politiċi, soċjoloġiċi u kulturali tal-isfidi għad-demokrazija u l-istat tad-dritt.

3.8

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni mxiet lejn il-bini ta’ mekkaniżmi kumplimentari u kumulattivi biex jimtela l-vojt bejn l-ebda azzjoni u l-azzjoni tal-aħħar istanza. Madankollu, dawn ma jidhrux li huma biżżejjed għall-isfidi attwali — azzjonijiet miftiehma għall-ħtif tas-setgħa fl-istituzzjonijiet kollha, inkluż il-ġudikatura, li, jekk ma jkollhomx kostitwenti elettorali, xorta jkollhom appoġġ qawwi fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-partit u l-klijentela tal-partit. Lanqas id-demokraziji konsolidati mhuma ħielsa mill-awtoritarjaniżmu u l-erożjoni tal-istat tad-dritt. It-tħassib dwar is-sigurtà qed jintuża dejjem aktar biex jiġġustifika li jinxteħet dubju fuq is-salvagwardji demokratiċi jew li jiġu sospiżi. Ċerti gvernijiet jagħmlu l-ħidma ta’ diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qegħdin fuq quddiem nett aktar diffiċli minflok ma jipproponu spazju abiltanti għall-attivitajiet tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li l-UE tieħu approċċ aktar proattiv u preventiv.

3.9

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-iżviluppi riċenti populisti u awtokratiċi jeħtieġu azzjoni mill-korpi kollha tal-UE u s-soċjetà ċivili tal-UE kollha kemm hi sabiex jiġi żgurat li l-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE jiġu ppreservati. Il-KESE jżomm sod kontra kull forma ta’ demokrazija illiberali.

3.10

Għalhekk, il-KESE jemmen ukoll li l-perjodu ta’ riflessjoni kellu jkun itwal, biex jippermetti konsultazzjoni aktar profonda u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri nazzjonali.

3.11

Il-KESE ġie infurmat minn ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li perjodi qosra ta’ konsultazzjoni spiss huma problema marbuta man-nuqqas ta’ trasparenza u konsultazzjoni sinifikanti, li jimmina l-kwalità tal-leġislazzjoni u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni kellha tippermetti konsultazzjoni aktar fil-fond tas-soċjetà ċivili, li hija direttament milquta.

3.12

L-organizzazzjonijiet tad-drittijiet ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi u l-ġurnalisti jinsabu fuq quddiem nett meta jiddeterjora l-istat tad-dritt u f’sitwazzjoni diffiċli ħafna meta jkun hemm ksur tal-liġi fi Stat Membru partikolari. Huwa huma li jissorveljaw is-sitwazzjoni u jirrapportaw ksur u huwa fil-livell lokali li jistgħu jibagħtu sinjali ta’ twissija bikrija. Għalhekk, il-KESE jemmen li r-rwol tagħhom huwa ta’ importanza primordjali, bħalma huwa dak tal-midja u l-ġurnaliżmu investigattiv. Għalhekk, huma meħtieġa modi kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja jiġu protetti sabiex isir kwalunkwe progress. Il-proposti għar-rwol tagħhom għandhom jidhru b’mod prominenti fil-proposti li l-Kummissjoni se tippreżenta wara l-perjodu ta’ riflessjoni.

3.13

B’mod partikolari, il-QFP futur għandu jżid l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari dawk li jaħdmu biex jiddefendu l-valuri tal-Artikolu 2. Għandhom jiġu pprovduti fondi ta’ attivitajiet bażiċi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha — lokali, nazzjonali, Ewropej — biex jappoġġaw il-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni, il-monitoraġġ u d-dokumentazzjoni, il-promozzjoni u l-litigazzjoni. Sabiex jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, il-QFP futur għandu jiżgura li l-fondi rilevanti kollha tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politiki soċjali, ekonomiċi u ta’ koeżjoni, jintegraw rwol b’saħħtu għas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawn il-politiki. L-UE għandha żżid ukoll l-appoġġ finanzjarju għall-indipendenza u l-pluralità tal-midja fl-Ewropa u tintegra dan it-tħassib fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inklużi l-politiki dwar il-kompetizzjoni. Biex tiġi żgurata l-prijoritizzazzjoni politika ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-Viċi President futur tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għad-drittijiet fundamentali għandu jkun inkarigat ukoll mis-superviżjoni tal-ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti. Il-KESE jfakkar ukoll is-sejħa għat-twaqqif ta’ Koordinatur tal-UE dwar il-libertajiet tal-ispazju ċiviku fejn dawn l-atturi jkunu jistgħu jirrapportaw inċidenti relatati ma’ fastidju jew restrizzjoni ta’ xogħolhom (4).

