5.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment — Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja — Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE”

(JOIN(2018) 31 final)

(2019/C 228/14)

Relatur: Jonathan PEEL

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.12.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Ir-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

26.2.2019

Adottata fil-plenarja

20.3.2019

Sessjoni plenarja Nru

542

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

133/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja — Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE” (1), li nħarġet mill-Kummissjoni flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-UE fid-19 ta’ Settembru 2018.

1.1.1.

Din l-inizjattiva ttieħdet fl-aktar ħin opportun. L-ordni dinjija qed jinbdel bl-aktar rata mgħaġġla tiegħu fi kważi tletin sena, l-ordni tal-kummerċ internazzjonali ta’ wara l-gwerra qed jiffaċċja sfida sinifikanti, il-bilanċ tas-setgħa ekonomika globali qed jimxi lejn il-Lvant u s-setgħa tax-xiri globali Asjatika qed tikber b’mod esponenzjali.

1.2.

Madankollu, il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni hija opportunità mitlufa bil-kbir. Il-KESE jinnota bi tħassib kbir l-għadd ta’ diskrepanzi strateġiċi sinifikanti. Ir-realtajiet ekonomiċi u ġeopolitiċi ewlenin ma ġewx riflessi. Jidher li hemm ambizzjoni limitata u ftit ħsieb ġdid li jħares’ il quddiem. Ma ttiħditx l-opportunità li tingħata viżjoni reali dwar l-iżvilupp futur tar-relazzjoni tal-UE u l-konnettività mal-Asja, bi ftit rikonoxximent ċar tad-diversità jew tal-kumplessità wiesgħa tagħha.

1.2.1.

Ma hemm l-ebda pjan direzzjonali u lanqas indikazzjoni soda tal-għanijiet strateġiċi tal-UE, kemm jekk huma komplementari jew kompetittivi.

1.2.2.

Il-KESE jistaqsi x’inhi r-raġuni li wasslet biex ftit li xejn saret referenza, jekk saret, għall-ħafna żviluppi reċenti u ta’ importanza kritika li qed jolqtu kemm lill-UE kif ukoll lill-Asja. Bħal, pereżempju:

ma sar l-ebda tentattiv biex tiġi identifikata jew analizzata kwalunkwe waħda mill-isfidi strateġiċi kbar li l-Ewropa se tiffaċċja fir-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Asja;

ma kien hemm l-ebda inkoraġġiment jew eżami tal-kwistjonijiet ta’ konnettività jew ta’ investiment immexxija mill-Asja u mmirati kompletament jew parzjalment lejn l-Ewropa;

ma saret l-ebda referenza għall-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika jew kummerċjali ewlenin bejn l-UE u l-pajjiżi Asjatiċi ewlenin, li jew ġa qegħdin fis-seħħ jew għadhom qed jiġu żviluppati: l-ommissjoni ta’ kwalunkwe referenza għall-Ftehim reċenti ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, l-aktar ftehim sinifikanti ta’ dan it-tip (u li issa qiegħed fis-seħħ), hija sorprendenti;

l-ebda referenza taħt “konnettività bejn il-persuni” għal kwalunkwe djalogu eżistenti tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u l-Asja, speċjalment il-korpi ta’ monitoraġġ ewlenin tas-soċjetà ċivili stabbiliti skont dawn il-ftehimiet kummerċjali;

l-ebda tentattiv biex jiġi evalwat ir-rwol potenzjali għas-soċjetà ċivili, minkejja dan ir-rwol attiv ta’ monitoraġġ, speċjalment meta wieħed iqis li din it-tradizzjoni ftit li xejn hija mifruxa fl-Asja;

l-ebda tentattiv biex jiġu eżaminati kwistjonijiet soċjali, minkejja li dawn ta’ spiss huma suġġett ewlieni għal korpi bħal dawn — inkluża l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli numru 5), jew saħansitra d-drittijiet tal-bniedem;

ma jissemma xejn dwar l-Inizjattiva Ċiniża Belt and Road (BRI) — minkejja l-fatt li l-BRI mhux biss qed tiġi diretta lejn l-Ewropa iżda qed taffettwa wkoll lil kull pajjiż Asjatiku ieħor, u minkejja li qed tipproponi kummerċ attwali, infrastruttura u appoġġ finanzjarju;

l-ebda kunsiderazzjoni tal-potenzjal tal-BRI li ġġarrab djun kbar mingħajr ma toħloq ħafna impjiegi ġodda, u lanqas eżami tal-opportunitajiet jew l-isfidi strateġiċi potenzjali tagħha għall-Ewropa;

ma sar l-ebda tentattiv, ħlief b’mod aċċidentali, biex tiġi eżaminata l-Istrateġija tal-UE dwar l-Asja Ċentrali, u lanqas kif din qed tiġi affettwata mit-tattika strateġika fiż-żona li tinvolvi liċ-Ċina, lill-Federazzjoni Russa u lil bosta oħrajn, inklużi t-Turkija, l-Iran u l-Indja;

ma saret l-ebda referenza għal jew vautazzjoni tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika, stabbilita mir-Russja u li tinkludi pajjiżi Ewropej kif ukoll tal-Asja Ċentrali, u li għandha ambizzjonijiet għal espansjoni ulterjuri;

Ma saret l-ebda referenza għall-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija u l-interessi kunfliġġenti għar-riżorsi vasti tal-idrokarburi li jinsabu fl-Asja Ċentrali — ħlief għar-referenza tagħha “l-appoġġ [għall]-konnettività tal-enerġija kemm bejn u mas-sħab fl-Asja”;

l-ebda referenza għall-inizjattivi ta’ konnettività attwali fir-rigward tat-trasport jew l-enerġija, bħall-Kummissjoni Intergovernattiva għall-Kuritur tat-Trasport tal-Ewropa-Kawkasu-Asja (TRACECA) (2).

