26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 425/2


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Approvazzjoni tal-kontenut ta' abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

(2018/C 425/02)

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni approvat il-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura.

L-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni huwa mehmuż bħala Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.

L-abbozz ta’ Regolament jipproponi li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 bil-għan li jiġu definiti limiti massimi għal kull benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll għal kull Stat Membru sa fejn l-għoti ta’ għajnuna fis-settur agrikolu ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għaliex ma jipperikolax li jfixkel il-kompetizzjoni.

Wara analiżi bir-reqqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk il-limitu massimu ta’ għajnuna li jista’ jingħata għal kull benefiċjarju tal-għajnuna matul kull perjodu ta’ tliet snin fiskali għandu jiżdied minn EUR 15 000 għal EUR 25 000, u l-limitu massimu nazzjonali applikabbli matul l-istess perjodu minn 1 % attwali sa 1,5 % tal-produzzjoni agrikola ta’ kull Stat Membru sakemm mhux iktar minn 50 % mil-limitu massimu tal-Istat Membru individwali jiġi mogħti lil settur agrikolu individwali wieħed (“limitu tal-infiq skont is-settur”) u sakemm l-Istat Membru jorganizza reġistru għall-għajnuna de minimis li fih it-tagħrif meħtieġ biex jiġi ssorveljat ir-rispett ta’ dawn il-limiti f’kull mument ta’ żmien.

Madankollu, l-abbozz jipprevedi wkoll il-possibbiltà li la jiġi introdott limitu tal-infiq skont is-settur u lanqas reġistru għall-għajnuna de minimis. Sabiex jiġi żgurat li f’dan il-każ ma hemm l-ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-limiti massimi huma ffissati għal EUR 20 000 għal kull benefiċjarju matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali u għal 1,25 % għall-istess perjodu ta’ produzzjoni agrikola nazzjonali.


ANNESS

ABBOZZ TA’ REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/…

ta’ …

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna orizzontali mill-Istat (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament tal-Istat li jissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bih skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tiegħu, il-Kunsill jista’ jiddetermina kategoriji ta’ għajnuna eżentati minn dan ir-rekwiżit ta’ notifika. Skont l-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti marbuta ma’ dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Skont ir-Regolament (UE) 2015/1588 u skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li għajnuna de minimis tista’ tkun f’kategorija bħal din. Fuq dik il-bażi, għajnuna de minimis, li hija għajnuna mogħtija lil impriża waħda matul perjodu ta’ żmien partikolari li ma taqbiżx ċertu ammont fiss, hija meqjusa li ma tissodisfax il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta’ notifika. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mfakkra li anki jekk l-għajnuna de minimis ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li din l-għajnuna ma’ tinvolvix ksur tad-dritt tal-UE.

(2)

Il-Kummissjoni diġà adottat għadd ta’ regolamenti li jistabbilixxu regoli dwar l-għajnuna de minimis mogħtija fis-settur tal-agrikoltura, li minnhom l-aħħar wieħed kien ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (3).

(3)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, u meta titqies il-varjetà tal-użi tal-għajnuna de minimis fl-Istati Membri, huwa xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. L-ammont massimu ta’ għajnuna li tingħata lil impriża waħda fuq perjodu ta’ tliet snin jenħtieġ li jiżdied għal EUR 20 000 u l-limitu nazzjonali jenħtieġ li jiżdied għal 1,25 % tal-produzzjoni annwali.

(4)

Meta wieħed iqis il-bżonn ikbar li f’xi Stati Membri tintuża l-għajnuna de minimis, huwa xieraq li jkun hemm lok kemm għal żieda aktar tal-ammont massimu tal-għajnuna għal kull impriża sa EUR 25 000, kif ukoll tal-limitu nazzjonali sa 1,5 % tal-produzzjoni annwali, skont il-kundizzjonijiet addizzjonali neċessarji biex jitħares il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-esperjenza miksuba matul l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 uriet li l-konċentrazzjoni ta’ għajnuna de minimis f’ċertu settur ta’ prodotti tista’ twassal għal distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Għalhekk, jenħtieġ li l-prerekwiżit biex jintużaw l-ogħla limitu individwali u l-limitu nazzjonali jkun l-applikazzjoni ta’ limitu settorjali li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jagħtu iktar minn 50 % tal-ammont totali kumulattiv ta’ għajnuna de minimis fuq kwalunke perjodu ta’ tliet snin fiskali għal miżuri li jibbenefikaw settur ta’ prodott speċifiku wieħed biss. Il-limitu settorjali jenħtieġ li jiżgura li kwalunkwe miżura li taqa’ taħt ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 tkun tista’ titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma tkunx ta’ theddida li tfixkel il-kompetizzjoni.