3.14

Skont il-mandat li l-KESE ngħata fit-TFUE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, għandu jkun assoċjat mill-qrib mal-iżvilupp futur tal-inizjattivi istituzzjonali f’dan il-qasam.

3.15

Għandu rwol speċjali x’jaqdi u d-dmir li jaġixxi, meta l-attivitajiet tal-membri tiegħu stess u tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali jkunu f’riskju fl-UE. Il-KESE jista’ u għandu jkollu rwol kruċjali fl-iffaċilitar ta’ skambji fost il-partijiet interessati rilevanti kollha dwar il-qagħda attwali tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kif jidher minn perspettiva tas-soċjetà ċivili u jservi bħala trasmettitur (netwerk ta’ twissija bikrija) qabel ma jidhru l-ewwel sintomi ta’ problemi rigward l-FRRL (Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt).

3.16

Fl-2016, il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja fejn appella għal azzjoni msaħħa mill-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, b’segwitu għall-ħolqien ta’ grupp speċifiku biex jeżamina kif is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tikkontribwixxi bl-aħjar mod f’April 2018.

3.17

It-theddidiet kontra l-istat tad-dritt jheddu l-fiduċja reċiproka li fuqha hija mibnija l-UE. Bħala eżempju riċenti, dan intwera b’mod ċar meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li mħallef nazzjonali mhux neċessarjament ikollu jirrispetta Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) maħruġ minn Stat Membru tal-UE, jekk ikun hemm nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati mal-istat tad-dritt f’dan l-Istat Membru, u aktarx li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti u d-dritt fundamentali tar-rikorrent għal proċess ġust (5).

3.18

Il-qrati nazzjonali indipendenti huma l-murata li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiddependu mid-drittijiet tagħhom tal-UE, li n-negozju Ewropew jista’ jagħmel kummerċ transkonfinali mingħajr it-tħassib li l-kuntratti legali ma jiġux infurzati b’mod imparzjali u indipendenti, u li l-ħaddiema li jaħdmu f’pajjiż ġar jista’ jkollhom id-drittijiet tagħhom infurzati, u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu joperaw liberament bejn il-fruntieri, mingħajr ma l-finanzjament ta’ solidarjetà barranija jiġi ntaxxat b’mod diskriminatorju. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-kunsilli tal-investituri barranin kollha esprimew tħassib lill-KESE dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt, u l-impatt ekonomiku serju tiegħu.

3.19

L-edukazzjoni, kemm formali kif ukoll mhux formali, għandha rwol ewlieni x’taqdi fil-bini tal-kultura demokratika u tal-istat tad-dritt. Id-diversità tal-kulturi politiċi fl-Ewropa tagħmel il-kompitu aktar diffiċli. Madankollu, hemm eżempji storiċi ta’ suċċess fejn il-valuri demokratiċi jiġu mgħallma, mifruxa u kkonsolidati. Fuq medda twila ta’ żmien, l-aħjar protezzjoni kontra d-demokrazija u kontra l-istat tad-dritt hija ċittadinanza attiva, edukata u involuta. Id-demokrazija liberali kif definita f’Opinjoni preċedenti tal-KESE (6) u l-istat tad-dritt għandhom ikunu f’qalb u f’moħħ kull ċittadin Ewropew u l-UE għandha tmexxi t-triq ’il quddiem lejn dan l-għan, pereżempju billi tinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta’ dawn is-suġġetti fil-kurrikuli tal-iskejjel u tal-edukazzjoni għolja, u billi tippromovi skambji akkademiċi u professjonali bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi f’dawn l-oqsma. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komuikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

4.   Kummenti dwar l-għodod eżistenti

4.1

Il-KESE jinnota n-nuqqasijiet tal-għodod attwali disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jipproteġu l-valuri tal-Artikolu 2. Il-proċeduri ta’ ksur għandhom it-tendenza li jkunu wisq ristretti fl-attenzjoni tagħhom biex jimpedixxu jew jikkoreġu attakki organizzati fuq l-istat tad-dritt. It-tieni, irriżulta li huwa estremament diffiċli li jkun hemm biżżejjed rieda politika biex il-proċedura tiġi attivata fl-Artikolu 7 tat-TUE.