ma sar l-ebda tentattiv biex it-trasport u l-ħtieġa għall-infrastruttura fir-reġjun jintrabtu, pereżempju, mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli numru 9, li jkopri l-infrastruttura;

bl-istess mod, ftit li xejn issir referenza għall-isfidi li kemm l-UE kif ukoll l-Asja qed jaffaċċjaw biex jilħqu l-miri li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, b’mod partikolari fir-rigward tat-tniġġis ambjentali;

ma ssir l-ebda referenza għall-periklu dejjem jikber ta’ kunflitt armat, inkluż l-użu tat-teknoloġija tal-ispazju u dik diġitali, jew għall-ħtieġa ta’ djalogu mal-pajjiżi Asjatiċi hawnhekk;

ma ssir l-ebda referenza dwar l-aħjar mod kif issir ħidma ma’ pajjiżi Asjatiċi biex jissaħħu l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari d-WTO;

Saret biss referenza konċiża għall-Indja, minkejja d-daqs u s-saħħa potenzjali tagħha — u waħda biss għall-Iran, li qed isir dejjem aktar attur essenzjali fir-reġjun usa’.

1.3.

Madankollu, il-KESE jilqa’ l-enfasi li saret f’din il-Komunikazzjoni fuq konnettività sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli. Kif xieraq, din tisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi “ekonomija ċirkolari, b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u futur reżiljenti għall-klima biex [jintlaħqu] l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) u l-miri stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima”.

1.4.

Il-KESE jemmen li huwa fundamentali li l-UE tagħti rispons formali għall-BRI.

1.4.1.

Ħafna stennew li din il-Komunikazzjoni tkun tifforma parti essenzjali mir-rispons tal-UE għall-BRI, iżda din ma ssemmietx. Oriġinarjament, il-BRI kienet tissejjaħ “Silk Road Economic Belt” (il-Medda Ekonomika tat-Triq tal-Ħarir) — fejn “Silk Road” (it-Triq tal-Ħarir) kienet ir-rotta tal-konnettività storika bejn l-UE u l-Asja. L-UE diġà għandha Sħubija Strateġika maċ-Ċina. Il-BRI tfittex ukoll li tibni rabtiet effettivi bejn l-Asja u l-Ewropa: il-Komunikazzjoni hija ferm aktar vaga.

1.4.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni ġħar-rabta speċifika li saret mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (3) tal-Parlament Ewropew bejn il-BRI u l-“format”“16 + 1” bejn iċ-Ċina u 16-il pajjiż tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (inkluż 11-il Stat Membru). Dan ir-rapport qajjem tħassib dwar il-fatt li l-impenn taċ-Ċina biex tinvesti USD 3 biljun fl-infrastruttura f’dawn il-pajjiżi jista’ joħloq “djun kbar” għall-gvernijiet Ewropej rilevanti “mal-banek tal-Istat taċ-Ċina […] li ftit jiġġeneraw impjiegi fl-Ewropa”. Il-Kummissjoni tagħmel enfasi kbira fuq il-vijabbiltà fiskali u l-finanzjament innovattiv, iżda tinjora dan it-tħassib.

1.4.3.

Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li tiġi stabbilita konnessjoni formali bejn il-BRI u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-SDGs. F’laqgħat reċenti, ir-Round Table bejn l-UE u ċ-Ċina, li tinvolvi kemm lill-KESE kif ukoll lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali taċ-Ċina (CESC), approvat darbtejn din ir-rabta.

1.4.4.

Il-BRI trid taħdem fiż-żewġ naħat. Il-KESE jaqbel mal-Kamra tal-Kummerċ tal-UE fiċ-Ċina (EUCCC) li l-futur tagħha jiddependi mill-kummerċ u l-investiment li jidħlu b’mod ugwali fiż-żewġ direzzjonijiet. Dan se jeħtieġ li ċ-Ċina tiftaħ is-swieq tagħha. In-negozji tal-UE esprimew ukoll it-tħassib tagħhom, filwaqt li talbu aktar informazzjoni u trasparenza akbar qabel ma jinvolvu ruħhom fi proġetti bbażati fuq il-BRI. Dan it-tħassib huwa rilevanti b’mod ugwali fil-kuntest pan-Asjatiku.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu dedikati aktar riżorsi għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Asja, “id-dar ta’ żewġ terzi tal-popolazzjoni fqira tad-dinja”, kif jindika s-SEAE. Meta mqabbla mal-proporzjon ferm ikbar tal-baġit għall-iżvilupp tal-UE li jmur lejn l-Afrika u l-Amerika Latina, ir-riżorsi allokati għal bosta pajjiżi fqar tal-Asja mhumiex adegwati.

1.6.

Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha testendi l-istrumenti ekonomiċi tal-politika barranija, b’appoġġ għan-negozji Ewropej u b’mod partikolari l-konsorzji, diġà fis-seħħ għall-Afrika taħt l-awspiċi ta’ InvestEU, biex tkopri l-Asja u partijiet oħrajn tad-dinja. Appoġġ bħal dan għandu jitwettaq b’mod ugwali filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema fil-proċeduri tal-akkwist, anke f’pajjiżi terzi li jirċievu investimenti barranin.

1.7.

It-taqsima dwar l-enerġija hija qasira ħafna. Il-Kumitat iħeġġeġ li jiġi sfruttat l-għarfien konsiderevoli tal-UE fit-titjib tal-kooperazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex isir użu mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Aħna ninnutaw ukoll li ma saret l-ebda referenza għall-interessi kunfliġġenti differenti fir-rigward tar-riżorsi vasti tal-idrokarburi li jinsabu fl-Asja Ċentrali, u jiddispjaċina li ma saret l-ebda referenza għall-ilma, prodott bażiku strateġiku ieħor ferm importanti, essenzjali u potenzjalment perikoluż.

1.8.

Il-KESE jilqa’ l-kummenti tal-Komunikazzjoni dwar il-konnettività diġitali, speċjalment it-talba għal “ambjent tal-ICT paċifiku, sikur u mifutħ, filwaqt li [jiġu indirizzati] theddidiet taċ-ċibersigurtà u [jiġu protetti] [d]-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online, inkluża l-protezzjoni tad-data personali”. Madankollu, il-fatt li ma ssemma xejn dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-pajjiżi Ewropej jew Asjatiċi li jieħdu approċċi differenti ħafna fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet huwa diżappuntanti ħafna.

