5.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2020”

(opinjoni esploratorja)

(2019/C 228/07)

Relatur: Stefano MALLIA

Korelatur: Ioannis VARDAKASTANIS

Konsultazzjonijiet

Kunsill – Presidenza Rumena, 20.9.2018

Ittra mis-Sur Victor NEGRESCU, Ministru Delegat għall-Affarijiet Ewropej tar-Rumanija

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-TFUE

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.3.2019

Adottata fil-plenarja

20.3.2019

Sessjoni plenarja nru

542

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

71/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis il-politika ta’ koeżjoni bħala l-pilastru fundamentali sabiex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u biex jitnaqqsu d-disparitajiet fost ir-reġjuni tal-UE u l-inugwaljanzi fost in-nies. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta li jitnaqqas id-daqs tal-baġit għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 mhijiex aċċettabbli.

1.2.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ strateġija Ewropea ambizzjuża u ċara li tkun allinjata mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u li jkollha mekkaniżmu b’saħħtu ta’ koordinazzjoni li jista’ jiggarantixxi kontinwità robusta bejn iċ-ċikli politiċi differenti. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tifforma parti integrali minn din l-istrateġija ambizzjuża u għalhekk il-politika ta’ koeżjoni nnifisha għandha tiġi żviluppata b’tali mod li jkollha l-għodod meħtieġa biex tilqa’ kontra l-isfidi tal-futur bħat-tibdil fil-klima, filwaqt li tħaddan livell ogħla ta’ kompetittività u tiġġestixxi t-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli u toħloq impjiegi ta’ kwalità.

1.3.

Huwa importanti li filwaqt li jingħata bidu għall-isforz tant meħtieġ biex il-politika ta’ koeżjoni tkun valida għall-futur, ma ninsewx l-isfidi tal-lum, li qed ikomplu jħallu impatt kbir fuq is-soċjetà. Hawnhekk qed nirreferu speċifikament għall-isfidi soċjali, bħall-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni kontra minoranzi u gruppi etniċi speċifiċi, jew il-vjolenza domestika, l-isfidi ekonomiċi bħall-aċċess għall-finanzi u t-titjib tal-ħiliet, u l-isfidi ambjentali bħat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-ġestjoni tal-iskart.

1.4.

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandu jkollha approċċ territorjali qawwi, li jkollu l-għan li jagħti s-setgħa lil kull reġjun bl-għodod meħtieġa biex itejbu l-kompetittività tagħhom b’mod sostenibbli. Il-KESE huwa tal-fehma li r-reġjuni kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Min-naħa l-oħra, il-KESE għandu jesprimi bis-sod id-diżappunt tiegħu dwar id-dgħufija tad-dinamika transkonfinali fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni.

1.5.

Jekk l-Ewropa se timxi lejn il-livell li jmiss ta’ żvilupp ekonomiku, il-politika ta’ koeżjoni għandha tadotta dejjem aktar approċċ divrenzjat skont ir-reġjun f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investimenti u reazzjonijiet ta’ politika. Il-KESE jemmen li dan jista’ jikkontribwixxi għal approċċ territorjalment aktar imfassal apposta, li jappoġġja fl-istess ħin l-aktar żoni iżolati u b’popolazzjoni baxxa (densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, gżejjer, muntanji, eċċ.) kif ukoll l-aktar żoni urbani funzjonali “popolari”li xorta għandhom sfidi b’rabta mal-iżvilupp tagħhom.

1.6.

Il-KESE jilqa’ r-rabta aktar b’saħħitha mas-Semestru Ewropew u jitlob ukoll għal integrazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bħala mezz biex jitħeġġu r-riformi strutturali. Il-KESE jistenna wkoll li jkun hemm rabta aktar b’saħħitha bejn l-istrateġija ta’ investiment fil-livell Ewropew u dik tal-Istati Membri. Huwa importanti li l-fondi ma jissostitwixxux l-isforzi tal-Istati Membri iżda jikkumplementawhom. Huwa wkoll essenzjali li l-Istati Membri jikkunsidraw li jmexxu ’l quddiem proġetti li jkunu rnexxew.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-pakkett regolatorju għandu jkun ħafna aktar sempliċi u jevita l-mikroġestjoni tal-fondi. Għandu jkun hemm divrenzjar f’termini ta’ proċeduri burokratiċi għall-programmi operattivi li huma meqjusa li huma ta’ daqs relattivament żgħir fir-rigward ta’ programmi ħafna akbar. Filwaqt li l-KESE qed jappella lill-Istat Membru biex jippromovi l-possibbiltà offruta mill-oqfsa leġislattivi attwali ta’ proċedura simplifikata għal aċċess għall-fondi għal proġetti ta’ daqs żgħir, qed jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tistħarreġ possibilitajiet ulterjuri li jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ atturi iżgħar.