(5)

Bħalissa, hija għażla tal-Istati Membri jużawx reġistru nazzjonali ċentrali biex jivverifikaw li la l-limitu individwali de minimis, u lanqas il-limitu nazzjonali ma jinqabeż. Madankollu, l-użu ta’ reġistru ċentrali jkun neċessarju f’dawk l-Istati Membri li jagħżlu l-ogħla limitu individwali u dak nazzjonali, ladarba l-limitu settorjali li huwa prerekwiżit għal dik l-għażla jitlob sorveljanza iktar mill-qrib tal-għajnuna li tingħata. Għalhekk, jenħtieġ li għal dawn l-Istati Membri jkun obbligatorju li jitwaqqaf u jiġi miżmum reġistru ċentrali, sabiex ikun hemm rekord tal-għajnuna de minimis kollha li tingħata, u b’dak il-mod ikun jista’ jiġi vverifikat li la l-limitu individwali u lanqas il-limitu settorjali jew nazzjonali, ma jinqabżu.

(6)

Jenħtieġ li l-kriterji għall-kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross għal self u garanziji jiġu aġġustati skont il-limiti de minimis miżjuda.

(7)

Jeħtieġ li l-Istati Membri li jagħżlu li jużaw il-limitu de minimis ogħla u l-limitu nazzjonali jkollhom biżżejjed żmien ta’ tranżizzjoni biex iwaqqfu r-reġistri ċentrali għas-sorveljanza tal-għajnuna de minimis.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk, dan il-perjodu ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u t-tmiem tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 ikun qasir wisq. Għalhekk, jenħtieġ li għal raġunijiet ta’ ċertezza ekonomika u ġuridika, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘settur ta’ prodott’ tfisser settur elenkat fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘limitu settorjali’ tfisser ammont massimu ta’ għajnuna kumulattiva li tapplika għal miżuri ta’ għajnuna li huma ta’ benefiċċju għal settur ta’ prodott uniku wieħed biss, li jikkorrispondi għal 50 % tal-ammont massimu ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II.”;

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda ma għandux jaqbeż EUR 20 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.

3.   L-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali ma għandux ikun iktar mil-limitu nazzjonali stipulat fl-Anness I.

3a.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 2 u 3, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż EUR 25 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali u li l-ammont kumulattiv totali ta’ għajnuna de minimis mogħti fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, skont dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

għal miżuri ta’ għajnuna li huma ta’ benefiċċju għal settur ta’ prodott uniku wieħed biss, l-ammont kumulattiv totali li jingħata fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali ma jistax jaqbeż il-limitu settorjali definit fl-Artikolu 2(4);

(b)

l-Istat Membru għandu jwaqqaf reġistru nazzjonali ċentrali skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies mogħtija fil-mument li d-dritt ġuridiku li tiġi riċevuta l-għajnuna jiġi kkonferit lill-impriża skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-ħlas tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limiti de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a għandhom japplikaw irrispettivament mill-għamla ta’ għajnuna de minimis jew mill-objettiv segwit u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-perjodu ta’ tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat minn referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Għall-finijiet tal-limiti de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a, l-għajnuna għandha tiġi espressa bħala għotja monetarja. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Meta l-għajnuna tingħata f’xi forma oħra apparti għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

L-għajnuna pagabbli f’diversi pagamenti għandha titraħħas skont il-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-imgħax li trid tintuża għal skopijiet ta’ traħħis għandha tkun ir-rata ta’ skont applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

7.   Meta l-limiti de minimis, il-limiti nazzjonali jew dak settorjali stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 3a jinqabżu bl-għotja ta’ għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta’ fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, l-għajnuna de minimis kollha li ngħatat qabel lill-impriżi għaddejjin mill-fużjoni għandha titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew li takkwista taqbiżx il-limiti de minimis relevanti, il-limitu nazzjonali relevanti jew il-limitu settorjali. L-għajnuna de minimis li ngħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa’ legali.