1.9.

Il-KESE kien sorpriż meta qara biss li l-UE “jenħtieġ li taħdem lejn il-konnessjoni tal-qafas żviluppat tajjeb tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) ma’ netwerks fl-Asja”: nirrepetu r-rakkomandazzjoni tagħna li għamilna għall-ewwel darba fl-2011 (4) li l-kurituri tat-trasport proposti taċ-Ċina u tal-EU għandhom jiġu allinjati bis-sħiħ, speċjalment l-infrastruttura ferrovjarja fejn ikun possibbli.

1.9.1.

Il-KESE jirrepeti wkoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-2015 li l-UE għandha tagħmel sforz akbar biex tikseb riżultati mit-TRACECA “biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ katina ta’ infrastruttura sostenibbli li tiżgura trasport multimodali (l-aktar fl-infrastruttura ferrovjarja u bit-triq) permezz ta’ rabta bejn il-kuritur u n-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-Ts)”.

2.   Sfond: l-importanza tal-Asja għall-UE

2.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni Konġunta “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja — Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE”, li nħarġet ftit qabel it-12-il summit tal-ASEM (5) fi Brussell f’Ottubru 2018, huwa ssemma bħala destinatarju.

2.2.

Din l-inizjattiva biex tiġi ddeterminata strateġija għal Konnettività Ewro-Asjatika ttieħdet fl-aktar ħin opportun. Id-dinja għaddejja minn bidla fundamentali u strutturali. Is-saħħa ekonomika u l-kapaċità tal-akkwist dejjem akbar tal-Lvant qed jaqbdu r-ritmu; l-ordni kummerċjali globali qed jiffaċċja l-akbar sfida tiegħu s’issa minħabba l-impożizzjoni mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti ta’ tariffi tal-importazzjoni unilaterali u mill-isfida tagħha fir-rigward tad-WTO; l-UE qed tiffaċċja sfida interna bla preċedent, filwaqt li bosta pajjiżi għaddejjin ukoll minn bidla interna serja (eż. ir-Renju Unit u t-Turkija), jew qed jerġgħu jippruvaw jistabbilixxu lilhom innifishom bħar-Russja jew l-Iran.

2.2.1.

Il-konnettività bejn l-UE u l-Asja ilha teżisti għal millennji. Qabel ma ġiet skoperta r-rotta tal-baħar fl-1497, din kienet issir primarjament permezz ta’ dawk li llum il-ġurnata huma magħrufa bħala t-Toroq tal-Ħarir. Din kienet tkopri ferm aktar mill-kummerċ; kienet tinkludi ċ-ċaqliq kollu li kien jinvolvi l-oġġetti, l-ideat u l-persuni, filwaqt li kienet tvarja mill-interazzjoni kulturali, mediċinali u reliġjuża sal-aċċess għal riżorsi ewlenin u l-innovazzjoni teknoloġika. Mill-Asja, ir-rotot tal-Punent kienu jinvolvu wkoll aċċess għall-Afrika, li llum il-ġurnata jidhru għal darb’oħra fil-BRI Ċiniża.

2.3.

Erba’ pajjiżi Asjatiċi ewlenin huma fost l-ewwel għaxar imsieħba kummerċjali tal-UE, b’mod partikolari ċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u l-Indja. Seba’ pajjiżi Asjatiċi oħra jidhru fost l-ewwel tletin. Minn dawn, l-UE diġà nnegozjat Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) jew Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) ewlenin mar-Repubblika tal-Korea (nru 8), li daħlu fis-seħħ fl-2011, mal-Ġappun (nru 6), li daħlu fis-seħħ issa, u ma’ Singapore (nru 14) u l-Vjetnam (nru 19), fejn għad irid jingħata l-kunsens tal-PE. In-negozjati għal FTAs tal-UE mal-Indoneżja (nru 29), mal-Malasja (nru 21) u mat-Tajlandja (nru 24) u ma’ pajjiżi oħra tal-ASEAN jew għadhom għaddejjin jew bħalissa jinsabu weqfin.

2.3.1.

Kull FTA jew FSE ffirmat jinkludi kapitolu dwar il-Kummerċ b’saħħtu u l-Iżvilupp Sostenibbli li jinvolvi rwol ta’ monitoraġġ attiv tas-soċjetà ċivili u fejn min-naħa tiegħu, il-KESE huwa involut ħafna (kopert b’mod estensiv f’opinjonijiet oħra reċenti tal-KESE (6)). Ġew iffirmati wkoll Ftehimiet separati dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti (IPAs) kemm ma’ Singapore kif ukoll mal-Vjetnam, iżda dawn għadhom ma ntlaħqux mal-Ġappun.

2.3.2.

Min-naħa l-oħra, in-negozjati maċ-Ċina (nru 2) għal Ftehim ta’ Investiment komprensiv u awtonomu bdew fl-2013 iżda qed jipproċedu bil-mod: bħalissa għaddejja l-20 laqgħa ta’ negozjati. In-negozjati għal FTA mal-Indja (nru 9) bdew fl-2007, madankollu ilhom weqfin mill-2013.

2.3.3.

Il-KESE jinnota b’sorpriża kbira li l-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza għal xi wieħed minn dawn il-ftehimiet jew in-negozjati.

2.4.

L-Asja tammonta għal madwar 60 % tal-popolazzjoni tad-dinja, għal madwar 35 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, u 45 % tal-importazzjonijiet tagħha. Kif jirrimarka s-sit web (7) tas-SEAE, minbarra l-imsieħba industrijalizzati b’introjtu għoli u l-ekonomiji emerġenti dinamiċi, “fiha jgħixu żewġ terzi tan-nies foqra tad-dinja”. Dan jiddikjara wkoll li “għalhekk il-kooperazzjoni ta’ żvilupp tibqa’ prijorità fuq l-aġenda tal-UE” mal-Asja, b’allokazzjoni ta’ aktar minn EUR 5 biljun, filwaqt li jżid jgħid li “qed jiġu implimentati b’mod konġunt politiki biex jiġu indirizzati sfidi komuni, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-prevenzjoni u r-rispons għad-diżastri naturali u tal-bniedem”. Madankollu, l-ammonti allokati għall-Afrika u l-Amerika Latina huma relattivament ħafna akbar.