1.8.

Il-KESE jappoġġja l-użu ta’ strumenti finanzjarji iżda jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li meta jitfasslu dawn l-istrumenti, jitwettaq test bir-reqqa dwar l-adegwatezza biex jiġi żgurat li dawn l-istrumenti jkunu adatti għall-Istati Membri kollha u li dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jintużaw mill-SMEs u l-NGOs.

1.9.

Waħda mill-problemi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli twettaq rieżami tal-obbligi ta’ pubbliċità attwali u taġġornahom b’mod sinifikanti filwaqt li tqis il-mezzi moderni tal-kanali ta’ komunikazzjoni diġitali.

1.10.

Wasal iż-żmien li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jieqfu jitkellmu biss dwar l-aspett ta’ sħubija u jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkun hemm parteċipazzjoni b’saħħitha u sinifikanti tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Dan għandu jsir billi nibnu fuq l-esperjenzi ta’ suċċess tas-sħubija li akkwistajna fuq livell lokali.

1.11.

Il-KESE jirrimarka li fil-livell tal-UE ma hemm l-ebda involviment strutturat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi forum Ewropew ta’ koeżjoni tas-soċjetà ċivili bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Permezz ta’ dan il-forum, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-imsieħba soċjali u ‘l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq bażi annwali dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni matul iċ-ċikli differenti ta’ programmazzjoni.

2.   Kummenti Ġenerali

2.1.

Il-missjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE kif iddikjarata fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (1) hija li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi tnaqqas id-differenzi fil-livell ta’ żvilupp bejn ir-reġjuni. Din id-dikjarazzjoni ta’ missjoni trid tibqa’ fil-qalba tal-azzjonijiet kollha meħuda fi ħdan l-isfera tal-politika ta’ koeżjoni u għandha tissaħħaħ mill-Kummissjoni fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

2.2.

Il-bidliet li ġejjin li s-soċjetà qed tibda tesperjenza b’riżultat tal-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda u futuri jitolbu proċess ta’ adattament li ftit pajjiżi bdew jittrattaw fil-fond. Huwa importanti li nimmaniġġjaw it-tranżizzjoni lejn il-mudelli ekonomiċi ġodda bbażati fuq dawn it-teknoloġiji ġodda u futuri. Il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għandha l-mezzi biex tgħin tindirizza l-isfidi emerġenti ġodda, u jqis li dan huwa wieħed mill-pilastri fundamentali biex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE u l-inugwaljanza fost in-nies.

2.3.

Il-baġit tal-UE huwa parti żgħira min-nefqa pubblika totali fl-UE, u jammonta għal inqas minn 1 % tal-introjtu u madwar 2 % biss tan-nefqa pubblika tat-28 Stat Membru tal-UE. Matul il-perjodu 2014-2020, id-daqs tal-baġit tal-UE kien ta’ 0,98 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE. Is-sehem tal-politika ta’ koeżjoni mill-baġit totali tal-UE kien madwar 35 % tul dan iż-żmien (2).

2.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta li jitnaqqas id-daqs tal-baġit għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 mhijiex aċċettabbli. Il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-iktar politiki konkreti tal-UE u waħda li jista’ jkollha impatt dirett importanti fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Ma nistgħux nistennew li nitolbu lin-nies jappoġġjaw aktar l-Ewropa filwaqt li fl-istess ħin innaqqsu l-baġit ta’ politika daqshekk importanti. Madankollu, huwa ta’ importanza kbira li dawn l-investimenti ma jissostitwixxux l-isforzi tal-Istati Membri iżda jikkumplementawhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali.

2.5.

F’konformità ma’ talbiet simili mill-Parlament Ewropew, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta u tmexxi ’l quddiem aġenda għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u effettiva għal wara l-2020 (3).

2.6.