4.2

Fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-2014 tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (7), għalkemm huwa aktar faċli li jiġi attivat mill-Artikolu 7, l-effettività tiegħu hija dubjuża meta wieħed jiltaqa’ ma’ gvernijiet li ma jridux jikkooperaw. Barra minn hekk, il-limiti meħtieġa biex jiġi attivat huma għoljin wisq u tard wisq. Il-KESE jirrakkomanda li jittejjeb il-qafas tal-istat tad-dritt, anke billi jiġu definiti punti ta’ riferiment, indikaturi u skadenzi aktar ċari sabiex jiġu vvalutati aħjar ir-rispons tal-awtoritajiet ikkonċernati u l-miżuri ta’ akkumpanjament tal-UE.

4.3   Proċedimenti ta’ ksur u deċiżjonijiet preliminari

4.3.1

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni fetħet diversi proċedimenti ta’ ksur relatati mal-valur li jikkonċernaw l-istat tad-dritt (8). Dawn il-proċedimenti għandhom jintużaw kull meta jkun possibbli, iżda ma jistgħux ikunu awtonomi, peress li mhux il-ksur kollu jappartjeni għal-liġi tal-UE. Madankollu, xi akkademiċi qed jargumentaw li l-proċedimenti ta’ ksur jistgħu jinġiebu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE direttament għall-ksur tal-Artikolu 2 tat-TUE (9), li jista’ jkun approċċ li wieħed jeżamina.

4.3.2

Id-deċiżjoni preliminari tista’ tkun għodda utli wkoll. Madankollu, jeżistu diversi ostakli biex il-qrati nazzjonali jirreferu mistoqsijiet preliminari lill-QĠUE, u ħafna drabi din tkun proċedura twila.

4.4   Semestru Ewropew

4.4.1

L-għan ewlieni tas-Semestru Ewropew huwa li jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi madwar l-UE, iżda jkopri wkoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sistemi ġudizzjarji effettivi, u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li tista’ twassal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż (10). Madankollu, segwitu effettiv mhuwiex neċessarjament żgurat.

4.4.2

Is-Semestru Ewropew ġie kkritikat għax ma kienx jinkludi biżżejjed lill-imsieħba soċjali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali (11) u 20 % biss tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż qed jiġu implimentati attwalment b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri (12).

4.4.3

Is-Semestru Ewropew huwa prinċipalment għodda ta’ politika ekonomika u soċjali, li jiggwida u jappoġġja r-riformi fl-Istati Membri. Madankollu, ir-rwol tiegħu fil-monitoraġġ u l-promozzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt jista’ jissaħħaħ billi jiġu inkorporati l-indikaturi tal-istat tad-dritt b’mod aktar viżibbli, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħaċ-ċertezza legali u l-aċċess għar-rimedji għan-negozji u l-impjegati. L-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jittejjeb ukoll u għandu jiġi żgurat segwitu aħjar bil-għan li titjieb il-konformità.

4.5   It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE

4.5.1

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tagħti informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja fl-Istati Membri kollha u tista’ tirriżulta f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-UE tistrieħ fuq stħarriġiet ta’ ċittadini u kumpaniji biex tiġi evalwata l-indipendenza tas-sistema tal-Ġustizzja (13). Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu inklużi f’dan l-istħarriġ.

4.6   Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika

4.6.1

Il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika (MKV) (14) inħoloq bħala miżura tranżitorja biex jassisti lir-Rumanija u l-Bulgarija, wara l-adeżjoni tagħhom, biex jindirizzaw diversi nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja, il-korruzzjoni u (għall-Bulgarija) il-kriminalità organizzata. Stabbilixxa sett ta’ kriterji li l-Kummissjoni tivvaluta u tressaq rapport kull sena dwar il-progress miksub b’rabta magħhom.

