|
18.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 456/27 |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tar-reġim speċifiku għall-għajnuna operattiva lill-ajruporti li minnhom jgħaddu sa 700 000 passiġġier fis-sena, kif ipprovdut fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u l-linji tal-ajru
(2018/C 456/06)
1.
Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (1) (“il-Linji Gwida”) jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom il-finanzjament pubbliku tal-ajruporti u tal-linji tal-ajru jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u meta jikkostitwixxi fil-fatt għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet li skonthom jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern.
2.
Fil-prinċipju, l-għajnuna operattiva tikkostitwixxi forma distorsiva ħafna ta’ għajnuna u tista’ tiġi awtorizzata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ajruporti u l-linji tal-ajru jenħtieġ li normalment iġorru l-kosti operattivi tagħhom. Madankollu, sabiex l-industrija tal-avjazzjoni tkun tista’ tadatta għal sitwazzjonijiet ġodda fis-suq, bħal iżjed kompetizzjoni bejn l-ajruporti biex jattiraw il-linji tal-ajru, ċerti kategoriji ta’ għajnuna operattiva lill-ajruporti xorta tista’ tkun ġustifikata skont ċerti kundizzjonijiet.
3.
F’dan il-kuntest, il-Linji Gwida jipprevedu perjodu tranżitorju ta’ 10 snin mill-4 ta’ April 2014 li matulu l-ajruporti b’medja ta’ traffiku annwali ta’ mhux aktar minn 3 miljun passiġġier fis-sena jkunu jistgħu jirċievu għajnuna operattiva. Sa tmiem il-perjodu tranżitorju fl-2024, l-ajruporti kollha għandhom ikunu f’sitwazzjoni li jkopru l-kosti operattivi kollha tagħhom u l-ebda għajnuna operattiva ma hi sa tkun ikkunsidrata kumpatibbli mas-suq intern wara dik id-data, bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna operattiva mogħtija skont ir-regoli orizzontali dwar l-għajnuna mill-Istat, bħal ma huma r-regoli applikabbli għall-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2).
4.
Il-Linji Gwida jirrikonoxxu li ajruporti bi traffiku annwali sa massimu ta’ 700 000 passiġġier jista’ jkun li jaffaċċjaw diffikultajiet biex ikunu jistgħu jkopru l-kosti kollha matul il-perjodu tranżitorju ta’ 10 snin. Għalhekk jipprovdi għal reġim speċifiku għal ajruporti bħal dawn għal perjodu inizjali ta’ ħames snin sat-3 ta’ April 2019.
5.
Għall-finijiet ta’ din is-sistema speċifika, l-ammont ta’ għajnuna, fil-prinċipju, għandu jiġi stabbilit ex ante bħala somma fissa li tkopri d-diskrepanza tal-likwidità operattiva mistennija (stabbilita fuq il-bażi ta’ pjan ta’ negozju ex ante) (3). F’kull każ, l-ammont massimu ta’ għajnuna permissibbli matul il-perjodu kollu tranżitorju jkun limitat għal 80 % tad-diskrepanza tal-likwidità operattiva inizjali għal perjodu ta’ ħames snin (4).
6.
Il-Linji Gwida jiddikjaraw li l-Kummissjoni se tivvaluta mil-ġdid il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ trattament speċifiku u l-prospetti futuri għall-kopertura sħiħa tal-kost operattiv għal din il-kategorija ta’ ajruporti, partikolarment fir-rigward ta’ bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u l-prospetti ta’ profittabilità wara erba’ snin. Il-Linji Gwida ma jinkludu l-ebda regoli speċifiċi fir-rigward tal-għajnuna operattiva għal din il-kategorija ta’ ajruporti lil hinn mit-3 ta’ April 2019.
7.
Fil-punt 175 tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni tiddikjara li hija ser twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-Linji Gwida sal-4 ta’ April 2020, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna operattiva għall-ajruporti.
8.
Billi r-rieżami tar-regoli speċifiċi għal ajruporti iżgħar flimkien mar-regoli rimanenti dwar l-għajnuna operattiva se jippermettu li jkun hemm valutazzjoni aktar komprensiva tas-sitwazzjoni tas-suq, huwa xieraq li ssir valutazzjoni mill-ġdid ta’ dan ir-reġim speċifiku fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tal-Linji Gwida, li se ssir sal-4 ta’ April 2020. Dan se jippermetti wkoll li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-Linji Gwida bħala tali u, jekk ikun meħtieġ, li tipproponi pakkett konsistenti ta’ bidliet li jkunu jikkonċernaw il-kategoriji kollha tal-ajruporti u t-tipi kollha ta’ għajnuna.
9.
Bħala konsegwenza tal-posponiment tal-evalwazzjoni tar-reġim speċifiku għal ajruporti li b’massimu ta’ 700 000 passiġġier fis-sena, ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu estiżi, u dan jipprovdi l-kontinwità u ċ-ċertezza legali fit-trattament ta’ din it-tip ta’ għajnuna. Għalhekk, ir-reġim speċifiku stabbilit fil-punt 130 tal-Linji Gwida huwa estiż sat-3 ta’ April 2024, b’mod li jiġi allinjat il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli għal ajruporti iżgħar ma’ dak applikabbli għall-ajruporti b’aktar minn 700 000 passiġġier fis-sena.
10.
B’hekk, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-ammont massimu ta’ għajnuna permissibbli għal ajruporti li għandhom sa 700 000 passiġġier fis-sena se jkun ta’ 80 % tad-diskrepanza tal-likwidità operattiva inizjali għal perjodu ta’ għaxar snin wara l-bidu tal-perjodu tranżitorju. Pereżempju, jekk id-diskrepanza annwali medja tal-likwidità ta’ ajruport żgħir matul il-perjodu mill-2009 sal-2013 tkun ta’ EUR 1 miljun, l-ammont massimu ta’ għajnuna operattiva li dak l-ajruport jista’ jirċievi bħal somma fissa stabbilta ex ante jkun ta’ EUR 8 miljun matul ħames snin (80 % x 1 miljun x 10).
(2) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (2011) (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).
(3) Ara l-punt 121 tal-Linji Gwida.
(4) Ara l-punt 130 tal-Linji Gwida.