Fl-istess ħin il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu sabiex jintlaħaq qbil dwar sistema usa’ ta’ riżorsi proprji tal-UE biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jkollu riżorsi adegwati u jkun jista’ jindirizza l-isfidi akbar tiegħu fiż-żminijiet li ġejjin.

2.7.

Għalkemm, kumplessivament, il-politika ta’ koeżjoni għandha baġit relattivament żgħir, uriet li ġġib valur miżjud ċar. Fl-2014-2020, il-politika ta’ koeżjoni mmobilizzat aktar minn EUR 480 biljun f’investimenti, li għandhom jirriżultaw, pereżempju, f’aktar minn 1 miljun intrapriża li jirċievu appoġġ, 42 miljun ċittadin li għandhom aċċess għal servizzi tas-saħħa mtejba, 25 miljun ruħ se jibbenefikaw minn prevenzjoni tal-għargħar u n-nirien, kważi 17-il miljun ċittadin addizzjonali tal-UE konnessi ma’ faċilitajiet tad-drenaġġ, 15-il miljun unità domestika addizzjonali b’aċċess għall-broadband, u aktar minn 420 000 impjieg ġdid. 5 miljun Ewropew se jibbenefikaw ukoll minn taħriġ u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, u 6,6 miljun tifel u tifla se jkollhom aċċess għal skejjel ġodda u moderni u kura tat-tfal. Il-KESE huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ tibni fuq dawk l-eżempji lokali fejn l-involviment taċ-ċittadini ġie meqjus li rnexxa.

2.8.

Barra minn hekk, f’għadd ta’ Stati Membri, il-politika ta’ koeżjoni wriet li hija s-sors ewlieni ta’ investiment pubbliku (4). L-effetti indiretti tal-politika ta’ koeżjoni, dawk li jirriżultaw mit-titjib żviluppat biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tagħha (f’termini, pereżempju, tat-trasparenza, ir-responsabbiltà jew l-ugwaljanza tal-opportunitajiet) kienu ta’ benefiċċju wkoll b’mod partikolari għall-Ewropej.

2.9.

Madankollu, għalkemm l-Ewropa għamlet ħafna progress f’termini ta’ żvilupp u prosegwiment ta’ azzjonijiet biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, kif stipulat fit-TFUE, għad fadlilha ħafna x’tagħmel biex jintlaħaq żvilupp armonjuż ġenerali.

2.10.

Wara l-kriżi ekonomika, l-Ewropa kienet kapaċi terġa’ tesperjenza tkabbir ekonomiku, b’mod partikolari f’pajjiżi b’introjtu baxx, u d-disparitajiet reġjonali qegħdin sa fl-aħħar jonqsu f’termini ta’ PDG per capita (5). Madankollu, id-differenzi bejn ir-reġjuni għadhom kbar, u f’xi każijiet saħansitra qed jikbru. Il-produttività hija akbar fl-aktar pajjiżi żviluppati, u r-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom li jikkompetu f’dinja globalizzata hija ferm akbar minn dawk ta’ Stati Membri inqas żviluppati. Din is-sitwazzjoni tirriżulta f’diverġenzi fil-kuntest soċjali tal-popolazzjoni, bħal livelli ogħla ta’ faqar, in-numru u l-kundizzjoni ta’ persuni f’riskju ta’ esklużjoni, jew l-aċċess għall-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali u l-kwalità tagħhom, fost oħrajn.

2.10.1.

Għalhekk, sabiex ikomplu jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali, il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tinvesti fl-innovazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-ambjent, l-edukazzjoni inklużiva, il-programmi u l-infrastruttura tas-saħħa, it-teknoloġija l-aktar avvanzata u aċċessibbli, u netwerks tat-trasport u infrastruttura effiċjenti. Dan jeħtieġ isir sabiex jittejjeb l-aċċess universali għas-suq tax-xogħol u jinħoloq suq uniku li jagħti spinta lit-tkabbir, lill-produttività u lill-ispeċjalizzazzjoni f’oqsma ta’ vantaġġ komparattiv fir-reġjuni kollha.

2.10.2.