2.5.

L-Asja tkopri diversità kbira ta’ persuni u kulturi: approċċ universali ma jkunx tajjeb. Din qatt ma tista’ tirrifletti l-UE. Id-drittijiet tal-bniedem u l-approċċ lejn il-kwistjonijiet soċjali jvarjaw ħafna madwar l-Asja. Minbarra l-forzi ekonomiċi tal-Lvant tal-Asja u tal-Indja (fejn l-iżvilupp ekonomiku għad irid jissodisfa l-aspettattivi), il-pajjiżi jvarjaw ħafna minn xulxin. Anke s-sħubija tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tvarja minn Singapore sat-tliet pajjiżi l-inqas żviluppati tal-Myanmar, il-Laos u l-Kambodja.

2.6.

Min-naħa tiegħu, il-Kumitat reċentement fassal diversi opinjonijiet orjentati lejn l-Asja, speċjalment fir-rigward tan-negozjati tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll żewġ opinjonijiet dwar l-Asja Ċentrali (8); it-tieni opinjoni fl-2015 tfasslet fuq it-talba tal-Presidenza Latvjana tal-UE ta’ dak iż-żmien.

3.   Kummenti ġenerali: elementi fundamentali?

3.1.

Intlaqgħet l-enfasi tal-Komunikazzjoni fuq konnettività sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli, għalkemm hija pjuttost ġenerali. Din tinkludi l-ħarsien tal-ambjent, is-sikurezza u s-sigurtà kif ukoll id-drittijiet soċjali u individwali, flimkien mal-ħtieġa għal kompetizzjoni ġusta u trasparenti. Din tisħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu promossi “ekonomija ċirkolari, b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u futur reżiljenti għall-klima biex [jintlaħqu] l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) u l-miri stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima”.

3.2.

Il-KESE kien ikun mħasseb ħafna kieku l-Komunikazzjoni ma spjegatx dan kollu, mhux l-inqas peress li dawn it-temi ewlenin ilhom jiġu enfasizzati u żviluppati minn mindu tfasslet il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-Kummerċ: “L-Ewropa Globali”. Din fittxet li tiżgura li l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali u tal-valuri Ewropej “jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f’pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja” (9). Dawn it-temi ġew żviluppati mill-Komunikazzjoni tal-2015 “Kummerċ għal kulħadd (10).

3.3.

Għalhekk, aħna nappoġġjaw bis-sħiħ il-premessa sottostanti tal-Komunikazzjoni Konġunta, li għandha ton ta’ inkoraġġiment. Minkejja dan, jidher li hemm distakk kbir mal-bosta żviluppi reċenti li saru fl-Asja, speċjalment dawk li maż-żmien jistgħu jippreżentaw sfidi strateġiċi fil-konfront tal-Ewropa nnifisha. Tali żviluppi jvarjaw mill-BRI, l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO) saż-żieda fl-interkonnettività bejn ir-Russja, iċ-Ċina, l-Asja Ċentrali, it-Turkija, l-Iran u saħansitra l-Indja, b’mod partikolari fir-rigward tal-enerġija u t-trasport.

3.3.1.

Il-fatt li ma ttiħditx l-opportunità biex tingħata kwalunkwe viżjoni reali fir-rigward tal-iżvilupp futur tar-relazzjoni u tal-konnettività tal-UE mal-Asja huwa diżappuntanti ħafna. Ma ġiex analizzat dak li l-pajjiżi Asjatiċi jistgħu jkunu iridu mill-UE: investiment? Swieq? Għajnuna fil-bini tal-kapaċità? Id-dokument huwa aktar miktub bħala lista ta’ “elementi fundamentali” li diġà huma fis-seħħ, pjuttost milli jistabbilixxi xi firxa ta’ ambizzjoni fir-rigward ta’ dak li l-UE tixtieq tibni, b’mod pożittiv, għall-futur. Ftit li xejn jidher li hemm viżjoni innovattiva li tħares ’il quddiem, speċjalment “minn perspettiva immaġinattiva”.

Forsi dan qatt ma kien l-għan tal-Komunikazzjoni Konġunta, iżda aħna nemmnu li ntilfu għadd kbir ta’ opportunitajiet essenzjali. Dawn diġà ġew deskritti fid-dettall hawn fuq.

4.   Konnettività

4.1.

It-tema ewlenija tal-Komunikazzjoni hija l-konnettività. Din issegwi d-definizzjoni li ġiet stabbilita mil-laqgħa Ministerjali tal-ASEM f’Novembru 2017 Minkejja li din min-naħa l-oħra kienet fil-mira tas-summit li sar fl-2018, l-ASEM ma tqisitx. Hawnhekk il-konnettività tkopri firxa wiesgħa ħafna ta’ kwistjonijiet, separati f’sitt oqsma speċifiċi. Dawn jinkludu l-infrastruttura tal-ferroviji, tat-toroq, tal-ajru u tal-baħar, l-infrastruttura tal-enerġija (l-elettriku, l-gass), l-ICT, l-IA u l-grilji intelliġenti, u r-relazzjonijiet ta’ kummerċ u ta’ investiment, kif ukoll id-dimensjoni essenzjali ta’ bejn il-persuni.

4.2.