4.6.2

Dan il-mekkaniżmu wera li huwa għodda effiċjenti. Madankollu, l-aħħar rapport dwar ir-Rumanija indika pass lura fil-progress, meta kien mistenni li jiġi ffinalizzat dalwaqt. Dan iqajjem tħassib dwar jekk id-domanda għall-progress hijiex stretta biżżejjed u jekk il-bidla għandhiex tkun aktar soda qabel ma jingħalaq il-MKV.

4.6.3

Ir-rilevanza tal-MKV biex jindirizza l-isfidi tal-istat tad-dritt fi Stati Membri oħrajn teħtieġ evalwazzjoni aktar bir-reqqa. Minkejja l-varjazzjoni fl-impenn min-naħa tad-diversi partijiet fil-gvern fiż-żewġ pajjiżi, l-eżistenza tal-istrument tippermetti djalogu strutturat u kontinwu bejn il-KE u l-pajjiż membru.

4.7   Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni

4.7.1

Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS) jipprovdi appoġġ dirett lill-awtoritajiet nazzjonali (rieżami tal-metodi, taħriġ, analiżi, parir espert) u jkopri l-governanza u l-amministrazzjoni pubblika, inklużi t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni iżda huwa essenzjalment għodda makroekonomika. Ftit proġetti kienu sostanzjalment relatati mal-istat tad-dritt (15).

4.7.2

Il-KESE jirrakkomanda użu akbar ta’ kompiti speċjali meta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar l-istat tad-dritt jinħarġu lil Stat Membru u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-programmi ta’ riforma għandu jiġi żgurat.

4.8   Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u fondi li jappoġġjaw il-politiki tal-Ġustizzja u s-Sigurtà

4.8.1

Waħda mill-akbar lievi tal-UE biex tinforza r-rispett tal-istat tad-dritt hija l-finanzjament. Fis-17 ta’ Jannar 2019, il-Parlament Ewropew ivvota għal mekkaniżmu (l-Istrument Ewropew għall-Valuri) biex jiżdied il-finanzjament tal-Programm tal-UE dwar id-Drittijiet u l-Valuri. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri ma tissodisfax għalkollox din id-domanda.

4.8.2

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fondi marbuta mat-tisħiħ tal-aċċess għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal fondi mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid, huwa jqis l-ammont imwarrab għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ammont allokat għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma insuffiċjenti (16).

4.9   Mekkaniżmu ġdid biex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni meta nuqqasijiet ġeneralizzati rigward l-istat tad-dritt fi Stati Membri jaffettwaw jew jirriskjaw li jaffettwaw il-baġit

4.9.1

Il-KESE laqa’ l-proposta u rrakkomanda li l-KESE jiġi involut aktar mill-qrib (17). Barra minn hekk, il-KESE rrakkomanda li l-proposta tiġi emendata biex tinkludi kunċett usa’ tal-istat tad-dritt li jiġbor fih il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jiggarantixxi li jipproteġi d-demokrazija pluralista.

4.9.2

Madankollu, il-KESE jirrakkomanda kawtela estrema f’dan il-każ sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarji finali ma jiġux affettwati. Huwa importanti li wieħed jiftakar u jipprovdi mezzi speċjali ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet indipendenti li jinsabu f’sitwazzjoni estremament delikata fl-Istat Membru tagħhom.

4.10   Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) mal-UPPE

4.10.1

Il-korruzzjoni hija waħda mill-isfidi għall-istat tad-dritt. Għaldaqstant, l-UE għandha tiżgura li l-fondi tagħha ma jintużawx ħażin jew li jippermettu l-korruzzjoni.

4.10.2

Attwalment, l-investigazzjonijiet tal-OLAF jistgħu jiġu pproċessati biss minn prosekuturi tal-Istat Membru (18) u 45 fil-mija biss tal-investigazzjonijiet jirriżultaw fi prosekuzzjoni (19). Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew il-ġdid (20), u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE biex jipparteċipaw (21).

4.10.3

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi u l-ġurnalisti jaqdu rwol importanti fil-kxif tal-frodi u, għalhekk, il-KESE jtenni l-importanza ta’ djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili u żieda fl-appoġġ finanzjarju u politiku lil dawn l-atturi.