Fid-dinja globalizzata, l-intrapriżi jridu jikkompetu ma’ kumpaniji minn postijiet bi prezz baxx kif ukoll ma’ kumpaniji innovattivi ħafna. L-UE għandha tappoġġja riformi li jippromovu ambjent favorevoli għall-investiment li fih in-negozji jistgħu jmorru tajjeb ħafna u jikbru filwaqt li ċ-ċittadini jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Il-fondi ta’ koeżjoni għandhom jintużaw biex jipprovdu qafas aħjar għal negozji ġodda, imprendituri u SMEs innovattivi u biex jappoġġjaw lin-negozji tal-familja b’mod aktar effettiv (6), kif ukoll biex jippromovu d-diversità tagħha (il-ġeneru, il-persuni b’diżabilità, il-minoranzi etniċi, eċċ.) sabiex isiru aktar kompetittivi u impenjati aktar lejn ir-responsabbiltà soċjali.

2.11.

Għad hemm ħafna oqsma relatati mal-għanijiet ambjentali (l-użu ta’ inqas enerġija u enerġija aktar nadifa, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi aktar effiċjenti, it-tnaqqis tat-tniġġis, eċċ.), kwistjonijiet ta’ sigurtà transfruntiera, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà, it-trasport, is-servizzi pubbliċi, u ostakli oħra għall-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi, persuni u kapital li jistgħu jibbenefikaw minn koeżjoni territorjali aktar b’saħħitha.

2.11.1.

Huwa għalhekk li l-KESE jqis li r-reġjuni kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkun parti integrali minn strateġija ta’ investiment Ewropea, b’approċċ territorjali qawwi, li jkollu l-għan li jawtonomizza kull reġjun bl-għodod neċessarji biex tiżdied il-kompetittività tagħhom. Din għandha twassal għal trasformazzjoni ekonomika u strutturali, li tiżgura bażi reżiljenti f’kull reġjun, abbażi tal-qawwiet tagħhom stess (7).

2.12.

Filwaqt li hija kruċjali għall-bini ta’ spazju Ewropew komuni, il-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg), fil-forom kollha tagħha – transkonfinali, transnazzjonali, interreġjonali u l-ftuħ tagħha għall-pajjiżi ġirien – hija l-pedament tal-integrazzjoni Ewropea. Din tgħin biex jiġi evitat li l-fruntieri tal-Ewropa jinbidlu f’ostakli, tqarreb lill-Ewropej lejn xulxin, tgħin biex issolvi problemi komuni, tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-ideat u l-assi u tinkoraġġixxi inizjattivi strateġiċi mmirati lejn għanijiet komuni (8). Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-Istati Membri jkomplu jwettqu miżuri konġunti u jiskambjaw il-prattiki u l-istrateġiji.

2.12.1.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir (9), madankollu, li l-politika ta’ koeżjoni għadha ma toffrix soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi li jiffaċċjaw żoni speċifiċi bi żvantaġġi strutturali u permanenti (densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, gżejjer, reġjuni muntanjużi, eċċ.) imsemmija fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Il-KESE jemmen li għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu ġdid li jippermetti li dawn iż-żoni jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi speċifiċi u kumplessi tagħhom. Din ma tistax tibqa’ kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali waħidhom. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-partijiet interessati reġjonali u lokali tagħhom fil-mod kif it-territorji speċifiċi tagħhom jiġu indirizzati.

2.13.

Il-prijorità tal-UE fir-rigward ta’ żoni skarsament popolati u reġjuni ultraperiferiċi għandha tkun li ssaħħaħ il-konnessjonijiet li jgħaqqduhom mal-Ewropa kontinentali u s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini tagħhom fil-proġett Ewropew. Minkejja s-sitwazzjoni baġitarja stretta ħafna, l-appoġġ speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi, b’popolazzjoni baxxa jew reġjuni ultraperiferiċi, m’għandux jitnaqqas. Dawn ir-reġjuni għandu jkollhom aċċess għal riżorsi finanzjarji xierqa biex ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet komuni Ewropej u biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi tagħhom, b’mod partikolari dawk marbuta mad-distanza (10) jew mad-densità estremament baxxa tal-popolazzjoni tagħhom. Għalhekk, hemm bżonn li fl-estimi u d-deċiżjoni dwar id-distribuzzjoni tal-fondi (“il-metodu ta’ Berlin”) u dwar ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u r-rati ta’ kofinanzjament jiġu inklużi fatturi demografiċi u ġeografiċi ((1) l-aktar żviluppati, (2) fi tranżizzjoni u (3) reġjuni inqas żviluppati). L-inklużjoni ta’ dawn il-fatturi tista’ tikkumpensa żoni żvantaġġati skarsament popolati u reġjuni ultraperiferiċi bi kwantità ta’ finanzjament adegwata u bl-orjentazzjoni flessibbli tal-investimenti.