Fir-rigward tal-“konnettività sostenibbli”, il-Komunikazzjoni żżid il-“vijabbiltà fiskali”, li ġiet estiża fit-taqsima aktar ’il quddiem bħala “sħubiji internazzjonali fil-finanzi” u ġiet koperta fil-fond. Filwaqt li din tinkludi referenza għall-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), li l-Istati Uniti ma tantx jarawh b’għajn tajba, ma saret l-ebda referenza għat-tħassib li tqajjem mill-PE (11) dwar l-“Inzjattiva 16 + 1” Ċiniża li toħloq djun kbar u ftit impjiegi fl-Ewropa, mhux li dawn l-effetti jistgħu jieqfu jew fil-fatt jieqfu fil-fruntieri tal-UE. Dan ġie wara l-impenn taċ-Ċina li sar fis-Summit tal-2017 biex jiġu investiti USD 3 biljun fl-infrastruttura f’dawn is-16-il pajjiż Ewropew, filwaqt li l-PE enfasizza l-fatt li proġetti bħal dawn “ma jridux jingħataw permezz ta’ proċess ta’ sejħa għall-offerti mhux trasparenti”.

4.2.1.

Il-PE talab lill-Istati Membri jaħdmu ferm aktar mill-qrib biex jiżguraw “li ma jkun hemm l-ebda kompromess tal-interessi nazzjonali u Ewropej għal appoġġ finanzjarju fuq terminu qasir”. Dan it-tħassib ġenerali ġie rifless fil-proposta tal-UE li tirrigwarda l-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea (12).

4.2.2.

Il-Kumitat jinnota li, filwaqt li għall-Afrika hemm strumenti ta’ appoġġ tal-UE għan-negozji u l-konsorzji Ewropej, dawn ma jeżistux għall-konnessjonijiet bejn l-Asja u l-Ewropa. Mhux l-inqas peress li dan iqiegħed lil dawn in-negozji fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji Ċiniżi li huma appoġġjati mill-BRI, aħna nemmnu li l-Kummissjoni issa jeħtiġilha testendi din il-politika fis-seħħ għall-Afrika, u li InvestEU jiġi estiż biex ikopri r-riskji tal-investiment kemm fl-Asja kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja. Appoġġ bħal dan għandu jitwettaq b’mod ugwali filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema fil-proċeduri tal-akkwist, anke f’pajjiżi terzi li jirċievu investimenti barranin.

4.3.

Min-naħa l-oħra, il-“konnettività komprensiva” tinkludi l-konnettività tat-trasport, diġitali u tal-enerġija. Fir-rigward tal-konnettività diġitali, it-taqsima 3.2 tal-Komunikazzjoni tirreferi għal rabtiet tan-netwerk b’kapaċità għolja, aċċess universali u affordabbli għall-Internet, u “ambjent tal-ICT paċifiku, sikur u miftuħ, filwaqt li [jiġu indirizzati] theddidiet taċ-ċibersigurtà u [jiġu protetti] [d]-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online, inkluża l-protezzjoni tad-data personali”. Madankollu, ma ssemma xejn dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawk il-pajjiżi li jieħdu approċċi differenti ħafna fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet.

4.4.

Fir-rigward tat-trasport, il-Komunikazzjoni tirrimarka li 70 % tal-kummerċ jinġarr bil-baħar u 25 % jinġarr bl-ajru, fatt inevitabbli minħabba d-distanzi involuti. Madankollu, aħna ninnotaw li, fl-indirizzar tal-formalitajiet doganali, jidher li l-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO li daħal fis-seħħ fi Frar 2017 ma tqies bl-ebda mod.

4.4.1.

Din tirrikonoxxi li l-potenzjal għat-tkabbir fit-trasport huwa sostanzjali, filwaqt li rrimarkat li l-“ġarr bil-ferrovija jibqa’ relattivament marġinali”. It-trasport bil-baħar huwa ferm aktar xieraq għal bosta pajjiżi Asjatiċi u vapur jista’ jġorr sa 200 darba aktar kontenituri minn ferrovija. Iżda t-trasport bil-baħar huwa kwistjoni globali u mhux Asjatika. Din iżżid li “t-trasport bit-triq ġeneralment jagħmel sens fuq distanzi medji ... u bħala netwerk ta’ trasport sekondarju”. Iżda għaliex ma saret l-ebda referenza għall-Kummissjoni Intergovernattiva TRACECA (13)?

4.4.2.

Rakkomandazzjoni ewlenija tal-Opinjoni tal-KESE tal-2015 dwar l-Asja Ċentrali (14) kienet li l-UE għandha tagħmel sforz akbar biex tikseb riżultati mit-TRACECA “biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ katina ta’ infrastruttura sostenibbli li tiżgura trasport multimodali (l-aktar fl-infrastruttura ferrovjarja u bit-triq) permezz ta’ rabta bejn il-kuritur u n-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-Ts)”.

4.4.3.

Il-KESE rrimarka li “għall-UE, it-TRACECA għadha inizjattiva importanti. Din hija programm internazzjonali biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi, il-kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni mill-baċir tal-Baħar l-Iswed sal-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali abbażi ta’ sistemi tat-trasport eżistenti, permezz tar-rieda politika u l-aspirazzjonijiet komuni tat-13-il Stat Membru tagħha”. Jekk ikun hemm kwistjonijiet ta’ korruzzjoni f’dan ir-rigward, dawn iridu jiġu indirizzati direttament.

4.4.4.

Il-KESE jinsab sorpriż ukoll bil-fatt li kulma ġie propost huwa li l-UE “jenħtieġ li taħdem lejn il-konnessjoni tal-qafas żviluppat tajjeb tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) ma’ netwerks fl-Asja”. L-Opinjoni tagħna tal-2015 tenniet “ir-rakkomandazzjoni [tagħna] tal-2011 li l-kurituri ta’ trasport proposti miċ-Ċina u l-UE jiġu allinjati kompletament, mhux l-inqas fl-infrastruttura ferrovjarja fejn dan hu possibbli”. Il-KESE jerġa’ jirrepeti dan fl-2019.

4.4.5.