4.11   Il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u l-politika tal-viċinat

4.11.1

Fl-2011, l-UE introduċiet approċċ ġdid għall-fondi tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat (PEV) sabiex tagħmel pressjoni fuq il-pajjiżi msieħba biex jimpenjaw ruħhom għall-valuri u r-riformi politiċi tal-UE (22).

4.11.2

Il-kundizzjonalità politika hija aspett pożittiv tal-PEV, li taħdem sew ma’ dawk il-pajjiżi interessati fir-riforma.

4.11.3

L-UE trid iżżomm bis-sħiħ l-impenn tagħha għal kundizzjonalità politika fil-politika tal-viċinat u fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE. Biex tibqa’ kredibbli, trid tapplika l-istess kriterji internament. Għal kwalunkwe pajjiż li jixtieq jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, huwa essenzjali li jkun hemm impenn sod lejn “Valuri Ewropej”. Il-kandidati għall-adeżjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ Copenhagen (23). Huwa importanti li l-UE tinforza dawn l-eżiġenzi b’mod strett ħafna. It-tisħiħ tal-istat tad-dritt mhuwiex biss kwistjoni istituzzjonali, jeħtieġ it-trasformazzjoni tas-soċjetà.

5.   Suġġeriment għall-futur

5.1

Il-KESE ilu mill-2016 jappoġġja l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tar-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (24).

5.2

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew li jkun legalment vinkolanti, qafas li jinvolvi b’mod attiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill u li fih il-KESE jaqdi rwol importanti ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Dan il-mekkaniżmu se jikkomplementa l-għodod eżistenti (25) u għandu jinvolvi komponent preventiv biex jippermetti lill-partijiet interessati (in-negozji, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-awtoritajiet pubbliċi) u lill-esperti biex jidentifikaw in-nuqqasijiet kif dawn jitfaċċaw fil-livell nazzjonali u jiddibattu kif jistgħu jissolvew fi stadju bikri. Mekkaniżmu bħal dan jgħin ukoll fil-qsim tal-piżijiet bejn l-istituzzjonijiet u jżid is-sjieda konġunta tal-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam.

5.3

Ir-rwol tal-KESE f’dan il-qasam għandu jitqies fl-isfond tal-kompożizzjoni unika u l-komunikazzjoni bejn l-UE u l-livell nazzjonali. Bħala rappreżentant ċentrali tas-soċjetà ċivili, huwa jkopri organizzazzjonijiet li huma impenjati bis-sħiħ lejn l-istat tad-dritt u kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali iżda wkoll lejn l-imsieħba soċjali u atturi ekonomiċi u soċjali ewlenin oħrajn bl-affiljazzjonijiet nazzjonali u tal-UE tagħhom. Għalhekk, il-KESE jista’ jagħti valur miżjud ċar bħala sors ta’ data unika u għarfien mil-livell l-aktar bażiku mingħajr duplikazzjoni ma’ sorsi oħrajn rilevanti, fir-rigward tal-promozzjoni, il-prevenzjoni u r-rispons.

5.4

Bħala l-ewwel pass, il-KESE diġà beda jwettaq missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tissawwar ħarsa ġenerali dwar kif is-soċjetà ċivili fl-Istati Membri individwali qed tipperċepixxi l-problemi. Il-KESE għandu l-intenzjoni li jżur it-28 Stat Membru kollha (26), iżda se joħroġ rapport dwar is-sejbiet tiegħu fil-ħarifa tal-ewwel 5 żjarat fil-pajjiżi. Għalkemm dawn iż-żjarat ma jikkonsistux f’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, huwa kontribut importanti biex tinstema’ l-fehma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali. Għalhekk, il-KESE, bħala miżura ulterjuri, jipproponi li jiġu rikonoxxuti u msaħħa l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili eżistenti u l-organizzazzjonijiet lokali. Fiċ-ċirkustanzi attwali, jinħtieġu l-bosta fehmiet li jiġu minnhom.

