|
28.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 225/1 |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir
(2018/C 225/01)
I. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (1) (“il-Komunikazzjoni”) tistipula fil-paragrafu 13, li l-assiguraturi tal-Istat (2) ma jistgħux jipprovdu assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir għal riskji kummerċjabbli. Ir-riskji kummerċjabbli huma definiti fil-paragrafu 9 bħala riskji kummerċjali u politiċi b’perjodu massimu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn, fuq xerrejja pubbliċi u mhux pubbliċi fil-pajjiżi elenkati fl-Anness ta’ dik il-Komunikazzjoni. |
|
(2) |
Bħala konsegwenza tal-qagħda diffiċli fil-Greċja, mill-2012 ġie osservat nuqqas ta’ kapaċità ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni biex tkopri l-esportazzjonijiet lejn il-Greċja. Dan wassal lill-Kummissjoni biex temenda l-Komunikazzjoni billi temporanjament tneħħi lill-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskji kummerċjabbli fl-2013 (3), fl-2014 (4), fl-ewwel sitt xhur tal-2015 (5), f’Ġunju tal-2015 (6), f’Ġunju tal-2016 (7) u f’Ġunju tal-2017 (8). L-iktar estensjoni reċenti ta’ din l-emenda tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2018. B’konsegwenza ta’ dan, mill-1 ta’ Lulju 2018 ’il quddiem, il-Greċja tkun fil-prinċipju kkunsidrata għal darb’oħra bħala kummerċjabbli, peress li l-Istati Membri kollha tal-UE huma inklużi fil-lista ta’ pajjiżi kummerċjabbli elenkati fl-Anness tal-Komunikazzjoni. |
|
(3) |
Madankollu, b’konformità mal-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni bdiet tirrieżamina s-sitwazzjoni bosta xhur qabel it-tmiem tat-tneħħija temporanja tal-Greċja sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet preżenti tas-suq jiġġustifikawx l-iskadenza tat-tneħħija tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli sa mill-1 ta’ Lulju 2018, jew jekk il-kapaċità tas-suq għadhiex insuffiċjenti biex tkopri kull riskju ekonomikament ġustifikabbli, b’tali mod li tkun meħtieġa prolongazzjoni. |
II. VALUTAZZJONI
|
(4) |
Bis-saħħa tat-Taqsima 5.2 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se twettaq il-valutazzjoni tagħha skont il-kriterji stipulati fil-premessa (33): assigurazzjoni privata tal-kreditu, klassifikazzjoni sovrana, prestazzjoni tas-settur korporattiv (insolvenzi). |
|
(5) |
Meta kien qiegħed jiġi determinat jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli jkunx jiġġustifika l-estensjoni tat-tneħħija temporanja tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli, il-Kummissjoni kkonsultat u talbet għal informazzjoni mill-Istati Membri, l-assiguraturi tal-kreditu privati u partijiet oħra interessati. Fil-15 ta’ Marzu 2018 il-Kummissjoni ppubblikat talba għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir għall-esportazzjonijiet lejn il-Greċja (9). Id-data tal-iskadenza għat-tweġibiet kienet is-16 ta’ April 2018. Il-Kummissjoni rċeviet 27 tweġiba mingħand l-Istati Membri u l-assiguraturi privati. |
|
(6) |
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba ta’ informazzjoni pubblika tindika li l-assiguraturi ta’ kreditu għall-esportazzjoni baqgħu restrittivi fl-għoti ta’ kopertura tal-assigurazzjoni għal esportazzjonijiet lejn il-Greċja fis-setturi kollha tan-negozju. Fl-istess ħin, l-assiguraturi tal-Istat komplew jirreġistraw id-domanda konsiderevoli għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjonijiet lejn il-Greċja, li jikkonferma t-tnaqqis ta’ disponibbiltà tal-assigurazzjoni privata. Fost l-Istati Membri, disa’ talbu espliċitament prolongazzjoni tal-esklużjoni attwali tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskji kummerċjabbli, filwaqt li l-ebda Stat Membru ma talab li l-esklużjoni trid tintemm. Diversi rispondenti nnotaw id-domanda għal krediti pubbliċi għall-esportazzjoni u nnotaw l-eżitazzjoni tal-assigurazzjoni privata għal krediti għall-esportazzjoni fir-rigward tal-Greċja. Fost it-tweġibiet tal-partijiet li huma normalment involuti fil-provvediment tal-krediti għall-esportazzjoni, l-ebda waħda ma talbet għal tmiem tal-i status quo fir-rigward tal-Greċja. |
|
(7) |