9.   Jekk impriża tinqasam fi tnejn jew f’iktar impriżi separati, l-għajnuna de minimis li tingħata qabel isir il-qsim għandha tiġi allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li hija fil-prinċipju l-impriża li qed tieħu ħsieb l-attivitajiet li għaliha ntużat l-għajnuna de minimis. Jekk din l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata b’mod proporzjonali abbażi tal-valur kontabilistiku tal-kapital ta’ ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tas-separazzjoni.”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artiklu 3(2), is-self huwa assikurat b’garanzija li tkopri mill-anqas 50 % tas-self u s-self jammonta jew għal EUR 100 000 fuq ħames snin jew EUR 50 000 fuq għaxar snin, jew, għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3a), jew EUR 125 000 fuq ħames snin jew EUR 62 500 fuq għaxar snin; jekk is-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal perjodu iqsar minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta’ dak is-self għandha tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew”;

(b)

fil-paragrafu 6, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u fil-każ li l-ammont garantit huwa EUR 150 000 u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 75 000 u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin, jew, għall-miżuri li jaqgħu taħt Artikolu 3(3a), il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit huwa EUR 187 500 u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 93 750 u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin; jekk l-ammont garantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal perjodu ta’ inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta’ dik il-garanzija għandha tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limiti de minimis stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-għajnuna inkluża fl-injezzjonijiet kapitali għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu de minimis relevanti.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-għajnuna inkluża f’miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju f’forma ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut lil impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu de minimis relevanti.”;

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sal-1 ta’ Lulju 2022, l-Istati Membri li jagħtu għajnuna skont l-Artikolu 3(3a) għandhom iwaqqfu reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih l-informazzjoni kollha dwar l-għajnuna de minimis kollha li tingħata minn kwalunkwe awtorità f’dak l-Istat Membru. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu japplikaw fil-mument li r-reġistru jkopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limitu massimu stabbilit u l-limiti nazzjonali u l-limitu settorjali msemmija fl-Artikolu 3(2), (3) u (3a) u li jkunu tħarsu l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;

(5)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament, ħlief għal-limitu settorjali msemmi fl-Artikolu 3(3a). Kwalunkwe għajnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.”

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Il-limitu settorjali msemmi fl-Artikolu 3(3a) għandu japplika biss għall-għajnuna li tingħata mill-[1 ta’ Jannar 2019].”;

(6)

Fl-Artikolu 8, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Dan għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2027.”;

(7)

L-Anness huwa sostitwit bit-test ippreżentat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER

Anness I

Ammonti massimi totali kumulattivi tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriżi fis-settur tal-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3(3)

(EUR)

Stat Membru

Ammonti massimi ta’ għajnuna de minimis

Il-Belġju

100 251 042

Il-Bulgarija

48 940 583

Ir-Repubblika Ċeka

60 282 125

Id-Danimarka

129 767 292

Il-Ġermanja

687 676 542

L-Estonja

10 630 167

L-Irlanda

92 612 083

Il-Greċja

129 441 708

Spanja

565 246 333

Franza

906 389 083

Il-Kroazja

25 705 125

L-Italja

679 716 500

Ċipru

8 469 042

Il-Latvja

16 122 833

Il-Litwanja

32 505 583

Il-Lussemburgu

5 328 250

L-Ungerija

97 979 375

Malta

1 581 667

In-Netherlands

337 799 500

L-Awstrija

85 697 833

Il-Polonja

276 092 750

Il-Portugall

84 801 750

Ir-Rumanija

198 666 208

Is-Slovenja

15 523 667

Is-Slovakkja

28 760 708

Il-Finlandja

50 912 375

L-Iżvezja

75 125 875

Ir-Renju Unit

385 044 042

Anness II

Ammonti massimi totali kumulattivi tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriżi fis-settur tal-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3(3a)

(EUR)

Stat Membru

Ammonti massimi ta’ għajnuna de minimis

Il-Belġju

120 301 250

Il-Bulgarija

58 728 700

Ir-Repubblika Ċeka

120 301 250

Id-Danimarka

58 728 700

Il-Ġermanja

825 211 850

L-Estonja

12 756 200

L-Irlanda

111 134 500

Il-Greċja

155 330 050

Spanja

678 295 600

Franza

1 087 666 900

Il-Kroazja

30 846 150

L-Italja

815 659 800

Ċipru

10 162 850

Il-Latvja

19 347 400

Il-Litwanja

39 006 700

Il-Lussemburgu

6 393 900

L-Ungerija

117 575 250

Malta

1 898 000

In-Netherlands

405 359 400

L-Awstrija

102 837 400

Il-Polonja

331 311 300

Il-Portugall

101 762 100

Ir-Rumanija

238 399 450

Is-Slovenja

18 628 400

Is-Slovakkja

34 512 850

Il-Finlandja

61 094 850

L-Iżvezja

90 151 050

Ir-Renju Unit

462 052 850


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  ĠU […], […], p. […].

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).