Din l-Opinjoni nnotat ukoll li “l-bini ta’ triq moderna u interoperabbli u l-bini ta’ infrastruttura ferrovjarja strateġika fir-Rotta tal-Ħarir huwa interess ewlieni għaċ-Ċina, l-UE u r-Russja wkoll. L-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan ir-reġjun permezz ta’ infrastruttura moderna u affidabbli għandha toffri opportunità maġġuri mhux biss għal integrazzjoni ekonomika reġjonali ikbar iżda anke biex tiġi promossa l-mobbiltà tal-persuni u l-iskambju multikulturali, li min-naħa tagħhom iwasslu għal ambjent aħjar għal-avvanz tal-istat tad-dritt u d-demokrazija”. Fid-dawl tal-SDG 9 (Il-bini ta’ infrastruttura reżiljenti, il-promozzjoni tal-industrijalizzazzjoni sostenibbli u t-trawwim tal-innovazzjoni), dan saħansitra huwa aktar urġenti.

4.4.6.

Jiddispjaċina wkoll għall-fatt li ma ssemma xejn dwar l-estensjoni tal-konnessjonijiet tat-toroq u tal-ferroviji lejn l-Indja u x-Xlokk tal-Asja, minkejja l-bini tat-toroq konsiderevoli reċenti kemm fl-Asja Ċentrali kif ukoll fl-Iran. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Istati Uniti abbandunaw il-Ftehim tal-PAKK (15) jista’ jkun fattur ewlieni.

4.5.

It-taqsima dwar il-konnettività tal-enerġija (3.3) hija qasira ħafna. Preċedentement, il-KESE rrakkomanda li “l-vijabbiltà tar-rabtiet tal-UE mar-riservi ta’ enerġija potenzjali u konsiderevoli tal-Asja Ċentrali għandhom ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi u ekonomiċi. L-UE għandha raġun li tieħu sehem fl-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f’dawn il-pajjiżi, mhux l-inqas għax ir-riservi tagħhom joffru lill-Ewropa sorsi ta’ enerġija addizzjonali u komplementari (bil-kontra ta’ alternattiva), għad li dawn huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ transitu u trasport. Madankollu, se jkun importanti li jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim potenzjali maċ-Ċina fil-kuntest tal-interess reċiproku tagħna li nżidu l-provvisti tal-enerġija mill-Asja Ċentrali”.

4.5.1.

Għal darb’oħra l-KESE jirrepeti r-rakkomandazzjoni tiegħu “li jiġi sfruttat l-għarfien konsiderevoli tal-UE fit-titjib tal-kooperazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex isir użu mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, peress li hemm potenzjal kbir mhux użat fir-reġjun”.

4.5.2.

Il-KESE jinnota b’sorpriża li l-ilma ma ssemmiex minkejja li huwa prodott bażiku essenzjali għall-parti l-kbira tal-Asja, b’potenzjal reali għal kunflitt. Il-ġestjoni tal-ilma, bħas-sostenibbiltà ambjentali, għandha importanza kritika, b’mod partikolari l-effiċjenza tal-ilma u l-ħela tal-ilma.

4.5.3.

It-tibdil fil-klima se jaggrava l-iskarsezzi tal-ilma. Diġà hemm il-potenzjal ta’ kunflitt fi ħdan l-Asja Ċentrali bejn dawk il-pajjiżi li għandhom l-ilma iżda li m’għandhomx riżorsi serji ta’ idrokarburi u dawk li għandhom iż-żejt u l-gass — iżda m’għandhomx ilma. Il-bini potenzjali ta’ digi fi xmajjar ewlenin, bħall-Mekong, jibqa’ tħassib pendenti, filwaqt li t-tidwib tat-“tielet pol”, l-għata tas-silġ tal-Ħimalaja, jista’ wkoll ikun mistenni li jippreżenta sfida partikolari.

5.   L-inizjattiva Belt and Road u kunsiderazzjonijiet usa’ bejn l-UE u l-Asja

5.1.

Mhux il-KESE biss se jkun sorpriż bil-fatt li l-Komunikazzjoni ma semmietx il-BRI: bosta kienu qed jistennew li din tifforma parti essenzjali mir-rispons tal-Ewropa.

5.1.1.

Meta tnediet għall-ewwel darba f’Astana fl-2013 mill-President XI, il-BRI kienet tissejjaħ “Silk Road Economic Belt” (il-Medda Ekonomika tat-Triq tal-Ħarir) — is-“Silk Roads” (it-Toroq tal-Ħarir) huma r-rotta ta’ konnettività storika bejn l-UE u l-Asja.

5.1.2.

Inizjalment, il-BRI kienet sostnuta b’fond ta’ USD 16,3 biljun, iżda issa ferm ogħla: din offriet flus reali. L-għan tagħha ma kienx biss li tibni rabtiet aktar mill-qrib mal-Ewropa, iżda din kienet parti minn viżjoni usa’ biex tiġi estiża l-kooperazzjoni reġjonali bejn iċ-Ċina u pajjiżi Asjatiċi oħra, kif ukoll l-Afrika, biex tittejjeb il-konnettività reġjonali, jissaħħu l-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi u jiġu estiżi r-rabtiet bejn il-persuni. Issa din għandha l-għan li tibni kummerċ u infrastruttura li jinvolvu aktar minn sebgħin pajjiż bl-art u bil-baħar, filwaqt li żżid l-investiment, l-iżvilupp, ir-rabta finanzjarja u interpersonali — sinjal b’saħħtu tax-xewqa taċ-Ċina biex taqdi rwol akbar fil-livell globali, minkejja li bosta (inklużi l-Indja u l-Ġappun) huma mħassba dwar ir-rabtiet politiċi u finanzjarji involuti.

5.1.3.

Il-Kumitat jemmen li huwa fundamentali li l-UE tagħti rispons formali għall-BRI. Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija importanti. Filwaqt li l-BRI għandha l-għan li tipprovdi rabtiet ta’ infrastruttura, trasport u kummerċ effettivi, dak li toffri din il-Komunikazzjoni huwa ferm aktar vag. L-UE trid li, fil-futur, it-toroq iwasslu għal Beijing, flok għal Ruma?

5.2.

