4.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

L-adattament skont l-inflazzjoni tal-ammonti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assikurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu tal-assikurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà

(2018/C 233/01)

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-adattament skont l-inflazzjoni, għal ċerti Stati Membri, tal-ammonti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu tal-assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (1). L-Istati Membri kkonċernati huma t-13-il Stati Membru li jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE.

Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/103/KE, l-ammonti stabbiliti f’euro fl-Artikolu 9(1) ġew rieżaminati biex jitqiesu l-bidliet fl-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat mill-Eurostat, li jinkludu l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri li jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni huma fi tliet gruppi, bi tliet perjodi ta’ tranżizzjoni differenti, u għalhekk il-kalkolu sar b’mod separat għal kull grupp.

Għall-ewwel grupp ta’ Stati Membri (is-Slovakkja u s-Slovenja) il-perjodu ta’ reviżjoni kien minn Diċembru 2011 sa Diċembru 2016.

Għat-tieni grupp ta’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Latvja) il-perjodu ta’ reviżjoni kien minn Mejju 2012 sa Mejju 2017.

Għat-tielet grupp ta’ Stati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija) il-perjodu ta’ reviżjoni kien minn Ġunju 2012 sa Ġunju 2017.

B’riżultat tar-rieżami, l-ammonti stabbiliti f’euro huma kif ġej:

Għall-Istati Membri li għalihom il-perjodu ta’ tranżizzjoni spiċċa f’Diċembru 2011 (is-Slovakkja u s-Slovenja):

fil-każ ta’ korriment personali, l-ammont minimu jiżdied għal EUR 1 050 000 għal kull vittma jew EUR 5 240 000 għal kull pretensjoni, ikun kemm ikun l-għadd tal-vittmi.

fil-każ ta’ dannu materjali, l-ammont minimu jiżdied għal EUR 1 050 000 għal kull pretensjoni, ikun kemm ikun l-għadd tal-vittmi.

Għall-Istati Membri li għalihom il-perjodu ta’ tranżizzjoni spiċċa f’Mejju 2012 (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Latvja), u dawk li għalihom il-perjodu ta’ tranżizzjoni spiċċa f’Ġunju 2012 (il-Bulgarija, l-Estonja, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija):

fil-każ ta’ korriment personali, l-ammont minimu jiżdied għal EUR 1 050 000 għal kull vittma jew EUR 5 210 000 għal kull pretensjoni, ikun kemm ikun l-għadd tal-vittmi.

fil-każ ta’ dannu materjali, l-ammont minimu jiżdied għal EUR 1 050 000 għal kull pretensjoni, ikun kemm ikun l-għadd tal-vittmi.

Għal Stati Membri oħra, li għalihom daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/103/KE mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni, l-ammonti minimi kienu diġà ġew riveduti fl-2016 (2).


(1)  ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 246 tal-10 ta’ Mejju 2016.