16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/33


Opinjoni tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament”

(COM(2018) 812 final — 2018/0412 (CNS))

u dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija”

(COM(2018) 819 final — 2018/0415(CNS))

(2019/C 240/08)

Relatur: Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.12.2018

Bażi ġuridika

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

12.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tintroduċi aktar regoli li jiżguraw il-proporzjonalità u jsaħħu ċ-ċertezza legali għan-negozjanti li joperaw interfaċċi elettroniċi, li jiffaċilitaw il-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi fl-UE, speċjalment meta jiġu trattati bħala fornituri.

1.2.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-iskop tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni regolari mal-fornituri tal-pagamenti abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari. Ir-riżultati promettenti mistennija wara l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda se jiżguraw aktar riżorsi għall-baġits nazzjonali u tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u simplifikati għan-negozji li jimxu mar-regolamenti tat-taxxa.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-approċċ regolatorju adottat mill-Kummissjoni huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku hija komuni għall-Istati Membri kollha u li l-leġislazzjoni Ewropea hija l-aktar għodda effiċjenti biex tappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-kisba tal-informazzjoni meħtieġa biex jikkontrollaw il-provvisti transkonfinali tal-VAT. B’kuntrast, diversi inizjattivi leġislattivi mwettqa fil-livell nazzjonali ma jkunux xierqa biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet relatati mal-frodi tal-VAT u jirriżultaw f’xenarju regolatorju kkumplikat wisq.

1.4.

Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta se timplika skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, li issa hija rregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”) (1). F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu rispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-GDPR u l-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tad-data għall-għan uniku u strettament limitat tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT b’mod li jkun kosteffiċjenti u aċċettabbli għall-pubbliku inġenerali.

1.5.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq investimenti adegwati f’assi fiżiċi u fl-IT sabiex tiżgura sistema ta’ repożitorju ċentrali funzjonali, filwaqt li jinnota li l-ispejjeż stmati tal-proġett jistgħu jiġu koperti faċilment u malajr mir-riżultati mistennija f’termini ta’ tnaqqis tal-frodi tal-VAT u tad-diskrepanza tal-VAT.

2.   Proposta tal-Kummissjoni u kuntest ġenerali

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn dawn il-fornituri u l-awtoritajiet tat-taxxa bil-għan li jittejbu l-għodod kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT. Il-proposta hija konformi mad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, li introduċiet obbligi ġodda tal-VAT għal postijiet tas-suq online u miżuri ġodda ta’ simplifikazzjoni biex tgħin lin-negozji jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT permezz ta’ punt uniku ta’ servizz.

2.2.

Il-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 819 final tintroduċi aktar regoli li għandhom itejbu l-funzjonament tal-pakkett tal-kummerċ elettroniku tal-VAT adottat f’Diċembru 2017, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Il-proposta tintroduċi aktar kjarifiki dwar it-trattament fir-rigward tal-VAT tal-fornituri li jużaw interfaċċa elettronika biex jiffaċilitaw il-provvisti ta’ oġġetti lill-konsumaturi fl-UE meta jitqiesu bħala fornituri skont l-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT u għalhekk huma responsabbli għall-ġbir u l-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 369b tad-Direttiva 2006/112/KE (2) dwar il-VAT, il-punt uniku ta’ servizz jista’ jintuża biss biex jiġi ddikjarat u jitħallas il-VAT fuq provvisti transkonfinali ta’ servizzi u għall-bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, u mhux għall-provvista domestika ta’ merkanzija. Madankollu, peress li l-fornituri li jbigħu prodotti permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jista’ jkollhom stokk ta’ oġġetti fi Stati Membri differenti minn fejn ifornu provvisti domestiċi, dan ikun ifisser li n-negozjanti li joperaw tali interfaċċi elettroniċi u li jsiru fornituri għal dawn il-provvisti jkollhom jirreġistraw fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn il-fornituri oriġinali jkollhom stokk u jfornu provvisti domestiċi. Għalhekk, qed jiġi propost li jitħallew ukoll jużaw il-punt ta’ servizz uniku għall-provvisti domestiċi li għalihom huma trattati bħala fornituri skont l-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT. B’hekk tinżamm is-simplifikazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz għall-interfaċċi elettroniċi, filwaqt li jiġu evitati proċeduri ta’ piż ulterjuri għall-kumpaniji. Il-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 819 final tistabbilixxi regoli speċifiċi meħtieġa biex jappoġġjaw l-adozzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz permezz ta’ xi modifiki mmirati għall-qafas legali attwali.

2.3.

Is-settur tal-kummerċ elettroniku ra tkabbir spettakolari f’dawn l-aħħar snin u l-konsumaturi issa jistgħu faċilment jagħżlu bejn eluf ta’ fornituri, prodotti u ditti mill-kompjuters jew l-ismartphones tagħhom. Madankollu, din l-opportunità hija sfruttata wkoll minn negozji qarrieqa sabiex jevitaw l-obbligi tal-VAT tagħhom.

2.4.