Il-BRI hija fattur essenzjali fil-konnettività bejn l-UE u l-Asja. Diġà saret referenza għat-tħassib espress mill-PE. Min-naħa tagħha, il-EUCCC enfasizzat li l-BRI trid tkun bidirezzjonali, filwaqt li sostniet li l-futur tagħha “jiddependi fuq il-kummerċ u l-investiment li jsiru bl-istess mod fiż-żewġ direzzjonijiet, li se jirrikjedi liċ-Ċina tiftaħ is-swieq tagħha”.

5.2.1.

L-EUCCC temmen li s-suċċess tal-BRI “se jiddependi ħafna fuq swieq miftuħa, kummerċ ibbilanċjat, trasparenza u reċiproċità”. Din tirrimarka l-ħtieġa fl-Asja, bħal f’kull post ieħor, għal infrastruttura soda, filwaqt li ssostni li “konnettività mtejba tista’ tkun kontribtur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, u b’hekk tali approċċ huwa fl-interess tal-parteċipanti kollha f’dan il-proġett ambizzjuż”. Din titlob li jiġu implimentati “proċessi ta’ akkwist pubbliku trasparenti...li se jippermettu lill-kumpaniji Ewropej u Ċiniżi, u speċjalment lil kumpaniji privati, jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi ma’ proġetti li jingħataw lill-offerenti l-aktar b’saħħithom. Jekk ma jsirx dan, hemm probabbiltà kbira li l-fondi jinħlew u li l-proġetti ma jirnexxux” (16).

5.2.2.

Il-Komunikazzjoni (it-taqsima 5.3) titkellem ukoll dwar “kundizzjonijiet ekwi għan-negozji”. In-negozji tal-UE esprimew it-tħassib tagħhom, filwaqt li talbu wkoll trasparenza akbar u involviment akbar tal-kumpaniji fi stadju bikri fil-proġetti tal-BRI, sabiex ikun hemm diliġenza dovuta, valutazzjoni tal-vijabbiltà kummerċjali u jiġi żgurat li japplikaw ukoll ekonomija tas-suq ibbażata fuq ir-regoli u akkwist pubbliku mhux diskriminatorju.

5.3.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-SDGs. Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li ssir rabta formali bejn l-SDGs u l-BRI. Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2017 tar-Round Table UE-Ċina (17)“tenfasizza li l-implimentazzjoni tal-BRI għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Aġenda 2030 tan-NU u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”.

5.3.1.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2018 (18) sostniet ukoll li “fir-rigward tal-inizjattivi ta’ infrastruttura importanti, bħala sħab kummerċjali u ta’ investiment importanti, l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom ikomplu jallinjaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ewlenin, u jsaħħu l-kooperazzjoni fil-kummerċ, l-iffaċilitar tal-investiment, il-kummerċ elettroniku, il-konnettività, l-infrastruttura, l-IT, l-enerġija, il-kuntatti bejn il-persuni u oqsma oħra”. Din żiedet tgħid li l-awtoritajiet taż-żewġ naħat għandhom “jiżguraw li l-inizjattivi u l-proġetti konġunti kollha jkunu sostenibbli mil-lat fiskali u ambjentali, u b’hekk, jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs”. Din irrimarkat li “kemm l-Aġenda 2030 kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi jenfasizzaw il-ħtiġijiet pendenti għal infrastruttura globali, u temmen li l-SDGs kollha jeħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-BRI u tal-Istrateġija Ewroa-Asjatika dwar il-Konnettività”.

5.3.2.

Ir-Round Table kkonkludiet “li, sabiex il-proġetti ewlenin ikunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, jeħtieġ li jwasslu benefiċċju reċiproku u jkunu trasparenti, interoperabbli, reċiproċi u sostenibbli, ibbażati fuq il-konsultazzjoni, il-kontribut u l-benefiċċji kondiviżi”.

5.4.

Fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet usa’ għall-konnettività bejn l-Asja u l-UE, huwa ċar li ħafna mill-kwistjonijiet rilevanti għall-BRI għandhom applikazzjoni ħafna usa’. Pereżempju, il-Komunikazzjoni tagħmel enfasi fuq l-SDGs, iżda dan mhuwiex spjegat fid-dettall. L-aktar SDGs rilevanti, mhux biss għall-BRI, iżda għall-konnettività pan-Asjatika, jinkludu:

Għan 6 (Ilma nadif u sanità),

Għan 7 (L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd),

Għan 9 (Il-bini ta’ infrastruttura reżiljenti, il-promozzjoni ta’ industrijalizzazzjoni sostenibbli u t-trawwim tal-innovazzjoni),

Għan 8 (Il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u xogħol deċenti għal kulħadd), u

Għan 14 (Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar).

5.4.1.

Jeħtieġ li jitqiesu wkoll bosta SDGs oħra, b’mod partikolari l-Għan 5 (il-Ksib ta’ ugwaljanza tal-ġeneru), l-Għan 11 (Bliet u Komunitajiet Sostenibbli), l-Għan 12 (L-iżgurar ta’ xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli), u l-Għan 15 (Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, il-waqfien u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni tal-art, il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità).

5.5.

Kif xieraq, il-Komunikazzjoni tpoġġi enfasi kbira fuq il-“konnettività bbażata fuq ir-regoli”. Hawnhekk, id-WTO taqdi rwol sinifikanti, li bħalissa qiegħed taħt theddida mill-Ammistrazzjoni ta’ Trump fl-Istati Uniti. Kompitu ewlieni tad-WTO huwa li tippromovi t-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali, b’mod partikolari permezz tas-sistema tagħha “rieżami bejn il-pari” fejn il-prattiki kummerċjali tal-membri tagħha jiġu rieżaminati regolarment. Id-WTO hija l-forum it-tajjeb fejn it-tħassib, bħal dak li tqajjem mill-Istati Uniti fir-rigward taċ-Ċina, inkluż id-dumping u s-sussidji moħbija, għandu jiġi indirizzat.

5.5.1.

