21.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 338/19 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-24 ta’ Lulju 2018
li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE
(Il-Każ AT.40182 — Pioneer (restrizzjonijiet vertikali))
(notifikat bid-dokument C(2018)4790 final)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2018/C 338/11)
Fl-24 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
(1) |
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Pioneer Corporation, Pioneer Europe N.V. u Pioneer GB Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pioneer”). Matul il-perjodu tal-ksur, Pioneer Europe N.V. u Pioneer GB Ltd kienu sussidjarji akkwiżiti totalment ta’ Pioneer Corporation (il-Ġappun). |
(2) |
Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). Bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Pioneer implementat prattiki fi 12-il pajjiż taż-ŻEE bil-mira li tirrestrinġi l-ħila tal-bejjiegħa bl-imnut li jiddeterminaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom b’mod indipendenti u tirrestrinġi t-territorji fejn ikunu jistgħu jbigħu. |
2. DESKRIZZJONI TAL-KAŻ
2.1. Proċedura
(3) |
Il-każ kontra Pioneer oriġina minn spezzjoni mhux imħabbra fit-3 ta’ Diċembru 2013 fil-bini ta’ Pioneer Europe N.V. fil-Belġju għal żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid suspettata (“RPM”) fir-rigward ta’ prodotti elettroniċi tal-konsumatur ta’ Pioneer. Ftit wara l-ispezzjoni, Pioneer indikat l-interess tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni u ssottomettiet evidenza ulterjuri dwar l-imġiba rilevanti. |
(4) |
Fl-10 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mhux imħabbra fil-bini ta’ bejjiegħ bl-imnut online fi Franza u ta’ bejjiegħ bl-imnut online ieħor fil-Ġermanja. Dawn il-bejjiegħa bl-imnut ibigħu fost l-oħrajn prodotti Pioneer. |
(5) |
Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-għan li tittieħed deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. |
(6) |
Sussegwentement, Pioneer ippreżentat offerta formali biex tikkoopera fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. |
(7) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lil Pioneer. Fl-14 ta’ Ġunju 2018, Pioneer issottomettiet it-tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet. |
(8) |
Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-10 ta’ Lulju 2018. |
(9) |
Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni fl-24 ta’ Lulju 2018. |
2.2. Destinatarji u durata
(10) |
L-impriża li jmiss kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, matul il-perjodu indikat hawn taħt, f’attivitajiet antikompetittivi:
|
2.3. Sommarju tal-ksur
(11) |
Il-prodotti kkonċernati mid-Deċiżjoni huma prodotti elettroniċi tad-dar tal-konsumatur tad-Diviżjoni Domestika ta’ Pioneer. |
(12) |
Matul il-perjodu tal-ksur, Pioneer żviluppat u implimentat strateġija pan-Ewropea biex tħeġġeġ, tikkoordina u tiffaċilita l-monitoraġġ mill-qrib tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tagħha tad-Diviżjoni Domestika. F’dan il-kuntest, Pioneer ħadet miżuri għall-monitoraġġ ta’ prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-bejjiegħa bl-imnut fi 12-il pajjiż taż-ŻEE u talbet u kisbet il-qbil ta’ bejjiegħa bl-imnut għaż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid. Dan inkiseb bi tpoġġija ta’ pressjoni kummerċjali fuq il-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet iktar baxxi u, f’xi każijiet, bit-teħid ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-bejjiegħa bl-imnut mhux konformi. Barra minn hekk, Pioneer ħadet miżuri biex tillimita, tiskoraġġixxi jew tipprevjeni l-kummerċ parallel ta’ prodotti mid-Diviżjoni Domestika fi ħdan iż-ŻEE. |
(13) |
Interventi minn Pioneer kienu jew xprunati minn ilmenti min-naħa tal-bejjiegħa dwar il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-kompetituri tagħhom, jew mibdija b’mod proattiv minn Pioneer. Iż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u l-prevenzjoni ta’ bejgħ online transfruntier lejn pajjiżi oħra taż-ŻEE inkisbet permezz ta’ traċċar tan-numru tas-serje li ppermetta lil Pioneer li tidentifka l-bejjiegħa bl-imnut/kummerċjanti paralleli bil-prezzijiet iktar baxxi. |
(14) |
Filwaqt li Pioneer użat b’mod l-aktar frekwenti l-RPM fi Franza, il-Ġermanja, il-Belġju u n-Netherlands, l-approċċ ġenerali ta’ Pioneer għall-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid kien simili fil-pajjiżi taż-ŻEE oħrajn affettwati (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, u n-Norveġja). |
(15) |
Permezz ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-bejjiegħa bl-imnut tagħha, b’interventi ma’ bejjiegħa bl-imnut biex iżidu l-prezzijiet tagħhom u permezz tal-prevenzjoni tal-bejgħ online transfruntier, Pioneer ppruvat tevita jew tnaqqas ir-ritmu tal-erożjoni tal-prezzijiet online man-netwerk tal-bejgħ bl-imnut (online) kollu tagħha. |
2.4. Rimedji
(16) |
Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 (2). |
2.4.1. L-ammont bażiku tal-multa
(17) |
Fl-istabbiliment tal-multi, il-Kummissjoni qieset l-valur tal-bejgħ fl-2012, li hija l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni ta’ Pioneer fil-ksur. |
(18) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li l-RPM u restrizzjonijiet għall-kummerċ parallel, min-natura tagħhom stess, jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni qieset ukoll il-fatt li ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma huma, min-natura tagħhom, ħafna drabi inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni meta mqabbla ma’ ftehimiet orizzontali. B’kont meħud ta’ dawn il-fatturi u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-proporzjon tal-valuri ta’ bejgħ ġie stabbilit għal 8 %. |
(19) |
Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur uniku u kontinwu, kif imsemmi hawn fuq. |
2.4.2. Aġġustamenti għall-ammont bażiku
(20) |
Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f’dan il-każ. |
2.4.3. Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %
(21) |
Il-multa kkalkulata ma għandhiex taqbeż 10 % tal-fatturat dinji ta’ Pioneer. |
2.4.4. It-tnaqqis tal-multa fid-dawl ta’ kooperazzjoni
(22) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li, sabiex jiġi rifless li Pioneer ikkooperat effettivament b’mod kbir mal-Kummissjoni, lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan, il-multa li kieku kellha tkun imposta għandha, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi, tiġi mnaqqsa b’50 %. |
3. KONKLUŻJONI
(23) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammont finali tal-multa imposta fuq Pioneer skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għal ksur uniku u kontinwu huwa ta’ EUR 10 173 000. |