5.5

Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit Forum annwali tal-partijiet ikkonċernati dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt bl-involviment tal-KESE, l-ewwel nett sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jkunu jistgħu jirċievu twissija bikrija dwar l-isfidi emerġenti għall-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE direttament mill-organizzazzjonijiet lokali u, it-tieni nett, biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku, il-bini tal-fiduċja u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati nazzjonali bħan-negozji, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-format u l-modalitajiet ta’ dan il-forum tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu ispirati mill-mudelli eżistenti tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari. Il-KESE mb agħad jipprovdi s-segretarjat u jospita l-laqgħat tal-forum, li ser ikunu organizzati b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea.

5.6

Il-KESE jemmen li l-multiplikazzjoni tal-vuċijiet hija meħtieġa fiċ-ċirkostanzi attwali u tista’ tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistabbilixxu twissija bikrija. B’kuntrast mal-Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali, li jinvolvi numru limitat ta’ partijiet interessati ewlenin, il-Forum tal-KESE huwa maħsub bħala forum miftuħ biex iħeġġeġ dibattitu pubbliku. Sfortunatament, il-mandat tal-FRA (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali) huwa limitat mill-Artikolu 51 tal-Karta biex tintervjeni f’każ ta’ xi ksur tal-Artikolu 2 tat-TUE. Fil-forum tiegħu jipparteċipaw prinċipalment l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li l-KESE jkopri organizzazzjonijiet lil hinn mill-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-imsieħba soċjali, u għandu esperjenza fl-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Dan jagħti valur miżjud li jgħin lid-diversità u l-vivaċità tas-soċjetà ċivili, u jinkludi atturi ekonomiċi importanti.

5.7

Għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti ekonomiċi tal-istat tad-dritt. Il-fiduċja reċiproka hija valur li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat f’termini purament ekonomiċi iżda huwa ċar li n-nuqqas ta’ fiduċja b’rabta mal-influwenza politika fil-ġudikatura jew il-korruzzjoni għandu konsegwenzi ekonomiċi negattivi. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel aktar enfasi u tiġbor aktar data u analiżi dwar il-konsegwenzi tal-falliment tal-istat tad-dritt għall-partijiet interessati kollha, inkluż is-settur tan-negozju. L-inċertezza legali, it-tfassil mhux trasparenti tal-liġijiet, il-kompetizzjoni inġusta, l-aċċess diskriminatorju għas-swieq pubbliċi, u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ aċċess ġenwin għar-rimedji huma eżempji tal-konsegwenzi tal-falliment tal-istat tad-dritt għas-settur tan-negozju li għandhom jitqiesu aħjar fl-analiżi u r-rispons tal-UE, inkluż fis-Semestru Ewropew.

5.8

Kwistjoni speċifika hija l-ħtieġa għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (finanzjament ewlieni għal organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza): huwa importanti li l-UE tikkunsidra modi kif tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ġurnaliżmu investigattiv u l-midja li qed jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-isfidi emerġenti għall-Artikolu 2. Il-KESE jikkunsidra neċessarju strument ta’ finanzjament biex jappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromovu l-valuri tal-Artikolu 2 fl-Istati Membri sabiex jibni appoġġ lokali għal dawn il-valuri fost il-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għall-Opinjoni relatata tiegħu li tikkonċerna l-proposti għal Fond ġdid ta’ Ġustizzja, Drittijiet u Valuri (27) u jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex, fil-qafas tad-deċiżjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020, iżidu sostanzjalment ir-riżorsi għal dan il-fond.

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 88.

(2)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8.

(3)  Kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Copehagen fl-1993.

(4)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9.

(5)  Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) — Kawża C-216/18 PPU, 25 ta’ Lulju 2018.

(6)  SOC/605 — Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228 5.7.2019, p. 24).

(7)  Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt, 11 ta’ Marzu 2014.

(8)  Kummissjoni Ewropea, http://europa.eu/rapid/press-release_IP-19-1957_mt.htm, 3 ta’ April 2019.

(9)  Michel Waelbroeck u Peter Oliver, Enforcing the Rule of Law in the EU: What can be done about Hungary and Poland?, 9 ta’ Frar 2018.

(10)  Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni — Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu, 3 ta’ April 2019.

(11)  Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, Press release: ETUC on European Semester Winter Package, 27 ta’ Frar 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Business Europe, Newsletter N°2019-13: A renewed role for the European Semester, 11 ta’ April 2019.

