5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni”

(COM(2018) 895 final — 2018/0436 (COD))

(2019/C 190/08)

Relatur ġenerali: Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.1.2019

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 14.1.2019

Bażi legali

Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Deċiżjoni tal-Bureau

22.1.2019

Adottata fil-plenarja

20.2.2019

Sessjoni plenarja Nru

541

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

76/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura temporanjament konnettività bażika għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq minn vetturi tqal tal-merkanzija bejn l-UE u r-Renju Unit u viċi versa, billi r-Renju Unit ser iħalli l-UE mingħajr ftehim ratifikat dwar il-ħruġ u għalhekk mhux se jibqa’ marbut bil-liġi tal-UE.

1.2.

Il-KESE jaqbel li l-Proposta għal Regolament inkwistjoni tagħti lill-operaturi fir-Renju Unit tat-trasport tal-merkanzija bit-triq id-dritt, sal-31 ta’ Diċembru 2019, li jwettqu trasport bilaterali bejn il-punti tat-tluq u l-wasla fir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea rispettivament, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Proposta u, b’mod partikolari, bil-kundizzjoni li t-trasportaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jiċċirkolaw fit-territorju tar-Renju Unit taħt kundizzjonijiet ekwivalenti, inklużi kundizzjonijiet ġusti, ekwi u mingħajr diskriminazzjoni ta’ kompetizzjoni.

1.3.

Il-KESE jittama bil-qawwa li l-awtorità tar-Renju Unit tadotta, sa mhux aktar tard mill-jum ta’ ħruġ mill-UE mingħajr ftehim, sensiela ta’ miżuri temporanji ekwivalenti, bil-għan li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq tal-UE li jiċċirkolaw fir-Renju Unit ikollhom l-istess drittijiet bħal dawk offruti mill-Kummissjoni, b’mod tranżizzjonali, lil trasportaturi fir-Renju Unit b’liċenzja li tippermettilhom iġorru merkanzija bejn it-territorju tar-Renju Unit u s-27 Stat Membru li jifdal.

1.4.

F’każ ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, il-KESE jistieden lir-Renju Unit u lill-UE biex jinnegozjaw u jistabbilixxu, bi ftehim komuni, qabel il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi, konnettività bażika fil-kuntest tal-Forum Internazzjonali tat-Trasport u r-regoli futuri applikabbli għar-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

1.5.

Fost ir-regoli soċjali u tekniċi li għandhom jiġu osservati waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni mit-trasportaturi intitolati għal liċenzja mir-Renju Unit u li joperaw fit-territorju tal-Unjoni, hija nieqsa dik dwar il-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku għas-sewwieqa professjonali ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila. Peress li dan huwa fattur ta’ sigurtà importanti ħafna, il-KESE jitlob li l-Artikolu 4 tal-Proposta għal Regolament jiġi ssupplimentat b’referenza għad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEEEEC (1).

2.   Introduzzjoni

2.1.

Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi r-regoli komuni dwar l-aċċess ħieles għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fil-Komunità kollha, għal kull vettura bil-mutur b’massa massima mgħobbija li taqbeż it-3,5 tunnellati, lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

2.2.

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jelimina kwalunkwe restrizzjoni, inklużi dawk li jikkonċernaw l-aċċess għas-suq, b’rabta mal-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija abbażi tan-nazzjonalità jew il-fatt li huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi. Dan it-trasport għandu, fil-prinċipju, jitwettaq permezz ta’ liċenzja Komunitarja maħruġa minn Stat Membru, flimkien ma’ attestazzjoni ta’ xufier, jekk ix-xufier huwa ċittadin ta’ pajjiż terz.

2.3.

It-trasport tal-merkanzija mill-Istati Membri lejn ajjiżi terzi għadu fil-biċċa l-kbira kopert minn ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u dawn il-pajjiżi terzi.

2.4.

F’każ ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, is-servizzi tar-Renju Unit tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jibqgħux marbuta bil-liġi tal-UE. Mingħajr liċenzja valida, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit ma jibqgħux ikollhom aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq tal-UE u (probabbilment) viċi versa.

2.5.

L-unika bażi legali għan-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ hija attwalment is-sistema tal-kwoti multilaterali tal-liċenzji tat-trasport stabbilita mill-Forum Internazzjonali tat-Trasport, applikabbli fi 43 pajjiż, inklużi 26 Stat Membru tal-UE (għajr Ċipru) u r-Renju Unit, u li tippermetti t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bejn il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura u membru ieħor tal-Forum.

2.6.

Madankollu, in-numru ta’ liċenzji maħruġa lil pajjiż membru tal-Forum fl-2019 (23 252 għall-UE-27 u 984 għar-Renju Unit) huwa limitat wisq biex jissodisfa l-volumi attwali tat-trasport. In-numru ta’ dawn il-liċenzji jista’ jiżdied biss b’unanimità tal-pajjiżi membri kollha tal-Forum, u għalhekk din l-alternattiva mhijiex soluzzjoni adatta biex jiġi evitat tfixkil fl-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq mill-UE għar-Renju Unit u viċi versa.

2.7.

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil sproporzjonat tal-konnettività bil-konsegwenzi diżastrużi fuq iż-żewġ naħat, hemm bżonn urġenti li jingħataw drittijiet temporanji ta’ moviment fl-UE lit-trasportaturi tar-Renju Unit, bil-kundizzjoni li r-Renju Unit, min-naħa tiegħu, japplika l-istess regoli għat-trasportaturi tal-UE.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Proposta għal Regolament li qed tiġi kkunsidrata tagħti lit-trasportaturi bit-triq tar-Renju Unit, f’każ ta’ ħruġ mill-UE mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, id-dritt ta’ trasport bilaterali fl-UE mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, sal-31 ta’ Diċembru 2019.

