7.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 277/1


Tħabbira fir-rigward tal-“Avviż tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni tat-2 ta’ Awwissu 2018 rigward id-deċiżjoni preliminari tiegħu dwar jekk jeħtieġx li jingħata kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jikkonċernaw lil Banco Popular Español S.A. ikunu ġew affettwati u t-tnedija tal-proċess għad-dritt tas-smigħ (SRB/EES/2018/132)” (l-“Avviż”)

(2018/C 277 I/01)

Permezz tal-Avviż, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jiddeċiedi fuq bażi preliminari li b’konformità mal-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (1) mhuwiex meħtieġ li jikkompensa lill-azzjonisti u lill-kredituri li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jikkonċernaw Banco Popular Español S.A. ikunu ġew affettwati (“Azzjonisti u Kredituri Milquta”). Sabiex jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu f’dan ir-rigward, l-SRB iniedi l-proċess għad-dritt tas-smigħ.

Sommarju tal-Avviż tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“SRB”) adotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español S.A. (“Istituzzjoni”) (2), li ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea (3). F’konformità mal-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-deċiżjoni, l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-Istituzzjoni kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta' operat biex jiġu trasferiti l-ishma tal-Istituzzjoni lil Banco Santander S.A. (skont l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014), wara l-eżerċizzju tas-setgħat li jniżżlu l-valur u jikkonvertu l-istrumenti tal-kapital tal-Istituzzjoni (skont l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament).

Wara l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ hawn fuq mill-FROB, skont l-Artikolu 20(16) u (17) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 (4), l-SRB kien meħtieġ li jiżgura li titwettaq valwazzjoni minn evalwatur indipendenti, biex jiġi vvalutat jekk l-Azzjonisti u l-Kredituri Milquta kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-Istituzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza (“Valwazzjoni tad-differenza fit-trattament” jew “Valwazzjoni 3”).

Deloitte huwa l-valwatur indipendenti li nħatar biex iwettaq il-valwazzjonijiet meħtieġa fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal-Istituzzjoni. Fl-14 ta’ Ġunju 2018 (5), l-SRB irċieva bil-posta r-rapport finali ta’ Deloitte dwar il-Valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Istituzzjoni (“Rapport dwar il-Valwazzjoni 3”), mehmuż mal-Avviż bħala Anness 1.

Mir-Rapport dwar il-Valwazzjoni 3 jidher li m’hemm l-ebda differenza bejn it-trattament attwali tal-Azzjonisti u l-Kredituri Milquta u t-trattament li kienu jieħdu li kieku l-Istituzzjoni kienet soġġetta għal proċedimenti normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, l-SRB, fl-Avviż, jiddeċiedi fuq bażi preliminari li mhuwiex meħtieġ iħallas kumpens lill-Azzjonisti u lill-Kredituri Milquta skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

Sabiex l-SRB ikun jista jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu dwar jekk jeħtieġx li jingħata kumpens, l-SRB jistieden permezz tal-Avviż lill-Azzjonisti u lill-Kredituri Milquta biex jesprimu interess fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jinstemgħu fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari t’hawn fuq tal-SRB, billi jsegwu l-proċedura ta’ konsultazzjoni u b’mod partikolari billi jirreġistraw permezz ta’ formola online apposta kif deskritt hawn taħt.

Il-proċedura ta’ konsultazzjoni tikkonsisti f’żewġ fażi:

(i)

L-ewwel fażi, li matulha l-Azzjonisti u l-Kredituri Milquta jiġu mistiedna jesprimu interess fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jinstemgħu; u

(ii)

It-tieni fażi, li matulha l-Azzjonisti u l-Kredituri Milquta li fl-ewwel fażi jkunu esprimew interess fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jinstemgħu, u li l-istatus tagħhom ikun ġie vverifikat mill-SRB, ikunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-Avviż li miegħu jkun mehmuż ir-Rapport dwar il-Valwazzjoni 3.

L-Azzjonisti u l-Kredituri Milquta interessati huma mistiedna jesprimu l-interess tagħhom fl-eżerċitar tad-dritt li jinstemgħu billi jużaw formola ta’ reġistrazzjoni online apposta miftuħa sal-14 ta’ Settembru 2018 (12.00 nofsinhar, ħin ta’ Brussell). Kwalunkwe espressjoni ta’ interess li titressaq permezz ta’ mezzi oħra jew wara l-iskadenza tad-data ta’ għeluq msemmija hawn fuq mhux se tiġi kkunsidrata.

Aktar informazzjoni dwar l-Avviż tal-SRB u r-Rapport dwar il-Valwazzjoni 3 tinstab fuq is-sit web uffiċjali tal-SRB: https://srb.europa.eu/en/content/banco-popular


(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(2)  SRB/EES/2017/08 (ĠU C 222, 11.7.2017, p. 3).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas-7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español S.A. (ĠU L 178, 11.7.2017, p. 15).

(4)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 tal-14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU L 67, 9.3.2018, p. 3).

(5)  Kopja b’email tar-Rapport dwar il-Valwazzjoni 3 waslet għand l-SRB fit-13 ta’ Ġunju 2018. Ir-Rapport dwar il-Valwazzjoni 3 mehmuż jirrifletti l-bidliet li sarulu mill-addendum ta’ Deloitte li kkoreġa biss żbalji klerikali, kif wasal għand l-SRB permezz ta’ email fil-31 ta’ Lulju 2018.