(13)  Kummissjoni Ewropea, the 2019 EU Justice scoreboard, 2019, p.63: 3.3.3 Summary on judicial independence (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/effective-justice/rule-law/assistance-bulgaria-and-romania-under-cvm_mt

(15)  Huma biss 6 mill-eżempji mogħtija mill-SRSS li huma ffukati fuq l-istat tad-dritt: l-istabbiliment ta’ analiżi indipendenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Bulgarija; ir-riforma tal-valutazzjoni tad-diżabbiltà fir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Polonja; it-tisħiħ tal-effettività tas-sistema ġudizzjarja fil-Kroazja; it-titjib tal-koordinazzjoni ta’ verifiki interni fir-Rumanija; it-titjib fit-trattament ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta fl-Italja; u għajnuna fl-integrazzjoni ta’ migranti u refuġjati żgħażagħ fl-Awstrija.

(16)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 178.

(17)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173.

(18)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali 1/2019: Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni.

(19)  Organized Crime and Corruption Reporting Project, EC Adopts New Anti-Fraud Strategy, 1 ta’ Mejju 2019.

(20)  Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b’saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE, 29 ta’ April 2019.

(21)  Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, paġna web dwar il-politika.

(22)  Momin Badarna, The ENP and its Political Conditionality Instrument: is it ineffective?, Young European Federalists, 15 ta’ Settembru 2018.

(23)  Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE, 17 ta’ April 2018.

(24)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8.

(25)  Kif propost mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE (2012), P7_TA(2014)1773, Rapporteur: Louis Michel, punt 9.

(26)  27 Stat Membru, meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE.

(27)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 178 dwar COM(2018) 383 final u COM(2018) 384.


APPENDIĊI

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 59(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.7

L-aktar sfidi serji huma preżenti f’ċerti Stati Membri, fejn atturi politiċi b’saħħithom marru kontra l-indipendenza tal-ġudikatura, u kontra istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li jiffurmaw u jappoġġjaw is-sistema demokratika pluralista. Il-Komunikazzjoni tonqos milli tirrikonoxxi biżżejjed dan l-aspett essenzjali, minflok tippreferi perspettiva li fiha l-istituzzjonijiet — il-Parlamenti, il-gvernijiet u l-ministeri, il-qrati kostituzzjonali, il-korpi professjonali — huma separati mill-kompetizzjoni politika u elettorali. Dan l-approċċ hekk imsejjaħ “hands off” għall-politika tal-partiti u l-elezzjonijiet ixekkel kwalunkwe spjegazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn atturi b’saħħithom jaħdmu kontra l-istat tad-dritt u d-demokrazija u għaliex dawn jidhru fl-istess ħin popolari u ma jwaqqafhom xejn. L-aspetti politiċi, kulturali u soċjoloġiċi tal-isfidi għall-istat tad-dritt li jaffettwaw id-demokraziji huma qasam essenzjali li ġie injorat fl-analiżi u r-rispons tal-UE s’issa. Dan jispjega parzjalment il-limitazzjonijiet tal-approċċ u l-għodod attwali — inkluża l-proċedura tal-Artikolu 7(1). Permezz tar-rabta tiegħu mas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, inklużi l-imsieħba soċjali, il-KESE jinsab f’pożizzjoni ideali biex joffri spazju għal analiżi, dibattitu u rispons aħjar għal dawn l-aspetti politiċi, soċjoloġiċi u kulturali tal-isfidi għad-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Raġuni

L-awturi tal-opinjoni jesaġeraw fil-valutazzjoni tagħhom tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri. It-test propost jista’ jitqies bħala nuqqas ta’ rispett lejn l-istituzzjonijiet li huma mistennija jżommu sistema pluralistika. Il-parti li jifdal minn dan il-punt tirrifletti l-aspettattivi f’termini tal-analiżi tal-UE dwar l-istat tad-dritt.