B’mod aktar speċifiku, hemm tliet każijiet ewlenin ta’ frodi transkonfinali tal-VAT fil-qasam tal-kummerċ elettroniku: i) provvisti intra-UE ta’ merkanzija u servizzi, ii) importazzjonijiet ta’ merkanzija minn negozji stabbiliti f’pajjiż terz għall-konsumaturi fl-Istati Membri, u iii) provvisti ta’ servizzi minn negozji stabbiliti f’pajjiż terz għall-konsumaturi fl-Istati Membri.

2.5.

It-telf totali tal-VAT fl-Istati Membri fuq provvisti ta’ merkanzija transkonfinali ġie stmat għal madwar EUR 5 biljun fis-sena u, aktar reċentement, din l-istima żdiedet għall-ammont ferm aktar notevoli ta’ bejn EUR 7 u 10 biljun. Għalhekk hemm bżonn ta’ rispons qawwi f’isem l-awtoritajiet pubbliċi u dan għandu jinvolvi, kull meta jkun meħtieġ u proporzjonat, il-kooperazzjoni tal-partijiet interessati privati.

2.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2018)812 final għandha l-għan li tnaqqas il-problema tal-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, peress li aktar minn 90 % tax-xiri online fl-UE bħalissa qed jitwettaq permezz ta’ intermedjarju. F’dan ir-rigward, l-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri wrew li kooperazzjoni suffiċjenti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tista’ twassal għal riżultati tanġibbli u rapidi fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.

2.7.

Il-proposta se tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-pagamenti pprovduta permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, bl-użu ta’ sistema ta’ repożitorju ċentrali li għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, bil-għan li jiġi żgurat approċċ uniformi għall-ġbir u l-analiżi tad-data.

2.8.

F’termini prattiċi, ġie introdott obbligu ġdid ta’ żamma ta’ rekords għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont l-Artikolu 243b tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-VAT. L-uniċi servizzi ta’ pagament li huma rilevanti f’dan ir-rigward ser ikunu dawk li jirriżultaw fi trasferiment transkonfinali ta’ fondi lill-benefiċjarji (jew tal-persuna li taġixxi f’isem il-benefiċjarji) u biss meta l-pagatur ikun jinsab f’wieħed mill-Istati Membri. Fi kliem ieħor, skont il-proposta, il-kunċett ta’ “transkonfinali”jirreferi għat-tranżazzjonijiet fejn il-konsumatur ikun fi Stat Membru u l-fornitur ikun fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Il-pagamenti domestiċi mhumiex koperti mill-proposta tal-Kummissjoni.

2.9.

Sabiex jiġu esklużi trasferimenti transkonfinali tal-fondi eżegwiti għal raġunijiet privati u biex wieħed jiffoka biss fuq pagamenti marbuta ma’ attività ekonomika, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom iżommu rekords dwar dak il-benefiċjarju u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa biss meta l-ammont totali ta’ pagamenti riċevuti minn benefiċjarju partikolari jaqbeż il-limitu massimu ta’ 25 pagament fi tliet xhur kalendarji. Limitu bħal dan ġie stabbilit billi tqies valur medju ta’ ordnijiet ta’ xiri online ta’ EUR 95 li, flimkien ma’ ammont minimu ta’ 100 tranżazzjoni ta’ pagament fis-sena, jirriżulta fi kważi EUR 10 000 f’bejgħ annwali.

2.10.

L-informazzjoni li għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ser tidentifika l-fornitur ta’ servizz ta’ pagament li jżomm ir-rekords, l-informazzjoni li tidentifika l-benefiċjarju u l-informazzjoni dwar il-pagamenti riċevuti mill-benefiċjarju. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-pagaturi mhix inkluża fl-obbligu għaż-żamma tar-rekords tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għax mhix neċessarja biex tiġi identifikata l-frodi. Il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament huma obbligati li jżommu r-rekords għal sentejn.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha COM (2018) 819 final li tintroduċi aktar regoli li jiżguraw il-proporzjonalità u jsaħħu ċ-ċertezza legali għan-negozjanti li joperaw interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw il-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi fl-UE speċjalment meta jiġu trattati bħala fornituri.

3.2.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-objettiv tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni regolari mal-fornituri tal-pagamenti abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari u trasparenti. Ir-riżultati promettenti mistennija wara l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda jiġġustifikaw l-isforz leġislattiv tal-Kummissjoni u se jiżguraw aktar riżorsi kemm għall-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u simplifikati għan-negozji li jimxu mar-regolamenti tat-taxxa.

3.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni ssegwi konsultazzjoni estensiva ma’ diversi partijiet interessati u b’mod partikolari mal-fornituri ta’ servizz ta’ pagament, ma’ rappreżentanti oħra tan-negozji, u mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru. Il-KESE jfaħħar il-ġabra wiesgħa ta’ feedback u kontributi minn atturi pubbliċi u privati li wettqet il-Kummissjoni, li ċertament kienet ta’ għajnuna fit-tfassil ta’ proposta leġislattiva soda u proporzjonata.

3.4.