Għal dan u għal ħafna raġunijiet ġeopolitiċi oħra, fid-dawl tat-tkabbir esponenzjali fil-kummerċ għal numru kbir ta’ stati Asjatiċi, l-appoġġ pożittiv għad-WTO se jkun b’saħħtu, u l-Asja se tappoġġja b’mod mifrux lill-UE hi u tippromovi d-WTO, ir-rwol u l-attivitajiet ewlenin tagħha.

5.5.2.

Il-mira speċifika tal-SDG 17 (Ħajja mill-ġdid għas-Sħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli) hija li “[tippromovi] sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwitabbli taħt id-WTO”. Hekk kif spjegat fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Nairobi (19), il-kummerċ internazzjonali jista’ jkollu rwol għall-ksib ta’ tkabbir sostenibbli, robust u bbilanċjat għal kulħadd, filwaqt li ġie enfasizzat li dan se jkun ferm aktar diffiċli mingħajr mekkaniżmu kummerċjali multilaterali effettiv.

6.   It-tisħiħ tal-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili

6.1.

Kif issemma, mill-2011 ’il quddiem beda jiġi inkluż kapitolu dwar il-Kummerċ b’saħħtu u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-FTAs tal-UE u fil-FSE kollha, bi rwol ta’ monitoraġġ attiv li jinvolvi lis-soċjetà ċivili.

6.1.1.

Madankollu, ir-rwol u l-kunċett tas-soċjetà ċivili huma differenti ħafna fl-Asja milli daqskemm huma fl-Ewropa, jew f’postijiet oħra. It-twaqqif ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili effettiv fil-FTA UE-Korea kien ikun ta’ suċċess kieku kien impenn fit-tul. Bħalissa qed jiġi stabbilit mekkaniżmu simili bejn l-UE u l-Ġappun, mibni permezz ta’ kuntatt dejjiemi, fil-fond u li jħalli l-frott. Madankollu, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu għal Singapore u lanqas għal Vjetnam biex jiġi żviluppat wara r-ratifika. Aktarx li jsegwu pajjiżi oħra tal-ASEAN, b’mod partikolari l-Indoneżja. Minkejja li dan huwa l-parti essenzjali għall-konnettività tal-UE mas-soċjetà ċivili fl-Asja, hawnhekk il-Komunikazzjoni tibqa’ siekta.

6.2.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-kunċett tal-konnettività bejn il-persuni fil-Komunikazzjoni. Din tirreferi speċifikament għall-“konnettività u l-mobbiltà fost l-istudenti, l-akkademiċi u r-riċerkaturi (it-taqsima 3.4) bħala ” kruċjali għal fehim reċiproku u għat-tkabbir ekonomiku”, filwaqt li tenfasizza l-programm Erasmus u l-“azzjonijiet Marie Skłodowska Curie”. Il-biċċa l-kbira tal-konnettività bejn il-persuni tirriżulta mill-kummerċ, it-turiżmu jew l-isport, għalkemm l-UE stabbilixxiet firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ djalogu maċ-Ċina, l-Indja u oħrajn.

6.2.1.

L-involviment taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tal-programmi edukattivi u ta’ skambju huwa partikolarment importanti. Il-programm Erasmus+ rivedut u li huwa mfittex ħafna huwa essenzjali. Dan jgħin biex jiġu żviluppati rabtiet edukattivi aktar profondi, u l-mobbiltà fil-livell terzjarju, li għandu jkun akkumpanjat mill-iffaċilitar tal-viża u t-tneħħija tat-tariffi għal dawk l-istudenti bl-akbar talent. Madankollu, dan il-programm huwa globali, u minħabba d-diversità fl-Asja mhuwiex faċli jew saħansitra mixtieq li jinkiseb kuntest Asjatiku speċifiku.

6.2.2.

Iżda dan irid jaħdem b’mod bidirezzjonali: l-Asja għandha wkoll ħiliet ta’ livell għoli x’toffri. Ħafna pajjiżi Asjatiċi huma aktar interessati fir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, mobilità akbar tax-xogħol u aċċess faċli għall-viżi, kif diġà ntwera mill-impass fin-negozjati mal-Indja.

6.3.

Madankollu, l-UE jeħtieġ li taħdem aktar biex tirbaħ il-qlub u l-imħuħ fl-Asja. B’mod diżappuntanti, il-Komunikazzjoni ftit li xejn issemmi d-drittijiet tal-bniedem (forsi minħabba d-diversità madwar l-Asja), l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni. L-UE trid tħeġġeġ miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja. L-Asja b’mod ġenerali qed tiffaċċja sfidi diffiċli minħabba t-tranżizzjoni problematika u mifruxa minn ekonomiji ppjanati għal ekonomiji nazzjonali orjentati aktar lejn is-suq, imxekkla bħal dejjem minn perjodi endemiċi ta’ taqlib etniku, ambjentali u ekonomiku, biex ma nsemmux il-korruzzjoni.

Brussell, l-20 ta’ Marzu 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  JOIN(2018) 31 final.

(2)  www.traceca-org.org/en/traceca/

(3)  EP 2017/2274(INI), il-11 ta’ Lulju 2018.

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja-Ċentrali (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 1), u Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 49).

(5)  Laqgħa Asja-Ewropa, magħmula minn 30 pajjiż Ewropew u 21 pajjiż Asjatiku.

(6)  Inklużi l-Opinjonijiet dwar (i) Ir-rwol tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, (ii) il-Kummerċ għal Kulħadd — Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123), u (iii) Il-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27).

(7)  https://eeas.europa.eu/regions/asia/334/asia_en

(8)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(9)  COM(2006) 567 final, punt 3.1.iii.

(10)  COM(2015) 497 final.

(11)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(12)  COM(2017) 487 final.

(13)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Il-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt tal-2015 li ġie ffirmat mal-Iran.

(16)  Kif reġa’ ġie ddikjarat fis-27 ta’ Mejju 2017.

(17)  Il-15-il Round Table UE-Ċina.

(18)  Is-16-il Round Table UE-Ċina.

(19)  Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Nairobi.