2.14.

Iktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix f’żoni urbani, u din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied għal 70 % sal-2050 (11). Filwaqt li l-attività ekonomika ta’ dawn iż-żoni hija għolja ħafna, huwa essenzjali li dawn joffru ambjent ta’ għajxien sostenibbli u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li għandhom ikomplu jirċievu l-attenzjoni taħt il-politika ta’ koeżjoni, iżda jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp tagħhom fil-kuntest fiżiku tagħhom (żvilupp poliċentriku, konnessjonijiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, eċċ.).

3.   Viżjoni aktar b’saħħitha f’qafas aktar ċar, aktar flessibbli u effiċjenti

3.1.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ strateġija Ewropea ambizzjuża, ġdida u ċara li tkun allinjata mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha kif ukoll mal-impenji globali l-oħra tal-UE bħall-ftehimiet internazzjonali (eż. il-Ftehimiet ta’ Pariġi) kif ukoll mal-Konvenzjonijiet tan-NU (pereżempju l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità), u li jkollha mekkaniżmu b’saħħtu ta’ koordinazzjoni li jista’ jiggarantixxi l-kontinwità robusta bejn iċ-ċikli politiċi differenti. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ bi pjaċir kbir id-dokument ta’ riflessjoni l-ġdid tal-Kummissjoni dwar Ewropa aktar sostenibbli sal-2030 li jiftaħ id-diskussjoni f’din id-direzzjoni.

3.2.

Il-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ tifforma parti integrali minn din l-istrateġija ambizzjuża u għalhekk il-politika ta’ koeżjoni nnifisha għandha tiġi żviluppata b’tali mod li tkun valida għall-futur, jiġifieri politika li jkollha l-għodod meħtieġa biex tilqa’ kontra l-isfidi tal-futur bħat-tibdil fil-klima, filwaqt li tħaddan teknoloġiji ġodda u tikseb żvilupp sostenibbli u toħloq impjiegi ta’ kwalità.

3.3.

F’konformità mal-isforz sabiex il-politika ta’ koeżjoni tkun valida għall-futur, il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament ikomplu bl-isforzi biex ikomplu jirrevedu s-sistema ta’ allokazzjoni ta’ fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jitqiesu b’mod speċifiku kriterji oħra (lil hinn mill-PDG). Tali kriterji għandhom jirrelataw ma’ kwistjonijiet bħalma huma l-inugwaljanza, il-migrazzjoni, il-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-kompetittività, it-tibdil fil-klima, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-demografija.

3.4.

Huwa importanti li, filwaqt li nagħtu bidu għal sforz tant meħtieġ biex il-politika ta’ koeżjoni tkun valida għall-futur, ma ninsewx l-isfidi tal-lum, li qed ikomplu jħallu impatt kbir fuq is-soċjetà. Hawnhekk qed nirreferu speċifikament għall-isfidi soċjali, bħall-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni ta’ minoranzi u gruppi etniċi speċifiċi, jew il-vjolenza domestika, l-isfidi ekonomiċi bħall-aċċess għall-finanzi u t-titjib tal-ħiliet, u l-isfidi ambjentali bħat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-ġestjoni tal-iskart.

3.5.

Sabiex jissaħħu l-ippjanar u l-ġestjoni strateġiċi tal-Unjoni, waqt l-iżvilupp tal-istrateġija msemmija hawn fuq, il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tintegra d-diversi elementi strateġiċi indirizzati mill-Aġenda Territorjali (12) u l-Karta ta’ Leipzig (13), li attwalment jinsabu fil-proċess ta’ tiġdid ikkoordinat mill-Presidenza Ġermaniża futura tal-Kunsill tal-UE.

4.   Twassil integrat u koordinat

4.1.

Il-KESE jemmen li l-Ewropa (mhux biss fil-livell tal-Unjoni, iżda wkoll mal-Istati Membri u fi ħdanhom) teħtieġ li taħdem biex tiċċara u tissemplifika l-kompetenzi amministrattivi tagħha minħabba li dan huwa l-mod kif ir-responsabbiltajiet jistgħu jiġu determinati u segwiti b’mod aktar effiċjenti. Ladarba dan isir, l-amministrazzjonijiet Ewropej għandhom isaħħu l-kooperazzjoni u l-kapaċità.