Il-KESE jinnota li l-approċċ regolatorju propost fil-proposta huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fit-Trattati, peress li l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku hija komuni għall-Istati Membri kollha u li l-leġislazzjoni Ewropea hija l-aktar għodda effiċjenti biex tappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-kisba tal-informazzjoni meħtieġa biex jikkontrollaw il-provvisti transkonfinali tal-VAT. B’kuntrast, diversi inizjattivi leġislattivi mwettqa fil-livell nazzjonali ma jkunux xierqa biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet relatati mal-frodi tal-VAT u jirriżultaw f’xenarju regolatorju kkumplikat wisq.

3.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżommu rekords tad-data li huma diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jeżegwixxu tranżazzjonijiet ta’ pagament, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fit-Trattati u żviluppat ulterjorment mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ obbligu armonizzat fil-livell tal-UE għaż-żamma tar-rekords u t-trażmissjoni tad-data lill-awtoritajiet tat-taxxa se jillimita l-piżijiet amministrattivi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, meta jitqabbel mal-piż li jirrappreżenta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament l-obbligu li jikkonformaw ma’ approċċi nazzjonali diverġenti.

3.6.

F’dan ir-rigward, kif intwera mill-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt, l-armonizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar f’format wieħed għat-trażmissjoni tal-informazzjoni se tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, li se jkunu jistgħu jikkooperaw fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT b’impatt raġonevoli u bbilanċjat fuq l-attivitajiet operattivi ta’ kuljum tagħhom.

3.7.

Il-livell limitu ta’ 25 pagament kull tliet xhur, ekwivalenti għal madwar EUR 10 000 fis-sena fuq il-bażi ta’ valur medju ta’ tranżazzjoni ta’ kummerċ elettroniku tal-UE ta’ EUR 95, jidher li huwa raġonevoli u proporzjonat, anki meta jitqies li, normalment, l-ammont ta’ EUR 10 000 diġà jagħti lok għal obbligi tal-VAT fl-Istati Membri. Barra minn hekk, dan l-ammont jikkorrispondi mal-livell limitu ta’ EUR 10 000 introdott fuq il-provvisti intra-UE mid-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Għalhekk, l-ammont minimu ta’ EUR 10 000 jidher li huwa xieraq sabiex jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni ta’ tranżazzjonijiet purament privati - li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ frodi tal-VAT - u l-għan li titwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ vijabbli biex tnaqqas il-frodi. Il-Kummissjoni tal-UE għandha, madankollu, timmonitorja l-iżviluppi biex tiżgura li l-limiti jkunu xierqa maż-żmien u tniedi l-bidliet jekk ikun hemm bżonn.

3.8.

Il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta se timplika skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li dan l-aħħar ġie approvat u implimentat madwar l-Ewropa bi spejjeż ta’ konformità sinifikanti għan-negozji tal-UE.

3.9.

Il-GDPR jagħti definizzjoni wiesgħa ta’ data personali, li tinkludi kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli li tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament. Konsegwentement, l-informazzjoni dwar il-pagamenti koperta mill-proposta tal-Kummissjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipji applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.10.

Skont il-Kummissjoni, “skont din l-inizjattiva se tiġi proċessata biss l-informazzjoni dwar il-pagamenti meħtieġa għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku. L-informazzjoni li se tiġi proċessata tirreferi biss għar-riċevituri tal-fondi (il-benefiċjarji) u għat-tranżazzjoni tal-pagament stess (ammont, munita, data) filwaqt li l-informazzjoni dwar il-konsumaturi li jħallsu għall-merkanzija jew is-servizzi (il-pagaturi) mhijiex parti mill-iskambju ta’ informazzjoni. Għalhekk, dik l-informazzjoni ma tintużax għal finijiet oħra, bħall-kontroll tad-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi. Il-pagamenti domestiċi jiġu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni dwar il-pagamenti tkun disponibbli biss għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tal-Istati Membri u għaż-żmien meħtieġ biss għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.”

3.11.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu rispettati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-GDPR u l-ħtieġa li jiġi limitat l-użu tad-data għall-għan uniku u strettament limitat tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT b’mod li jkun kosteffiċjenti u aċċettabbli għall-pubbliku inġenerali. Dwar dan il-punt, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex hi u tiġbor feedback mill-Istati Membri li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2024, tivverifika bir-reqqa jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR ikunux ġew osservati għalkollox u jekk jistgħux jiġu identifikati u kkoreġuti xi każijiet ta’ tali dispożizzjonijiet li qed jinkisru fl-Istati Membri.

3.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadatta l-investiment fl-assi fiżiċi u l-IT sabiex tiżgura sistema ta’ repożitorju ċentrali funzjonali, filwaqt li tinnota li l-ispejjeż stmati tal-proġett - EUR 11,8 miljun biex jiġi stabbilit u EUR 4,5 miljun biex jitmexxa kull sena - jistgħu faċilment u malajr jiġu koperti mir-riżultati mistennija f’termini ta’ tnaqqis tal-frodi tal-VAT u tad-diskrepanza tal-VAT, peress li t-telf totali tal-VAT relatat ma’ provvisti ta’ merkanzija transkonfinali jaqbeż il-EUR 5 biljun u l-valur totali tal-bejgħ online fl-2017 ammonta għal madwar EUR 600 biljun.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data — https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32016R0679

(2)  Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=celex:32006L0112.