Iċ-ċifri tas-self improduttiv (“NPLs” — non-performing loans) jibqgħu f’livell għoli anki jekk qed jonqsu gradwalment u jipprovdu spjegazzjoni għaliex l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir sa issa ma rkupratx: iċ-ċifri tal-NPLs fil-fatt jirriflettu r-riskju li l-impriżi fil-Greċja jaf ma jkunux jistgħu jħallsu l-fatturi tagħhom. B’livell ta’ self improduttiv għoli bħal dan, l-assigurazzjoni privata hija meqjusa bħala riskjuża wisq. Fil-Greċja, is-self improduttiv tas-settur privat (10) jirrappreżenta effettivament nofs is-self gross ta’ dan is-settur. Fis-settur bankarju (11), is-self improduttiv jirrappreżenta madwar 45 % tas-self gross, filwaqt li l-medja tal-UE għall-istess perjodu (Q3 2017) hija ta’ 4,4 %. Dawn l-istatistiki qed jitjiebu gradwalment grazzi għal tisħiħ tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tas-self improduttiv, iżda sa issa għadu ma jeżistix suq privat tal-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq żmien qasir għall-Greċja. |
|
(8) |
Fil-preżent, il-klassifikazzjonijiet sovrani tal-Greċja huma B3 (Moody’s), B (Standard & Poor’s), u B- (Fitch). Dawn kollha jqiegħdu l-Greċja fil-kategorija tal-grad mhux ta’ investiment u jinnotaw ir-riskji sostanzjali għall-kredituri. Minn Ġunju 2016 ’il quddiem, il-bonds Griegi huma aċċettati mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala garanzija taħt id-deroga għal pajjiżi tal-programm (12), imma bi skont sinifikanti li għandu jiġi applikat fuq il-valur nominali tagħhom. Barra minn hekk, il-BĊE ma jinkludihomx fil-programm tiegħu ta’ xiri ta’ bonds. |
|
(9) |
Il-bond tal-gvern Grieg ta’ 10 snin bħalissa (13) qed jinnegozja b’rendiment ta’ madwar 4,5 %. Filwaqt li dan ir-rendiment naqas sostanzjalment meta mqabbel ma’ sena ilu, xorta waħda jibqa’ ogħla meta mqabbel mal-Istati Membri l-oħra tal-UE (14). |
|
(10) |
L-ekonomija Griega rritornat għal tkabbir ħafif fl-2017. Id-data maħruġa mill-Awtorità Griega tal-Istatistika f’April 2018 żvelat li l-PDG reali żdied b’1,4 % fl-2017 (15). It-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni jkompli jaċċellera fl-2018 u l-2019, jekk wieħed jassumi t-tlestija korretta tar-raba’ u l-aħħar rieżami tal-programm u jassumi l-konklużjoni pożittiva tal-programm ta’ appoġġ tal-istabbiltà tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), flimkien mal-implimentazzjoni tal-miżuri dwar id-dejn sa Awwissu 2018. Il-limiti tas-sistema finanzjarja biex tiffinanzja l-investiment huma mistennija li jonqsu gradwalment. |
|
(11) |
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Kummissjoni tistenna li l-assiguraturi privati tal-kreditu għall-esportazzjoni se jkomplu jkunu kawti ħafna meta jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni lill-Greċja. L-assiguraturi privati x’aktarx se jerġgħu jżidu l-esponiment tagħhom, iżda dan issir biss jekk ikun hemm aktar viżibbiltà u ċarezza rigward il-politiki ekonomiċi fil-Greċja u jekk jiġi nnutat titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika. |
|
(12) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li hemm nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti sabiex tkopri r-riskji ekonomikament ġustifikabbli kollha u ddeċidiet li ttawwal it-tneħħija tal-Greċja mil-lista ta’ pajjiżi b’riskji kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2018 (16). Il-kundizzjonijiet ta’ kopertura stipulati f’Taqsima 4.3 tal-Komunikazzjoni huma applikabbli f’dan il-każ. |
III. EMENDA TAL-KOMUNIKAZZJONI
|
(13) |
L-emenda li ġejja tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir se tapplika mill-1 ta’ Lulju 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018:
|
(1) ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.
(2) Assiguratur tal-Istat huwa definit mill-Komunikazzjoni bħala kumpanija jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu bl-appoġġ ta’ Stat Membru jew f’ismu, jew Stat Membru li jipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu.
(3) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 6.
(4) ĠU C 372, 19.12.2013, p. 1.
(8) ĠU C 206, 30.6.2017, p. 1.
(9) http://ec.europa.eu/competition/consultations/2017_export_greece/index_en.html
(10) Sors: https://ec.europa.eu/info/publications/180314-non-performing-loans-progress-report_en
(11) Sors: http://www.eba.europa.eu/documents/10180/2085616/EBA+Dashboard+-+Q3+2017.pdf
(12) https://www.ecb.europa.eu/ecb/legal/pdf/celex_32016d0018_en_txt.pdf
(13) Bidu ta’ Ġunju 2018.
(14) Dan jikkorrispondi għal firxa ta’ iktar minn 3 % tar-rendiment ta’ 10 snin tal-Bonds tal-Gvern Ġermaniż.
(15) http://www.statistics.gr/en/home/
(16) Li tikkorrispondi għad-data ta’ skadenza tal-Komunikazzjoni.