4.1.1.

F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ r-rabta aktar b’saħħitha mas-Semestru Ewropew (14) u jitlob ukoll għal integrazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bħala mezz biex jitħeġġu r-riformi strutturali. Il-KESE jaqbel li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata komplementarjetà u koordinazzjoni sħiħa mal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi ġdid u mtejjeb. Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ governanza mtejjeb li jinvolvi wkoll lil-livell reġjonali.

4.2.

L-Ewropa għandha taħdem lejn il-ħolqien ta’ qafas aktar sempliċi, aktar flessibbli u effettiv għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tagħha. Wieħed mill-objettivi tal-UE li jmiss jeħtieġ li jkun li d-diversi fondi tagħha tal-politika ta’ koeżjoni (agrikolu, soċjali, reġjonali, eċċ.) jiġu rregolati minn sett uniku ta’ regoli li jħeġġu bil-qawwa l-investiment integrat billi joffru soluzzjonijiet sempliċi. Il-KESE huwa wkoll favur sinerġija akbar ma’ u bejn programmi u għodod oħrajn ta’ finanzjament (l-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, eċċ.).

4.3.

L-indirizzar tal-aspetti varji ta’ wħud mill-isfidi ewlenin (soċjali, ambjentali, ekonomiċi, eċċ.) b’mod integrat jirrifletti l-ħtiġijiet tar-realtà b’mod aktar preċiż. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħejju u jimplimentaw programmi b’diversi fondi.

4.4.

Il-KESE jemmen li l-adozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq il-post hija essenzjali. Il-KESE jenfasizza wkoll li l-involviment tal-imsieħba fil-livell lokali biex jiġu identifikati l-potenzjal u l-ħtiġijiet tiegħu u biex jitnedew azzjonijiet fi sħubija bejn l-atturi lokali kollha sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi identifikati huwa l-approċċ li għandu jitħeġġeġ u jissaħħaħ. Kif kien indikat tajjeb mill-Kummissjoni, “iċ-ċaqliq lejn il-livell li jmiss ta’ żvilupp ekonomiku ma jistax jintlaħaq permezz ta’ politika waħda li hija tajba għal kulħadd, iżda se jirrikjedi investimenti u reazzjonijiet ta’ politika reġjonalment divrenzjati” (15).

4.5.

Il-KESE jitlob li jiġu kkunsidrati l-fatturi soċjali (bħal-livell ta’ inugwaljanza, il-faqar, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni, eċċ.) meta jiġu stmati r-rati ta’ kofinanzjament u r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika tal-aktar reġjuni żviluppati u ta’ tranżizzjoni. Meta jitqiesu dawn il-fatturi fil-livell tal-proġetti, ikun possibbli li jsir investiment f’azzjonijiet għall-aktar persuni vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, migranti jew minorenni mhux akkumpanjati) li, minħabba li jkunu preżenti f’mod sproporzjonat fl-aktar bliet u reġjuni żviluppati tal-UE, ma jkunux eliġibbli jew jiddependu fuq rati ta’ kofinanzjament eċċessivament għoljin.

4.6.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li d-diversi inizjattivi relatati mal-politika ta’ koeżjoni (strateġiji u programmi) tad-diversi livelli territorjali, kemm orizzontali (eż. strateġiji makroreġjonali bi programmi transnazzjonali) kif ukoll vertikali (bejn il-livelli territorjali differenti), ikunu konnessi aħjar.

4.7.

Jekk irridu nkomplu nimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni primarjament permezz ta’ proġetti differenti, irridu wkoll nissemplifikaw it-tħejjija tal-ambjent legali li fih jiġu implimentati. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l-2020 (16), il-KESE jemmen li l-pakkett regolatorju għandu jkun ħafna iktar sempliċi u jevita l-mikroġestjoni tal-fondi. Filwaqt li jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li tiżdied l-effiċjenza permezz ta’ ġestjoni aktar ċentrali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirreżisti dan u tipprovdi l-għodod meħtieġa biex jiġu ġestiti aktar fondi b’mod deċentralizzat.

4.8.