Votazzjoni

Voti favur

:

47

Voti kontra

:

141

Astensjonijiet

:

19

Punt 5.2

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew li jkun legalment vinkolanti, qafas li jinvolvi b’mod attiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill u li fih il-KESE jaqdi rwol importanti ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Dan il-mekkaniżmu se jikkomplementa l-għodod eżistenti (1) u għandu jinvolvi komponent preventiv biex jippermetti lill-partijiet interessati (in-negozji, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-awtoritajiet pubbliċi) u lill-esperti biex jidentifikaw in-nuqqasijiet kif dawn jitfaċċaw fil-livell nazzjonali u jiddibattu kif jistgħu jissolvew fi stadju bikri. Mekkaniżmu bħal dan jgħin ukoll fil-qsim tal-piżijiet bejn l-istituzzjonijiet u jżid is-sjieda konġunta tal-azzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam. Jeħtieġ li l-mekkaniżmu jkun applikat b’kawtela sabiex ma jintużax għall-għanijiet ta’ politika attwali u jwassal għal kunflitti kulturali.

Raġuni

Iż-żieda proposta ma tillimitax l-appoġġ tal-KESE għall-mekkaniżmu. Hija tikkontribwixxi kummentarju dwar in-newtralità politika u r-rikonoxximent tad-diversità kulturali.

Votazzjoni

Voti favur

:

42

Voti kontra

:

153

Astensjonijiet

:

23

Punt 1.6

Il-KESE għadu jappoġġja l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tar-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew li jkun legalment vinkolanti, qafas li jinvolvi b’mod attiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill u li fih il-KESE jaqdi rwol importanti ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Dan il-mekkaniżmu għandu jħaddan komponent preventiv li jippermetti lill-esperti u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jagħtu bidu għal twissija bikrija dwar żviluppi speċifiċi u jiddibattu proposti għal soluzzjonijiet li jinkludu l-partijiet interessati rilevanti kollha. Mekkaniżmu bħal dan jgħin ukoll fil-qsim tal-piżijiet bejn l-istituzzjonijiet u jżid is-sjieda konġunta tal-azzjonijiet tal-UE. Jeħtieġ li l-mekkaniżmu jkun applikat b’kawtela sabiex ma jintużax għall-għanijiet ta’ politika attwali u jwassal għal kunflitti kulturali.

Raġuni

Iż-żieda proposta ma tillimitax l-appoġġ tal-KESE għall-mekkaniżmu. Hija tikkontribwixxi kummentarju dwar in-newtralità politika u tirrikonoxxi d-diversità kulturali li aħna kburin biha.

Votazzjoni

Voti favur

:

42

Voti kontra

:

153

Astensjonijiet

:

23

Dawn il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-sezzjoni ġew modifikati biex jirriflettu l-emenda adottata mill-assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.12

L-organizzazzjonijiet tad-drittijiet ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi u l-ġurnalisti jinsabu fuq quddiem nett meta jiddeterjora l-istat tad-dritt u f’sitwazzjoni diffiċli ħafna meta jkun hemm ksur tal-liġi fi Stat Membru partikolari. Huwa huma li jħarsu r-rispett tad-drittijiet, jissorveljaw is-sitwazzjoni u jirrapportaw ksur u huwa fil-livell lokali li jistgħu jibagħtu sinjali ta’ twissija bikrija. Għalhekk, il-KESE jemmen li r-rwol tagħhom huwa ta’ importanza primordjali, bħalma huwa dak tal-midja u l-ġurnaliżmu investigattiv. Għalhekk, huma meħtieġa modi kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja jiġu protetti sabiex isir kwalunkwe progress. Il-proposti għar-rwol tagħhom għandhom jidhru b’mod prominenti fil-proposti li l-Kummissjoni se tippreżenta wara l-perjodu ta’ riflessjoni.

Votazzjoni

Voti favur

:

122

Voti kontra

:

73

Astensjonijiet

:

20

Punt 1.11

L-edukazzjoni, kemm formali kif ukoll mhux formali, għandha rwol ewlieni x’taqdi fil-bini tal-kultura demokratika u tal-istat tad-dritt. Id-demokrazija liberali u l-istat tad-dritt għandhom ikunu f’qalb u f’moħħ kull ċittadin Ewropew; il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

Votazzjoni

Voti favur

:

119

Voti kontra

:

73

Astensjonijiet

:

21


(1)  Kif propost mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE (2012), P7_TA(2014)0173, rapporteur: Louis Michel, 22 ta’ Novembru, punt 9.