3.2.

Madankollu, dan id-dritt ta’ trasport bilaterali fl-UE huwa ammess biss jekk ir-Renju Unit jiżgura li d-drittijiet tat-trasportaturi tar-Renju Unit fl-Unjoni jkunu kompletament ekwivalenti għad-drittijiet mogħtija lit-trasportaturi bit-triq tal-UE fir-Renju Unit. F’każ li ma tiġix rispettata din l-ekwivalenza, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa permezz ta’ att delegat biex:

 

tillimita l-kapaċità u/jew in-numru ta’ vjaġġi; jew

 

tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

 

tieħu miżuri oħra adatti.

3.3.

Id-drittijiet mogħtija lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit huma soġġetti li jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-Unjoni li tapplika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, b’mod partikolari fir-rigward:

tal-ħaddiema mobbli u s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom;

il-leġislazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq;

it-takografi;

id-dimensjonijiet u l-piżijiet massimi awtorizzati ta’ ċerti vetturi;

l-apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi;

l-użu obbligatorju taċ-ċinturini tas-sigurtà;

il-konformità mad-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema;

ir-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar kompetizzjoni ġusta u nondiskriminatorja.

3.4.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma awtorizzati jivverifikaw li l-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq li jġorru l-merkanzija fl-Unjoni huma liċenzjati jew iċċertifikati mir-Renju Unit f’konformità mal-istandards rilevanti, li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti kollha u li d-drittijiet ma jinqabżux.

3.5.

L-Istati Membri la jistgħu jinnegozjaw u lanqas jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament inkwistjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

It-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa settur ewlieni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE. Aktar minn 4,4 miljun vettura tat-trasport tal-merkanzija bix-xufier jikkollegaw lir-Renju Unit mal-UE kull sena. Fl-2015, ir-Renju Unit esporta total ta’ 21 350 000 tunnellata ta’ merkanzija bit-triq lejn l-UE. Fl-istess ħin, l-UE esportat 26 816 000 tunnellata ta’ merkanzija lejn ir-Renju Unit (3).

4.2.

Dan ifisser li l-ostakli għan-negozju jaffettwaw b’mod serju l-kummerċ, l-impjieg u t-tkabbir ekonomiku fuq iż-żewġ naħat, u jfixklu serjament il-ktajjen ta’ provvista.

4.3.

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni talli pproponiet miżuri urġenti biex tiġi evitata l-agħar sitwazzjoni, billi, b’mod provviżorju, tagħti lill-operaturi tal-merkanzija bit-triq fir-Renju Unit id-dritt li jwettqu trasport bilaterali bejn punti differenti fir-Renju Unit u fl-UE, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Proposta, inkluż aċċess ekwivalenti għall-operaturi tal-UE fir-Renju Unit u kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, bit-tama li sakemm jiskadi l-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2019, jiġu nnegozjati u miftiehma b’mod reċiproku l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-konnettività bażika fil-kuntest tal-Forum u r-regoli futuri potenzjali dwar ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea

4.4.

Il-KESE jittama bil-qawwa li l-awtorità tar-Renju Unit tadotta, sa mhux aktar tard mill-jum ta’ ħruġ mill-UE mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, sensiela ta’ miżuri temporanji ekwivalenti, bil-għan li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq tal-UE li jiċċirkolaw fir-Renju Unit ikollhom l-istess drittijiet bħal dawk offruti mill-Kummissjoni, b’mod tranżizzjonali, lil trasportaturi fir-Renju Unit b’liċenzja li tippermettilhom iġorru merkanzija bejn it-territorju tar-Renju Unit u s-27 Stat Membru li jifdal.

4.5.

Fil-każ li r-Renju Unit jirrifjuta tali reċiproċità ta’ drittijiet tat-trasport fil-limitu ta’ żmien preskritt, il-Proposta għal Regolament li qed jiġi kkunsidrat tiskadi u l-merkanzija tar-Renju Unit għanda jew tiġi trasbordata fil-fruntiera mal-UE fuq vetturi tqal tal-merkanzija reġistrati fl-Unjoni jew, sa fejn ikun possibbli, tiġi trasportata minn vetturi kummerċjali ħfief b’massa permissibbli ta’ inqas minn 3,5 tunnellati, li mhumiex soġġetti għar-regoli komuni dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

4.6.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq” (4) tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar Proposta għal Regolament dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 1072/2009, il-KESE diġà indika li dan ir-Regolament ma ġiex estiż għall-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-KESE jfakkar fit-talba tiegħu li l-LCVs jiġu soġġetti għar-regolament imsemmi hawn fuq, għalkemm possibbilment f’forma eħfef.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

L-Artikolu 4 tal-Proposta għal Regolament li qed tiġi eżaminata jelenka r-regoli soċjali u tekniċi li għandhom jiġu osservati matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni mit-trasportaturi intitolati għal-liċenzja tar-Renju Unit u li joperaw fit-territorju tal-Unjoni.

5.2.

Il-KESE jinnota li fost dawn l-obbligi, huwa nieqes dak li jikkonċerna l-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku għas-sewwieqa professjonali ta’ vetturi tqal tal-merkanzija. Peress li dan huwa fattur ta’ sigurtà importanti ħafna, il-KESE jitlob li dan l-artikolu jiġi ssupplimentat b’referenza għad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE.

Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

(3)  Statistika tal-assoċjazzjoni tar-Renju Unit għat-Trasport tal-merkanzija bit-triq (Road Haulage Association).

(4)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 38.