Għandu jiġi nnotat li l-kapaċità amministrattiva, b’mod partikolari tal-Istati Membri u tar-reġjuni żgħar, tista’ titqiegħed taħt pressjoni enormi matul il-fażijiet tal-bidu tal-perjodi ta’ programmazzjoni. Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-piż amministrattiv mhux neċessarju jitnaqqas b’mod sostanzjali għall-benefiċjarji (fil-proċess kollu mill-applikazzjoni għal proġett sal-istadju finali tiegħu) filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ assigurazzjoni tal-legalità u tar-regolarità.

4.9.

L-esperjenza wriet li ħafna drabi proġetti żgħar (taħt EUR 100 000) jista’ jkollhom impatt kbir mal-koorti l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. Madankollu, ta’ spiss jiġri wkoll li dawn l-istess koorti jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sinifikanti meta jaċċessaw tali fondi. Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li l-KESE qed jappella lill-Istati Membri biex jippromovu l-possibbiltà offruta mill-oqfsa leġislattivi attwali ta’ proċedura simplifikata għal aċċess għall-fondi għal proġetti ta’ daqs żgħir, qed iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tistħarreġ possibilitajiet ulterjuri li jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ atturi iżgħar.

4.10.

Il-KESE jirreferi għall-użu dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE jappoġġja dan iżda jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, meta tfassal tali strumenti, ikollu jitwettaq test bir-reqqa tal-adegwatezza biex jiġi żgurat li 1) strumenti bħal dawn ikunu adatti għall-Istati Membri kollha u 2) li dawn l-istrumenti jkunu adatti għall-SMEs u l-NGOs. Fejn jinstabu sitwazzjonijiet fejn ikun hemm nuqqas ta’ adegwatezza, ikun jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri alternattivi/kumpensatorji sabiex jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru jew entità ma jitqiegħdu fi żvantaġġ.

4.11.

Sabiex tiżdied il-kwalità ta’ ċerti aspetti ta’ implimentazzjoni (bħal pereżempju l-kummerċjalizzazzjoni, il-possibbiltajiet tekniċi għal avvenimenti, eċċ.), il-KESE jqis li s-settur pubbliku għandu jikkonsulta lis-soċjetà ċivili u lis-settur privat biex jibbenefika mill-esperjenza prattika tagħhom matul it-tħejjija. Jista’ jkun żbaljat li jkun mistenni li l-persunal ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika jifhem l-aspetti kollha involuti biex “prodott”isir popolari kif ukoll utli.

4.12.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri ulterjuri rigward l-armonizzazzjoni tal-indikaturi fl-Ewropa. Huwa essenzjali li tiġi żviluppata sistema ta’ monitoraġġ li tippreżenta riżultati kumplessi b’mod faċilment aċċessibbli kemm għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll għas-soċjetà f’sens usa’.

4.13.

Il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għandu jappoġġja wkoll modi ġodda ta’ integrazzjoni tal-intraprenditorija kummerċjali u impatti pożittivi soċjali/ambjentali. F’dan ir-rigward, it-tisħiħ tal-appoġġ għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali huwa essenzjali għall-Unjoni Ewropea.

5.   Komunikazzjoni ġenerali aktar effettiva

5.1.

Waħda mill-problemi ewlenin li jikkonċernaw il-politika ta’ koeżjoni hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva li ta’ spiss taffetwa lill-proġetti ffinanzjati mill-istess politika. Filwaqt li jirrikonoxxi d-diversi linji gwida ta’ komunikazzjoni fis-seħħ mill-Kummissjoni, huwa ċar li jrid isir ħafna aktar biex ikunu biżżejjed. Ta’ spiss ikun il-każ li jkun hemm ftit jew l-ebda għarfien dwar il-fatt li jkunu saru ċerti proġetti u/jew li fil-fatt ikunu ffinanzjati mill-UE. Dan jirriżulta fi ftit jew l-ebda apprezzament għall-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha għar-rieżami tal-obbligi ta’ pubbliċità attwali u taġġornahom b’mod sinifikanti filwaqt li tqis il-mezzi moderni tal-kanali ta’ komunikazzjoni diġitali. Il-proġetti tal-aħjar prattiki għandhom jintużaw aktar bħala eżempji prattiċi biex jitħeġġeġ użu aktar importanti u aħjar tal-fondi.

5.2.

Hemm bżonn li jittejjeb il-mod li bih jitkejjel l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni f’ċerti oqsma, bħall-inklużjoni soċjali, il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, iż-żieda fil-kompetittività tal-kumpaniji, jew it-titjib tas-servizzi ta’ amministrazzjoni pubblika. Jeħtieġ li l-impatt jiġi kkomunikat liċ-ċittadini tal-UE sabiex ikunu jistgħu jsiru konxji mis-suċċessi u l-fallimenti tal-politika.

5.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan strateġiku ta’ komunikazzjoni fi sħubija mal-imsieħba kollha kkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità. Il-KESE jemmen ukoll li l-komunikazzjoni tal-aħjar prattiki għandha tkun aċċessibbli b’mod faċli.

6.   L-iżgurar ta’ sħubija ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra

6.1.

Il-KESE jtenni l-importanza tal-governanza f’diversi livelli, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni strutturali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra fil-proċess ta’ programmazzjoni, implimentazzjoni, evalwazzjoni u monitoraġġ tal-użu tal-fondi. Wasal iż-żmien li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jieqfu jitkellmu biss dwar dan l-aspett u jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkun hemm parteċipazzjoni b’saħħitha u sinifikanti tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Dan se jkun jinvolvi responsabbiltà akbar mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll użu aktar effettiv u sinifikanti tal-fondi.

6.2.

Fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija (ECCP), il-KESE jitlob li dan jiġi rivedut u aġġornat f’konsultazzjoni diretta mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra. Il-KESE jappella wkoll li l-Kodiċi ta’ Kondotta jsir vinkolanti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-ECCP għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ fil-livelli kollha u jissaħħaħ b’garanziji u miżuri b’saħħithom li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu.

6.3.

Il-KESE huwa konvint li l-approċċ ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità jista’ jkollu ħafna vantaġġi u suċċess kbir bħala għodda Ewropea li tippermetti l-iżvilupp lokali integrat u l-involviment taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-livell lokali (17).

6.4.

Sabiex jissaħħu l-ħiliet u l-effettività tas-sħubija, il-KESE jappella għal miżuri ta’ bini ta’ kapaċità u għajnuna teknika għall-awtoritajiet pubbliċi urbani u oħrajn; l-imsieħba ekonomiċi u soċjali; is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet u l-korpi rilevanti li jirrappreżentawhom, l-imsieħba ambjentali u l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, id-drittijiet tal-persuni b’mard kroniku, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni. Il-KESE jixtieq jara wkoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni annwali mal-imsieħba rilevanti.

6.5.

Minħabba l-fatt li intrapriżi żgħar u mikro u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom diffikultajiet sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mill-fondi Ewropej b’mod ġenerali, il-KESE jappella għal darb’oħra biex jingħata appoġġ konsistenti u mdaqqas fir-rigward ta’ azzjonijiet li jsaħħu l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, jipprovdu coaching u mentoring u jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ intervent tagħhom. Dan jeħtieġ isir billi jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tal-aktar persuni vulnerabbli.

Brussell, l-20 ta’ Marzu 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)  COM(2017) 358 final, Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE.

(3)  Ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew.

(4)  COM(2017) 358 final, Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE.

(5)  Ir-Reġjun Tiegħi, l-Ewropa Tiegħi, Il-Futur Tagħna: Is-Seba’ rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

(6)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 1.

(7)  https://www.businesseurope.eu/sites/buseur/files/media/position_papers/ecofin/2017-06-09_eu_cohesion_policy.pdf.

(8)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116.

(9)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 9.

(10)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 52.

(11)  http://www.un.org/en/development/desa/news/population/world-urbanization-prospects-2014.html.

(12)  https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/communications/2011/territorial-agenda-of-the-european-union-2020.

(13)  https://ec.europa.eu/regional_policy/archive/themes/urban/leipzig_charter.pdf.

(14)  https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/resources/docs/qe-02-17-362-en-n.pdf u https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/resources/docs/qe-01-14-110-en-c.pdf.

(15)  European Commission (2017j) Competitiveness in low-income and low-growth regions: The lagging regions report, Commission Staff Working Document, SWD(2017) 132 final, Brussels, 10.4.2017.

(16)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/newsroom/pdf/simplification_proposals.pdf.

(17)  https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/opinions/advantages-community-led-local-development-clld-approach.